Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0702/2011

Dibattiti :

PV 15/12/2011 - 13.2
CRE 15/12/2011 - 13.2

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2011 - 14.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0591

Testi adottati
PDF 247kWORD 77k
Il-Ħamis, 15 ta' Diċembru 2011 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan
P7_TA(2011)0591RC-B7-0702/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dik tal-20 ta' Jannar 2011(1) u dawk tal-20 ta' Mejju 2010(2) u tat-12 ta' Lulju 2007(3), tal-25 ta' Ottubru 2007(4) u tal-15 ta' Novembru 2007(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' April 2009 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan(6) u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar strateġija ġdida għall-Afganistan(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adotatti fis-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, li fihom il-Kunsill enfasizza l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew twemmin, adottati fil-21 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan tal-4 ta' Ġunju 2010, li fiha ż-żewġ partijiet reġgħu stqarru d-determinazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw flimkien kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali u globali, li jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li jikkooperaw flimkien sabiex isaħħu aktar il-gvern u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan u dwar l-Afganistan tat-18 ta' Lulju 2011 u tal-14 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni proposta dwar iċ-ċentri ta' akkoljenza tan-nisa fl-Afganistan tal-5 ta' Diċembru 2011, tal-20 ta' Frar 2011 u tal-15 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali tal-5 Diċembru 2011 f'Bonn,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 (UDHR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, li jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-istati kollha li jtemmu l-impunità u li jħarrku dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, inklużi dawk relatati ma' vjolenza sesswali u vjolenza oħra kontra n-nisa u t-tfajliet,

–  wara li kkunsidra d-Dokument li jagħti l-Pożizzjoni tan-Netwerk tan-Nisa Afgani tas-6 ta' Ottubru 2011 fi tħejjija għall-Konferenza ta' Bonn,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, għalkemm is-sitwazzjonijiet fl-Afganistan u fil-Pakistan huma differenti u ta' rilevanza indipendenti, kemm il-vjolenza fiżika kif ukoll dik morali kontra n-nisa għadha fost il-vjolazzjonijiet il-kbar tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtati fl-Afganistan u fil-Pakistan, b'mod partikolari f'ċerti reġjuni;

B.  Billi n-nisa u t-tfajliet ta' spiss għadhom jiffaċċjaw attakki bl-aċtu u vjolenza domestika, traffikar, żwiġijiet furzati, inklużi żwiġijiet ta' tfal, u jiġu skambjati biex jiġu solvuti tilwimiet; billi l-pulizija, il-qrati u uffiċjali oħra tas-settur tal-ġustizzja rari jindirizzaw l-ilmenti ta' abbuż tan-nisa, inklużi s-swat, l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali, u dawk li jaħarbu dawn is-sofferenzi jistgħu anke jsibu ruħhom il-ħabs;

C.  billi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dawk li jwettqu l-vjolenza kontra n-nisa ma jiġux ikkastigati;

D.  billi l-applikazzjoni ta' xi liġijiet, notevolment tal-liġijiet tal-familja, iwassal sabiex id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa jiġu vvjolati;

E.  billi l-Gvern tal-Afganistan għadda l-liġi dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa f'Awwissu 2009 u l-Kunsill Afgan tal-Ministri approva regolament dwar iċ-ċentri ta' protezzjoni tan-nisa fil-5 ta' Settembru 2011;

F.  billi ntlaħaq progress mill-2001 fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan f'diversi oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u r-rwol tan-nisa fil-politika fil-livelli nazzjonali u reġjonali u fis-soċjetà ċivili;

G.  billi l-Afganistan huwa firmatarju ta' bosta konvenzjonijiet internazzjonali, partikolarment il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u billi l-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni Afgana jistipula li l-irġiel u n-nisa għandhom drittijiet u dmirijiet ugwali quddiem il-liġi;

H.  billi, madankollu, is-sitwazzjoni tan-nisa Afgani għadha preokkupanti, peress li r-rata ta' mortalità tal-ommijiet matul it-tqala u l-ħlas u r-rata tal-mortalità tat-tfal fl-Afganistan għadhom fost l-ogħla fid-dinja;

I.  billi f'xi żoni tal-Afganistan li huma taħt il-kontroll ta' gruppi insurrezzjonisti jseħħu anke eżekuzzjonijiet permezz tat-tħaġġir bl-iskuża tal-“Liġi tax-Xarija”, kif ġara lil mara u lil bintha f'Ghazni fit-12 ta' Novembru 2011;

J.  billi l-prattika ta' “baad” – il-bejgħ ta' mara jew tfajla bħala kumpens għal delitt jew bħala kastig deċiż mill-Jirga lokali – għadha tintuża, għalkemm hija meqjusa reat kriminali skont l-Artikolu 517 tal-kodiċi penali Afgan;

K.  billi l-irtirar imminenti tal-qawwiet tal-Punent mill-Afganistan jirriskja li jipperikola l-progress li sar fl-emanċipazzjoni tan-nisa, peress li t-Taliban jista' jerġa' jieħu l-kontroll tat-territorji fejn in-nisa qed jeżerċitaw b'mod ħieles id-drittijiet ġodda tagħhom;

L.  billi f'żoni kkontrollati mill-gvern in-nisa għandhom aċċess akbar għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għal opportunitajiet ta' xogħol, iżda f'żoni affettwati ħafna minn gruppi insurrezzjonisti n-nisa jaffaċċjaw diskriminazzjoni sinifikanti f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għal opportunitajiet ekonomiċi u kulturali;

M.  billi, b'mod partikolari f'ċerti reġjuni, l-awtoritajiet Pakistani juru wkoll nuqqas inkwetanti li jagħtu protezzjoni lill-minoranzi u lin-nisa kontra l-inġustizzja soċjali, kif ġie enfasizzat minn sentenzi tal-qrati bħad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Pakistan tal-21 ta' April 2011, li ħelset is-sitt irġiel kollha ħlief wieħed li kienu akkużati li stupraw fi grupp lil Mukhtar Mai;

N.  billi fl-2002 il-pubbliku kemm fil-Pakistan kif ukoll barra l-pajjiż kien ixxokkjat mill-każ ta' Mukhtar Mai, li ġiet stuprata minn grupp fuq ordni tal-kunsill tal-villaġġ bħala tpattija għall-kondotta allegatament ħażina ta' ħuha u li rnexxielha tiddenunzja lill-aggressuri tagħha fil-qrati inferjuri;

O.  billi l-NGO Asia Human Rights Commission (AHRC) jenfasizza żieda allarmanti fil-Pakistan, speċjalment fil-provinċja ta' Punjab, fin-numru ta' nisa nsara li qed jiġu stuprati biex jiġu mġiegħla jikkonvertu għall-Iżlam, u diversi każijiet ta' tfajliet żgħar insara li qed jinħatfu, jiġu stuprati u jinqatlu;

P.  billi l-eżempju traġiku ta' Uzma Ayub, li nħatfet sena ilu, inżammet priġuniera u ġiet stuprata ripetutament minn bosta membri tal-forza tal-pulizija, turi nuqqas ta' rispett inkwetanti għall-istat tad-dritt, peress li l-membri tal-familja tal-uffiċjali arrestati qatlu ħu l-vittma meta Ayub irrifjutat ftehim milħuq barra l-qrati;

Q.  billi wara l-kolp ta' stat militari fl-1977 fil-Pakistan, id-dritt fundamentali li tkun ħieles minn diskriminazzjoni abbażi tas-sess kif garantit fil-Kostituzzjoni tal-1973 ġie sospiż;

R.  billi ddaħħlet serje ta' liġijiet fil-Pakistan li jikkodifikaw l-istatus tan-nisa bħala subordinati quddiem il-liġi u f'xi każijiet jagħtu lix-xhieda tagħhom nofs il-piż li tingħata lil dik ta' raġel, inklużi l-Ordinanzi Hudood u l-Liġi tal-Evidenza, li jiksru l-istatus u d-drittijiet tan-nisa;

S.  billi jeżistu numru ta' liġijiet diskriminatorji oħra kontra n-nisa fil-Pakistan, inklużi l-Ordinanza tal-Liġi tal-Familja Musulmana, l-Att dwar il-Qorti tal-Familja tal-Punent tal-Pakistan, l-Att dwar ir-Restrizzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal, l-Att dwar id-Dota tal-Punent tal-Pakistan (Projbizzjoni tal-wiri tagħhom) u l-Att dwar id-Dota u l-Wegħdiet ta' Żwieġ (Restrizzjoni);

T.  billi l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha favur il-bini ta' sħubija b'saħħitha fit-tul ibbażata fuq l-interessi reċiproċi u l-valuri kondiviżi mal-Pakistan, l-appoġġ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-gvern ċivili tal-Pakistan, kif ukoll tas-soċjetà ċivili;

U.  billi l-UE, filwaqt li lesta tkompli bil-kooperazzjoni, tistenna mill-Pakistan li jirrispetta l-impenji internazzjonali tiegħu, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

V.  billi l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili huma prinċipji u miri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi; billi l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp tiddependi mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi;

1.  Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfajliet u r-rapporti ripetuti ta' vjolazzjonijiet brutali tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan; Jenfasizza li għandha tingħata b'urġenza attenzjoni internazzjonali aktar mill-qrib lis-sitwazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet f'dawk il-pajjiżi;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill, kif ukoll lill-komunità internazzjonali, iżidu b'mod sinifikanti l-fondi maħsuba għall-isforzi biex in-nisa jiġu protetti mill-istupru, mill-abbuż u mill-vjolenza domestika u biex jiddefinixxu miżuri prattiċi biex jappoġġaw il-movimenti tas-soċjetà ċivili kontra l-leġiżlazzjoni diskriminatorja;

3.  Jinsisti li d-drittijiet tan-nisa jiġu indirizzati b'mod espliċitu fid-djalogi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari l-kwistjoni tal-ġlieda kontra u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, inklużi l-forom kollha ta' prattiki tradizzjonali jew konswetudinarji li huma ta' ħsara, iż-żwieġ qabel iż-żmien jew furzat, il-vjolenza domestika u l-qtil tan-nisa, u bl-istess mod jinsisti li tiġi miċħuda l-invokazzjoni ta' kwalunkwe konswetudini, tradizzjoni jew kunsiderazzjoni reliġjuża jew ta' kwalunkwe tip ieħor biex wieħed ma jaqdix id-dmir li jelimina din il-brutalità;

L-Afganistan

4.  Irodd ħajr lin-nisa Afgani li għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp u fit-tkabbir tan-nazzjon; huwa tal-fehma li l-avvanzi li saru f'dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huma essenzjali biex jinbena l-futur tal-pajjiż;

5.  Jilqa' bi pjaċir l-iżviluppi pożittivi fil-forma tal-ħatriet ta' nisa f'pożizzjonijiet politiċi u amministrattivi ta' grad għoli fl-Afganistan, bħal dik tas-Sa Sarabi bħala Gvernatur ta' Bamyan; jinkoraġġixxi lill-Gvern Afgan ikompli bl-isforzi tiegħu biex iżid in-numru ta' nisa li jeżerċitaw responsabilitajiet pubbliċi, b'mod partikolari fl-amministrazzjoni provinċjali;

6.  Jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni riċenti tal-President Karzai li jagħti l-maħfra lil Gulnaz, vittma ta' stupru li kienet intbagħtet il-ħabs għal adulterju; jistieden lill-gvern itemm il-prattika li jibgħat il-ħabs nisa li jippruvaw jaħarbu minn sitwazzjonijiet abbużivi, u minflok iżid in-numru ta' ċentri ta' akkoljenza għan-nisa u t-tfal fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-UE tagħti appoġġ permanenti għal dawn il-faċilitajiet;

7.  Jirrikonoxxi li, mill-waqgħa tar-reġim tat-Taliban, intlaħaq progress sinifikanti fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan; Jinnota t-tfaċċar mill-ġdid tal-biża' ta' deterjorazzjoni possibbli fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tan-nissa fl-Afganistan wara t-tluq tal-forzi alleati previst għall-2014;

8.  Jenfasizza l-fatt li r-rata tal-mortalità tal-ommijiet fl-Afganistan għadha fost l-ogħla fid-dinja, iżda jinnota b'sodisfazzjon xejra pożittiva murija mill-Istħarriġ riċenti tal-Mortalità fl-Afganistan (2010) imwettaq mill-Ministeru Afgan għas-Saħħa u ffinanzjat u appoġġat minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali, skont liema stħarriġ ir-rata tal-mortalità tal-ommijiet fl-Afganistan naqas għal inqas minn 500 mewt għal kull 100 000 twelid ta' trabi ħajjin; Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lis-sħab internazzjonali u lill-NGOs iżommu ffukar partikolari fuq is-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal meta jimplimentaw proġetti fl-Afganistan;

9.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn imtenni mill-Afganistan, fil-konklużjonijiet tal-konferenza Bonn II, li “jkompli jibni soċjetà stabbli u demokratika, ibbażata fuq l-istat tad-dritt, fejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu, inkluża l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ikunu garantiti skont il-Kostituzzjoni” kif ukoll li jirrispetta “l-obbligi kollha tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem”; jilqa' bi pjaċir ukoll l-impenn tal-komunità internazzjonali li “tappoġġa l-progress tal-Afganistan f'din id-direzzjoni”;

10.  Jistieden lill-Parlament Afgan u lill-Ministeru Afgan tal-Ġustizzja biex jirrevokaw il-liġijiet kollha li jikkawżaw diskriminazzjoni kontra n-nisa, jew li fihom elementi ta' diskriminazzjoni kontrihom, u li jiksru t-Trattati Internazzjonali ffirmati mill-Afganistan;

11.  Jemmen li l-impenn favur id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom, partikolarment id-drittijiet tan-nisa, huma essenzjali għall-iżvilupp demokratiku tal-Afganistan;

12.  Huwa mħasseb serjament li, minkejja l-progress kollu li sar, in-nisa u t-tfajliet Afgani għadhom ikunu vittmi ta' vjolenza domestika, traffikar, żwiġijiet furzati, inklużi żwiġijiet ta' tfal, u jiġu skambjati biex jiġu solvuti tilwimiet; Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani jiżguraw li l-pulizija, il-qrati u uffiċjali oħra tas-settur tal-ġustizzja jagħtu segwitu lill-ilmenti ta' abbuż tan-nisa, inklużi s-swat, l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali;

13.  Huwa partikolarment imħasseb dwar il-fatt li n-nisa f'żoni kkontrollati mit-Taliban jew minn gruppi insurrezzjonisti oħrajn għadhom jaffaċċjaw ikkastigar permezz tat-tħaġġir jew l-isfigurazzjoni meta jiġu akkużati li jiksru l-kodiċi soċjali repressivi tat-Talibani;

14.  Jirrikonoxxi li l-ugwaljanza għan-nisa hija prinċipju li ġie minqux fil-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Afganistan; jitlob li tiġi eżaminata mill-ġdid il-liġi dwar l-istatus personali tan-nisa Xiti fl-Afganistan li, minkejja xi emendi, tikkontradixxi l-prinċipji tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta' Diskriminazzjoni u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

15.  Itenni li l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha għar-rikostruzzjoni tal-Afganistan għandu jinkludi miżuri konkreti biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa biex jissaħħaħ ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jeliminaw il-prattika inumana tal-“baad” u jieħdu miżuri urġenti biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-liġi tal-2009, li tipprevedi sentenzi penali ta' massimu ta' għaxar snin għall-ħatja;

17.  Jistieden lil-Gvern Afgan, biex jipproteġi aħjar id-drittijiet tan-nisa u jevita kundizzjonijiet diskriminatorji, jemenda l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-kodiċi penali; jenfasizza li t-taħditiet ta' paċi m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jwasslu għal telf tad-drittijiet miksuba min-nisa f'dawn l-aħħar snin;

18.  Jinsisti li l-kontribut essenzjali tan-nisa għas-soluzzjoni tal-kunflitti fil-familji u fil-komunità għandu jsir użu tajjeb minnu, u li n-numru ta' siġġijiet għan-nisa fil-Kunsill Għoli għall-Paċi u fil-Kunsilli Provinċjali għall-Paċi għandu jiżdied b'mod konsiderevoli;

Il-Pakistan

19.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-trattament tal-kawżi ġudizzjarji kontra Asia Bibi, Mukhtar Mai u Uzma Ayub, ħaġa li tista' tnaqqar iktar mill-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja tal-Pakistan u tqawwi qalb dawk li jittantaw jiksru d-drittijiet tan-nisa u ta' gruppi oħra li jinsabu f'riskju;

20.  Iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani jibda jħaddem mekkaniżmi li jippermettu lill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jissorveljaw it-tmexxija ta' kunsilli informali tal-villaġġi u tribali u jintervjenu f'każijiet fejn dawn ikunu aġixxew lil hinn mill-awtorità tagħhom;

21.  Jistieden lill-Gvern Pakistani jerġa' jistabbilixxi d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni tal-1973, inkluż id-dritt li tkun ħieles minn diskriminazzjoni abbażi ta' sess;

22.  Iħeġġeġ lill-gvern jerġa' jeżamina l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa li ddaħħlet wara l-kolp ta' stat militari, b'mod partikolari l-Ordinanzi Hudood u l-Liġi tal-Evidenza, li jiksru l-istatus u d-drittijiet tan-nisa, billi jagħmluhom subordinati quddiem il-liġi;

23.  Jilqa' bi pjaċir l-introduzzjoni riċenti ta' abbozz ta' liġi fl-Assemblea Nazzjonali biex il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Istatus tan-Nisa tinbidel f'korp awtonomu għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u jappoġġa l-isforzi biex jiġi żgurat li tgħaddi l-liġi għall-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem;

24.  Jilqa' bi pjaċir l-approvazzjoni riċenti, kemm mis-Senat kif ukoll mill-Assemblea Nazzjonali, ta' żewġ liġijiet importanti biex jiġu protetti n-nisa, jiġifieri l-Liġi tal-2010 dwar il-Kontroll tal-Aċtu u l-Prevenzjoni tad-Delitti bl-Aċtu u l-Liġi tal-2008 dwar il-Prevenzjoni ta' Prattiki Kontra n-Nisa (Emenda tal-Liġi Kriminali), u jappoġġa l-ħolqien ta' kummissjoni ta' implimentazzjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni rapida ta' dawn il-liġijiet;

25.  Iqis li ta' min jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li s-Senat ħalla l-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika taqa' għalkemm l-Assemblea Nazzjonali għaddietha fl-2009; jemmen li huwa neċessarju, u fl-ispirtu tal-leġiżlazzjoni favur in-nisa li għaddiet dan l-aħħar, li l-Liġi terġa' tiddaħħal u tiġi adottata malajr biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika;

26.  Jistieden lill-gvern jerġa' jeżamina n-numru ta' liġijiet diskriminatorji oħra kontra n-nisa, jiġifieri l-Ordinanza tal-Liġi tal-Familja Musulmana, l-Att dwar il-Qorti tal-Familja tal-Punent tal-Pakistan, l-Att dwar ir-Restrizzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal, l-Att dwar id-Dota tal-Punent tal-Pakistan (Projbizzjoni tal-Wiri tagħhom), l-Att dwar id-Dota u l-Wegħdiet ta' Żwieġ (Restrizzjoni), l-Ordinanzi Hudood, l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-1951 u l-Liġi tal-Evidenza tal-1984;

27.  Itenni l-appell tiegħu lill-gvern biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet dwar l-atti blasfemi u l-applikazzjoni attwali tagħhom kif ukoll, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 295 C tal-Kodiċi Penali, li jipprevedi piena tal-mewt mandatorja għal kull min jinstab ħati ta' atti blasfemi u, sadanittant, jimplimenta l-emendi diġà suġġeriti;

28.  Iħeġġeġ lill-gvern iħarrek lil dawk li jxewxu għall-vjolenza, b'mod partikolari dawk li jitolbu u, f'xi każijiet, joffru rikompensi għall-mewt ta' individwi u gruppi li ma jaqblux magħhom, u jieħu aktar miżuri biex jiffaċilita d-dibattitu dwar din il-kwistjoni;

29.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pakistani jieħdu azzjoni deċiżiva biex jeliminaw il-qtil tal-“unur”; jiddikjara li s-sistema ġudizzjarja tal-Pakistan għandha tikkastiga lil dawk misjuba ħatja ta' atti bħal dawn;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipproponu u jimplimentaw programmi edukattivi ffukati fuq it-titjib tal-ħiliet tal-qari u l-kitba u l-edukazzjoni tan-nisa fil-Pakistan;

31.  Jitlob lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jinkludu l-kwistjoni tat-tolleranza reliġjuża fis-soċjetà fid-djalogu politiku tagħhom mal-Pakistan, ġaladarba din hija ta' importanza ċentrali fil-ġlieda għat-tul kontra l-estremiżmu reliġjuż;

32.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jinsistu li l-Gvern tal-Pakistan jirrispetta l-klawsola rigward id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem minquxa fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan; itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex iressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u dwar il-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill- parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Afganistan u tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0026.
(2) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 147.
(3) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 583.
(4) ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 666.
(5) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 434.
(6) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 57.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0490.
(8) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.
(9) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 33.

Avviż legali - Politika tal-privatezza