Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2272(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0221/2018

Testi mressqa :

A8-0221/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 19
CRE 02/07/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.12
CRE 03/07/2018 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0280

Testi adottati
PDF 189kWORD 70k
It-Tlieta, 3 ta' Lulju 2018 - Strasburgu
Diplomazija klimatika
P8_TA(2018)0280A8-0221/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima (2017/2272(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 191,192, 220 u 221 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

‒  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-22 Konferenza tal-Partijiet (COP 22) tal-UNFCCC u l-Ewwel Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMA 1) li saru f'Marrakech, il-Marokk, mill-15 ta' Novembru sat-18 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP 22)(1),

–  wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja (COP 23)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titlu "L-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju" (COM(2016)0500),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bit-titlu "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Diplomazija dwar il-Klima 2015 tal-UE adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-6 ta' Marzu 2017 u tad-19 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar id-Diplomazija dwar il-Klima,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ta' Ġunju 2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u s-SEAE tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tad-9 ta' Frar 2017 bit-titlu "Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima – approċċ integrat"(3),

‒  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' April 2016 bit-titlu "It-Triq minn Pariġi"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 36/CP.7 tal-UNFCCC tad-9 ta' Novembru 2001 dwar it-titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fir-rappreżentazzjoni ta' partijiet f'korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kjoto,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2009 imniedi mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-"Migrazzjoni, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima: Valutazzjoni tal-evidenza",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-ittra enċiklika "Laudato Si" tal-Papa Franġisku dwar "il-kura għad-dar komuni tagħna",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0221/2018),

A.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima qed ikollhom impatti dejjem aktar serji fuq aspetti differenti tal-ħajja tal-bniedem kif ukoll fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp, l-ordni ġeopolitika u l-istabbilità fid-dinja kollha; billi dawk b'inqas riżorsi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima se jintlaqtu l-aktar mill-impatt tat-tibdil fil-klima; billi d-diplomazija dwar il-klima tista' tinftiehem bħala forma ta' politika estera mmirata sabiex tippromwovi l-azzjoni dwar il-klima billi tilħaq atturi oħra, filwaqt li tikkoopera fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-klima, l-iżvilupp ta' sħubiji strateġiċi u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn atturi statali u mhux statali inklużi kontributuri ewlenin għat-tniġġis globali, b'hekk tikkontribwixxi biex timmitiga t-tibdil fil-klima, kif ukoll biex ittejjeb l-azzjoni dwar il-klima u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-Unjoni;

B.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima jinkludu livell ogħla tal-oċeani, it-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, it-telf tal-bijodiversità u żieda ta' avvenimenti klimatiċi estremi; billi l-ewwel vittimi ta' dawn id-disturbi huma l-pajjiżi u l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, partikolarment popolazzjonijiet li jgħixu fil-gzejjer; billi t-tibdil fil-klima għandu impatt soċjali u kulturali gravi partikolarment fuq komunitajiet indiġeni, li mhux biss jikkontribwixxu b'mod marġinali għall-emissjonijiet tas-CO2, iżda fil-fatt għandhom rwol attiv u deċiżiv fil-protezzjoni tal-ekosistemi li jgħixu fihom, u b'hekk itaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima;

C.  billi l-UE kienet waħda mill-forzi ewlenin għall-azzjoni dwar il-klima u wriet it-tmexxija tagħha f'negozjati internazzjonali dwar il-klima; billi l-UE użat id-diplomazija dwar il-klima sabiex toħloq alleanzi strateġiċi ma' partijiet ikkonċernati rilevanti bil-ħsieb li tiġġieled b'mod konġunt it-tibdil fil-klima bħala komponent ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u azzjoni preventiva fid-dawl tat-theddid relatat mal-klima;

D.  billi d-diplomazija dwar il-klima tal-UE kkontribwiet għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u, minn dak iż-żmien 'l hawn, l-approċċ tal-UE għad-diplomazija dwar il-klima twessa'; billi, bħala parti mill-Istrateġija Globali tal-UE, il-politika dwar it-tibdil fil-klima ġiet integrata fil-politika estera u ta' sigurtà, u ssaħħet ir-rabta bejn l-enerġija u l-klima, is-sigurtà u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni;

E.  billi r-responsabilità għal azzjonijiet sostenibbli dwar il-klima fuq terminu twil ma tistax titqiegħed fuq individwi u l-għażliet individwali tagħhom bħala konsumaturi; billi politika dwar il-klima bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem għandha tiċċara li r-responsabilità biex jinħolqu soċjetajiet sostenibbli tinsab primarjament f'idejn il-politiċi li għandhom il-mezzi biex joħolqu politiki sostenibbli dwar il-klima;

F.  billi t-tibdil fil-klima u t-tħassib dwar is-sigurtà huma interkonnessi u transnazzjonali, u jirrikjedu diplomazija dwar il-klima mmirata, inter alia, lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi; billi bosta studji sabu konnessjonijiet indiretti bejn it-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u l-bidu ta' kunflitti armati, u billi t-tibdil fil-klima jista' jiġi kkunsidrat bħala "multiplikatur tat-theddid" li għandu l-kapaċità li iżid it-tensjonijiet soċjali eżistenti; billi l-implikazzjonijiet negattivi fit-tul tat-tibdil fil-klima jistgħu jwasslu għal żieda f'tensjonijiet politiċi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri nazzjonali, u għalhekk hemm ir-riskju li jkunu element ta' kriżi u jpoġġu pressjoni fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali bħala tali;

G.  billi t-tibdil fil-klima għandu impatt dirett u indirett fuq il-migrazzjoni, billi jħeġġeġ għadd dejjem jikber ta' persuni jitilqu minn żoni vulnerabbli lejn żoni aktar vijabbli tal-pajjiż tagħhom jew barra minn pajjiżhom biex jibnu ħajja ġdida;

H.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, fil-Ġermanja (COP 23), irrikonoxxiet in-natura u l-firxa tal-ispostament minħabba l-klima u l-migrazzjoni li tirriżulta minn diżastri kkawżati mit-tisħin globali; billi skont diversi studji u rapporti importanti u b'bażi soda, bħal dawk mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Bank Dinji, jekk ma jsirux sforzi serji, in-numru ta' migranti, kif ukoll ta' persuni spostati internament minħabba l-bidliet ambjentali, fl-agħar xenarju, jista' jilħaq sa 200 miljun persuna sal-2050, li ħafna minnhom bħalissa qed jgħixu f'żoni kostali jew li jistgħu jkunu migranti interni fl-Afrika Subsaħarjana, in-Nofsinhar tal-Asja u l-Amerika Latina;

I.  billi persuni li jemigraw għal raġunijiet ambjentali ma jibbenefikawx minn status ta' rifuġjat jew mill-protezzjoni internazzjonali mogħtija lir-rifuġjati, billi dawn mhumiex rikonoxxuti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951;

J.  billi bħala kontribut lejn il-kisba ta' ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju, il-Kummissjoni stabbiliet bħala l-għan tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u b'hekk l-UE saret mexxej dinji fl-enerġija rinnovabbli;

K.  billi d-diplomazija dwar il-klima tal-UE trid tinkoraġġixxi proġetti tal-ġestjoni tar-riskju u tifforma l-opinjoni pubblika u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni politika u ekonomika biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u biex tippromwovi ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ;

L.  billi d-diplomazija dwar il-klima tal-UE għandha tipproduċi mudell ta' aġġustament proattiv li jinkoraġġixxi l-interazzjoni fost il-politiki fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi l-istituzzjonalizzazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima tfisser sensibilizzazzjoni pubblika akbar u din għandha tinbidel f'rieda politika aktar ċara;

M.  billi l-problema tal-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma hija l-għerq ta' għadd dejjem akbar ta' kunflitti bejn il-komunitajiet; billi dawk ir-riżorsi huma ta' spiss sfruttati b'mod insostenibbli għal biedja intensiva u industrijali f'sitwazzjonijiet li huma diġà instabbli;

N.  billi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha ssir prijorità strateġika fid-djalogi u l-inizjattivi diplomatiċi kollha b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Parlament kien qed jikkontribwixxi b'mod attiv fil-proċess u kien qed juża kemm is-setgħa leġiżlattiva tiegħu kif ukoll l-influwenza politika tiegħu sabiex jintegra b'mod ulterjuri t-tibdil fil-klima fl-azzjoni ta' żvilupp u fil-portafoll ta' assistenza, kif ukoll f'bosta politiki oħra tal-UE, bħall-investimenti fl-agrikoltura, fis-sajd, fl-enerġija, fit-trasport, fir-riċerka u fil-kummerċ;

O.  billi s-sorsi ta' diskriminazzjoni u vulnerabilità abbażi tal-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, il-klassi, il-faqar, il-kapaċità, l-indiġenità, l-età, il-ġeografija, id-diskriminazzjoni tradizzjonali u istituzzjonali kollha jikkombinaw b'mod intersezzjonali biex ixekklu l-aċċess għar-riżorsi u l-mezzi meħtieġa sabiex wieħed ilaħħaq ma' tibdil drammatiku bħat-tibdil fil-klima;

P.  billi teżisti rabta intrinsika bejn it-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni kkawżata mill-ħtif tal-art, l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili u l-agrikoltura intensiva;

Q.  billi l-proporzjon ta' nisa involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u d-diplomazija u b'mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għadu mhux sodisfaċenti u billi ftit li xejn sar progress f'dan ir-rigward; billi n-nisa jammontaw biss għal bejn 12 % u 15 % tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet u għal madwar 30 % tad-delegati;

1.  Ifakkar li l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom impatt fuq l-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem, speċjalment fuq ir-riżorsi globali u l-opportunitajiet ta' żvilupp, kif ukoll fuq il-mudelli kummerċjali, ir-relazzjonijiet tal-kummerċ u r-relazzjonijiet reġjonali; ifakkar li l-impatti klimatiċi jaggravaw l-insigurtà tal-ikel, huma theddida għas-saħħa, itellfu l-għajxien, joħolqu l-ispostamenti, il-migrazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza bejn is-sessi, it-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza, in-nuqqas ta' aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi essenzjali, għandhom impatt fuq il-paċi u s-sigurtà u qed jaffettwaw dejjem iżjed liċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll huma sfida għall-komunità internazzjonali; jissottolinja l-urġenza dejjem akbar tal-azzjoni dwar il-klima u jirrimarka li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jirrikjedi sforz konġunt fil-livell internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw b'mod kontinwu d-diskors multilaterali għaliex dan jikkostitwixxi responsabilità kollettiva lejn il-pjanetà kollha, għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada; jinnota li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija meħtieġa għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jinnota bi tħassib id-deterjorament tar-riżorsi tal-ilma u tal-ekosistemi tad-dinja, kif ukoll it-theddida dejjem tikber tal-iskarsezza tal-ilma, tar-riskji relatati mal-ilma u ta' avvenimenti estremi;

L-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030

3.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE lejn il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 tan-NU, inklużi l-SDGs; jenfasizza l-bżonn li jiġi implimentat b'mod sħiħ u rapidu l-Ftehim ta' Pariġi, u li jintlaħqu l-objettivi tiegħu ta' mitigazzjoni, adattament u direzzjoni ġdida tal-flussi finanzjarji, kif ukoll li l-SDGs jiġu implimentati kemm fl-UE kif ukoll globalment sabiex jiġu żviluppati ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli; jafferma mill-ġdid il-bżonn ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima u r-rieda tagħha sabiex jiżdied il-Kontribut eżistenti Determinat fil-Livell Nazzjonali tal-UE (NDC) għall-2030 kif ukoll il-bżonn li tiġi żviluppata, sa tmiem l-2018, strateġija ambizzjuża u kkoordinata fit-tul li tikseb ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju sal-2050, bi qbil mal-impenn fil-Ftehim ta' Pariġi biex iżżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali ferm inqas minn 2 OC u li tkompli bl-isforzi biex tillimita ż-żieda għal 1,5 OC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; jistieden lill-Kummissjoni biex f'din l-istrateġija fit-tul tqis il-fehmiet tal-atturi kollha li jistgħu jikkontribwixxu jew jistgħu jkunu affettwati minnha;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima bil-ħsieb li tiġi evitata żieda fit-temperatura u biex l-UE taġixxi bħala sieħba affidabbli u kredibbli vis-à-vis stati terzi; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu rwol attiv u kostruttiv matul id-Djalogu Talanoa tal-2018 u l-COP 24 minħabba li l-2018 ser tkun sena kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li l-UE turi l-impenn tagħha għal politika ambizzjuża dwar il-klima minħabba li dan jista' jgħin lill-UE tippromwovi impenji qawwija ta' mitigazzjoni minn pajjiżi oħra

5.  Jiddispjaċih dwar it-tħabbira tad-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti li jirtira mill-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li l-UE għandha responsabilità – u opportunità – li tassumi rwol ta' tmexxija fl-azzjoni dwar il-klima, li ssaħħaħ l-isforzi tagħha ta' diplomazija dwar il-klima u li tifforma alleanza b'saħħitha ta' pajjiżi u atturi li jkomplu jappoġġjaw u jikkontribwixxu għall-objettivi li jillimitaw it-tisħin globali għal sew taħt iż-2 C filwaqt li jtwettqu l-isforzi sabiex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 C kif rakkomandat mill-IPPC; jenfasizza madankollu l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Gvern tal-Istati Uniti, u b'mod partikolari mal-istati u l-bliet tal-Istati Uniti tal-Amerika;

6.  Jenfasizza li l-kredibilità tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiddependi minn implimentazzjoni stretta u komprensiva tal-politika tagħha dwar il-klima;

7.  Jenfasizza li l-politika barranija tal-UE għandha tiżviluppa kapaċitajiet biex tissorvelja riskji relatati mat-tibdil fil-klima, inklużi prevenzjoni tal-kriżijiet u sensittività għall-kunflitti; jemmen li azzjoni konsegwenzjali u rapida dwar il-klima essenzjalment tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-riskji soċjali, ekonomiċi, iżda wkoll tas-sigurtà, għall-prevenzjoni ta' kunflitti u instabbilitajiet u finalment sabiex ma jitħallas prezz politiku, soċjali u ekonomiku kbir; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-integrazzjoni tad-diplomazija dwar il-klima fil-politiki tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u t-twessigħ u l-adattament tal-ambitu tal-missjonijiet u l-programmi tal-UE f'pajjiżi terzi u fiż-żoni ta' kunflitt; itenni li l-avviċinament lejn ekonomija ċirkulari b'żero emissjonijiet tal-karbonju jikkontribwixxi għall-prosperità u jsaħħaħ l-ugwaljanza, il-paċi u s-sigurtà tal-bniedem kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha peress li t-tibdil fil-klima ta' spiss joħloq instabbilitajiet u kunflitti ġodda jew jaggrava dawk eżistenti filqwaqt li jżid inugwaljanzi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda, minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi u n-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, it-telf tal-art bħala riżultat ta' livelli tal-baħar li qed jogħlew jew ta' nixfiet fit-tul, ta' struttura ta' governanza fraġli, ta' forniment tal-ilma u tal-ikel insuffiċjenti kif ukoll ta' deterjorament fil-kundizzjonijiet tal-għajxien;

8.  Jiġbed l-attenzjoni bi tħassib, b'mod partikolari, għad-deterjorament tal-ekosistemi u r-riżorsi tal-ilma tal-pjaneta u għat-theddida li qed tikber minħabba l-iskarsezza tal-ilma u mir-riskji relatati mal-ilma, flimkien ma' avvenimenti estremi tal-klima u tat-temp li qed jiżdiedu fil-frekwenza u fl-impatt devastanti tagħhom, bir-riżultat li jeħtieġ li jissaħħu r-rabtiet bejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri;

9.  Jinnota wkoll bi tħassib li mhux qed tingħata biżżejjed attenzjoni lir-rwol tal-ħamrija bħala komponent tas-sistema dwar il-klima, u għall-importanza tagħha li tnaqqas il-gassijiet b'effett ta' serra u li tadatta għall-effetti tat-tibdil fil-klima; jappella lill-UE biex tiżviluppa strateġija ambizzjuża li għandha tiġi inkluża fid-diplomazija tagħha dwar il-klima;

10.  Jenfasizza li, minħabba t-tidwib tal-għata polari tas-silġ u l-livelli li qed jogħlew tal-ibħra, in-nies li jgħixu max-xtut jew fuq stati gżejjer żgħar jinsabu f'periklu partikolari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproteġu u jippreservaw dawn l-ispazji abitabbli billi jiffaċilitaw l-ilħuq ta' għanijiet ambizzjużi ta' mitagazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll permezz ta' miżuri multilaterali għall-ħarsien tal-kosta;

11.  Ifakkar li t-tibdil fil-klima jaggrava l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-migrazzjoni f'żoni vulnerabbli u jfakkar li l-migrazzjoni se tiżdied fil-futur jekk il-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima ma jiġux ġestiti b'mod adegwat; jitlob lill-UE tappoġġja l-varar ta' diskussjonijiet fil-livell tan-NU bil-ħsieb li jingħata rispons tanġibbli għaċ-ċaqliq ta' persuni li huwa mistenni li jseħħ bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza li kwalunkwe rispons internazzjonali għandu jiffoka fuq soluzzjonijiet reġjonali sabiex jiġi evitat iċ-ċaqliq fuq skala kbira;

12.  Jistieden lill-Istati Membri juru tmexxija progressiva fin-negozjati li għaddejjin dwar patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari, imħejji taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u li jibnu fuq id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tal-2016 li għarfet li għadd kbir ta' persuni qed jiċċaqalqu "b'rispons għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima";

13.  Jilqa' l-inklużività tal-proċess tal-UNFCCC; iqis li sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni effikaċi jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interessi jew tal-interessi moħbija; jappoġġja l-inizjattiva tal-gvernijiet li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni tad-dinja biex jintroduċu politika speċifika tal-kunflitt ta' interess u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv f'dan il-proċess;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi biex tissensibilizza liċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rabta bejn it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, il-faqar u l-kunflitti dwar l-aċċess għar-riżorsi;

15.  Jirrimarka li kull inizjattiva marbuta mal-ambjent meħuda mill-UE trid tkun ibbażata fuq is-setgħat leġiżlattivi previsti fit-Trattati u li d-demokrazija parlamentari tal-UE trid tibqa' jkollha rwol ewlieni f'kull proposta bil-ħsieb li tippromwovi miżuri internazzjonali sabiex jitħares l-ambjent;

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE għad-diplomazija dwar il-klima

16.  Jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornituri ta' finanzjament pubbliku għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li dan huwa strument importanti u li jibni l-fiduċja fl-appoġġ għall-adattament u l-mitigazzjoni f'pajjiżi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji sinifikanti u jappoġġjaw b'mod attiv il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament internazzjonali għall-klima permezz ta' sorsi pubbliċi minn pajjiżi oħra kif ukoll minn sorsi privati; jilqa' t-tħabbiriet li saru fis-Summit ONE Planet fit-12 ta' Diċembru 2017;

17.  Jenfasizza li t-transizzjoni globali lejn ekonomiji u soċjetajiet b'żero emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għall-klima teħtieġ investiment sinifikanti ta' trasformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-gvernijiet joħolqu l-ambjenti favorevoli biex jorjentaw mill-ġdid il-flussi tal-kapital lejn l-investiment sostenibbli u biex jiġu evitati assi mhux irkuprabbli, u jibnu fuq il-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzjament Sostenibbli u f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament ta’ Tkabbir Sostenibbli (COM(2018)0097); jemmen li s-sistema finanzjarja jeħtieġ li tikkontribwixxi għall-miri tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs; huwa konvint li s-sistema finanzjarja tal-UE li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li tinċentiva l-investimenti f'teknoloġiji nodfa u soluzzjonijiet sostenibbli ser isservi ta' mudell għal pajjiżi oħra u tgħinhom jimplimentaw sistemi simili;

18.  Jissottolinja l-importanza li l-UE titkellem b'vuċi waħda u magħquda fil-fora internazzjonali kollha u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni jikkoordinaw sforz konġunt tal-UE sabiex jiġi żgurat l-impenn tagħha fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-UE tikkunsidra modi biex tgħolli aktar il-livell ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jinsisti fuq il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija komprensiva għad-diplomazija dwar il-klima tal-UE u li l-klima tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali, tiġi integrata l-perspettiva tal-ġeneru u l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fin-negozjati multilaterali futuri kollha;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza internazzjonali għat-tibdil fil-klima permezz ta' strateġiji u attivitajiet ta' komunikazzjoni kkoordinati biex jiżdied l-appoġġ pubbliku u politiku; jitlob, b'mod partikolari, li jinħoloq fehim internazzjonali tal-interkonnessjonijiet bejn it-tibdil fil-klima u l-inġustizzja soċjali, il-migrazzjoni, il-ġuħ u l-faqar u l-fatt li l-azzjoni globali dwar il-klima tista' tikkontribwixxi bil-kbir għas-soluzzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet;

20.  Jirrimarka li l-progress teknoloġiku, debitament immexxi 'l quddiem minn sforz politiku magħqud, se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u għalhekk trid titqies ukoll id-diplomazija tax-xjenza tal-UE bħala parti mill-istrateġija globali għad-diplomazija dwar il-klima, li ssaħħaħ u tiffinanzja r-riċerka dwar it-tibdil fil-klima;

21.  Ifakkar li, kif indikat fil-Green Paper tal-Kummissjoni "Nadattaw għall-bidla dwar il-klima fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni tal-UE" (COM(2007)0354), iż-żoni fl-Ewropa li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima huma n-Nofsinhar tal-Ewropa u l-baċir tal-Mediterran, l-inħawi muntanjużi u kostali, il-pjanuri mfawra b'densità għolja tal-popolazzjoni, l-Iskandinavja u r-reġjun tal-Artiku; iħeġġeġ għalhekk lill-UE tippromwovi programmi ta' riċerka u żvilupp li jinvolvu lill-Istati Membri rilevanti f'kull każ, skont l-Artikolu 185 tat-TFUE;

22.  Jenfasizza, bħala eżempju tajjeb tad-diplomazija tax-xjenza, kif imsemmi fil-paragrafu preċedenti, l-inizjattiva "PRIMA" (sħubija fir-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona tal-Mediterran), li tiffoka fuq l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-produzzjoni tal-ikel u l-provvista tal-ilma fil-baċir tal-Mediterran; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni, tipprovdi l-appoġġ meħtieġ u tiżgura l-kontinwità ta' din l-inizjattiva, kif ukoll inizjattivi simili oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi inizjattiva ġdida fl-ambitu tal-Artikolu 185 tat-TFUE speċifikament immirata għall-ilħiq tal-objettivi tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE;

23.  Jappella biex tittieħed azzjoni li tikkoordina l-pjanijiet ta' azzjoni tal-UE dwar id-diplomazija tal-enerġija u tal-ilma mad-diplomazija dwar il-klima, billi, fejn ikun xieraq, tagħti spinta lis-sinerġiji u l-azzjonijiet konġunti bejn l-elementi korrispondenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

24.  Jitlob li jkun hemm aktar involviment mill-Parlament u li jkun hemm proċess annwali, li jinbeda mill-Kummissjoni u s-SEAE u jsir f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet ewlenin għad-diplomazija dwar il-klima tal-UE fis-sena inkwistjoni u sabiex jitressqu rakkomandazzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċità;

25.  Jimpenja ruħu li jifformula pożizzjoni proprja u rakkomandazzjonijiet għal strateġija ġdida tal-UE fuq terminu twil għal nofs is-seklu li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill qabel ma jiġu ppreżentati lill-UNFCCC;

26.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jibda proċess li se jikkontribwixxi għal dan l-isforz permezz ta' rapporti regolari dwar l-attivitajiet tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE u l-kisbiet tagħha, kif ukoll in-nuqqasijiet tagħha; iżid jgħid li r-rapporti regolari għandu jkun fihom punti ta' riferiment ċari f'dan ir-rigward;

27.  Jenfasizza r-rwol vitali tad-diplomazija parlamentari fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jimpenja ruħu li jagħmel użu aħjar mir-rwol internazzjonali tiegħu u s-sħubija tiegħu f'netwerks parlamentari internazzjonali,biex isaħħaħ l-attivitajiet klimatiċi kemm fil-ħidma tad-delegazzjonijiet tiegħu kif ukoll permezz taż-żjarat ta' delegazzjoni, u speċjalment dawk tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tiegħu u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu u matul il-laqgħat interparlamentari Ewropej u internazzjonali kif ukoll fil-pjattaformi ta' djalogu mal-parlamenti nazzjonali u atturi sottonazzjonali/atturi mhux statali u s-soċjetà ċivili, filwaqt li jfittex li f'kull mument jinkludi l-integrazzjoni meħtieġa tal-perspettiva tal-ġeneru;

28.  Jitlob li jkun hemm allokazzjoni miżjuda tar-riżorsi umani u finanzjarji fis-SEAE u l-Kummissjoni, sabiex dan jirrifletti aħjar l-impenn b'saħħtu fid-diplomazija dwar il-klima u l-involviment akbar fiha; iħeġġeġ lis-SEAE jinkludi d-diplomazija dwar il-klima fl-aġendi tad-delegazzjonijiet tal-UE meta jiltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom minn pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali u biex jippjana u jassenja importanza strateġika lill-isforzi tad-diplomazija dwar il-klima f'kull delegazzjoni tal-UE flimkien mar-rappreżentanzi tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi; jitlob, għalhekk, l-inklużjoni ta' punt fokali fuq it-tibdil fil-klima fid-delegazzjonijiet ewlenin tal-UE fil-pajjiżi terzi u ta' perċentwal ogħla ta' esperti tal-klima meta jinħolqu karigi mħallta fid-delegazzjonijiet tal-UE;

29.  Jenfasizza li n-nefqa relatata mal-klima fil-baġit tal-UE tista' toħloq valur miżjud għoli u għandha tiżdied b'mod sinifikanti sabiex tirrifletti ż-żieda fl-importanza u l-urġenza ta' azzjoni klimatika u l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet tad-diplomazija dwar il-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex iżidu n-nefqa b'rabta mad-diplomazija dwar il-klima fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, japprovaw l-allokazzjoni ta' mill-inqas 30 % tan-nefqa relatata mal-klima, kif rakkomandat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020(8) u jallinjaw il-baġit tal-UE b'mod ġenerali mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs sabiex jiżguraw li n-nefqa tal-baġit ma tmurx kontra l-isforzi tal-klima; jinnota f'dan il-kuntest li setturi sensittivi (bħall-agrikoltura, l-industrija, l-enerġija u t-trasport) b'mod partikolari se jeħtieġu li jsir sforz akbar fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju; jappella għal użu aħjar ta' fondi oħrajn tal-UE biex tiġi żgurata l-effiċjenza tar-riżorsi, jinkisbu l-aħjar riżultati u impatt imtejjeb għall-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-UE;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi sħab, jiżviluppaw kooperazzjoni ambjentali bil-ħsieb li jitrawmu politiki ta' żvilupp sostenibbli bbażati fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti bis-sħiħ id-dimensjoni globali, inklużi l-għanijiet tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE, fil-komunikazzjoni li jmiss tagħha dwar "Il-futur tal-politika tal-klima u l-enerġija tal-UE" u dwar l-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jistieden ukoll lis-SEAE u l-Kummissjoni jkomplu jiżviluppaw viżjoni fit-tul sabiex iressqu komunikazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-fehim tagħhom tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE kif ukoll approċċ strateġiku għall-attivitajiet tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-rapport, filwaqt li jitqies l-approċċ tal-Parlament kif stabbilit f'dan it-test;

32.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżidu l-koordinazzjoni interna tagħhom rigward l-ispostament minħabba l-klima billi jistabbilixxu panil ta' esperti biex jesploraw it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, permezz ta' task force bejn l-aġenziji;

33.  Jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija sħaħ u ugwali tagħhom huma vitali għall-azzjoni klimatika; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintegraw perspettivi dwar il-ġeneru f'politiki dwar il-klima u jieħdu approċċ sensittiv għall-kwistjoni tal-ġeneru billi t-tibdil fil-klima spiss jiggrava l-inugwaljanzi tal-ġeneru u s-sitwazzjoni tan-nisa, jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' nisa indiġeni u difensuri tad-drittijiet tan-nisa fi ħdan il-qafas tal-UNFCCC billi l-għarfien tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali huwa essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Il-Ġlieda kontra t-Tibdil fil-Klima bħala Xprun ta' Kooperazzjoni Internazzjonali

34.  Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ikunu atturi attivi fl-organizzazzjonijiet u l-fora internazzjonali (bħan-NU, l-UNFCCC, il-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HPFL), l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU, l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), in-NATO, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), il-Kunsill tal-Artiku u l-G7 u l-G20) u jeħtiġilhom jikkooperaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali (bħall-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), il-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), il-MERCOSUR u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC)) sabiex irawmu s-sħubiji globali u jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs, filwaqt li jiddefendu, isaħħu u jiżviluppaw aktar ir-reġimi ta' kooperazzjoni multilaterali;

35.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu post aktar b'saħħtu lill-azzjoni klimatika fl-aġendi ta' summits u laqgħat tal-G20 u ta' laqgħat bilaterali ta' membri tal-G20, u jinvolvu ruħhom ma' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bħal pereżempju l-Grupp tas-77 fin-Nazzjonijiet Uniti (G77) u netwerks oħra bħalma huma l-Alleanza ta' Stati Gżejjer Żgħar (AOSIS);

36.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom fil-qafas tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), f'konformità mal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-IMO tieħu azzjoni addizzjonali rapida u xierqa bil-għan li t-tbaħħir internazzjonali jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-dimensjoni tat-tibdil fil-klima fil-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ u l-investiment u tagħmel ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kundizzjoni għal ftehimiet kummerċjali futuri; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, twettaq valutazzjoni komprensiva tal-konsistenza tal-ftehimiet eżistenti mal-ftehim ta' Pariġi fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-istrumenti u l-programmi finanzjarji bil-għan li tiżgura l-koerenza, tappoġġa lil pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u żżid l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-UE; jirrakkomanda l-iżvilupp u l-inklużjoni sistematika ta' klawżola fundamentali obbligatorja tat-tibdil fil-klima fi ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, rigward l-impenn reċiproku għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, biex b'hekk jiġi appoġġat il-proċess Ewropew u internazzjonali ta' dekarbonizzazzjoni;

38.  Jappoġġa l-impenn qawwi u attiv tal-UE fi ħdan il-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira (HAC) u mal-pajjiżi membri tagħha sabiex tagħti viżibbiltà għad-determinazzjoni tagħhom sabiex tinkiseb implimentazzjoni sinifikanti tal-Ftehim ta' Pariġi, permezz tal-konklużjoni ta' ġabra ta' regoli tagħha fl-2018 u Djalogu ta' Talanoa ta' suċċess fil-COP24 li huwa mmirat biex fil-ftit snin li ġejjin jimmotiva lil aktar stati jingħaqdu ma' dawn l-isforzi u jistabbilixxu grupp ta' mexxejja klimatiċi li jkunu lesti jintensifikaw il-miri tagħhom fir-rigward tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, bil-ħsieb li jistabbilixxu tmexxija kondiviża biex b'mod konġunt imexxu l-integrazzjoni tal-kwistjoni tat-tibdil fil-klima b'mod trażversali fi kwistjonijiet ta' politika barranija inklużi l-kummerċ, ir-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-sigurtà;

39.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' azzjoni ta' adattament, strateġiji u pjanijiet effettivi u effiċjenti, inkluż l-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistemi biex tittejjeb il-kapaċità ta' adattament, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi;

40.  Jenfasizza l-vulnerabilità partikolari li l-ekosistemi li jinsabu fl-Artiku għandhom għat-tibdil fil-klima meta nqisu il-fatt li, f'dawn l-aħħar ftit deċennji, it-temperatura fl-Artiku kienet qed togħla b'rata kważi doppja ta' dik tal-medja globali; jirrikonoxxi li t-tniġġis li qiegħed jitfaċċa fil-klima tal-Artiku fil-biċċa l-kbira tiegħu ġej mill-għejun ta' emissjonijiet fl-Asja, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa, u li l-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet fl-UE għalhekk jaqdu rwol importanti fl-indirizzar determinat tat-tibdil fil-klima fl-Artiku; iqis ukoll l-interess muri fl-Artiku u r-riżorsi tiegħu minħabba l-ambjent taż-żona li qed jinbidel u minħabba l-importanza ġeopolitika tal-Artiku li kulma jmur qegħda tikber; iqis li ekosistemi tal-Artiku b'saħħithom u sostenibbli, abitati minn komunitajiet vijabbli, huma importanti mil-lat strateġiku għall-istabilità politika u ekonomika tal-Ewropa u tad-dinja; iqis li jeħtieġ li fl-aħħar jiġi implimentat l-istatus formali tal-UE bħala osservatriċi fil-Kunsill tal-Artiku;

41.  Jenfasizza r-responsabilità tal-UE u ta' pajjiżi sinjuri oħrajn, peress li storikament huma l-kontributuri ewlenin għat-tisħin globali, li juru aktar solidarjetà lejn l-istati vulnerabbli, prinċipalment fin-Nofsinhar Globali u l-gżejjer, li huma l-aktar milquta mill-impatt tat-tibdil fil-klima u li jiżguraw appoġġ kontinwu sabiex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, inkluż permezz tal-konservazzjoni tan-natura u r-restawr tal-ekosistemi li jaqdu rwol importanti fir-regolazzjoni tal-klima, jgħinuhom jirkupraw mill-ħsara marbuta mat-tibdil fil-klima u jtejbu l-miżuri ta' adattament u reżiljenza permezz ta' appoġġ finanzjarju adegwat u permezz ta' bini ta' kapaċità, partikolarment permezz ta' sħubijiet tal-NDC; jinnota li l-istati vulnerabbli huma sħab kruċjali biex issir il-promozzjoni internazzjonali ta' azzjoni ambizzjuża fir-rigward tal-klima, meta titqies it-theddida eżistenzjali li qed isibu ma' wiċċhom bit-tibdil fil-klima;

42.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ lill-pajjiżi anqas sinjuri fl-isforzi biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jiżdied l-aċċess affordabbli għall-enerġija rinnovabbli, kif ukoll permezz ta' programmi li jappoġġaw l-aċċess għax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni skont l-SDG 17, u billi dawn isiru konxji mit-teknoloġiji disponibbli biex jissorveljaw u jħarsu l-ambjent u ċ-ċittadini, bħall-programm spazjali emblematiku Copernicus u s-servizz tiegħu dwar it-tibdil fil-klima; jenfasizza l-opportunitajiet offruti mill-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE fl-istimular ta' investimenti li huma intelliġenti mil-lat tal-klima u fl-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi żgurat li l-aġenziji umanitarji jfasslu perspettiva fit-tul għall-azzjoni tagħhom ibbażata fuq l-għarfien approfondit tal-impatti tal-klima fiż-żoni vulnerabbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva li tippromwovi l-eċċellenza tal-UE f'teknoloġiji ekoloġiċi fuq livell globali;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki tal-UE jiġu simplifikati sabiex jirrispondu b'mod adegwat għal sitwazzjonijiet bħalma hi l-iskarsezza tal-ilma u tal-ikel, li x'aktarx li se jokkorru aktar spiss fil-ġejjieni; ifakkar li skarsezzi bħal dawn tan-nutrizzjoni fundamentali jġibu sfidi tas-sigurtà severi u fit-tul, li jkollhom ir-riskju li potenzjalment jikkontrobilanċjaw kisbiet oħra tal-politika ta' żvilupp tal-UE;

44.  Jistieden lill-UE tagħti prijorità lill-għajnuna fis-sura ta' għotjiet u trasferimenti tat-teknoloġija lill-aktar pajjiżi fqar sabiex iwettqu t-tranżizzjoni tal-enerġija;

45.  Jirrakkomanda li l-UE tapprofondixxi l-kooperazzjoni strateġika tagħha kemm fuq il-livell statali kif ukoll fuq il-livell mhux statali permezz ta' djalogi u sħubijiet dwar l-iżvilupp b'livell żero ta' karbonju ma' ekonomiji emerġenti u pajjiżi oħra li għandhom impatt kbir fuq it-tisħin globali, iżda li huma wkoll deċiżivi f'termini ta' azzjoni klimatika globali; jinnota fuq dan l-isfond li l-klima tista' tkun punt ta' dħul għal impenn diplomatiku ma' sħab li magħhom punti oħra tal-aġenda huma kkontestati ħafna, u b'hekk toffri opportunità sabiex jissaħħu l-istabilità u l-paċi; jistieden lill-UE tikkondividi l-esperjenzi fil-qasam tal-politika u l-lezzjonijiet meħuda mas-sħab tagħha sabiex taċċellera l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-UE toħloq panils sabiex tiddiskuti politiki dwar il-klima u s-sostenibilità, djalogi ekonomiċi u teknoloġiċi dwar soluzzjonijiet ta' tranżizzjoni u ta' reżiljenza, inkluż matul laqgħat ministerjali ta' livell għoli; jappella lill-UE biex tibni u tappoġġa sħubijiet f'oqsma ta' interess komuni, inkluż il-perkorsi tal-2050, riforma sostenibbli tal-finanzi, trasport nadif, swieq tal-karbonju u strumenti oħra ta' pprezzar tal-karbonju lil hinn mill-Ewropa bil-għan li jiġu limitati l-emissjonijiet globali filwaqt li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għas-setturi ekonomiċi kollha;

46.  Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem nett fl-iżvilupp ta' sħubijiet internazzjonali u reġjonali fis-swieq tal-karbonju kif hemm spjegat fl-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi u tagħmel użu mill-għarfien espert tagħha fl-istabbiliment, l-aġġustament u l-operazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u l-esperjenza li għandha fl-irbit tal-ETS mas-suq tal-karbonju Svizzeru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għall-ipprezzar tal-karbonju fi stati u reġjuni terzi u jrawmu l-kooperazzjoni internazzjonali bl-għan li jagħmluhom fil-biċċa l-kbira kompatibbli fuq perjodu ta' żmien medju u jinħoloq suq tal-karbonju internazzjonali fuq perjodu ta' żmien twil; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kooperazzjoni b'suċċess f'dawn l-aħħar snin bejn l-UE u ċ-Ċina, li ppermettiet il-varar ta' sistema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet nazzjonali fiċ-Ċina f'Diċembru 2017; jistenna b'interess ir-riżultati tal-ħidma li għaddejja li se tkun kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa kontinwament l-ambizzjoni taċ-Ċina ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-karbonju u ssaħħaħ il-kooperazzjoni futura sabiex taħdem lejn kundizzjonijiet ekwi globali ;

47.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv fil-livell internazzjonali politika proattiva biex tindirizza b'mod determinat l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, inkluż billi tistabbilixxi limiti fuq l-emissjonijiet u miżuri immedjati biex tnaqqas l-emissjonijiet fis-settur marittimu u f'dak tal-avjazzjoni fil-livell internazzjonali;

48.  Jemmen li hemm bżonn li jsir aktar xogħol fuq l-iżvilupp ta' aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntieri biex tingħata spinta lill-isforzi ulterjuri mill-pajjiżi kollha biex jintlaħqu l-objettivi minquxa fil-Ftehim ta' Pariġi;

49.  Jirrakkomanda li l-UE, flimkien man-NU, tappoġġa kooperazzjoni globali ikbar biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tempesti tar-ramel li, b'mod speċjali fil-Lvant Nofsani, qed tintensifika t-tensjonijiet eżistenti u toħloq oħrajn ġodda; jirrimarka li dawn it-tempesti, minbarra li qed jikkawżaw problemi tas-saħħa serji, qed inixxfu r-riżorsi tal-ilma li diġà huma limitati fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, tikkoopera man-Nazzjonijiet Uniti fit-titjib tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' twissija;

50.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex id-djalogi strateġiċi tagħhom dwar l-enerġija mal-pajjiżi li jesportaw il-karburant fossili fil-viċinat usa' tal-UE jiffukawhom fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija dekarbonizzata u fuq mudelli ta' żvilupp ekonomiku b'livell żero ta' karbonju sabiex jissaħħu l-paċi kif ukoll is-sigurtà u l-benesseri tal-bniedem fl-Ewropa u kullimkien;

51.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu d-djalogi ta' politika internazzjonali tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi sħab konsistenti bis-sħiħ mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u mal-ambizzjoni tal-UE li tkun ta' quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli;

Is-sħab Strateġiċi tal-UE

52.  Iqis importanti li l-UE tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha biex tinvolvi mill-ġdid lill-Istati Uniti f'kooperazzjoni multilaterali dwar it-tibdil tal-klima, filwaqt li tħeġġeġ lill-Istati Uniti jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi mingħajr ma jiġi pperikolat il-livell ta' ambizzjoni tiegħu; iqis li djalogu parlamentari u kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali huma strumenti ewlenin biex jintlaħaq dan il-għan;

53.  Jirrimarka l-fatt li n-negozjati ta' Brexit u r-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit iridu jirriflettu l-bżonn ta' kooperazzjoni kontinwa fir-rigward tad-diplomazija dwar il-klima;

54.  Jinnota li r-reġjuni u l-bliet jaqdu rwol li kulma jmur qed isir aktar importanti fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, peress li huma milquta direttament mit-tibdil fil-klima, li t-tkabbir tagħhom għandu impatt dirett fuq il-klima u li qed isiru aktar attivi fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih, xi drabi fid-dawl ta' politiki kontradittorji tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom; itenni l-importanza ewlenija tal-bliet u r-reġjuni fl-introduzzjoni ta' innovazzjonijiet u miżuri ta' ħarsien ambjentali, bl-użu ta' teknoloġiji ekoloġiċi, investiment f'ħiliet, taħriġ u żieda tal-kompetittività permezz tal-iżvilupp ta' teknoloġiji puri fil-livell lokali; jistieden għalhekk lill-UE ssaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tagħha ma' awtoritajiet lokali u reġjonali u popli indiġeni f'pajjiżi terzi u f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs), sabiex titjieb il-kooperazzjoni tematika u settorjali bejn il-bliet u r-reġjuni kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha sabiex jiġu żviluppati inizjattivi ta' adattament u reżiljenza, u biex jissaħħu l-mudelli ta' żvilupp sostenibbli u pjanijiet ta' tnaqqis ta' emissjonijiet f'setturi ewelenin bħalma huma l-enerġija, l-industrija, it-teknoloġija, l-agrikoltura u t-trasport kemm fiż-żoni urbani u kemm f'dawk rurali, eż. permezz ta' programmi ta' ġemellaġġ, permezz tal-Programm dwar il-Kooperazzjoni Urbana Internazzjonali, permezz tal-appoġġ għal pjattaformi bħalma huma l-Patt tas-Sindki u billi jinbnew fora ġodda għall-iskambju tal-aħjar prattiki; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-isforzi li jsiru mill-atturi reġjonali u lokali biex jintroduċu kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali (simili għall-NDCs) fejn l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima tista' tiżdied permezz ta' dan il-proċess; jinnota r-rwol li jista' jkollhom f'dan ir-rigward id-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi;

55.  Jinnota wkoll li ż-żieda fl-urbanizzazzjoni li tidher f'ħafna partijiet tad-dinja qed taggrava l-isfidi li diġà jeżistu kkawżati mit-tibdil fil-klima minħabba domanda akbar għar-riżorsi bħalma huma l-enerġija, l-art u l-ilma u tikkontribwixxi biex ikomplu jmorru għall-agħar il-problemi ambjentali li hemm f'ħafna konurbazzjonijiet kemm ġewwa l-UE u kemm barra minnha, bħalma huma t-tniġġis tal-arja u volumi akbar ta' skart; jinnota li konsegwenzi ulterjuri tat-tibdil fil-klima, bħalma huma ġrajjiet tat-temp estremi, nixfiet u degradazzjoni tal-art, spiss jinħassu fiż-żoni rurali b'mod partikolari; jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom bżonn jirċievu attenzjoni u appoġġ speċjali biex jindirizzaw dawn l-isfidi, biex jistabbilixxu reżiljenza aħjar u jikkontribwixxu għall-isforzi ta' mitigazzjoni billi jiżviluppaw forom ġodda ta' kunċetti ta' provvista tal-enerġija kif ukoll ta' trasport;

56.  Jenfasizza kemm hi importanti l-kooperazzjoni tranfruntiera bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali transfruntiera, b'konformità mar-regoli u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Ilma, il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni ta' Espoo;

57.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu r-rabtiet tagħhom mas-soċjetà ċivili u jappoġġawha madwar id-dinja, bħala aġenti favur l-azzjoni klimatika, u jiffurmaw alleanzi u jibnu sinerġiji mal-komunità xjentifika, organizzazzjonijiet mhux governattivi, komunitajiet lokali, komunitajiet indiġeni u atturi mhux tradizzjonali sabiex jiġu allinjati aħjar l-għanijiet, l-ideat u l-metodi tad-diversi atturi, biex b'hekk jinbena approċċ ikkoordinat għall-azzjoni klimatika; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom mas-settur privat, biex isaħħu l-kooperazzjoni rigward kif jistgħu jiksbu l-opportunitajiet mit-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr emissjonijiet ta' karbonju, biex jiżviluppaw strateġiji ta' esportazzjonijiet għat-teknoloġiji dwar il-klima għall-pajjiżi globalment u sabiex iħeġġu t-trasferiment tat-teknoloġija lejn pajjiżi terzi u l-bini tal-kapaċità fihom li jħeġġu l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

58.  Jissottolinja l-importanza tar-riċerka xjentifika għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-qasam tal-klima; jinnota li l-iskambju xjentifiku transfruntier huwa komponent fundamentali tal-kooperazzjoni internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu kontinwament l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet xjentifiċi li jaħdmu fuq il-valutazzjoni tar-riskji klimatiċi u li għandhom l-għan li jagħmlu stima tal-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u joffru miżuri possibbli ta' adattament għall-awtoritajiet politiċi; iħeġġeġ lill-UE tuża l-kapaċitajiet ta' riċerka tagħha proprji sabiex tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika globali;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, għal informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 46.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0380.
(3) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 51.
(4) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 24.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0005.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0066.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0075.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza