Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 147kPDF 776k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 5 : RIŻOLUZZJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Artikolu 144 : Dibattiti fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt

1.   Kumitat, delegazzjoni interparlamentari, grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jistgħu jitolbu bil-miktub lill-President biex isir dibattitu dwar każ urġenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

2.   Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tagħmel lista ta' suġġetti li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz aħħari tal-aġenda għad-dibattitu li jkun imiss fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt skont it-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1 u skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness IV. In-numru totali ta' suġġetti nklużi fl-aġenda m'għandux ikun akbar minn tlieta, inklużi s-sotto-kapitoli.

Skont l-Artikolu 158, il-Parlament jista' jwarrab suġġett li jkun se jiġi diskuss u jibdlu ma' ieħor mhux skedat. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet fuq is-suġġetti magħżula jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda minn Kumitat, grupp politiku jew minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx sa fil-għaxija ta' dak il-jum li fih tkun approvata l-aġenda. Il-President għandu jistabbilixxi data ta' skadenza preċiża sa meta jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda dawn il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet.

3.   Il-ħin totali allokat għad-diskorsi tal-gruppi politiċi u tal-Membri mhux affiljati għandu jiġi stabbilit skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 171(4) u (5) sal-limitu tal-ħin massimu ta' 60 minuta għad-dibattiti għal kull sessjoni parzjali.

Il-ħin li jifdal wara li jitnaqqas il-ħin meħtieġ għall-introduzzjoni tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet u kwalunkwe ħin għad-diskorsi allokat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għandu jinqasam bejn il-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati.

4.   Fl-aħħar tad-dibattitu għandu jittieħed vot immedjat. L-Artikolu 194 li jikkonċerna l-ispjegazzjonijiet tal-vot ma għandux japplika.

Il-votazzjonijiet li jsiru skont dan l-Artikolu jistgħu jiġu organizzati fuq bażi kollettiva taħt ir-responsabbiltà tal-President u tal-Konferenza tal-Presidenti.

5.   Jekk jitqiegħdu fuq il-Mejda żewġ mozzjonijiet jew aktar għal riżoluzzjonijiet dwar l-istess suġġett, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 132(4) u (5).

6.   Il-President u l-presidenti tal-gruppi politiċi jistgħu jiddeċiedu li mozzjoni għal riżoluzzjoni għandu jittieħed vot fuqha mingħajr dibattitu. Deċiżjoni ta' dan it-tip tirrikjedi l-qbil unanimu tal-presidenti tal-gruppi politiċi kollha.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 197 u 198 ma japplikawx għal riżoluzzjonijiet inklużi fl-aġenda għal dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jitqiegħdu fuq il-Mejda għal dibattitu biss wara li tkun ġiet approvata l-lista tas-suġġetti. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fil-ħin allokat għad-dibattitu jiskadu. L-istess għandu japplika fil-każ tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet li għalihom, fuq talba skont l-Artikolu 178(3), ikun ġie stabbilit li m'hemmx kworum. L-awturi jibqa' jkollhom id-dritt li jerġgħu jqiegħdu fuq il-Mejda dawn il-mozzjonijiet, biex jiġu riferuti għal eżami fil-kumitat skont l-Artikolu 143 jew biex ikun hemm dibattitu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fis-sessjoni parzjali li jkun imiss.

Suġġett ma jistax jitqiegħed fl-aġenda għal dibattitu fuq każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jekk diġà jkun fl-aġenda għal dik is-sessjoni parzjali.

M'hemm ebda dispożizzjoni fir-Regoli ta' Proċedura li tippermetti li jsir dibattitu konġunt fuq mozzjoni għal riżoluzzjoni mqiegħda fuq il-Mejda skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 , u fuq rapport ta' kumitat dwar l-istess suġġett.

Meta ssir talba skont l-Artikolu 178(3) sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx hemm kworum, din it-talba għandha tkun valida biss fil-każ tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni li għandu jittieħed vot fuqha u mhux fil-każ tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li jiġu wara.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza