Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2125(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0025/2018

Testi mressqa :

A8-0025/2018

Dibattiti :

PV 28/02/2018 - 22
CRE 28/02/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.14

Testi adottati :

P8_TA(2018)0056

Testi adottati
PDF 338kWORD 65k
Il-Ħamis, 1 ta' Marzu 2018 - Brussell Verżjoni finali
Sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fl-2016
P8_TA(2018)0056A8-0025/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE fl-2016 (2017/2125(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-referenzi magħmula fir-rapporti preċedenti dwar l-istat tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet eżistenti tal-Parlament Ewropew u tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji l-oħra Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-diversi rapporti mill-NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol u d-Direttiva tal-Kunsill 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja Afrikani u Ewropej dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja tal-1 ta' Diċembru 2017 wara s-summit Unjoni Afrikana - Unjoni Ewropea (UA-UE) f'Abidjan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0025/2018),

A.  billi l-bażi tal-integrazzjoni Ewropea hija r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fl-istrumenti internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-primat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lil minoranzi – valuri li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha u li għandhom jiġu rispettati u attivament promossi kemm mill-Unjoni kif ukoll minn kull Stat Membru individwalment fil-politiki kollha tagħhom, kemm fil-livell intern kif ukoll fil-livell estern b'mod konsistenti; billi l-Artikolu 17 tat-TUE jgħid li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;

C.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha billi jadottaw u jimplimentaw it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu kontinwament konsolidati; billi kull tentattiv biex dawn il-prinċipji jiddgħajfu huwa għad-detriment mhux biss tal-Istat Membru kkonċernat iżda anki tal-Unjoni kollha kemm hi;

D.  billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali hija obbligu tat-Trattat taħt l-Artikolu 6(2) tat-TUE;

E.  billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-iktar gruppi vulnerabbli;

F.  billi d-devjazzjonijiet ta' governanza osservati f'xi Stati Membri juru approċċ selettiv tal-benefiċċji u r-responsabilitajiet ta' Stat Membru tal-Unjoni, u billi r-rifjut min-naħa ta' dawn l-Istati li jirrispettaw b'mod sħiħ id-dritt Ewropew, is-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prevedibilità tal-azzjoni tal-istat ipoġġi fid-dubju l-kredibilità tal-Unjoni Ewropea bħala spazju tad-dritt;

G.  billi fl-2016 komplew jaslu fl-Ewropa migranti u persuni li jfittxu asil(1) ; billi ħafna minn dawn il-migranti jieħdu rotot estremament perikolużi, u jqiegħdu ħajjithom f'idejn it-traffikanti tal-bnedmin u l-kriminali, u huma vulnerabbli għall-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament; billi, skont iċ-ċifri tal-UNHCR, 27 % tal-migranti li jaslu l-Ewropa minn rotta tal-Mediterran huma tfal; billi, skont ir-rapporti tal-Unicef-IOM (Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni), madwar kwart l-adolexxenti mistħarrġa fir-rotta tal-Mediterran ċentrali qatt ma kienu marru l-iskola;

H.  billi fl-2016 ir-reazzjonijiet razzisti u ksenofobiċi kontra r-rifuġjati, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti kienu mifruxa ma' kullimkien, u billi popolazzjonijiet partikolarment vulnerabbli qed ikomplu jesperjenzaw livelli ogħla ta' diskriminazzjoni, vjolenza u trawmatizzazzjoni mill-ġdid waqt il-proċess tal-asil;

I.  billi l-pressjoni migratorja qawwija li ċerti Stati Membri ġew soġġetti għaliha għal għadd ta' snin titlob solidarjetà reali tal-UE biex jiġu stabbiliti strutturi ta' akkoljenza adegwati għal dawk li l-aktar jinsabu fil-bżonn u vulnerabbli; billi ħafna migranti jqiegħdu ħajjithom f'idejn il-kuntrabandisti u l-kriminali u huma vulnerabbli għall-ksur tad-drittijiet tagħhom, inklużi l-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament;

J.  billi n-nisa u t-tfal jinsabu f'riskju akbar li jiġu ttraffikati, sfruttati u abbużati sesswalment f'idejn it-traffikanti u għalhekk hemm il-ħtieġa li jinbnew u jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal biex il-vjolenza, l-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament tat-tfal jiġu pprevenuti u tingħata reazzjoni għalihom, f'konformità mal-impenji mogħtija fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta;

K.  billi l-mewġa kontinwa ta' attakki terroristiċi madwar it-territorju tal-Unjoni wasslet biex żviluppa nuqqas ta' fiduċja ġenerali fil-konfront tal-Musulmani, kemm jekk dawn huma ċittadini tal-UE u kemm jekk huma migranti, u billi ċerti partiti politiċi qed jisfruttaw dan in-nuqqas ta' fiduċja u qed jaddottaw retorika ta' iżolazzjoniżmu kulturali u ta' mibegħda fil-konfront ta' dawk li huma differenti;

L.  billi l-użu sistematiku ta' stati ta' emerġenza u miżuri ġudizzjarji u amministrattivi straordinarji kif ukoll ta' kontrolli fil-fruntieri huwa fil-parti l-kbira ineffettiv biex jiskoraġġixxi lit-terroristi, li spiss kienu ilhom żmien twil residenti u saħansitra ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni;

M.  billi l-miżuri politiċi meħuda minn għadd ta' Stati Membri b'reazzjoni għall-wasla ta' persuni li jfittxu asil u migranti jinkludu l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen, pass li kulma jmur qed jitqies bħala wieħed permanenti pjuttost milli temporanju;

N.  billi d-diskors ta' mibegħda jinkludi l-forom kollha ta' espressjoni, kemm online kif ukoll offline, li jxerrdu, jħeġġu, jippromwovu jew jiġġustifikaw il-mibegħda razzjali, il-ksenofobija, jew il-preġudizzju kontra s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza lil minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna jew forom oħra ta' mibegħda bbażati fuq l-intolleranza, inklużi l-partiti politiċi u l-mexxejja politiċi li jippromwovu ideat, politiki, diskorsi u prattiki razzisti u ksenofobiċi u li jxerrdu aħbarijiet foloz; billi l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' midja qed jagħmilha eħfef biex dak li jkun jinvolvi ruħu f'diskors ta' mibegħda online; billi, skont il-fehma tal-Kunsill tal-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda fl-ambjent online jirrikjedi riflessjoni u azzjoni ulterjuri dwar ir-regolamentazzjoni u l-modi ġodda kif dan id-diskors jista' jiġi miġġieled;

O.  billi jeżisti r-riskju li l-livelli ogħla tal-mibegħda u l-vjolenza razzista jew sessista u l-ksenofobija, kemm jekk espressi fis-sura ta' reati ta' mibegħda, aħbarijiet foloz, messaġġi anonimi mxerrda fuq in-netwerks soċjali u pjattaformi oħra tal-internet, protesti jew propaganda politika, qed jibdew jitqiesu bħala normali fl-Istati Membri;

P.  billi s-soċjetajiet moderni ma jistgħux jiffunzjonaw u ma jistgħux jiżviluppaw mingħajr sistema ta' midja tal-massa ħielsa, indipendenti, professjonali u responsabbli ibbażata fuq prinċipji bħalma huma l-verifika tal-fatti, ir-rieda li tiġi riflessa pluralità ta' opinjonijiet informati u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi tal-midja u s-sikurezza tal-ġurnalisti, kif ukoll il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-mezzi maħsuba biex jillimitaw tal-aħbarijiet foloz; billi l-midja pubblika taqdi rwol essenzjali biex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-midja;

Q.  billi r-rapporti reċenti kollha tal-aġenziji u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs, jindikaw bosta oqsma ta' progress; billi, madankollu, il-ksur tad-drittijiet fundamentali għadu jippersisti f'xi Stati Membri, fost l-oħrajn fir-rigward tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi, korruzzjoni, tolleranza ta' diskors ta' mibegħda, kundizzjonijiet tal-detenzjoni u kundizzjonijiet tal-għajxien għall-migranti;

R.  billi r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" ("Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha"), ippubblikat f'Marzu 2014, sab li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa kienu ġarrbu atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, u li 20 % tan-nisa kienu ġarrbu fastidju online; billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista, kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi, huma mifruxa ħafna fl-UE u għandhom jiġu mifhuma bħala forma estrema ta' diskriminazzjoni li taffettwa lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà; billi aktar miżuri huma meħtieġa biex in-nisa li kienu vittmi ta' vjolenza jiġu inkoraġġiti jirrapportaw l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-għajnuna;

S.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartienu għal minoranzi u tad-dritt għal trattament indaqs huwa wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE; billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jappartienu għal xi minoranza nazzjonali, u madwar 10 % jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja; billi, bħalissa, ħlief għall-proċedimenti ta' ksur, l-UE għandha biss għodod b'effikaċja limitata biex tirrispondi għal manifestazzjonijiet sistematiċi u istituzzjonali ta' diskriminazzjoni, razziżmu u ksenofobija kontra l-minoranzi; billi hemm diskrepanzi fost l-Istati Membri f'dawk li huma rikonoxximent tal-minoranzi u rispett tad-drittijiet tagħhom; billi, minkejja għadd kbir ta' appelli lill-Kummissjoni, ittieħdu biss passi limitati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-minoranzi;

T.  billi l-midja diġitali pprovdew lit-tfal opportunitajiet vasti; billi, madankollu, fl-istess ħin it-tfal jiffaċċjaw riskji ġodda; billi t-tfal jenħtieġ li jiġu edukati dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom fid-dinja diġitali ħalli nagħmluhielhom iktar sikura; billi l-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal huma għodod indispensabbli f'każijiet marbuta mal-ksur tad-drittijiet tat-tfal; billi l-iżvilupp tal-litteriżmu diġitali, inklużi l-litteriżmu fil-midja u dak fl-informazzjoni, jenħtieġ li jiġi promoss bħala parti mill-kurrikulu edukattiv bażiku u mis-snin l-aktar bikrija tal-iskola; billi d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu promossi u protetti online bl-istess mod u sal-istess livell bħal fid-dinja offline;

U.  billi s-servizzi ta' Gvern elettroniku kulma jmur saru dejjem aktar aċċessibbli madwar l-UE fl-2016; billi l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika jippermetti liċ-ċittadini u lill-ġuristi jiksbu informazzjoni dwar proċeduri legali Ewropej u nazzjonali u dwar il-funzjonament tal-ġustizzja;

L-istat tad-dritt

1.  Jiddikjara li la s-sovranità nazzjonali u lanqas is-sussidjarjetà ma jistgħu jiġġustifikaw jew jagħmlu leġittimu li Stat Membru sistematikament jirrifjuta li jirrispetta l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea li nebbħu l-artikoli introduttorji tat-Trattati Ewropej, li kull Stat Membru volontarjament approva u impenja ruħu li jirrispetta;

2.  Jinnota li l-konformità mal-Kriterji ta' Copenhagen min-naħa tal-istati fi żmien l-adeżjoni tagħhom mal-UE għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ kostanti u għal djalogu kostanti fi ħdan u bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

3.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, għandha l-leġittimità u l-awtorità li tiżgura li l-Istati Membri kollha qed jirrispettaw il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-valuri l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE; iqis, għaldaqstant, li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni biex twettaq il-kompitu u tiżgura li l-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel l-adeżjoni ta' Stat Membru għadhom qed jiġu ssodisfati ma jiksrux is-sovranità tal-Istati Membri; ifakkar fir-responsabilità li għandu l-Kunsill stess li jkun involut fil-kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt u l-governanza; jilqa' l-idea li jsiru taħdidiet regolari dwar l-istat tad-dritt fi ħdan il-Kunsill Affarijiet Ġenerali u jistieden lill-Kunsill ikompli miexi f'din it-triq ħalli kull Stat Membru jkun soġġett għal evalwazzjoni regolari;

4.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri kollha jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, iżda jinnota wkoll l-ineffikaċja tal-istrumenti implimentati s'issa; iqis li l-kanali ta' djalogu kollha għandhom jiġu esplorati iżda li m'għandhomx jiġu mtawla b'mod indefinit mingħajr riżultati tanġibbli; jinsisti li l-Artikolu 7 tat-TUE ma jibqax jitqies bħala sempliċi għodda ipotetika, imma li jenħtieġ li jiġi applikat f'każ li l-mezzi kollha l-oħra jfallu; ifakkar, f'dak il-kuntest, li l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 mhux awtomatikament tfisser li se jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-Istat Membru kkonċernat;

5.  Jenfasizza li l-Unjoni teħtieġ approċċ komuni għall-governanza ta' stat demokratiku u l-applikazzjoni tal-valuri fundamentali, li s'issa għadu ma jeżistix, u li dan għandu jiġi deċiż u żviluppat b'mod demokratiku permezz tal-konverġenza tal-esperjenzi tal-governanza Ewropea; Iqis li dan l-approċċ komuni għall-governanza għandu jinkludi fehim komuni tar-rwol tal-maġġoranza fi ħdan demokrazija biex jiġi pprevenut l-abbuż li jista' jwassal għal tirannija mill-maġġoranza;

6.  Ifakkar fir-rabta intrinsika li teżisti bejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jinnota l-mobilizzazzjoni qawwija taċ-ċittadini tal-UE li permezz tagħha huma juru l-impenn qawwi tagħhom għad-drittijiet fundamentali u għall-valuri Ewropej; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-Ewropej dwar il-valuri komuni tal-UE u dwar il-Karta;

7.  Iqis li d-differenzi fl-interpretazzjoni u n-nuqqas ta' konformità mal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jdgħajfu l-koeżjoni tal-proġett Ewropew, id-drittijiet tal-Ewropej kollha u l-fiduċja reċiproka meħtieġa fost l-Istati Membri;

8.  josserva li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016(2) huwa jirrakkomanda l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; josserva li dan il-mekkaniżmu jkun jikkontribwixxi bil-kbir għall-approċċ ikkoordinat Ewropew lejn il-governanza, ħaġa li attwalment hija nieqsa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tistabbilixxi tali mekkaniżmu f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

9.  Jissottolinja li qafas ta' monitoraġġ usa' f'dak li jikkonċerna l-istat tad-dritt ikun jirriżulta f'koeżjoni aħjar bejn l-għodod eżistenti, effikaċja mtejba u ffrankar ta' spejjeż annwali. jissottolinja l-importanza li jsir użu minn sorsi varjati u indipendenti tul il-proċess ta' monitoraġġ kollu; itenni l-importanza tal-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet fundamentali, aktar mit-teħid ta' azzjoni meta dan il-ksur jiġi ripetut;

10.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-għaqda, f'xi każijiet b'reazzjonijiet vjolenti min-naħa tal-awtoritajiet fil-konfront tad-dimostranti; jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali ta' dawn il-libertajiet fundamentali fil-funzjonament tas-soċjetajiet demokratiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tadotta rwol attiv fil-promozzjoni ta' dawn id-drittijiet f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Ifakkar li d-dritt għall-aċċess għall-ġustizzja hu indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

12.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 huwa jistieden lill-Kummissjoni tissieħeb mas-soċjetà ċivili biex tiżviluppa u timplimenta kampanja ta' sensibilizzazzjoni, biex tippermetti liċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni jieħdu sjieda sħiħa tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mit-Trattati u mill-Karta (pereżempju l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u d-dritt tal-vot), li tipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini għal rimedju ġudizzjarju u azzjonijiet legali f'kawżi relatati mal-ksur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali mill-gvernijiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, tipproduċi bażijiet tad-data aġġornati dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri individwali, bi sħubija mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA);

14.  Ifakkar li l-korruzzjoni tipperikola l-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u t-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha; itenni li l-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida għall-governanza tajba u għall-eżistenza ta' sistema ġudizzjarja ġusta u soċjalment ekwa, u xxekkel l-iżvilupp ekonomiku; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni billi b'mod regolari jwettqu monitoraġġ tal-mod kif ikun qed jintuża il-finanzjament pubbliku tal-UE u dak nazzjonali;

15.  Jissottolinja r-rwol essenzjali li jaqdu x-xhieda u l-informaturi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet kriminali jew il-ksur gravi tal-istat tad-dritt jiġu mħarrka u kkastigati;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

Il-migrazzjoni u l-integrazzjoni

17.  Jinnota li l-fatturi li jikkawżaw il-migrazzjoni f'pajjiżi terzi huma prinċipalment il-kunflitti vjolenti, il-persekuzzjoni, l-inugwaljanza, it-terroriżmu, ir-reġimi ripressivi, id-diżastri naturali, il-kriżijiet ikkawżati mill-bniedem u l-faqar kroniku;

18.  Ifakkar li dawk li jfittxu l-asil u l-migranti qed ikomplu jitilfu ħajjithom u jiffaċċjaw diversi perikli waqt li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b'mod irregolari;

19.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għadd ta' Stati Membri webbsu l-approċċ politiku tagħhom lejn l-asil u l-migrazzjoni u li ċerti Stati Membri mhumiex kompletament konformi mal-obbligi tagħhom fir-rigward ta' dawn l-oqsma;

20.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqiegħdu s-solidarjetà u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil fil-qalba tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett komuni Ewropew dwar l-asil li ġie adottat kif ukoll il-leġiżlazzjoni komuni dwar il-migrazzjoni, partikolarment bil-ħsieb li jħarsu lil dawk li jfittxu l-asil konrta l-vjolenza, id-diskriminazzjoni u t-trawmatizzazzjoni mill-ġdid waqt il-proċess tal-asil, u bil-ħsieb ukoll li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli; ifakkar li t-tfal jirrappreżentaw kważi terz tal-persuni li jfittxu asil u li huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu l-għajbien ta' minorenni mhux akkumpanjati;

22.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-FRA u l-FRONTEX biex jinħoloq manwal dwar it-trattament tat-tfal fil-fruntieri tal-art;

23.  Jinsab imħasseb dwar id-diverġenzi wiesgħa fil-kundizzjonijiet ta' akkoljenza offruti minn ċerti Stati Membri, fejn xi Stati Membri jonqsu milli jiżguraw it-trattament adegwat u dinjituż ta' min ikun qed japplika għall-protezzjoni internazzjonali;

24.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, li l-awturi tiegħu – inklużi uffiċjali u atturi governattivi – jenħtieġ li jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, inkluż l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin, iżda wkoll l-isfruttament, ix-xogħol furzat, l-abbuż sesswali, u t-tortura, dan kollu filwaqt li jiġu protetti l-vittmi;

25.  Ifakkar li n-nisa u t-tfal jinsabu f'riskju akbar li jiġu traffikati u li jiġu sfruttati u abbużati sesswalment f'idejn it-traffikanti;

26.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jkunu disponibbli rotot sikuri u legali għall-migrazzjoni, u li l-aħjar mod kif jiġu mħarsa d-drittijiet tal-persuni li ma jistgħux jidħlu legalment fl-Ewropa huwa li jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali tal-flussi migratorji, jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti u jiġu żviluppati l-kooperazzjoni u sħubijiet; jemmen li dawn għandom jikkontribwixxu għall-iżvilupp b'saħħtu u robust tal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu billi jiġu żviluppati l-ekonomiji lokali u jiġu offruti opportunitajiet ġodda hemmhekk, kif ukoll billi jsir investiment f'sistemi ta' asil fil-pajjiżi ta' tranżitu, liema sistemi jkunu jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali u d-drittijiet fundamentali f'dan il-qasam;

27.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu rotot sikuri u legali għar-rifuġjati u, b'mod partikolari, jżidu l-għadd ta' postijiet ta' risistemazzjoni offruti lir-rifuġjati l-aktar vulnerabbli;

28.  Ifakkar li l-politika tar-ritorn għandha tirrispetta għalkollox id-drittijiet fundamentali tal-migranti, inkluż id-dritt ta' non-refoulement; iqis li jenħtieġ li tingħata l-attenzjoni neċessarja lill-protezzjoni tad-dinjità tal-individwi li jkunu qed jintbagħtu lura u jitlob, f'dan ir-rigward, li r-ritorni volontarji u l-għajnuna għar-riintegrazzjoni fis-soċjetajiet ta' oriġini jiġu msaħħa;

29.  Jisħaq li l-UE jenħtieġ li tippromwovi politika ta' akkoljenza u ta' integrazzjoni fl-Istati Membri kollha, u li huwa inaċċettabbli li ċerti Stati Membri jallegaw li ma għandhomx x'jaqsmu mal-fenomenu tal-migrazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni jenħtieġ li dejjem jiġu żgurati fil-politiki kollha tal-migrazzjoni u tal-integrazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-varar tan-Netwerk Ewropew ta' Integrazzjoni u jirrakkomanda li jiżdied l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni;

30.  Ifakkar fl-importanza li l-migranti, kemm tfal kif ukoll adulti, jingħataw edukazzjoni bħala neċessità għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ospitanti; jinsisti fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħlim tal-lingwi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħdu miżuri fl-Istati Membri kollha biex lill-migranti jingħatalhom aċċess għall-kura tas-saħħa, għal kundizzjonijiet tal-għajxien tajba u għall-opportunità li jingħaqdu mill-ġdid mal-familja tagħhom;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat il-provvediment ta' riżorsi edukattivi dwar id-djalogu interkulturali għall-popolazzjoni ġenerali;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li f'kull Stat Membru jittieħdu miżuri bħala kwistjoni ta' prijorità biex it-tfal migranti kollha jingħataw kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati u dinjitużi, korsijiet tal-lingwa, bażi fid-djalogu interkulturali, edukazzjoni u taħriġ professjonali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tagħhom tal-protezzjoni tat-tfal, inklużi dawk għat-tfal li jfittxu asil, dawk għat-tfal rifuġjati u dawk għat-tfal migranti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq kunċett koerenti ta' sistemi ta' tutela biex tipproteġi l-aħjar interess tal-minorenni mhux akkumpanjati; jitlob li jiġu żviluppati u stabbiliti proċeduri speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal kollha, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

34.  Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta li n-nies ta' sfond reliġjuż divers, inklużi dawk li diġà ilhom ħafna jgħixu fl-Unjoni Ewropea, jiġu integrati bl-aktar mod effettiv possibbli fis-soċjetà Ewropea;

35.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' inklużjoni soċjali u ta' edukazzjoni u l-iżvilupp ta' politiki li jindirizzaw b'mod determinat id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni jistgħu jżommu lill-individwi vulnerabbli milli jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet estremisti vjolenti;

36.  Jirrakkomanda li l-approċċi tas-sigurtà biex jiġu indirizzati b'mod determinat is-suriet kollha ta' radikalizzazzjoni u terroriżmu fl-Ewropa jiġu kkumplementati, b'mod partikolari fl-isfera ġudizzjarja, b'politiki fit-tul għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini tal-UE minn organizzazzjonijiet estremisti vjolenti;

37.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda allarmanti fil-manifestazzjonijiet ta' mibegħda, fid-diskors ta' mibegħda u fl-aħbarijiet foloz; jikkundanna l-każijiet ta' reati ta' mibegħda u ta' diskors ta' mibegħda motivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza reliġjuża jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru ta' persuna, li jseħħu ta' kuljum fl-UE; jenfasizza li t-tolleranza għall-propagazzjoni tar-retorika ta' mibegħda u tal-aħbarijiet foloz ikebbes lill-populiżmu u lill-estremiżmu; jemmen li miżuri sistematiċi tal-liġi ċivili jew kriminali jistgħu jwaqqfu din ix-xejra ta' ħsara;

38.  Jenfasizza li t-tixrid intenzjonat ta' informazzjoni falza dwar kwalunkwe kategorija ta' nies li jgħixu fl-UE, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet fundamentali jirrappreżenta theddida enormi għall-valuri demokratiċi tal-UE u għall-unità tagħha;

39.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-netwerks soċjali u l-anonimità garantita minn ħafna pjattaformi tal-midja differenti jinkoraġġixxu bosta forom ta' espressjoni ta' mibegħda, inklużi l-estremiżmu tal-lemin estrem u l-estremiżmu ġiħadist, u jfakkar li l-internet ma jistax jikkostitwixxi spazju mingħajr liġi;

40.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-midja huma fundamentali biex jiġu żgurati d-demokrazija u l-istat tad-dritt; jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu tal-vjolenza, il-pressjoni jew it-theddid kontra l-ġurnalisti u l-midja, inkluż b'rabta mal-iżvelar ta' informazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali;

41.  Jikkundanna n-normalizzazzjoni tad-diskors ta' mibegħda sponsorjat jew appoġġjat mill-awtoritajiet, mill-partiti politiċi jew mill-mexxejja politiċi u rrappurtat mill-midja soċjali;

42.  Ifakkar li l-ġlieda kontra dawn il-fenomeni tiddependi mill-edukazzjoni u mis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu programmi ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi li jsiru mill-Istati Membri f'dan ir-rigward, b'mod partikolari billi toħloq linji gwida għal dan il-proċess;

43.  Jemmen li s-sensibilizzazzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda jenħtieġ li tiġi sistematikament żviluppata fost l-uffiċjali tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, u li l-vittmi ta' dawn ir-reati jenħtieġ li jingħataw il-parir u jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-inċidenti; jitlob li fl-UE kollha jingħata taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-pulizija fl-UE biex ikunu jistgħu jiġġieldu lir-reati ta' mibegħda u lid-diskors ta' mibegħda b'mod effettiv; jenfasizza li dan it-taħriġ jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jkun mibni fuq l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali u l-ħidma tal-FRA;

44.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħolqot grupp ta' livell għoli biex tikkumbatti lir-razziżmu, lill-ksenofobija u lil forom oħra ta' intolleranza;

45.  Jistieden lil dan il-grupp ta' livell għoli li nħoloq mill-Kummissjoni biex jaħdem b'mod partikolari l-armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta' "reat ta' mibegħda" u "diskors ta' mibegħda" fl-Ewropa kollha; jemmen li l-grupp jenħtieġ li jindirizza wkoll id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza li jistgħu jiġu attribwiti lil personalitajiet politiċi;

46.  Jappella biex dan il-fenomenu jiġi mrażżan permezz tal-monitoraġġ, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni mtejba, min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti, tal-awturi ta' dikjarazzjonijiet jew kliem li hu inkompatibbli mal-liġijiet Ewropej, filwaqt li jiġu mħarsa l-libertà tal-kelma u l-libertà għall-privatezza, b'kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-kumpaniji tal-IT;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tipproponi riformulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali sabiex tkopri forom oħra ta' reati ta' preġudizzju;

Id-diskriminazzjoni

48.  Jikkundanna kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma hu l-preġudizzju kontra s-sess, ir-razza, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza lil minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna, kif hemm iddikjarat fl-Artikolu 21 tal-Karta, jew kwalunkwe sura oħra ta' intolleranza jew ksenofobija u jfakkar fl-Artikolu 2 tat-TUE;

49.  Jirrikonoxxi li s-sekulariżmu, f'dik li hi s-separazzjoni stretta bejn il-knisja u l-Istat, u n-newtralità tal-Istat huma essenzjali għall-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, peress li jiggarantixxu t-trattament indaqs ta' kull reliġjon u twemmin u jiġġieldu lid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin;

50.  Jinnota li d-Direttiva proposta dwar it-Trattament Ugwali tal-2008 għadha pendenti għall-approvazzjoni mill-Kunsill; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

51.  Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

52.  Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u li l-ebda minoranza ma għandha ġġarrab diskriminazzjoni; Jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-minoranzi huma parti inaljenabbli mill-prinċipju tal-istat tad-dritt; jinnota li r-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-minoranzi huwa ogħla meta l-istat tad-dritt ma jiġix irrispettat;

53.  Jikkundanna l-każijiet ta' diskriminazzjoni, segregazzjoni, diskors ta' mibegħda, reati ta' mibegħda u esklużjoni soċjali mġarrba mir-Rom; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni Rom fl-aċċess għall-akkomodazzjoni, għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom jirċievu l-istess assistenza u l-istess protezzjoni tkun x'itkun l-oriġini etnika tagħhom;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data affidabbli u komparabbli dwar l-ugwaljanza b'konsultazzjoni ma' rappreżentanti tal-minoranzi bil-għan li jitkejlu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw il-prattika tajba u japplikaw soluzzjonijiet ipprovati u ttestjati fl-indirizzar tal-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minoranzi fl-Unjoni Ewropea kollha;

56.  Jinsisti fuq l-importanza li jiġu segwiti politiki ta' ugwaljanza li jippermettu lill-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi kollha jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom mingħajr kontestazzjoni;

57.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji biex dan jagħmluh; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li jiġu implimentati l-prinċipji żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);

58.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet tal-minoranzi, jiżguraw id-dritt għall-użu ta' lingwa ta' minoranza u jħarsu d-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pjan tagħha li tippromwovi t-tagħlim u l-użu tal-lingwi reġjonali, bħala mod potenzjali kif tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bejn il-lingwi fl-UE;

59.  Jinkoraġġixxi li fil-kurrikuli skolastiċi tiġi inkluża edukazzjoni dwar il-valur tat-tolleranza biex it-tfal jingħataw l-għodod li jeħtieġu biex jidentifikaw is-suriet kollha ta' diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ta' natura anti-Musulmana, anti-Semitika, anti-Afrikana, anti-Rom jew anti-LGBTI, jew immirata lejn kwalunkwe minoranza oħra;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aħjar prattiki tal-Istati Membri għall-indirizzar tal-istereotipi tal-ġeneri fl-iskejjel;

61.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-persuni LGBTI iġarrbu ibbuljar u intimidazzjoni, u jbatu d-diskriminazzjoni f'aspetti differenti tal-ħajja tagħhom;

62.  Jikkundanna s-suriet kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw liġijiet u politiki biex jiġġieldu lill-omofobija u lit-transfobija;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta aġenda li tiżgura drittijiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, u tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI;

64.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni dwar sħubiji u/jew żwieġ bejn persuni tal-istess sess biex jirrikonoxxu dispożizzjonijiet b'effetti simili adottati minn Stati Membri oħra; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2004/38/KE, inkluż għal koppji tal-istess sess u għat-tfal tagħhom; jilqa' l-fatt li aktar u aktar Stati Membri introduċew u/jew adattaw il-liġijiet tagħhom dwar il-koabitazzjoni, is-sħubija ċivili u ż-żwieġ biex jegħlbu d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali li jgħaddu minnha l-koppji tal-istess sess u t-tfal tagħhom u jistieden lil Stati Membri oħra jintroduċu liġijiet simili; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-effetti tad-dokumenti kollha tal-istat ċivili fl-UE kollha, inkluż rikonoxximent tas-sess legali, żwiġijiet u sħubijiet irreġistrati, sabiex jitnaqqsu l-ostakoli legali u amministrattivi diskriminatorji għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu;

65.  Jilqa' pożittivament l-inizjattivi li jipprojbixxu t-terapiji ta' konverżjoni għall-persuni LGBTI kif ukoll il-patoloġizzazzjoni tal-identitajiet trans u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw miżuri simili li jirrispettaw u jiddefendu d-dritt għall-identità u għall-espressjoni tal-ġeneru;

66.  Jiddeplora l-fatt li l-persuni transġeneru għadhom meqjusa bħala persuni b'mard mentali fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u jistieden lil dawk l-istati jagħmlu rieżami tal-katalogi nazzjonali tas-saħħa mentali tagħhom u jiżviluppaw mudelli alternattivi ta' aċċess ħieles mill-istigmi, filwaqt li jiżguraw li l-kura medikament neċessarja tibqa' disponibbli għall-persuni transġeneru kollha; jiddeplora l-fatt li għadd ta' Stati Membri llum-il-ġurnata għadhom jimponu rekwiżiti fuq il-persuni transġeneru bħalma huma l-intervent mediku bil-għan li l-ġeneru mibdul ikun rikonoxxut (inkluż fil-passaporti u fid-dokumenti ta' identità uffiċjali) u l-isterilizzazzjoni furzata bħala kundizzjoni għall-bidla fis-sess; jinnota li tali rekwiżiti jikkostitwixxu ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni toffri gwida lill-Istati Membri dwar l-aqwa mudelli ta' rikonoxximent ġuridiku tal-ġeneru fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-bidla fis-sess u jagħtu aċċess għal proċeduri rapidi, aċċessibbli u trasparenti għar-rikonoxximent ġuridiku tal-ġeneru mingħajr rekwiżiti mediċi bħalma huma l-intervent kirurġiku, l-isterilizzazzjoni jew il-kunsens psikjatriku;

67.  Jilqa' l-inizjattiva li wriet il-Kummissjoni li tirsisti favur l-idea li l-identitajiet transġeneru ma jibqgħux jitqiesu bħala patoloġija fir-rieżami tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ħalli timpedixxi li l-varjanza tal-ġeneru fit-tfulija ssir dijanjosi ġdida tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD);

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jħabbtu wiċċhom miegħu l-persuni intersesswali f'kull qasam tal-ħajja u toffri gwida lill-Istati Membri dwar l-aħjar prattiki għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali; jiddispjaċih li l-interventi kirurġiċi ta' "normalizzazzjoni" ġenitali għat-tfal intersesswali għadhom jiġu pprattikati fl-Istati Membri tal-UE minkejja l-fatt li mil-lat mediku mhumiex neċessarji, anki jekk il-proċeduri mediċi fuq it-tfal jikkawżawlhom trawma psikoloġiku li tibqa' għal żmien twil;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi(3) u jidentifikaw u jimlew il-lakuni li hemm fis-sistema tagħhom tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, il-gruppi ta' minoranza jew il-vittmi ta' reati ta' mibegħda;

70.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiġġieldu lill-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u jħarrku lit-trasgressuri; jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari jittrattaw b'mod effettiv l-effetti tal-vjolenza domestika u tal-isfruttament sesswali fil-forom kollha tagħhom, inkluż dak tar-rifuġjati u tat-tfal migranti, u ż-żwieġ prekoċi jew furzat;

71.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw bejniethom l-aħjar prattiki u jipprovdu taħriġ regolari għall-pulizija u għall-persunal fil-qasam ġudizzjarju dwar il-forom ġodda ta' vjolenza kontra n-nisa;

72.  Jilqa' l-fatt li kull Stat Membru ffirma l-Konvenzjoni ta' Istanbul u li l-Unjoni Ewropea ffirmatha; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni biex jagħmlu dan;

73.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lill-fastidju sesswali u lill-aggressjoni sesswali;

74.  Ifakkar li l-faqar fost l-anzjani jqanqal tħassib speċjalment fil-każ tan-nisa, minħabba d-differenza fil-pagi bejn is-sessi li għadha teżisti u li tirriżulta f'diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi;

75.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu politiki xierqa biex jappoġġjaw in-nisa anzjani u jeliminaw il-kawżi strutturali tad-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-kumpens;

76.  Jisħaq fuq il-bżonn li titwaqqaf id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni b'diżabilità, billi jingħataw drittijiet soċjali u politiċi ndaqs, fosthom id-dritt tal-vot, kif iddikjarat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

77.  Jirrikonoxxi li s-saħħa sesswali u riproduttivi tan-nisa hija marbuta ma' bosta drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-ħelsien mit-tortura, id-dritt għas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-punt li n-nies b'diżabilità huma intitolati li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom kollha fuq bażi ugwali mal-bqija tas-soċjetà;

78.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt fundamentali għall-aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva; jinsisti li l-Unjoni jeħtieġ li tiżvolġi rwol fis-sensibilizzazzjoni dwar l-aqwa prattiki, u fil-promozzjoni tagħhom, b'rabta ma' din il-kwistjoni, inkluż fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, peress li s-saħħa hija dritt fundamentali tal-bniedem li hu essenzjali biex persuna tkun tista' teżerċita d-drittijiet tal-bniedem tagħha l-oħra; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-koerenza u l-konsistenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE relatati mad-drittijiet tal-bniedem huma ta' importanza kbira;

79.  Jenfasizza li kwalunkwe sistema ta' sorveljanza indiskriminata tal-massa tikkostitwixxi indħil serju fid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jenfasizza li kwalunkwe proposta leġiżlattiva fl-Istati Membri relatata mal-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-korpi tal-intelligence jenħtieġ li dejjem tkun konformi mal-Karta u mal-prinċipji tan-neċessità, proporzjonalità u legalità;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu n-numru tal-hotline Ewropew għat-tfal neqsin (116 000) u n-numri tal-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal (116 u 111) fost il-pubbliku ġenerali u fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti fis-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal servizzi adegwati u li jaġevolaw lit-tfal, aċċessibbli fl-UE kollha, 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jallokaw biżżejjed fondi jekk ikun meħtieġ;

81.  Jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lill-ksur tad-drittijiet tat-tfal online; itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponux u ma implimentawx b'mod effettiv id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija(4) biex jagħmlu dan; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità legali, il-kapaċitajiet tekniċi u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex iżidu l-kooperazzjoni, inkluż mal-Europol, bil-ħsieb li dan il-fenomenu jiġi indirizzat; jenfasizza r-rwol tal-professjonisti li jaħdmu mat-tfal fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' sinjali ta' vjolenza fiżika u psikoloġika kontra t-tfal, inkluż l-ibbuljar fuq l-internet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-professjonisti jiġu sensibilizzati u li jirċievu taħriġ adegwat;

82.  Jieħu nota tax-xejriet pożittivi f'ċerti Stati Membri fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi; jinnota, madankollu, li għad hemm lakuni ovvji fis-servizzi ġenerali li jipprovdu appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità;

83.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika (2014-2018);

84.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taħtar Koordinaturi tal-UE dwar l-Afrofobija u l-anti-Żingariżmu, li jkunu responsabbli mit-titjib tal-koordinament u tal-koerenza fost l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-atturi internazzjonali u mill-iżvilupp ta' politiki tal-UE eżistenti u ġodda bil-għan li jindirizzaw l-Afrofobija u l-anti-Żingariżmu; jenfasizza, b'mod partikolari, li r-rwol ta' Koordinatur tal-UE dwar l-anti-Żingariżmu jenħtieġ li jkun dak li jsaħħaħ u jikkomplementa l-ħidma tal-Unità tal-Kummissjoni responsabbli mill-koordinament ta' kwistjonijiet marbuta man-nondiskriminazzjoni u r-Rom billi jsaħħaħ it-tim, jalloka riżorsi adegwati u jimpjega lil aktar membri tal-persunal sabiex ikun hemm biżżejjed kapaċitajiet biex jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu, titqajjem kuxjenza dwar l-Olokawst tar-Rom u tiġi promossa t-tifkira tal-Olokawst; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' oqfsa Ewropej biex l-istrateġiji nazzjonali jiġġieldu lill-Afrofobija, lill-anti-Semitiżmu u lill-Iżlamofobija;

85.  Jikkundanna l-azzjonijiet li ħadu l-gvernijiet tal-Istati Membri biex jimminaw u jiddemonizzaw lis-soċjetà ċivili u lill-NGOs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu sostenn lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili peress li spiss jagħmlu xogħol importanti li jikkomplementa lis-servizzi soċjali mogħtija mill-Istat jew saħansitra jimlew il-vojt li mhux kopert mill-istat;

86.  Jipproponi li jinħatar koordinatur tal-UE għall-ispazju ċiviku u d-demokrazija, bil-kompitu li jikkoordina l-ħidma mwettqa mill-UE u mill-Istati Membri f'dan il-qasam, filwaqt li jwettaq rwol superviżorju u jservi bħala punt ta' kuntatt għall-NGOs fir-rigward ta' inċidenti relatati mal-fastidju li jirrestrinġu l-ħidma tagħhom;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida għall-involviment tas-soċjetà ċivili u indikaturi għall-ispazju ċiviku;

o
o   o

88.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://migration.iom.int/docs/2016_Flows_to_Europe_Overview.pdf
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(3) Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI.
(4) Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Novembru 2018Avviż legali