Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2646(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0343/2010

Testi mressqa :

B7-0343/2010

Dibattiti :

PV 15/06/2010 - 19
CRE 15/06/2010 - 19

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2010 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0233

Testi adottati
PDF 80kWORD 45k
Il-Ħamis, 17 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Sport, speċifikament dwar l-aġenti tal-plejers
P7_TA(2010)0233B7-0343/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-aġenti tal-plejers fl-isport

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-8 ta' Mejju 2008 dwar il-White Paper dwar l-isport tal-Kummissjoni Ewropea(2) ,

–  wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport (COM(2007)0391),

–  wara li kkundisra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tas-26 ta' Jannar 2005 tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej(3) ,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-10 ta' Marzu 2010 lill-Kummissjoni dwar l-isport, speċifikament dwar l-aġenti tal-plejers (O-0032/2010 – B7-0308/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Ifakkar li l-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-korpi regolaturi tal-futbol fl-isforzi tagħhom biex jirregolaw lill-aġenti tal-plejers, jekk meħtieġ billi tippreżenta proposta għal direttiva rigward dawn l-aġenti;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-“Istudju dwar l-aġenti tal-isports fl-Unjoni Ewropea” li ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u li r-riżultati tiegħu issa huma disponibbli;

3.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar dak li ħareġ mill-istudju rigward attivitajiet kriminali mwettqa f'konnessjoni mal-isport li jsemmi episodji fejn l-isport huwa affettwat mill-kriminalità organizzata b'rabtiet ma' attivitajiet tal-aġenti tal-plejers; jemmen li dan l-iżvilupp huwa ta' detriment għall-immaġni tal-isport, għall-integrità tiegħu u ultimament għar-rwol tiegħu fis-soċjetà;

4.  Jieħu nota ta' wieħed mill-fatti li ħarġu mill-istudju li l-aġenti tal-isport huma ċentrali fil-flussi finanzjarji li spiss mhumiex trasparenti, u li jagħmluhom soġġetti għal attivitajiet illegali; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi minn xi klabbs u korpi governattivi biex iżidu t-trasparenza tat-transazzjonijiet finanzjarji;

5.  Jinnota li l-istudju joħroġ fid-dieher l-opaċità inerenti tas-sistemi ta' trasferiment partikolarment fl-isports tat-timijiet, li joħolqu sitwazzjoni li kapaċi twassal għal attivitajiet illegali fejn huma involuti l-aġenti kif ukoll il-klabbs u l-plejers;

6.  Jenfasizza l-vulnerabilità speċifika tal-plejers żgħażagħ u r-riskju li huma jsiru vittmi ta' traffikar tal-bnedmin;

7.  Jenfasizza r-responsabilità speċifika tal-aġenti u l-klabbs tal-plejers, speċjalment lejn il-plejers żgħażagħ u għalhekk jistieden liż-żewġ partijiet biex jassumu din ir-responsabilità, b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ edukattiv u vokazzjonali tal-plejers żgħażagħ;

8.  Jenfasizza l-fatt li ħareġ mill-istudju li r-regolamenti tal-aġenti stabbiliti mill-federazzjonijiet tal-isports huma mmirati bażikament biex jikkontrollaw l-aċċess għall-professjoni u jirregolaw l-eżerċizzju tagħha, imma li dawn il-korpi għandhom biss poteri superviżorji u ta' sanzjonament limitati, peress li m'għandhom l-ebda mezz ta' kontroll jew ta' azzjoni diretta vis-à-vis l-aġenti tal-isports li mhumiex irreġistrati magħhom; l-anqas huma intitolati li jimponu pieni ċivili jew kriminali;

9.  Jaqbel mal-korpi regolatorji tal-isports u mal-partijiet interessati tal-isports li jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġu affrontanti b'mod organizzat u determinat il-problemi marbuta mal-integrità u l-kredibilità tal-isport u tal-atturi fl-isport;

10.  Jemmen li jekk titneħħa għalkollox is-sistema eżistenti tal-liċenzji tal-FIFA għall-aġenti tal-plejers mingħajr ma tiġi stabbilita sistema alternattiva robusta dan ma jkunx il-mod xieraq ta' kif jiġu affrontati b'mod organizzat u determinat il-problemi li jeżistu fil-qasam tal-aġenti tal-plejers fil-futbol;

11.  Japplawdi l-isforzi li jagħmlu l-korpi regolaturi tal-isport biex iġibu aktar trasparenza u superviżjoni tal-flussi finanzjarji;

12.  Jistieden lill-Kunsill biex iżżid l-isforzi ta' koordinament li qed tagħmel fil-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali marbuta mal-attivitajiet tal-aġenti, inklużi l-ħasil tal-flus, it-tbagħbis tal-logħob u t-traffikar tal-bnedmin;

13.  Jirreferi għas-sentenza msemmija hawn fuq dwar il-każ T-193/02 fejn il-Qorti ddikjarat li bħala prinċipju r-regolarizzar tal-attivitajiet tal-aġenti tal-plejers li tikkostitwixxi kontroll fuq il-korrettezza ta' attività ekonomika u tinvolvi l-libertajiet fundamentali, taqa' fil-kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi;

14.  Ifakkar li fl-istess sentenza l-Qorti rrikonoxxiet li federazzjonijiet bħal m'hi l-FIFA huma intitolati li jirregolaw il-professjoni tal-aġenti sakemm l-objettiv tar-regolarizzar ikun li jitgħollew l-istandards professjonali u etiċi fl-attivitajiet tal-aġenti bil-għan li l-plejers jitħarsu u li r-regolarizzar ma jkunx antikompetittiva; ifakkar li kollettivament, l-aġenti mhumiex organizzati f'livell professjonali u li l-professjoni hija soġġetta għal regolarizzar limitat ħafna fil-livell ta' Stati Membri;

15.  Jinsab konvint li f'kuntest ta' attivitajiet transkonfinali u regolamenti nazzjonali diversi applikabbli għall-isporta l-effikaċja tal-kontroll u l-infurzar ta' sanzjonijiet jista' jiġi affrontat b'mod organizzat u determinat biss permezz ta' sforzi konġunti mill-korpi regolatorji tal-isports u l-awtoritajiet pubbliċi;

16.  Jinnota li filwaqt li l-attivitajiet tal-aġenti huma regolati estensivament fil-livell internazzjonali u nazzjonali minn korpi tal-isports f'xi dixxiplini, huma ftit ħafna l-Istati Membri li adottaw liġijiet speċifiċi li jindirizzaw l-aġenti tal-isports;

17.  Jemmen li meta titqies id-diversità konfondenti tar-regolamenti applikabbli għall-attivitajiet tal-aġenti tal-isports, jinħtieġ li jkun hemm approċċ koerenti fl-UE kollha bil-għan li jiġu evitati lakuni kkaġunati minn regolarizzar li ma jkunx ċar u biex ikun żgurat monitoraġġ u kontroll xierqa tal-attivitajiet tal-aġenti;

18.  Itenni t-talba tiegħu għal inizjattiva tal-UE rigward l-attivitajiet tal-aġenti tal-plejers li għandha timmira għal:

   standards u kriterji ta' eżaminar stretti qabel ma wieħed ikun jista' jopera bħala aġent tal-plejers,
   trasparenza fit-transazzjonijiet tal-aġenti,
   projbizzjoni ta' rimunerazzjoni lill-aġenti tal-plejers relatata mat-trasferiment ta' minorenni,
   standards armonizzati minimi għall-kuntratti tal-aġenti,
   sistema effiċjenti ta' monitoraġġ u dixxiplina,
   l-introduzzjoni ta' “sistema ta' liċenzjar tal-aġenti” fl-UE kollha kemm hi u reġistru tal-aġenti,
   it-tneħħija tar-“rappreżentazzjoni doppja”,
   rimunerazzjoni gradwali bil-kundizzjoni li jiġi ssodisfat il-kuntratt;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea.

(1) ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 232.
(2) ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 51.
(3) Każ T-193/02, Laurent Piau v il-Kummissjoni (ECR 2005, p. I-00209).

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Lulju 2011Avviż legali