Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0374/2012

Testi mressqa :

A7-0374/2012

Dibattiti :

PV 10/12/2012 - 24
CRE 10/12/2012 - 24

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2012 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0470

Testi adottati
PDF 166kWORD 39k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2012 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE
P7_TA(2012)0470A7-0374/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE (2012/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta’ Lulju 2012 intitolata “Il-promozzjoni, il-ħarsien u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem fl-Internet’, li tirrikonoxxi l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-moviment liberu tal-informazzjoni online(1) ,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, Frank La Rue, tas-16 ta' Mejju 2011 (A/HRC/17/27) u tal-10 ta' Awwissu 2011 (A/66/290), dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, li jenfasizzaw l-applikabilità ta’ normi u standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw id-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni fuq l-internet, meqjus bħala mezz ta’ komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-28 ta’ Marzu 2008 (7 /36) li tistabbilixxi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tas-16 ta’ Ġunju 2011 intitolat “Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ”Protezzjoni, Rispett, Rimedju’ (li jirrifletti x-xogħol tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU John Ruggie),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Governattiv tal-Unjoni Interparlamentari fid-19 ta’ Ottubru 2011(2) ,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(3) ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(4) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija’(5) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata “Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun’(6) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(7) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra(8) ,

–  wara li kkunsidra l-Baġit Ġenerali tal-2012 tad-29 ta’ Frar 2012, partikolarment is-sejħa għall-ħolqien tal-“Fond tal-Unjoni Ewropea għal-Libertà tal-Internet fid-Dinja’(9)

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali dwar “l-Istrateġija ta’ Mingħajr Skonnettjar’;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011 intitolata “Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv’ (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa(10) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva’ (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem,

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa(11) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(12) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2011 bit-titlu “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni’ (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(13) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(14) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 intitolata “Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss'(15) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti(16) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(17) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-każijiet urġenti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jqajmu tħassib rigward il-libertajiet diġitali,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1334/2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju(18) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tat-18 ta’ Jannar 2012 u li jintroduċi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ICTs u għodod ta’ monitoraġġ(19) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 264/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran u li jintroduċi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ICTs u għodod ta’ monitoraġġ(20) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tas-17 ta’ April 2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli(21) ,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0374/2012),

A.  billi l-iżviluppi teknoloġiċi jiffaċilitaw lill-individwi fid-dinja kollha l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) ġodda u l-konnessjoni mal-internet u b’hekk jippromwovu tibdiliet rivoluzzjonarji fis-soċjetajiet, il-funzjonament tad-demokrazija, il-governanza, l-ekonomija, in-negozju, il-midja, l-iżvilupp u l-kummerċ;

B.  billi l-internet hu faċilitatur ewlieni tal-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà ta’ għaqda u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, politiku u kulturali;

C.   billi hemm kunsens globali, rifless fid-dritt internazzjonali, li restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu previsti mil-liġi;

D.  billi d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu mħarsa u promossi mill-UE, kemm offline u wkoll online;

E.  billi l-inklużjoni, il-promozzjoni tal-ħiliet elettroniċi, u t-tnaqqis tad-distakki diġitali huma fatturi ewlenin li jrawmu l-potenzjal tal-internet u l-ICTs;

F.  billi l-ICTs, filwaqt li kienu strumenti prinċipali fl-organizzazzjoni tal-movimenti u dimostrazzjonijiet soċjali f’diversi pajjiżi b’kunsiderazzjoni speċjali għar-Rebbiegħa Għarbija, jintużaw ukoll bħala strumenti ta’ ripressjoni permezz taċ-ċensura (tal-massa), is-sorveljanza u l-monitoraġġ u t-traċċar tal-informazzjoni u l-individwi;

G.  billi l-ICTS jistgħu wkoll ikollhom rwol bħala strument utli għall-organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jippreparaw u jwettqu attakki;

H.  billi, fil-maġġorparti tal-każijiet, il-kuntest li fih jintużaw it-teknoloġiji jiddetermina l-impatt li jista’ jkollhom biex imexxu żviluppi pożittivi jew li jkollhom minflok impatt ta’ ripressjoni;

I.   billi dawn il-bidliet joħolqu kuntesti oħra li jeħtieġu applikazzjoni adattata tal-liġijiet fis-seħħ ibbażata fuq strateġija ta’ integrazzjoni tal-internet u l-ICTS fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

J.   billi l-internet iffjorixxa u żviluppa b’mod organiku bħala pjattaforma b’valur pubbliku kbir; billi, madankollu, l-użu ħażin tal-opportunitajiet u l-istrumenti l-ġodda disponibbli permezz tal-internet joħloq ukoll riskji u perikli ġodda;

K.   billi l-internet sar ukoll fattur fl-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali u dan jeħtieġ sorveljanza kontinwa, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur;

L.   billi ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal każijiet fejn l-Internet jintuża għal attivitajiet illegali, bħal inċitament għall-mibegħda, vjolenza u attitudnijiet razzisti, propaganda totalitarja u l-aċċess tat-tfal għall-pornografija jew l-isfruttament sesswali tagħhom;

M.  billi n-natura globali u bla fruntieri tal-internet teħtieġ forom ġodda ta’ koperazzjoni internazzjonali u ta’ governanza ma’ diversi partijiet interessati;

N.   billi l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara: “L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkooperaw għal dan il-għan”;

O.  billi n-newtralità tan-net hija prinċipju essenzjali għal internet miftuħ, filwaqt li tiżgura l-kompetizzjoni u t-trasparenza;

P.  billi kemm is-sigurtà diġitali u wkoll il-libertà diġitali huma essenzjali u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin;

Q.  billi l-UE tmexxi biss billi tagħti eżempju dwar il-libertajiet diġitali meta dawn jiġu salvagwardjati fl-UE;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp

1.  Jirrikonoxxi li l-aċċess mhux iċċensurat għall-internet miftuħ, it-telefowns ċellulari u l-ICTs kellhom impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li eżerċitaw effett abilitanti, billi espandew l-ambitu tal-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għal informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-libertà ta’ għaqda madwar id-dinja;

2.  Jirrikonoxxi l-potenzjal abilitanti, ta’ ħolqien u ta’ katalizzatur vast tal-internet miftuħ u tal-ICTs għall-bini tal-komunità, is-soċjetà civili, l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, xjentifiku, kulturali u politiku globali, filwaqt li dawn jikkontribwixxu għall-progress tal-umanità b’mod ġenerali; huwa konxju, madankollu, tar-riskji u l-perikli l-ġodda għad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mill-użu ħażin tal-ICTs;

3.  Jirrikonoxxi li l-internet u l-midja soċjali jippermettu lill-gvernijiet biex jimpenjaw ruħhom f’diplomazija diretta u jiffaċilitaw l-kuntatt bejn in-nies fid-dinja kollha; Jenfasizza li d-dibattiti miftuħa dwar l-ideat jistgħu jgħinu jirrifjutaw l-estremiżmu u jtejbu l-involviment u l-ftehim interkulturali;

4.  Iqis li l-kultura tiffavorixxi l-aċċess u l-kuntatt meta r-relazzjonijiet politiċi huma bblokati jew diffiċli; jirrikonoxxi li l-libertà u l-kultura huma konnessi ħafna u li d-diplomazija kulturali diġitali hija ta’ interess strateġiku għall-UE;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-libertà artistika, u l-libertà ta’ imitazzjoni u ta’ użu mill-ġdid, bħala elementi fundamentali għall-kreattività u l-libertà ta’ espressjoni u ideat; hu konxju l-preżenza sinifikanti tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet fl-ekosistema tad-drittijiet tal-awtur, speċjalment fl-oqsma tal-ġurnaliżmu, iċ-ċitazzjonijiet, is-satira, l-arkivji, il-libreriji u fl-iżgurar ta’ aċċess għal u tal-użu tal-wirt kulturali;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod xieraq il-fatt li hemm pajjiżi li qed japplikaw ir-ripressjoni u l-kontroll taċ-ċittadini, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-attivisti, filwaqt li n-negozji f'xi pajjiżi jinvolvu element teknoloġiku akbar f'termini tal-imblukkar tal-kontenut u l-monitoraġġ u l-identifikazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, l-attivisti u d-dissidenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġixxi kontra l-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni leġittima online u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva li tiġġustifika tali miżuri; jafferma mill-ġdid, għalhekk li tali prattiċi jmorru kontra l-kriterji ta’ Kopenħagen;

7.  Jenfasizza li r-rikonoxximent u l-implimetazzjoni tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva mill-fornituri ta’ servizzi tal-internet, l-iżviluppaturi tas-softwer, il-produtturi ta’ ħardwer, is-servizzi/midja ta’ netwerks soċjali, eċċ huma neċessarji sabiex jiġu żgurati l-libertà tal-azzjoni u s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-libertà ta’ espressjoni;

8.  Jenfasizza li l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertajiet diġitali għandhom jiġu integrati u rieżaminati kull sena biex jassiguraw responsabbiltà u kontinwità fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, il-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament u għajnuna, taħt it-tmexxija tar-Rappreżentant Għoli u tas-SEAE; jitlob approċċ proattiv f’dan ir-rigward u azzjoni li tiżgura li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni orizzontali bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

9.  Jappoġġja r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li l-aċċess sikur għall-internet hu parti mill-kriterji ta’ Kopenħagen u li l-limitazzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni, inkluż fuq l-internet, għandhom ikunu ġġustifikati minn neċessità soċjali imperattiva u, b’mod partikolari, għandhom ikunu proporzonati mal-għan leġittimu previst;

10.  Hu konxju tat-tħassib dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online li jeżistu fil-pajjiżi kollha, filwaqt li jirrikonoxxi d-differenzi kritiċi li jaffettwaw il-kuntest li fih jintużaw l-ICTs bħal fil-każijiet tal-eżistenza tal-istat tad-dritt u d-dritt għal rimedju;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-istrateġiji interni proprji tal-Kummissjoni meta tkun qed tiddefendi restrizzjonijiet strettament neċessarji u proporzjonati dwar id-drittijiet fundamentali, u fiż-żamma ta’ prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali, bħal li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi u ma għandhomx jiġu introdotti b’mod ad hoc mill-industrija;

12.  Jinkoraġġixxi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isemmi l-libertajiet diġitali u “l-Istrateġija ta’ Mingħajr Skonnettjar’ fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu;

13.  Jenfasizza li l-politiki effettivi tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE jirrikjedu l-integrazzjoni tal-ICTs u t-tnaqqis tad-distakk diġitali, billi jipprovdu infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi u jiffaċilitaw l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni u jippromwovu l-litteriżmu diġitali madwar id-dinja;

14.  Iqis li l-ICTs jiffaċilitaw it-trasparenza u l-governanza tajba, il-litteriżmu, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, il-monitoraġġ effettiv tal-elezzjonijiet u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru, b’mod partikolari f’żoni rimoti jew f’soċjetaijiet li qed jiżviluppaw;

15.  Jenfasizza li l-politiki fil-qasam tal-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandhom jinkludu programm ta’ għajnuna li jippromwovi l-libertajiet diġitali , primarjament f’soċjetajiet f’pajjiż mhux demokratċi, kif ukoll f’pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjonijiet postkonflittwali jew politiċi; jemmen li l-esperti regolatorji tal-UE huma interlokuturi essenzjali għall-finijiet tat-taħriġ tal-kontrapartijiet u biex id-drittjiet u l-prinċipji bażiċi jiġu inklużi fir-regolamenti u fil-leġiżlazzjoni l-ġdida (tal-midja) f'pajjiżi terzi; jenfasizza li l-għajnuna fil-forma tal-bini ta’ infrastrutturi għall-ICTs tiġi suġġetta għall-implimentazzjoni u l-preservazzjoni ta’ aċċess miftuħ għall-internet u informazzjoni online; kif ukoll għal-libertà diġitali b’mod aktar ġenerali;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu żviluppati ICTs f'żoni ta' kunflitt sabiex jiġu promossi attivitajiet relatati mal-konsolidazzjoni tal-paċi fil-livell tas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li jiġu provduti komunikazzjonijiet sikuri bejn il-partijiet involuti fir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflittti, biex b’hekk jiġu ffaċċjati b’mod attiv l-ostakoli fiżiċi u r-riskji li jaffettwaw il-kuntatti bilaterali għall-persuni u l-organizzazzjonijiet f’dawn iż-żoni;

17.  Jittama li l-użu xieraq tat-teknoloġiji ta’ kommunikazzjoni l-ġodda, u b’mod partikolari l-midja soċjali, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija diretta fost iċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi terzi billi jinħolqu pjattaformi soċjali għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni;

18.  Jenfasizza li l-ġbir u t-tixrid diġitali ta’ evidenza ta’ ksur tad-drittjiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità; iqis li dan il-materjal għandu jkun ammissibbli skont il-liġi internazzjonali (kriminali) bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi assigurat li materjali tal-art rari użati fil-produzzjoni tal-ICTs jinkisbu f’kundizzjonijiet li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u ambjentali, u mhumiex suġġetti għall-prattiċi ta’ monopolju jew suġġetti għal limitazzjoni ta’ aċċess kummerċjali introdotti minħabba raġunijiet strettament politiċi; jemmen li approċċ multilaterali għall-iżgurar ta’ aċċess għal materjal tal-art rari f’kundizzjonijiet umanitarji jikkostitwixxi ħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi;

Il-kummerċ

20.  Jirrikonoxxi li l-internet sar parti mill-ispazju pubbliku fejn jinħolqu forom ġodda ta' kummerċ transkonfinali, flimkien ma' żvilupp tas-suq innovattiv, kif ukoll interazzjoni soċjali u kulturali; jemmen li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ transkonfinali għandhom imorru id f’id biex joħolqu u jottimizzaw l-opportunitajiet ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija diġitali globali;

21.  Huwa konxju li hemm tħassib li kull ma jmur, ċertu nies qed jisimgħu t-terminu “drittijiet tal-awtur” (copyright) u jobogħdu dak li jirrappreżenta; jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellha l-politika tal-kummerċ barrani fit-tiswir tal-mekkaniżmi tal-infurzar tad-drittijiet tal-awtur;

22.  Jiddeplora l-fatt li teknoloġiji u servizzi magħmula fl-UE huma xi drabi użati f’pajjiżi terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem permezz taċ-ċensura tal-informazzjoni, il-monitoraġġ tal-massa, is-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fin-networks tat-telefonija (mobbli) u fl-internet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji kollha sabiex twaqqaf dan il-“kummerċ ta’ armi diġitali”;

23.  Jitlob li jkun hemm projbizzjoni ta' teknoloġiji u servizzi ta' repressjoni għal reġimi awtoritarji; jemmen li din it-tip ta' projbizzjoni għandha tistabbilixxi preċedent għall-miżuri restrittivi strutturali; iqis bħala prudenti, madankollu, li jkun speċifikat li dawn il-projbizzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skont il-każ, b'kunsiderazzjoni ta' speċifikazzjonijiet fit-trattatament ta' żoni ta' kunflitt jew reġimi awtoritarji;

24.  Jikkunsidra l-prodotti u s-servizzi teknoloġiċi tal-imblukkar immirat, is-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-interċettazzjoni bħala beni ta' 'użu uniku', u għalhekk jitlob li tiġi stabbilita lista regolarment aġġornata ta’ pajjiżi li jiksru l-libertà tal-espressjoni fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem u li l-esportazzjoni lejhom għal oġġetti ta’ “użu uniku’ għandha tiġi projbita;

25.  Jenfasizza l-bżonn li s-sanzjonijiet tal-UE fuq it-teknoloġiji fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu implimetati u sorveljati sabiex jiġi assigurat li l-Istati Membri jikkonformaw magħhom bl-istess mod u jinżammu l-istess kundizzjonijiet;

26.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tipprovdi lill-kumpaniji li jinsabu f’dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, b’ informazzjoni f’ħin reali dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta’ kuntratti kummerċjali; Dan għandu japplika ukoll għal kumpaniji mill-UE jew li huma bbażati fl-UE li jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali ma’ gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, kemm jekk biex jakkwistaw il-liċenzji ta’ operat jew biex jinnegozjaw il-klawżoli ta’ sospensjoni jew billi jaċċettaw l-involviment pubbliku fl-operazzjonijiet kummerċjali jew l-użu pubbliku tan-networks u s-servizzi tagħhom;

27.  Jenfasizza l-importanza ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw l-ICTs;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, matul is-sena 2013, l-aktar tard, proposti li jeżiġu aktar trasparenza u responsabilizzazzjoni mill-kumpaniji bbażati fl-UE, kif ukoll l-iżvelar tal-politiki ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jitjiebu l-monitoraġġ ta’ esportazzjonijiet ta’ ICTs, ta’ prodotti u servizzi intiżi għall-imblukkar ta’ websajts, is-sorveljanza tal-massa, it-traċċar u l-monitoraġġ ta’ individwi, l-inċertazzjoni ta' konversazzjonijiet privati (emails) u l-filtraġġ ta’ riżultati ta’ tfittix;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal qafas legali tal-UE li jobbliga lill-kumpaniji li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku fl-Istati Membri biex jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fuq l-ICTs partikolari, ibda mill-fażi tar-R&Ż, u jiżguraw in-nuqqas ta’ kompliċità fil-ksur possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi;

30.  Jemmen li l-kumpaniji għandhom jiddisinjaw u jimplimentaw prattiki kummerċjali maħsuba biex jimmonitorjaw l-impatt possibbli ta’ prodotti ġodda tal-ICT fuq id-drittijiet tal-bniedem, anke fil-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp, u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kompliċità fi vjolazzjonijiet possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi. jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lin-negozji tal-UE b'firxa wiesgħa ta' tagħrif biex tiżgura l-bilanċ korrett bejn l-interessi tan-negozju u r-responsabilità soċjali korporattiva.

31.  Jiddeplora, f’dan ir-rigward, l-involviment attiv tal-kumpaniji Ewropej u l-kumpaniji internazzjonali li joperaw fl-UE fil-pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom iwettqu politiki ripressivi kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dissidenti politiċi fir-rigward tad-drittijiet diġitali, l-aċċess tal-internet u l-ICTs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi lill-kumpaniji li qed jipparteċipaw f’tali attivitajiet mill-proċeduri għall-akkwist pubbliku u s-sejħiet għal offerti tal-UE;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi n-negozji tal-UE b’firxa wiesgħa ta’ informazzjoni u gwida, fuq il-bażi tal-“Prinċipji ta’ Ruggie’ tan-NU, sabiex jassiguraw il-konformità kemm tal-interessi kummerċjali u tar-responsabilità korporattiva soċjali;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li jikkunsidra l-effett tat-twaqqif ta' standards teknoloġiċi għall-ICT u prodotti u servizzi tat-telekom tal-UE, fejn tali prodotti u servizzi jiġu esportati għal pajjiżi terzi fejn kunċetti bħall-“interċettazzjoni legali’ għandhom implikazzjonijiet differenti, pereżempju fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix;

34.  Jirrikonoxxi li l-internet sar spazju pubbliku kif ukoll suq fejn il-fluss ħieles ta’ informazzjoni u l-aċċess għall-ICTs huma indispensabbli għalih; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ ħieles għandhom jiġu promossi u protetti b’mod simultanju sabiex jiġi inkoraġġut u appoġġat l-iskambju ħieles ta’ ideat kif ukoll opportunitajiet kummerċjali akbar għaċ-ċittadini tal-UE f’ekonomija globali li qed issir dejjem aktar diġitali;

35.  Jitlob għall-inklużjoni tal-klawsoli tal-kundizzjonalità fil-ftehimiet tal-kummerċ ħieles tal-UE, filwaqt li jiġu stipulati salvagwardji trasparenti li jippreżervaw l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-Internet u jiżguraw il-fluss liberu ta’ informazzjoni;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-mandati għal negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali, kif ukoll l-andament tan-negozjati nfushom, iwasslu b'mod effikaċi biex jintlaħqu objettivi importanti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi tagħha u l-istat ta’ dritt, ir-realizzazzjoni ta' suq diġitali uniku ġenwin u r-rispett għall-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

37.  Jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ politiku lill-kumpaniji Ewropej li f’pajjiżi terzi qed jiġu mitluba jneħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’mod li jikser id-drittijiet fundamentali u jrażżen il-libertà li jsir negozju

38.  Jistieden lill-UE tisfida u timminimizza l-impatt extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE online;

39.  Jinnota li l-kummerċ elettroniku żviluppa barra l-oqfsa regolatorji tradizzjonali tal-kummerċ. jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni internazzjonali akbar fid-WTO u fil-WIPO biex jiġi mħares is-suq diġitali globali u jiġi żgurat l-iżvilupp tiegħu; jitlob li fid-WTO jsiru reviżjoni u aġġornament tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li hemm fis-seħħ attwalment u li l-UE tesplora l-possibilitajiet ta’ Ftehim dwar Ekonomija Diġitali Internazzjonali (IDEA);

40.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tittrasferixxix l-infurzar u t-talbiet tad-drittijiet tal-awtur lill-operaturi ekonomiċi fil-ftehimiet kummerċjali futuri, kif ukoll tiżgura li l-azzjonijiet li jinterferixxu mal-liġi tal-libertà tal-internet ikunu jistgħu jitwettqu biss skont l-istat tad-dritt u b'awtorità ġudizzjarja;

41.  Iqis li l-aċċess ristrett tan-negozji u tal-konsumaturi online tal-UE għas-swieq (diġitali) permezz ta’ ċensura tal-massa f’pajjiżi terzi jikkostitwixxi miżuri protezzjonisti u ostakli għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija biex tiġġieled il-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess għan-negozji tal-UE għas-swieq online tagħhom;

42.  Jitlob lill-UE tistinka biex tassigura li r-regolazzjoni tal-internet u l-ICTs tinżamm f'livell ġustifikat u xieraq u sseħħ biss meta l-UE tqis li hija neċessarja;

43.  Jitlob l-inklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ ripressjoni mmirati fil-Ftehim Wassenaar;

44.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna jipprovdu appoġġ politiku lill-kumpaniji tal-UE li joperaw f'pajjiżi terzi fejn jiffaċċjaw talbiet biex ineħħu l-kontenut iġġenerat mill-utenti, irażżnu l-libertà tas-servizzi jew jipprovdu informazzjoni personali b'tali mod li jikser id-drittijiet fundamentali; jindika li l-impriżi diġitali ħafna drabi joperaw mingħajr fruntieri, u li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi tista' taffettwa b'mod negattiv lill-utenti u l-konsumaturi Ewropej; għalhekk, jistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-impatt ta' leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li joperaw fl-UE jkun minimizzat;

45.  Jinnota li involviment u regolamentazzjoni akbar mill-gvernijiet ixekklu n-natura miftuħa u mhux ristretta tal-internet, u b’hekk ikunu qed jillimitaw il-potenzjal li jkun hemm aktar kummerċ elettroniku u jirrestrinġu lin-negozji tal-UE li joperaw fl-ekonomija diġitali; jemmen li approċċ li jkun jinvolvi partijiet interessati multipli joffri l-aħjar approċċ biex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interess pubbliku u dak privat fuq l-internet u s-suq globali; jitlob li jsir sforz internazzjonali biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex tkun tista’ sseħħ l-espansjoni tal-ekonomija diġitali, inklużi reġimi regolatorji liberali, u jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-benefiċċji reċiproċi skont il-prinċipju tal-kummerċ għall-bidla;

46.  Iqis li r-restrizzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-swieq diġitali u l-konsumaturi online permezz, fost affarijiet oħra, ta' ċensura statali tal-massa jew aċċess ristrett għas-suq għall-fornituri Ewropej tas-servizzi online f’pajjiżi terzi tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu mekkaniżmu ta’ salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur, u speċjalment dawk li jkun fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw is-servizzi online u l-komunitajiet ta' utenti online li jaqsmu l-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-ICT tal-UE ma jkunux meħtieġa minn partijiet terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-websajts, ineħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’modi li jikkontravjenu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden barra minn hekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġija biex tisfida l-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq online globali;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' qafas regolatorju ġdid dwar l-esportazzjonijiet ta' użu doppju, li jkun jindirizza l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi u li jkun jipprevedi rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ għall-Kummissjoni;

IL-governanza tal-Internet

48.  Iqis li t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun trasparenti u kollaborattiv huwa essenzjali biex jassigura r-rispett lejn in-natura miftuħa u parteċipatorja tal-internet; iqis li kwalunkwe dibattitu fuq ir-regolamenti li jikkonċernaw l-internet għandu jkun kemm jista’ jkun miftuħ u jinvolvi l-partijiet interessati kollha, speċjalment dawk interessati fil-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali kif ukoll utenti ta' kuljum tal-internet; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tar-regoli bażiċi tal-libertà diġitali u n-normi ta’ mġiba fiċ-ċiberspazju, inkluż fil-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, filwaqt li tqis ukoll il-ġurisdizzjonijiet konflittwali;

49.  Jinnota li fil-preżent, l-istruttura tal-internet hija relattivament nieqsa mir-regolamenti u li hi governata b’approċċ li jinkludi ħafna partijiet interessati; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tassigura li l-mudell b’ħafna partijiet interessati jkun inklussiv u li n-negozji żgħar, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-utenti ma jiġux maħkuma minn ftit negozji kbar u parteċipanti tal-gvern;

50.  Iqis li l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-atturi privati fuq kwistjonijiet li jirrgwardaw l-ICT ma għandhiex tkun ibbażata fuq l-impożizzjoni ta’ obbligi diretti u indiretti fuq l-ISPs sabiex jiġu adottati liġijiet permezz tas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tal-internet.

51.  Jenfasizza l-importanza ta’ strateġija ġenerali tal-UE għall-governanza tal-internet, kif ukoll għal kwestjonijiet relatati mar-regolamenti tat-telekomunikazzjonijiet, u fakkar li s-settur jitmexxa internazzjonalment permezz tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, fejn l-Istati Membri tal-UE kollha jkollhom vot wieħed;

52.  Huwa mħasseb dwar il-proposti tal-koalizzjonijiet tal-gvernijiet u tan-negozji li jippruvaw jintroduċu sorveljanza regolatorja u żieda fil-kontroll governattiv u privat fuq l-internet u fuq l-operazzjonijiet tat-telekom;

53.  Jistieden lill-UE tindirizza u tirreżisti l-impatt extraterritorjali tal-liġijiet ta' pajjiżi terzi, speċifikament il-liġijiet dwar l-IPR tal-Istati Uniti, fuq iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-impriżi tal-UE; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr l-Istrateġija tagħha għall-Cloud Computing madwar l-UE kif evidenzjat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

54.  Ifakkar li l-Internet, il-konnessjoni u l-ħżin tad-data u l-ICTs huma partijiet essenzjali mill-infrastruttura kritika tal-UE;

55.  Jiddispjaċih għall-pressjoni fl-UE għal aktar setgħat sabiex jiġu bblukkati websajts, li għandha tkun miżura għal meta ma jkunx hemm għażla oħra possibbli;

56.  Jappoġġa bis-sħiħ il-prinċipju tan-newtralità tan-net, jiġifieri li fornituri tas-servizzi tal-internet ma jimblukkawx, ma jiddiskriminawx kontra, ma jxekklux, jew ma jiddegradawx, anki permezz ta’ tariffi, l-abilità ta' kwalunkwe persuna li tuża servizz biex ikollha aċċess, tuża, tibgħat, tippowstja, tirċievi, jew toffri kwalunkwe kontenut, applikazzjoni, jew servizz tal-għażla tagħha irrispettivament mis-sors jew il-mira;

57.  Iqis li hija meħtieġa aktar kooperazzjoni globali biex jiġu appoġġati u modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-ġejjieni, peress li din hija vitali biex jiġu żgurati l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kummerċ dinji miftuħ;

58.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw il-politika tal-IPR sabiex dawk li jixtiequ jkomplu joħolqu l-kontenut tagħhom stess u jaqsmuh mal-oħrajn mingħajr l-akkwist ta' IPR jitħallew jagħmlu hekk;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi qafas regolatorju ġdid għall-kummerċtranskonfinali online, valutazzjoni u reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex jiġu garantiti l-prevedibbiltà u l-flessibbiltà fl-ambitu tar-reġim tad-dritt tal-awtur tal-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED), li jistgħu jibbilanċjaw il-ħtieġa għar-riforma dwar id-drittijiet tal-awtur u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali online u li jiġi ppreservat l-internet miftuħ u li jista’ jservi bħala bażi għad-dispożizzjonijiet tal-IPR u l-impenji fl-FTAs tal-futur;

Strateġija tal-libertà diġitali

60.  Jirrikonoxxi li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ukoll jiġu protetti online, u jemmen li l-ICTs għandhom jiġu integrati fil-programmi kollha tal-UE, b’mod partikolari fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fl-isħubijiet strateġiċi, biex imexxu dan l-isforz;

61.  Jitlob li l-UE tirrikonoxxi l-libertajiet diġitali bħala drittijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispenabbli għat-tgawdija tad-drittijiet universali tal-bniedem bħall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u l-aċċess għall-informazzjoni u jiżguraw it-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika;

62.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jappoġġaw, jagħtu t-taħriġ u s-setgħa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti li jużaw l-ICTs fl-attivitajiet tagħhom u jassiguraw id-drittijiet fundamentali tal-privatezza, tal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u l-libertà tal-assoċjazzjoni online;

63.  Jitlob lill-Istati Membri biex ma jużawx l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku bħala miżura ristrettiva sabiex jiġu limitati d-drittijiet fundamentali ta’ asssemblea u demostrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jfakkar li tali eċċezzjoni għandha tkun immotivata u proporzjonata;

64.  Jitlob appoġġ politiku u diplomatiku għal-libertajiet diġitali fil-pajjiżi reċipjenti tal-għajnuna tal-UE, minbarra l-programmi ta’ assistenza;

65.  Iqis li r-restrizzjoni tal-libertajiet diġitali għandha titieħed kompetament inkunsiderazzjoni fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li dawk li jirċievu l-assistenza u l-għajnuna mill-UE, ħlief dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt qawwi li jbatu minn diżastri jew li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' post-kunflitt jew ta' post-diżastru, għandhom jiġu rikjesti jużaw l-ICTs sabiex iżidu t-trasparenza u r-responsabilità;

66.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni jinkludu fin-negozjati tal-adeżjoni u n-negozjati ta’ ftehimiet qafas ma’ pajjiżi terzi, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-negozjati dwar il-kummerċ u l-forom kollha ta’ kuntatt relatat mad-drittijiet tal-bniedem, il-klawsoli tal-kundizzjonalità li jistipulaw il-ħtieġa li jiġi garantit u rispettat l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-internet u l-libertajiet diġitali;

67.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jippromwovu u jippreservaw standards għoljin ta’ libertà diġitali fl-UE, partikolarment billi jikkodifikaw il-prinċipju tan-newtralità tan-net permezz ta' regolamenti adegwati, sabiex isaħħu l-kredibilità tal-Unjoni rigward il-promozzjoni u d-difiża tal-libertajiet diġitali madwar id-dinja;

68.  Iqis li l-ħolqien ta’ sinerġija tal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, is-sigurtà u l-politika barranija u l-allinjament tal-valuri u l-interessi tagħhom huma indispensabbli biex l-Unjoni tkabbar il-poter ekonomiku tagħha u taġixxi bħala attur globali fid-difiża tal-libertajiet diġitali;

69.  Iqis li l-koordinazzjoni u l-inizjattivi diplomatiċi konġunti mal-pajjiżi tal-OECD l-oħra fl-iżvilupp u l-eżekuzzjoni ta’ strateġija ta’ libertà diġitali huma essenzjali għal azzjoni effiċjenti u rapida;

70.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw Starteġija ta’ Libertà Diġitali fil-politika barranija tal-UE kemm jista’ jkun malajr;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni u lill-SEAE.

(1) http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session20/Pages/ResDecStat.aspx
(2) Riżoluzzjoni adottata b’unanimità mill-Kunsill Governattiv tal-IPU fil-189 sessjoni tiegħu (Bern, 19 ta’ Ottubru 2011)http://www.ipu.org/english/issues/hrdocs/189/is01.htm
(3) http://eeas.europa.eu/delegations/un_geneva/press_corner/focus/events/2012/20120625_en.htm
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0250.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0237.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0140.
(7) Testi adottati, P7_TA(2012)0126.
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0059.
(9) ĠU L 56, 29.2.2012, p. 1.
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0511.
(11) Testi adottati, P7_TA(2011)0364.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0334.
(13) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p.135.
(14) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(15) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 33.
(16) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.
(17) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.
(18) Testi adottati, P7_TA(2011)0406.
(19) ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.
(20) ĠU L 87, 24.3.2012, p. 26.
(21) http://unesdoc.unesco.org/images/0013/001325/132540e.pdf

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Ġunju 2015Avviż legali