Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2219(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0312/2010

Testi mressqa :

A7-0312/2010

Dibattiti :

PV 24/11/2010 - 20
CRE 24/11/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0434

Testi adottati
PDF 333kWORD 101k
Il-Ħamis, 25 ta' Novembru 2010 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali
P7_TA(2010)0434A7-0312/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali (2009/2219(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 153, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem (1948) u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966) u dak dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (1965), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (1979) u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989), id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (2007) u d-dokument finali tas-Samit tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 sat-22 ta' Settembru 2010 fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakexx li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerc, u d-Dikjarazzjoni adottata waqt ir-raba' konferenza ministerjali li saret f'Novembru 2001 f'Doha, b'mod partikulari l-Paragrafu 31,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 1996 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni tar-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (COM(1995)0216)(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2001 dwar it-trasparenza u d-demokrazija fil-kummerċ internazzjonali(3) li appellat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tirrispetta l-istandards soċjali fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u lill-UE biex taċċetta d-deċiżjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inklużi sanzjonijiet b'konnessjoni ma' ksur serju tal-istandards soċjali fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (COM(2001)0252)(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Socjali tal-Globalizzazzjoni - il-kontribut ta' politika tal-UE biex igawdi kulħadd (COM(2004)0383),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2005 dwar id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2005 dwar l-isfruttament tat-tfal fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'enfasi speċjali fuq ix-xogħol tat-tfal(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-14 ta' Ġunju 2010 dwar it-tħaddim tat-tfal(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-kummerċ ġust u l-iżvilupp(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa globalizzata: Aspetti Esterni tal-kompetittività(9) b'risposta għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar “l-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija - Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Promozzjoni tax-xogħol deċenti ghal kulħadd - Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd” (COM(2006)0249),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU dwar Impjieg għal Kulħadd u Xogħol Deċenti tal-2006, li tirrikonoxxi l-impjieg sħiħ u produttiv,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(10), li titlob il-promozzjoni ta' xogħol deċenti permezz tal-inklużjoni ta' standards soċjali fit-ftehimiet kummerċjali tal-UE, b'mod partikolari l-ftehimiet bilaterali,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti u l- Patt Globali għall-Impjiegi tal-ILO , addottati b'kunsens dinji fid-19 ta' Ġunju 2009 waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, u d-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Brussell tal-1968, kif konsolidata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali(11),

–  wara li kkunsidra s-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (GSP), fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2006, li tagħti aċċess bla dazju jew bit-tnaqqis tat-tariffi għal numru ikbar ta' prodotti u tinkludi wkoll inċentiv ġdid għall-pajjiżi vulnerabbli ffaċjati minn bżonnijiet speċifiċi ta' kummerċ, finanzi jew żvilupp,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-Unjoni Ewropea u Stati li mhumiex membri,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Pacifiku (AKP), min-naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea, minn naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, u r-reviżjonijiet tiegħu fl-2005 u l-2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ftehimiet dwar sħubija ekonomika mar-reġjuni u l-pajjiżi AKP , u b'mod partikulari dawk tas-26 ta' Settembru 2002(12), tat-23 ta' Mejju 2007(13) u tat-12 ta' Diċembru 2007(14),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ambjent bħall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1987), il-Konvenzjoni ta' Basel dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta' skart perikoluż (1989), il-Protokoll ta' Cartegena dwar il-bijosigurtà (2000) u l-Protokoll ta' Kjoto (1997),

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 13 tal-ftehim ta' kummerċ ħieles iffirmat f'Ottubru 2009 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù meta kien iffirmat il-Ftehim Kummerċjali bejn Bosta Partijiet,

–  wara li kkunsidra s-smigħ dwar “L-applikazzjoni ta' standards soċjali u ambjentali fin-negozjati kummerċjali” li l-Parlament organizza fl-14 ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0312/2010),

A.  billi r-rabta bejn il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali saret parti kbira mir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ u hija integrali għan-negozjati dwar il-kummerċ ħieles,

B.  billi t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u r-riskji ambjentali u soċjali qed isiru dejjem aktar frekwenti, bi ħsara b'mod partikolari għall-intrapriżi u l-ħaddiema li jinsabu fl-Unjoni Ewropea li huma sottomessi għall-osservanza ta' standards soċjali, ambjentali u fiskali ogħla,

C.  billi l-UE, fir-rapporti tagħha mal-pajjiżi terzi, għandha tadotta strateġija kummerċjali bbażata fuq ir-reċiproċità imma din għandha tkun differenzjata skont il-livell ta' żvilupp tas-sieħba kummerċjali tagħha, kemm fir-rigward tat-talbiet tagħha fil-qasam soċjali u ambjentali kif ukoll fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni internazzjonali ekwa u ġusta,

D.  billi l-fora bilaterali saru l-pjattaforma ewlenija fejn ikunu segwiti dawn l-għanijiet politiċi, tant hu hekk li l-prospettivi għall-istabbiliment ta' regoli multilaterali li jiggvernaw ir-relazzjonijiet bejn il-kummerċ, ix-xogħol jew l-ambjent ġewwa l-qafas tad-WTO ma tantx jippromettu;

E.  billi, madankollu, huwa essenzjali li nippruvaw insibu bilanċ ġdid bejn il-liġi kummerċjali u d-drittijiet fundamentali u li nżidu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin, partikolarment bejn l-ILO u d-WTO, bl-għan ta' koerenza akbar fil-politiki internazzjonali u tmexxija dinjija aħjar,

F.  billi hemm bosta raġunijiet għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali, mix-xewqa li nistabbilixxu kummerċ ġust u ekwu u kundizzjonijiet indaqs għall-approċċ aktar preskrittiv tad-difiża tal-valuri universali mħaddna mill-UE u l-insegwiment konsistenti tal-politiki Ewropej,

G.  billi jfakkar li d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986 tikkonferma li d-“dritt għall-iżvilupp huwa dritt inaljenabbli tal-bniedem li bis-saħħa tiegħu kull persuna umana u l-popli kollha għandhom dritt jipparteċipaw fi, jikkontribwixxu għal u jgawdu mill-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali”; iqis, għaldaqstant, li l-UE għandha obbligu li ma ddgħajjifx dan id-dritt u li anzi tikkontribwixxi biex tintegrah fi ftehimiet internazzjonali u ssegwih bħala linja gwida tal-politiki Ewropej,

H.  billi t-Trattat ta' Lisbona jafferma mill-ġdid li l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, li minnha l-kummerċ huwa parti integrali, għandha tkun iggwidata mill-istess prinċipji bħal dawk li ispiraw il-ħolqien tagħha; billi l-mudell soċjali Ewropew, li jgħaqqad it-tkabbir ekonomiku sostenibbli ma' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, jista jservi wkoll bħala mudell għal sieħba oħra; billi l-ftehimiet kummerċjali wkoll iridu jkunu kompatibbli ma' obbligi oħra u ftehimiet internazzjonali li l-partijiet ikunu daħlu fihom, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom,

I.  billi titqies l-importanza li jinżamm il-livell tal-istandards soċjali u ambjentali fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, u l-osservanza tagħhom mill-intrapriżi barranin li joperaw fis-suq uniku Ewropew,

J.  billi l-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali tista' żżid il-valur ta' ftehimiet bħal dawn, li jippermettu aktar interazzjoni mas-soċjetà ċivili u appoġġ akbar għall-istabilità politika u soċjali, u b'hekk jistabbilixxu klima li hija aktar favorevoli għall-kummerċ,

K.  billi s-settur tal-kummerċ u l-osservanza tal-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali huma aspetti importanti fl-assigurazzjoni tal-paċi u tal-prosperità fid-dinja, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala s-soluzzjoni tal-problemi kollha li jista' jkun hemm bejn l-istati differenti tad-dinja; billi, madankollu, li l-imblokk f'sitwazzjonijiet politiċi jista' jingħeleb bit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali, u b'hekk tiġi żgurata d-definizzjoni tal-interessi komuni, b'mod speċjali fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, bħala mezz biex jingħelbu l-konflitti,

L.  billi pajjiżi oħra stabilixxew eżempji pożittivi għall-inklużjoni ta' standards soċjali fi ftehimiet kummerċjali,

M.  billi s-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi hija kkundizzjonata fir-rigward tal-prinċipji tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards fundamentali tax-xogħol mill-pajjiżi benefiċjarji, u tinkludi sistema speċjali ta' preferenzi tariffarji supplimentari billi s-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi għandha l-għan li tippromwovu l-osservanza tal-istandards internazzjonali tax-xogħol permezz ta' preferenzi tariffarji supplimentari, u billi n-nuqqas ta' konformità ma' dawn il-kundizzjonijiet jista' jwassal biex arranġament kummerċjali jkun sospiż sabiex ikunu promossi r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzonali prinċipali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ambjent u l-governanza tajba; billi n-nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet jista' jwassal biex arranġament kummerċjali jkun sospiż,

1.  Jitlob, konsegwentement, li fi ħdan l-istrateġija kummerċjali futura tal-Unjoni Ewropea, il-kummerċ ma jkunx previst bħala għan fih innifsu, imma bħala għodda li tagħmilha possibbli li jiġu promossi l-valuri u l-interessi kummerċjali Ewropej u wkoll bħala stri,emt għall-kummerċ ġust, sabiex jiġu ġeneralizzati l-inklużjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-istandards soċjali u ambjentali mas-sieħba kummerċjali kollha tal-UE; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tkun gwidata minn approċċ pożittiv, imma wkoll ġuridikament vinkolanti, fin-negozjati tagħha; jenfasizza li l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fil-ftehimiet bilaterali, huwa ta' benefiċċju għall-partijiet kollha;

2.  Ifakkar li l-politika kummerċjali hija strument għas-servizz tal-objettivi globali tal-Unjoni Ewropea u li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea titmexxa “fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni”, u li skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija għandha tikkontribwixxi b'mod partikolari “'għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajneta, għas-solidarjetà u għar-rispett bejn il-popli, għall-kummerċ ħieles u ġust, għall-eliminazzjoni tal-faqar u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari għar-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali

3.  Iħeġġeġ iktar kooperazzjoni fil-livell multinazzjonali bejn id-WTO u l-istituzzjonijiet ewlenin tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li rabtiet iktar mill-qrib bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-proċeduri speċjali jkunu partikolarment utli biex jipprovdu qafas kummerċjali multilaterali li jsaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; iqis, bl-istess mod, li l-għarfien espert tal-Kummissjoni Għolja jista' jitqies mill-bordijiet tad-WTO u mill-korp tal-appell meta jkunu osservati każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iqis li r-rieżami perjodiku mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun strument utli għall-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

5.  Jenfasizza li t-tkabbir tal-kooperazzjoni mal-ILO, il-korp responsabbli għall-istabbiliment u n-negozjar ta' standards internazzjonali tax-xogħol u mis-sorveljanza tal-applikazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika, u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-ILO fix-xogħol tad-WTO, huma essenzjali;

   a) Għal dan il-għan jitlob li l-ILO tingħata status uffiċjali ta' osservatur fid-WTO u d-dritt li titkellem waqt il-konferenza ministerjali tad-WTO;
   b) Jipproponi li jitwaqqaf kumitat dwar il-kummerċ u x-xogħol deċenti fid-WTO, simili għall-Kumitat għall-Kummerċ u l-Ambjent; u jinsisti li ż-żewġ kumitati jingħataw mandat definit b'mod ċar u li jkollhom influwenza tanġibbli;
   c) jipproponi li każijiet rilevanti li fihom ikun involut ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol fi kwistjoni kummerċjali jistgħu jiġu rriferuti lill-ILO kif ukoll lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem;
   d) jipproponi li meta stat membru tad-WTO jqis li deċiżjoni mill-korp tas-soluzzjoni tat-tilwim titfa' dubji fuq id-deċiżjonijiet tal-ILO dwar l-osservanza ta' konvenzjonijiet dwar ix-xogħol, għandu jkun hemm mezz ta' appell lill-ILO;

6.  Jafferma mill-ġdid li l-għanijiet tal-manteniment u l-preservazzjoni ta' sistema kummerċjali multilaterali miftuħa u mhux diskriminatorja, minn naħa, u l-ħarsien tal-ambjent u l-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli min-naħa l-oħra, għandhom jappoġġaw lil xulxin; jenfasizza li, skont l-Artikolu 20 tal-GATT, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri kummerċjali biex jipproteġu l-ambjent, sakemm dawn il-miżuri ma jiġux applikati b'tali mod li jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn din id-dispożizzjoni;

7.  Jilqa' l-eżistenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Ambjent tad-WTO, li għandu jkun forum essenzjali biex tintlaħaq l-integrazzjoni u tissaħħaħ ir-rabta bejn l-ambjent u l-kummerċ; jesprimi t-tama li r-rwol u l-ħidma tal-Kumitat jiżviluppaw biex jindirizzaw b'mod pożittiv l-iktar sfidi kummerċjali u ambjentali importanti li qed tħabbat wiċċha magħhom il-komunità internazzjonali;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' titjib fl-aċċess għall-prodotti u t-teknoloġiji ħodor biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, u jinkoraġixxi lill-partijiet kollha fin-negozjati sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jaslu għal konklużjoni rapida tan-negozjati dwar it-tnaqqis jew it-tneħħija tat-tariffi u ostakli mhux tariffarji għal prodotti u servizzi ambjentali, sabiex jippromwovu forom ġidda ta' politiki tal-impjieg u l-ħolqien ta' impjiegi li jissodisfaw l-istandards tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti u opportunitajiet ta' tkabbir għall-industriji Ewropej u għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fin-negozjati dwar il-punti oħra fl-Artikolu 31 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar ir-relazzjoni bejn regoli eżistenti tad-WTO u l-obbligi kummerċjali speċifiċi stipulati fi ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs), u li tkun promossa kooperazzjoni eqreb bejn is-segretarjati tal-MEA u l-kumitati tad-WTO, fattur ewlieni fl-iżgurar li l-kummerċ u reġimi ambjentali jiżviluppaw b'mod koerenti;

10.  Iqis li ftehim multilaterali dwar il-klima jkun l-aħjar strument biex tkun żgurata l-internalizzazzjoni ta' fatturi esterni ambjentali negattivi marbuta mas-CO2, iżda li hemm riskju li dan mhux se jintlaħaq fil-futur qrib; iqis għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tistudja l-possibilitajiet, għas-setturi industrijali li għandhom riskju reali ta' rilokazzjoni ta' karbonju, tal-ħolqien ta' strumenti ambjentali adegwati b'mod konġunt mal-irkant tal-kwoti tas-CO2 tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet, b'mod partikolari “mekkaniżmu għall-inklużjoni tal-karbonju” fl-osservanza tar-regoli tad-WTO, peress li mekkaniżmu bħal dan jagħmilha possibbli li wieħed jiġġieled kontra r-riskji ta' trasferimenti ta' emissjonijiet tas-CO2 lejn pajjiżi terzi;

11.  Jipproponi, ladarba l-ftehim internazzjonali dwar il-klima ġie nnegozjat u ffirmat, li titwaqqaf organizzazzjoni dinjija ambjentali ġenwina sabiex tinforza ż-żamma tal-impenji li jkunu ttieħdu, u biex tiżgura konformità ma' standards ambjentali; pereżempju, ikun obbligatorju li l-każijiet ta' dumping ambjentali jkunu rriferuti lil din l-organizzazzjoni futura;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali

12.  Jappoġġja bis-sħiħ il-prattika tal-inklużjoni ta' klawsoli ġuridikament vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali tal-UE iżda jinnota li għad hemm sfidi importanti x'jingħelbu fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta' dawn il-klawsoli; jikkonferma mill-ġdid li dawn il-klawsoli jridu jkunu inklużi fil-ftehimiet kummerċjali u settorjali kollha, b'mekkaniżmu ta' konsultazzjoni ċar u preċiż fuq il-mudell tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li ddaħħlet klawsola bħal din fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-ġenerazzjoni l-ġdida;

13.  Jenfasizza l-fatt li l-istess approċċ ta' inklużjoni sistematika għandu jkun applikat ukoll għall-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet bilaterali;

14.  Jinnota li l-ftehimiet kummerċjali futuri jistgħu jiġu konklużi fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali; iqis li dan ma jfissirx li għandhom jiġu traskurati l-istandards soċjali u ambjentali, b'mod partikolari dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-ġestjoni tal-iskart perikoluż, biex jintlaħqu għanijiet oħra;

15.  Jitlob, b'kunsiderazzjoni tal-objettivi msemmija hawn fuq, lill-Kummissjoni Ewropea biex, fil-ftehimiet kollha ta' kummerċ li tinnegozja ma' stati terzi, iddaħħal b'mod sistematiku sensiela ta' standards soċjali u ambjentali li jinkludu:

   a) lista ta' standards minimi li għandhom jiġu osservati mis-sieħba kummerċjali kollha tal-UE. Fil-qasam soċjali, dawn l-istandards għandhom jikkorrispondu għat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO (l-istandards fundamentali tax-xogħol) hekk kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali tax-Xogħol (1998); ma' dawn it-tmien konvenzjonijiet jiżdiedu, għall-pajjiżi industrijalizzati, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO (il-Konvenzjonijiet Prijoritarji tal-ILO); Fil-qasam ambjentali u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandard minimu għandu jikkorrispondi għal-lista ta' konvenzjonijiet dwar l-ambjent u għall-prinċipji ta' governanza tajba, kif previst mir-regolament Ewropew dwar is-sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati;
   b) lista ta' konvenzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu implimentati, b'mod gradwali u flessibbli, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tas-sieħeb ikkonċernat; Fil-qasam soċjali, l-objettiv aħħari għandu jikkorrispondi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO;

16.  Jissottolinja li l-osservanza ta' dawn l-istandards għandha tfisser li tinkludi kemm ir-ratifika, kif ukoll it-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom fit-territorju nazzjonali kollu;

17.  Jitlob li l-ftehimiet kummerċjali tal-ġejjieni kollha jipprevedu projbizzjoni tal-isfruttament tax-xogħol tat-tfal, b'mod partikulari fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar ta' ġebel naturali u li jinkludu sistema ta' ċertifikazzjoni Ewropea uniformi li tiżgura li kemm il-ġebel naturali u kemm il-prodotti tal-ġebel naturali impurtati jkunu ġew prodotti b'mod dimostrabbli tul il-katina tal-valur sħiħa mingħajr l-isfruttament ta' xogħol tat-tfal fis-sens tat-tifsira tal-Konvenzjoni 182 tal-ILO;

18.  Jenfasizza li fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, jistgħu jkunu previsti l-liberalizzazzjonijiet kundizzjonali, inkluż it-tqassir tal-perjodu taż-żmien għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet jew l-aċċess għal suq addizzjonali, skont il-konformità ma' standards ambjentali u soċjali;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-ftehim, b'approċċ miftuħ u inklużiv fil-fażijiet kollha:

   a) jinnota l-użu tal-istudji dwar l-impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli iżda jqis li dawn għandhom isiru wkoll qabel, matul u wara n-negozjati, sabiex tkun żgurata evalwazzjoni kontinwa; jirrimarka wkoll l-importanza li tittieħed azzjoni b'mod sħiħ fuq ir-riżultati tagħhom; iqis ukoll l-negozjati għandhom jikkunsidraw aħjar il-prijoritajiet u t-tħassib li jirriżultaw minn dawn l-istudji dwar l-impatt;
   b) jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studji dwar l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem flimkien ma' dawk dwar l-iżvilupp sostenibbli, b'indikaturi kummerċjali komprensibbli bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq standards ambjentali u soċjali;
   c) jistieden liż-żewġ partijiet biex jissottomettu rapporti regolari dwar il-progress ġenerali tal-implimentazzjoni tal-impenji kollha li ttieħdu fil-ftehim;
   d) jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-parlamenti tal-pajjiżi sħab ikunu involuti fin-negozjati kummerċjali, bil-għan li tissaħħaħ il-governanza u l-iskrutinju demokratiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
   e) jenfasizza l-importanza tal-involviment pubbliku fl-istadji kollha tan-negozjati u s-segwitu għall-ftehim, u għal dan il-għan jitlob li jitwaqqfu fora jew gruppi konsultattivi dwar l-iżvilupp sostenibbli li għandhom jitwaqqfu biex jippermettu lis-sieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili indipendenti li jkunu kkonsultati;

20.   jappella biex il-ftehimiet kummerċjali tal-UE joffru effettivament, l-ogħla livelli ta' trasparenza, standards rigorużi għall-akkwist pubbliku u rendikont għal kull pajjiż mill-impriżi, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw, bil-għan li tiġi miġġielda l-ħarba illegali ta' kapital;

21.  Iħeġġeġ lill-Unjoni biex issostni d-dritt ta' aċċess għar-riżorsi naturali fin-negozjati tal-ftehimiet għall-kummerċ u ssostni d-drittijiet tal-popli awtoktoni u indiġeni rigward l-aċċess għar-riżorsi naturali essenzjali; jitlob lill-Kummissjoni biex tintegra fin-negozjati u fil-ftehimiet internazzjonali għall-kummerċ il-kwistjoni tax-xiri u tal-proprjetà tal-artijiet fil-pajjiżi terzi, partikolarment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

22.  Jirrikonoxxi li l-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet bilaterali li bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati huwa vinkolanti iżda li jista' jkun imsaħħaħ billi jiġu previsti:

   a) proċedura għall-ilmenti miftuħa għas-sieħba soċjali,
   b) appelli lil korp indipendenti għas-soluzzjoni rapida u effikaċi tat-tilwim marbut mal-problemi soċjali jew ambjentali, bħal panels ta' esperti magħżula miż-żewġ partijiet fuq il-bażi tal-kompetenza tagħhom fid-drittijiet tal-bniedem, fil-liġi tax-xogħol u fil-liġi ambjentali, u li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom ikollhom jiffurmaw parti minn proċess definit tajjeb, b'dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni,
   c) rikors għal mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim b'kundizzjonijiet indaqs ma' partijiet oħra tal-ftehim, b'dispożizzjoni għal multi biex itejbu l-qagħda fis-setturi kkonċernati, jew sospensjoni mill-inqas temporanja ta' ċerti vantaġġi kummerċjali previsti mill-ftehim, fil-każ ta' ksur aggravat tal-istandards imsemmija hawn fuq;

23.  Jenfasizza l-importanza li jiżdiedu miżuri ta' akkumpanjament ma' dawn il-ftehimiet, inklużi miżuri ta' assistenza teknika u programmi ta' kooperazzjoni, bl-għan tatt-titjib tal-kapaċità ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari tal-konvenzjonijiet fundamentali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards soċjali u ambjentali;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali GSP u GSP+

24.  Iqis li s-27 konvenzjoni li tagħhom qed jintalbu r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-GSP+ jirrappreżentaw taħlita unika ta' konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi tax-xogħol, l-ambjent u l-istandards ta' governanza tajba; jenfasizza li sal-lum, il-GSP+ kellu impatt pożittiv u viżibbli fir-rigward tar-ratifika ta' dawn il-konvenzjonijiet, iżda inqas pożittiv u viżibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom, u għalhekk jittama li titqiegħed aktar enfasi fuq miżuri ta' akkumpanjament għat-titjib tal-kapaċità ta' implimentazzjoni; iqis ukoll li, biex tkun żgurata l-kredibilità tal-GSP+, il-Kummissjoni għandha tnedi investigazzjonijiet jekk elementi li jaqblu jindikaw li ċerti pajjiżi mhux qed jimplimentaw is-27 konvenzjoni u, jekk ikun il-każ, tneħħi l-preferenzi;

25.  Iqis li tista' tiġi stabbilita rabta aktar stretta bejn il-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-GSP+ fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi terzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, matul il-proċess ta' rieżami tas-sistema tal-GSP, tagħmel li tista' biex dan jibbenefika lill-pajjiżi li l-iktar għandhom bżonnu, u biex tissimplifika r-regoli ta' oriġini sabiex il-pajjiżi benefiċċjarji tal-inizjattiva “Kollox Barra l-Armi” u tas-sistema tal-GSP+ ikunu jistgħu jieħdu l-ikbar vantaġġ mill-preferenzi li jingħataw lilhom; jitlob li jiġu stabbiliti punti ta' tqabbil, mekkaniżmi u kriterji trasparenti għall-għoti kif ukoll l-irtirar tal-preferenzi fil-qafas ta' din is-sistema; jitlob wkoll il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew tul dan il-proċess, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-proposta tal-Kunsill dwar il-listi tal-pajjiżi benefiċjarji, it-tnedija tal-investigazzjonijiet jew is-sospensjoni temporanja tal-GSP+;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tressaq proposta għal regolament li jipprojbixxi l-importazzjoni fl-UE ta' prodotti mmanifatturati permezz ta' forom moderni ta' skjavitù, xogħol furzat, speċjalment xogħol furzat ta' gruppi partikolarment vulnerabbli, bi ksur tal-istandards bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, skont il-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, tipprovdi lill-Parlament f'kull ħin b'informazzjoni komprensiva dwar l-oqsma kollha tas-suġġetti rilevanti waqt in-negozjati dwar il-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kunsiderazzjoni tat-tisħiħ tal-poteri tal-Parlament skont it-Trattat ta' Lisbona, tiggarantixxi fluss ta' informazzjoni effikaċi u tirrikonoxxi fiċ-ċirkostanzi kollha lir-rappreżentanti tal-Parlament l-istatus ta' osservaturi u tagħtihom konsegwentement l-aċċess għal-laqgħat kollha u għad-dokumenti kollha rilevanti;

o
o   o

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) GU C 320, 28.10.1996, p. 261
(2) GU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.
(3) GU C 112 E, 9.5.2002, p. 326.
(4) ĠU C 131 E, 5.6.2003, p. 147.
(5) GU C 280 E, 18.11.2006, p. 65.
(6) GU C 157 E, 6.7.2006, p. 84.
(7) Konkluzjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar it-thaddim tat-tfal, 10937/1/10.
(8) GU C 303 E, 13.12.2006, p. 865.
(9) GU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
(10) GU C 102 E, 24.4.2008, p.321
(11) GU L 12, 16.1.2001, p. 1
(12) 1GU C 273 E, 14.11.2003, p. 305.
(13) GU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
(14) GU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.

Avviż legali - Politika tal-privatezza