Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2039(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0018/2013

Testi mressqa :

A7-0018/2013

Dibattiti :

PV 14/03/2013 - 4
CRE 14/03/2013 - 4

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0094

Testi adottati
PDF 407kWORD 35k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Statut għal impriża mutwa Ewropea
P7_TA(2013)0094A7-0018/2013
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea (2012/2039(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea (COM(1991)0273) u l-proposta emendata (COM(1993)0252),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2005 dwar ir-riżultat tal-eżami tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur (COM(2005)0462),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ”Flimkien għal tkabbir ġdid’“(COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu “Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni” (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2006 dwar ir-riżultat tal-iscreening tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-leġiżlatur(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2006 dwar żviluppi riċenti u prospettivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji(2),

–  wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu, tal-10 ta' Marzu 2011, dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijie(5)t,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar il-futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew(6),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew fuq statut għal impriżi mutwi Ewropej, ippreżentata mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-21 ta’ Jannar 2013(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0018/2013),

A.  billi l-Kummissjoni rtirat l-abbozz ta’ proposta tagħha għal Regolament dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea f’Marzu 2006;

B.  billi Regolament dwar l-Istatut ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE)(8) kien adottat fl-2003 u billi l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat fit-8 ta’ Frar 2012 proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut tal-Fondazzjoni Ewropea (FE);

C.  billi l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament fl-2011 jagħti preżentazzjoni ċara tal-implikazzjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi ta’ intervent mill-Unjoni fil-qasam tal-impriżi mutwi;

D.  billi fi snin riċenti l-Parlament adotta diversi riżoluzzjonijiet li appellaw għall-adozzjoni ta' regolament dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea; billi l-Parlament jiddispjaċih li l-Kummissjoni, wara li rtirat il-proposta ta' statut għal impriża mutwa Ewropea fl-2006, ma ressqitx proposta oħra li tipprovdi lil dawn l-impriżi bi strument ġuridiku adegwat biex jiġu faċilitati l-attivitajiet transkonfinali tagħhom;

E.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrevedi xi ftit mill-proposti preċedenti dwar l-istatut għal impriża mutwa Ewropea u li tikkunsidra mill-ġdid il-bżonn għal intervent leġiżlattiv bil-ħsieb li ssir valutazzjoni globali tal-impatt; billi l-Parlament jilqa’ l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-kuntest dwar is-sitwazzjoni attwali u l-proposti ta’ impriżi mutwi fl-Unjoni, li jeżamina d-diffikultajiet li l-impriżi mutwi jaffaċċjaw, minħabba n-nuqqas ta’ oqfsa legali f’ċerti Stati Membri, u l-problemi li jirrigwardaw il-ħolqien ta’ impriżi mutwi ġodda minħabba r-rekwiżiti kapitali u n-nuqqas ta' soluzzjonijiet għall-istabbiliment ta' gruppi; billi l-Kummissjoni għandha tipproponi soluzzjonijiet adegwati għal dawn il-problemi ħalli tiġi rikonoxxuta aktar il-kontribuzzjoni ta’ impriżi mutwi għall-ekonomija soċjali, inkluż statut;

F.  billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet, u ta’ dan ta’ min ifaħħarha, il-ħtieġa ta’ statut u impenjat ruħha li tipprovdi leġiżlazzjoni aqwa għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (inklużi l-impriżi mutwi), filwaqt li enfasizzat li dawn l-impriżi għandhom ikunu kapaċi joperaw b’mod transkonfinali bħala kontribut għall-isforz Ewropew biex iżidu t-tkabbir u jsaħħu l-fiduċja fiż-Żona Ekonomika Ewropea(9);

G.  billi hemm it-tama, għalhekk, li dan l-istatut Ewropew ikun ambizzjuż u innovattiv bil-għan li jipproteġi l-ħaddiema u l-familji tagħhom meta jiċċaqalqu fl-Unjoni;

H.  billi l-impriżi mutwi huma gruppi volontarji ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-iskop tagħhom hu li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-membri tagħhom pjuttost milli jiksbu qligħ fuq l-investiment; billi huma joperaw skont il-prinċipji ta’ sħubija volontarja u miftuħa u solidarjetà bejn il-membri u huma ġestiti skont prinċipji demokratiċi (bħall-prinċipju ta' membru wieħed/vot wieħed għal impriżi mutwi komposti minn persuni individwali), biex b’hekk jikkontribwixxu għal ġestjoni responsabbli u sostenibbli;

I.  billi, minħabba d-diversità tagħhom, l-impriżi mutwi fl-Ewropa jeżistu f’qafas diversifikat ħafna, għal dak li jikkonċerna s-servizzi provduti minnhom, jew id-daqs tagħhom, jew il-missjoni tagħhom, jew l-impatt ġeografiku tagħhom;

J.  Billi jeżistu żewġ tipi ewlenin ta’ impriżi mutwi fl-Ewropa, li huma l-impriżi ta’ “benefiċċju mutwu” (jew “providenza ta’ saħħa”) u l-impriżi ta’ “assigurazzjoni mutwa”; billi l-impriżi ta’ “benefiċċju mutwu’ jipprovdu kopertura soċjali li hija supplimentari, komplimentari jew integrata fis-sistemi obbligatorji ta’ protezzjoni soċjali. billi l-impriżi ta’ ”assigurazzjoni mutwa“ jistgħu jkopru kull tip ta’ proprjetà u riskji ta’ ħajja, u billi f’ċerti Stati Membri, l-impriżi mutwi jistgħu anki jipprovdu servizzi f’oqsma oħra bħall-akkomodazzjoni jew il-kreditu;

K.   billi, minkejja d-diversità tagħhom, l-impriżi mutwi jorganizzaw servizzi u prestazzjonijiet fl-interessi tal-membri tagħhom, fuq il-bażi ta’ solidarjetà u permezz ta’ finanzjament kollettiv; billi huma jorganizzaw ruħhom demokratikament u jużaw il-bilanċi pożittivi tal-attivitajiet tagħhom għall-benefiċċju tal-membri tagħhom;

L.  billi l-Unjoni, bl-objettiv li tiżgura kundizzjonijiet pari ta' kompetizzjoni u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tagħha, għandha tipprovdi impriżi mutwi, li huma forma ta' organizzazzjoni rikonoxxuta f'ħafna mill-Istati Membri, b'istrumenti legali adegwati li jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-attivitajiet transkonfinali tagħhom u jippermettulhom jibbenefikaw mis-suq intern;

M.  billi l-impriżi mutwi għandhom rwol importanti fl-ekonomija tal-Unjoni billi jipprovdu kura tas-saħħa, servizzi soċjali u servizzi tal-assigurazzjoni għall-but ta' kulħadd lil aktar minn 160 miljun ċittadin Ewropew; billi huma jirrappreżentaw aktar minn EUR 180 biljun f’premjums ta’ assigurazzjoni u jimpjegaw aktar minn 350 000 persuna;

N.  billi l-impriżi mutwi jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura u l-inklużjoni soċjali u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-għoti ta' servizzi ta' interess ġenerali fl-Unjoni;

O.  billi fl-2010, 12.3 miljun ċittadin Ewropew kienu qed jaħdmu fi Stat Membru ieħor, li jirrappreżentaw 2.5% tal-popolazzjoni attiva tal-Unjoni;

P.  billi f'xi Stati Membri l-fondi statutarji tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma projbiti milli joperaw bħala kumpaniji tas-settur privat;

Q.  billi l-impriżi mutwi jirrapreżentaw 25% tas-suq tal-assigurazzjoni u 70% tan-numru totali ta’ impriżi fl-industrija; billi l-impriżi mutwi ma jistgħux ikomplu jintesew mis-suq uniku(10), u li għandhom jingħataw statut Ewropew biex ikunu ugwali għal forom oħra ta' impriżi fl-Unjoni; billi d-diversità tal-forom tal-intraprenditorjat hija vantaġġ li għandu jkun għal kollox rikonoxxut u mħeġġeġ;

R.  billi l-impriżi mutwi għandhom rwol jew għandu jkollhom rwol importanti fl-ekonomiji tal-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li huma jikkontribwixxu għall-objettivi strateġiċi tal-Unjoni – ikkonfermat mit-tendenzi demografiċi – fl-iżgurar tat-tkabbir inklużiv b’aċċess għar-riżorsi fundamentali, għad-drittijiet u s-servizzi soċjali għal kulħadd, għas-saħħa adegwata u l-kura fit-tul abbażi tas-solidarjetà, l-aċċessibbiltà mill-aspett finanzjarju, in-nondiskriminazzjoni u n-nonesklużjoni, u l-garanzija li l-bżonn għal kura addizzjonali għall-anzjani mhux se twassalhom għall-faqar jew id-dipendenza finanzjarja;;

S.  billi l-impriżi mutwi huma partikolarment attivi fil-qasam tas-saħħa, il-kura fit-tul, il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali inklużi l-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjiħ; billi l-involviment tal-impriżi mutwi bħala partijiet interessati ewlenin huwa kruċjali għas-sostenibilità futura tal-protezzjoni soċjali, fid-dawl tal-fatt li t-tixjiħ demografiku qiegħed attwalment joħloq sfidi ewlenin fl-Ewropa, u qed jitfa' piż partikolari fuq il-bilanċi tal-baġits nazzjonali, u qed jirriskja li jpoġġi l-infiq pubbliku għall-protezzjoni soċjali taħt pressjoni; u billi l-impriżi mutwi jista’ jkollhom rwol importanti fil-proponiment ta’ skemi ta’ pensjonijiet soċjalment responsabbli, għalkemm ma jistgħux jissostitwixxu l-ewwel pilastru solidu tas-sistema tal-pensjonijiet;

T.  billi s-settur privat qed jiġi mitlub jikkontribwixxi għat-tisjib ta’ soluzzjoni għall-isfidi tar-riforma tas-sistemi ta’ saħħa tal-Unjoni u l-ekonomija soċjali; billi, b’mod aktar partikolari, l-impriżi mutwi għandhom rwol naturali bħala partijiet interessati fl-ilħuq ta’ dan l-għan.

U.  billi l-impriżi mutwi, bil-valuri fundamentali tagħhom ta’ solidarjetà, governanza demokratika u nuqqas ta’ azzjonisti, joperaw għall-benefiċċju tal-membri tagħhom u b’hekk, min-natura tagħhom stess, b’mod soċjalment responsabbli;

V.  billi l-valuri tal-impriżi mutwi jikkorrispondu mal-prinċipji fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew; billi, apparti mill-fatt li huma bbażati fuq valuri ta' solidarjetà, l-impriżi mutwi huma operaturi ewlenin fl-ekonomija tas-suq soċjali tal-Unjoni u għandhom jingħataw rikonoxximent akbar, partikolarment billi jiġi stabbilit statut Ewropew;

W.  billi ż-żieda fl-infiq fuq il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet jista’ jkollha konsegwenzi sinifikanti għas-sostenibilità u l-kopertura tas-sistemi attwali ta’ protezzjoni soċjali; billi l-impriżi mutwi jippromwovu valuri fundamentali tal-Istat soċjali bħas-solidarjetà, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċess ugwali u servizzi soċjali ta’ kwalità għolja fis-settur privat; billi t-tisħiħ tal-kontribut tal-impriżi mutwi għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew m'għandux isir għad-detriment tal-azzjoni li jieħdu l-Istati Membri għall-protezzjoni soċjali; billi, madankollu, jeħtieġ li l-protezzjoni soċjali volontarja ma tissostitwixxix is-sigurtà soċjali; billi d-diversità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, ftit minnhom totalment imħallsa mill-Istat, ftit mill-impriżi mutwi u ftit fuq bażi komuni mit-tnejn, għandha tiġi rrispettata; billi l-istatut għal soċjetà mutwa Ewropea huwa essenzjali iżda dan jeħtieġ li ma jintużax biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni soċjali;

X.  billi hemm it-tama li ssir aktar faċli għall-ħaddiema kollha b'mod partikolari ħaddiema fin-negozji ż-żgħar, li jingħaqdu ma' impriża mutwa, u li huma se jiġu mħeġġa jagħmlu dan;

Y.  billi hemm it-tama li, f'dak il-każ, titħeġġeġ sħubija tal-ħaddiema ma' sistema ta' impriżi mutwi permezz ta' eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew permezz ta' eżenzjoni fiskali;

Z.  billi l-impriżi mutwi, fid-dawl tal-isfidi li l-gvernijiet qed jaffrontaw fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, jistgħu jikkontribwixxu sabiex ikun hemm xibka ta’ sikurezza finanzjarjament aċċesibbli għal dawk suġġetti għal riskju; billi l-impriżi mutwi joffru opportunitajiet addizzjonali u finanzjarjament aċċesibbli liċ-ċittadini tal-Unjoni;

AA.  billi ċerti impriżi mutwi għandhom element volontarju qawwi ħafna u billi din l-etika għandha tinżamm u tiġi ffaċilitata;

AB.   billi f'xi Stati Membri, flimkien mas-servizzi tal-assigurazzjoni, l-impriżi mutwi jipprovdu servizzi ta' self mingħajr imgħax jew b'imgħax baxx lill-membri tagħhom;

AC.  billi l-valur miżjud tal-impriżi mutwi meta mqabbla mal-kompetituri kummerċjali tagħhom se jkun akbar fil-livell tal-Unjoni, fid-dawl tal-piż ekonomiku tagħhom u l-impatt pożittiv ta’ żona ta’ attività fil-livell tal-Unjoni;

AD.  billi l-ekonomija soċjali, u b'mod partikolari l-impriżi mutwi, għandha rwol essenzjali fl-ekonomija tal-Unjoni, billi tgħaqqad il-profitt mas-solidarjetà, u b’hekk jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u impjiegi lokali, tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali, jiġi ġġenerat il-kapital soċjali, jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva, l-assistenza soċjali bbażata fuq is-solidarjetà u tip ta' ekonomija b'valuri demokratiċi li tqiegħed lill-persuni fl-ewwel post u tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni soċjali, ambjentali u teknoloġika;

AE.  billi l-impriżi mutwi għandhom rwol f'dawn l-isfidi flimkien mas-settur privat, u li għalhekk għandhom, biex jagħmlu dan, ikunu kapaċi joperaw f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bħal dawk ta’ forom oħra ta’ impriżi fl-Unjoni ; billi l-istatuti Ewropew diġà fis-seħħ, bħall-Kooperattiva Ewropea (SCE) jew il-Kumpanija Ewropea (SE), mhumiex adattati għal impriżi mutwi minħabba d-differenzi bejn il-mudelli ta' governanza tagħhom;

AF.  billi l-eżistenza tal-lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija ta’ min jiddispjaċih minnha, peress li l-impriżi ma jissemmewx speċifikament fit-trattati u billi l-mudelli ta’ negozju tagħhom mhumiex koperti fil-leġiżlazzjoni sekondarja, li tirreferi għall-impriżi pubbliċi u privati biss, u b’hekk dan jaffettwa ħażin l-istatus tal-impriżi mutwi, l-iżvilupp tagħhom u l-istabbiliment ta’ gruppi transkonfinali;

AG.  billi l-istatut Ewropew għal soċjetà mutwa hu essenzjali biex tintlaħaq integrazzjoni aħjar fis-suq uniku, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-kwalitajiet speċifiċi tal-impriżi mutwi u biex l-impriżi mutwi jkunu jistgħu jagħmlu kontribut akbar ħalli jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 bbażati fuq it-tkabbir u l-impjiegi; billi statut Ewropew se jiffaċilita wkoll il-mobilità taċ-ċittadini Ewropej billi jippermetti lill-impriżi mutwi jipprovdu servizzi f’diversi Stati Membri u b’hekk joħolqu kontinwità u koerenza akbar fis-suq uniku;

AH.  billi l-istatut Ewropew għal impriżi mutwi se jipprovdi mod ta’ kif jiġi promoss il-mudell muwtalistiku madwar Unjoni mkabbra, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda fejn mhuwiex kopert minn ċerti sistemi ġuridiċi; billi regolament tal-Unjoni, li naturalment ikun applikabbli fl-Unjoni kollha, ikollhu l-vantaġġ doppju li jipprovdi dawk il-pajjiżi b’statut Ewropew ta’ riferiment u jikkontribwixxi għall-istatus u l-profil pubbliku ta’ dan it-trip ta’ impriża;

AI.  billi li l-istatut jista’ jipprovdi opportunitajiet għal impriżi mutwi biex joħolqu ekonomiji ta’ skala ħalli tinżamm il-kompetittività fil-futur, u jiżdied ir-rikonoxximent tal-valur tal-impriżi mutwi fit-tfassil ta’ politika tal-Unjoni;

AJ.  billi l-impriżi mutwi huma organizzazzjonijiet sodi u sostenibbli, li rreżistew il-kriżi finanzjarja u kkontribwixxew għal suq aktar reżistenti u diversifikat, fl-ekonomiji kollha partikolarment fil-qasam tal-assigurazzjoni u l-protezzjoni soċjali; billi l-impriżi mutwi huma partikolarment attivi fil-qasam popolazzjoni li qed tixjiħ u l-bżonnijiet soċjali; billi l-involviment tal-impriżi mutwi fil-qasam tal-pensjonijiet joffri opportunitajiet addizzjonali liċ-ċittadini tal-Unjoni u billi huma għandhom rwol fil-preservazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew;

AK.  billi l-impriżi mutwi ma jiddisponux minn ishma iżda huma proprjetà komuni, peress li l-bilanċi favorevoli tagħhom huma investiti mill-ġdid pjutost milli distribwiti lill-membri; billi dan ikkontribwixxa għall-fatt li l-impriżi mutwi rreżistew il-kriżi b'mod aħjar mill-entitajiet tas-settur privat;

AL.  billi statut Ewropew ikun jikkosistwixxi għodda volontarja kumplimentarja għad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali fis-seħħ li applikaw għall-impriżi mutwi u b’hekk ma jkunx jaffettwa l-istatuti diġà fis-seħħ, iżda pjutost jikkostitwixxi it-28 sistema li tiffaċilita l-involviment tal-impriżi mutwi fl-attivitajiet transkonfinali;

AM.  billi l-Kummissjoni għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi mutwi biex tiżgura l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet, bil-ħsieb li tiġi evitata d-diskriminazzjoni addizzjonali u jiġi żgurat li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida tkun proporzjonata kif ukoll jiġi ggarantit suq ġust, kompetittiv u sostenibbli;

AN.   billi t-talba għal diversifikazzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni qed tikber, u b’hekk qed jiġi enfasizzat ir-rwol li l-impriżi mutwi jistgħu jassumu meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom ibbażati fuq l-azzjonisti, sabiex is-settur isir aktar kompetittiv, anqas riskjuż u aktar reżiljenti għal ċirkustanzi finanzjarj i u ekonomiċi li dejjem qed jinbidlu;

AO.  billi l-impriżi mutwi huma suġġetti għal kompetizzjoni qawwija u li dejjem qed tikber, b'mod partikolari fis-settur tal-assigurazzjoni, u billi xi wħud minnhom qed jersqu lejn id-demutwalizzazzjoni jew il-finanzjarizzazzjoni;

AP.  billi f’tal-anqas sitt Stati Membri tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea, m'hemmx il-possibbiltà ġuridika li tinħoloq organizzazzjoni mutwa; billi dan il-fatt joħloq distorsjonijiet fis-suq; billi statut Ewropew jista’ jirrimedja dan u jista’ jinkoraġġixxi il-ħolqien ta’ impriżi mutwi f’dawn l-Istati Membri;

AQ.  billi l-impriżi mutwi ma għandhomx l-istrumenti ġuridiċi neċessarji sabiex jiffaċilitaw l-iżviluppi tagħhom kif ukoll l-attivitajiet transnazzjonali tagħhom fil-qafas tas-suq intern; billi, fid-dawl tad-disponibilità tal-istatuti Ewropej għal forom korporattivi oħra, l-impriżi soċjali għadhom żvantaġġati; billi, fin-nuqqas ta’ statut Ewropew, l-impriżi mutwi ħafna drabi jkollhom jagħmlu użu minn strumenti legali mhux adegwati għall-attivitajiet transnazzjonali tagħhom u dan iwassal għad-demutwalizzazzjoni tagħhom.

AR.  billi l-liġijiet nazzjonali dwar l-impriżi mutwi jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Unjoni u billi l-istatut Ewropew jista’ jippermetti l-ħolqien ta’ impriżi mutwi transnazzjonali biex b’hekk jissaħħaħ il-mudell Ewropew tal-protezzjoni soċjali;

AS.  billi l-impriżi mutwi stess għandhom ixerrdu l-idea ta’ mutwalità bħala l-valur ċentrali tagħhom, u jikkonvinċu l-membri futuri li din hija alternattiva kosteffiċjenti u sostenibbli meta mqabbla mal-fornituri kummerċjali ta’ servizzi;

AT.  billi għandu jiġi evitat li l-impriżi mutwi, sabiex jibqgħu kompetittivi, jieħdu passi sabiex isiru kopji tal-kompetituri kummerċjali tagħhom, pereżempju billi jintroduċu numru ta’ riskji jew kriterji aktar stretti għas-sħubija, jew anki billi jintroduċu ishma sabiex iżidu l-marġni ta’ solvenza tagħhom;

AU.  billi l-impriżi mutwi, b’mod partikolari dawk ta’ daqs medju, jistgħu jiġu sforzati jsiru parti minn organizzazzjonijiet akbar, anki kumpaniji b’responsabbiltà limitata (permezz tad-demutwalizzazzjoni), u b’hekk tiżdied id-distanza bejn l-organizzazzjoni kkonċernata u d-detenturi ta’ polza;

AV.  billi n-nuqqas ta' statut għadu jimpedixxi l-kooperazzjoni transkonfinali u l-fużjoni tal-impriżi mutwi;

1.  Fid-dawl tal-eżitu ta’ studju riċenti dwar is-sitwazzjoni ta’ impriżi mutwi fl-Unjoni, u fid-dawl tal-preferenza ċara espressa diversi drabi mill-Parlament għal statut għal impriża mutwa Ewropea, jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta b’mod rapidu, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet dettaljati mniżżla fl-Anness u fuq il-bażi tal-Artikolu 352 jew, possibbilment l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta jew aktar proposti li jippermettu l-impriżi mutwi joperaw fuq skala Ewropea u transkonfinali;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’ sussisdjarjetà;

3.  Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti bl-allokazzjonijiet baġitarji xierqa;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 140.
(2) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 114.
(3) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(4) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 19.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 187.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0259.
(7) http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=83593
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - 'Flimkien għal tkabbir ġdid'” (COM(2011)0206),
(10) Ara COM(2011)0206, imsemmija hawn fuq.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjonijiet dwar l-istatut għal impriża mutwa Ewropea

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-objettivi tal-istatut għal impriża mutwa Ewropea)

Il-Parlament Ewropew iqis li d-diversità tal-impriżi għandha tkun stabbilita b’mod ċar fit-Trattat Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jipproponi li fl-Artikolu 54 ta’ dan jiġu inklużi l-impriżi mutwi.

Il-Parlament Ewropew iqis li hija meħtieġa taħlita ta’ strateġiji u miżuri sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet pari għall-impriżi mutwi, inkluż Statut Ewropew, li jagħtuhom l-istess livell ta’ possibbiltajiet li tiżdied dimensjoni Ewropea għall-organizzazzjoni u l-attivitajiet tagħhom u sabiex dwan jiġu provduti b'istrumenti legali adegwati ħalli jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transkonfinali u transnazzjonali tagħhom.F’dan ir-rigward, l-impriżi mutwi jkunu jistgħu joperaw fl-Unjoni skont il-governanza speċifika tagħhom.

Il-Parlament Ewropew iqis li statut għal impriża mutwa Ewropea se joħloq skema volontarja fil-forma ta’ strument fakultattiv li jippermetti l-impriżi mutwi joperaw f’Stati Membri differenti, li jiġu introdotti f’pajjiżi fejn s’issa ma jeżistux, u għalhekk jinsisti li impriża mutwa Ewropea tiġi kkunsidrata forma ġuridika Ewropea li għandha natura speċifikament tal-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew ifakkar fl-istess ħin li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva mhux se tbiddel il-liġijiet nazzjonali differenti fis-seħħ, u ma tistax titqies bħala intiża sabiex tapprossimizza l-liġijiet tal-Istati Membri applikabbli għall-impriżi mutwi.

Il-Parlament Ewrope jafferma li l-miri essenzjali ta’ regolament dwar l-istatut għal impriża mutwa Ewropea se jkunu:

   li jitneħħew l-ostakoli kollha għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-impriżi mutwi filwaqt li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li għandhom għeruq profondi fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali rispettivi u li l-impriżi mutwi jkunu jistgħu joperaw b’mod ħieles fis-Suq Uniku Ewropew biex b’hekk jissaħħu l-priniċpji tas-suq uniku stess;
   li jkun possibbli li jiġi stabbilita impriża mutwa Ewropea minn persuni fiżiċi residenti fi Stati Membri differenti jew entitajiet legali stabbiliti taħt il-liġijiet ta' Stati Membri differenti;
   li jkun possibbli li jiġi stabbilita impriża mutwa Ewropea permezz tal-fużjoni ta’ żewġ impriżi mutwi jew aktar, fid-dawl tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali għall-impriżi mutwi(1);
   li jkun possibbli li tinħoloq impriża mutwa Ewropea permezz tal-konverżjoni jew it-trasformazzjoni ta’ impriża mutwa nazzjonali fil-forma l-ġdida mingħajr ma tiġi xolta, meta l-impriża inkwistjoni għandha l-uffiċċju reġistrat u dak prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru;
   li jkun possibbli li jinħoloq grupp mutwu Ewropew u li l-impriżi mutwi jkunu jistgħu jieħdu l-vantaġġi li jirriżultaw minn Grupp Ewropew ta’ Impriżi Mutwi b’mod partikolari fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-Solvenza 2(2) għall-impriżi mutwi li jipprovdu assigurazzjoni;

Rakkomandazzjoni 2 (dwar l-elementi ta’ statut għal impriża mutwa Ewropea)

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tqis li d-disponibilità ta' dan ir-Regolament fakultattiv fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għandha tiġbor fiha l-karatteristiċi u l-prinċipji ta’ governanza tal-impriżi mutwi;

Il-Parlament Ewropew ifakkar li proposta għal statut impriża mutwa Ewropea għandha tieħu kont tar-regoli partikolari ta’ funzjonament tal-impriżi mutwi li huma differenti minn dawk ta’ operaturi ekonomiċi oħra:

   impriżi mutwi jipprovdu spettru wiesa' ta' servizzi tal-assigurazzjoni, servizzi ta' self jew servizzi oħra fl-interessi tal-membri tagħhom, fuq il-bażi ta’ solidarjetà u permezz ta’ finanzjamenti kollettivi;
   bħala kontraparti ta’ dan, il-membri jħallsu kontribut jew ekwivalent, li l-ammont tiegħu jista’ jkun varjabbli;
   il-membri ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda dritt individwali fuq l-assi tal-impriza mutwa.

Il-Parlament Ewropew jemmen li l-istatut għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari u preċiżi għall-ħolqien ta’ kategorija vera u effikaċi tal-impriżi mutwi Ewropej, u iqis neċessarju, f’dan ir-rigward, li jittieħdu inkunsiderazzjoni statuti mudelli preċedenti ta’ entitajiet Ewropej fejn ingħatat flessibbiltà sinifikanti lill-Istati Membri u n-nuqqas ta' valur miżjud wassal sabiex il-kundizzjonijiet neċessarji għas-suċċess fl-użu ta’ tali strument Ewropew ma nħolqux.

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fir-regolament propost, ibbażat fuq l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-karatteristiċi prinċipali tal-impriżi mutwi bbażati fuq persuni b'mod speċjali l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fejn jikkonċerna l-għażla tar-riskju u l-orjentazzjoni demokratika tal-membri tagħhom, bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali tal-komunitajiet lokali u tas-soċjetà usa' fi spirtu ta’ mutwalità.

Il-Parlament Ewropew jenfasizza l-importanza tal-priniċpju ta’ solidarietà fl-impriżi mutwi fejn il-klijenti huma wkoll membri u għalhekk jikkondividu l-istess interessi; ifakkar fil-prinċipju ta’ sjieda komuni tal-kapital u l-indiviżibilità tiegħu; u jenfasizza l-importanza tal-priniċpju tad-distribuzzjoni diżinteressata fil-każ ta’ likwidazzjoni, jiġifieri il-prinċipju li l-assi għandhom ikunu distribwiti lil impriżi mutwi oħra jew entità li għandha bħala għan l-appoġġ u l-promozzjoni ta’ impriżi mutwi;

Rakkomandazzjoni 3 (dwar il-portata u l-ambitu ta’ statut għal impriża mutwa Ewropea)

Il-Parlament Ewropew jenfasizza l-aspetti li ġejjin fir-rigward tal-portata u l-ambitu tar-regolament futur għal Statut Ewropew:

   ma għandux jaffettwa l-iskemi tas-sigurtà soċjali obbligatorji u legali ġestiti f'ċerti Stati Membri minn impriżi mutwi, u lanqas il-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar jekk iħallux il-ġestjoni ta’ tali skemi f’idejn impriżi mutwi, u kif jagħmlu dan;
   fid-dawl tan-natura speċifikament tal-Unjoni ta’ impriża mutwa Ewropea, is-sistema ta' ġestjoni adottata mill-istatut ma għandhiex tippreġudika l-liġijiet tal-Istati Membri u ma għandhiex tippreġudika l-għażliet li jistgħu jsiru għal testi tal-Unjoni oħra fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji;
   ir-regolament ma għandux ikopri oqsma oħra ta’ liġi, bħar-regoli dwar l-involviment tal-impjegat fil-proċess deċiżjonali, il-liġi dwar l-impjiegi, il-liġi dwar it-tassazzjoni, il-liġi dwar il-kompetizzjoni jew il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali jew industrijali jew regoli dwar l-insolvenza u s-sospensjoni ta’ pagamenti;
   peress li l-qafas li joperaw fih l-impriżi mutwi jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, ir-regolament għandu jiżgura li l-impriżi mutwi Ewropej ikunu jistgħu jiddefinixxu liberament l-għanijiet tagħhom u jipprovdu spettru wiesa' ta' servizzi, inklużi assigurazzjoni soċjali u assigurazzjoni tas-saħħa u l-għoti ta' self, lill-membri tagħhom;

Rakkomandazzjoni 4 (dwar il-governanza ta’ impriżi mutwi Ewropej)

L-impriża mutwa Ewropea għandha tiġi ġestita demokratikament u ffinanzjata b'mod kollettiv għall-benefiċċju tal-membri tagħha. L-istatut għandu jistipula li l-membri huma l-proprjetarji kollettivi tal-organizzazzjoni mutwa.

L-istatuti ta’ impriża mutwa Ewropea għandhom jistabbilixxu r-regoli ta’ governanza u ġestjoni għal li ġej: laqgħa ġenerali (li tista' tkun laqgħa tal-membri kollha jew laqgħa tad-delegati tal-membri), korp ta’ sorveljanza u korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni, skont il-forma adottata fl-istatuti.

Kull membru (persuna fiżika jew legali) jew delegat tal-laqgħa ġenerali għandu fil-prinċipju jkollu voti ugwali.

Il-membru jew membri tal-korp ta’ ġestjoni għandhom jinħatru u jitneħħew mill-korp ta' sorveljanza. Madankollu, Stat Membru jista’ jistabbilixxi jew jippermetti l-istatuti li jipprovdu għall-ħatra tal-membru jew membri tal-korp ta’ ġestjoni mil-laqgħa ġenerali

Ebda persuna ma tista' tkun membru tal-korp ta' ġestjoni u tal-korp ta' sorveljanza fl-istess ħin.

L-effett tad-Direttiva dwar is-Solvenza II dwar il-governanza koporattiva ta’ organizzazzjonijiet mutwi għandu jkun monitorjat bill-qrib.

(1) Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p.1).
(2) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza