Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0130/2013

Dibattiti :

PV 14/03/2013 - 5
CRE 14/03/2013 - 5

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2013 - 8.11

Testi adottati :

P7_TA(2013)0098

Testi adottati
PDF 227kWORD 25k
Il-Ħamis, 14 ta' Marzu 2013 - Strasburgu
Il-logħob mixtri u l-korruzzjoni fl-isport
P7_TA(2013)0098RC-B7-0130/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ix-xiri tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport (2013/2567(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nikosija tal-20 ta' Settembru 2012 dwar il-Ġlieda kontra x-Xiri tal-Logħob,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Jannar 2011 bl-isem “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard fuq l-internet(2),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (COM(2007)0391),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2005 dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2012 bl-isem “Lejn qafas Ewropew komprensiv dwar il-logħob tal-azzard onlajn” (COM(2012)0596),

–  wara li kkunsidra l-Green paper tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern (COM(2011)0128),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-azzjoni preparatorja bl-isem “Sħubijiet Ewropej fl-Isport” u b’mod partikolari l-ġmigħ ta’ proġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta’ inċidenti ta’ xiri tal-logħob permezz tal-għoti ta’ edukazzjoni u informazzjoni lil partijiet interessati relevanti,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkumbatti l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport (COM(2012)0655),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudju bl-isem “Ix-xiri tal-logħob fl-isport” ta’ Marzu 2012, magħmul fuq talba tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Kontra d-Doping tas-16 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Settembru 2011 dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati, speċjalment ix-xiri tal-logħob,

–  wara li kkonsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi tim ta’ investigazzjoni konġunta (JIT) tal-Europol, imsejjaħ bil-kodiċi “Operation Veto”, kixef ħafna każijiet ta’ xiri tal-logħob tal-futbol f’dawn l-aħħar snin, b’680 logħba madwar id-dinja kollha meqjusa bħala suspettużi, inklużi 380 logħba fl-Ewropa, u billi ddeskriva netwerk mifrux tax-xiri tal-logħob li darab l-isport fil-qalba tiegħu, b’425 persuna suspettata u b’50 persuna arrestata;

B.  billi l-Europol iddikjara li dawn iċ-ċifri huma biss il-quċċata ta’ muntanja moħbija;

C.  billi għadd kbir ta’ Stati Membri ġew affettwati mix-xiri tal-logħob, li jagħti lok għal tħassib serju minħabba li x-xiri tal-logħob jorbot mal-kriminalità organizzata u huwa sors maġġuri ta' riskju għall-istrutturi sportivi f'tista' tgħid l-Istati Membri kollha;

D.  billi x-xiri tal-logħob huwa forma ta’ kriminalità li tiġġenera dħul kbir filwaqt li ftit tiġi sanzjonata fil-qrati jew mikxufa, u billi għaldaqstant l-organizzazzjonijiet kriminali jużawha bħala għodda fl-attivitajiet illegali tagħhom bħall-ħasil tal-flus u t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi;

E.  billi l-hekk imsejjaħ “spot-fixing” – attività illegali li biha tiġi mmanipulata parti speċifika ta' logħba, iżda mhux neċessarjament ir-riżultat aħħari – jista’ jkun aktar diffiċli li jinkixef mix-xiri tal-logħob tradizzjonali;

F.  billi organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw fuq skala internazzjonali u għandhom konnessjonijiet minn naħa għall-oħra tad-dinja, b’tali mod li l-ebda istituzzjoni, pajjiż jew organizzazzjoni ma tista’ tkun fil-qagħda li tindirizza x-xiri tal-logħob weħidha;

G.  billi l-isports kollha jistgħu jintlaqtu, u qed tiġi mhedda l-integrità tal-isport;

H.  billi l-mekkaniżmi attwali ta' kontroll ma jirnexxilhomx jidentifikaw xiri tal-logħob b'mod immedjat minħabba n-natura globali ta' dawn l-attivitajiet illegali;

I.  billi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-demokrazija – fi kliem ieħor, il-governanza tajba – fl-organizzazzjonijiet sportivi huma prerekwiżiti biex il-moviment sportiv ikun jista’ jkollu rwol ta’ suċċess fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob u l-frodi fl-isport;

J.  billi bosta organizzazzjonijiet sportivi diġà ħadu miżuri f’dan il-qasam, bħalma huma l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-adozzjoni ta’ politiki ta’ tolleranza żero;

K.  billi l-imħatri fuq il-logħob mixtri prinċipalment huma offruti minn operaturi barra l-UE, u b'hekk jeħtieġ li jkun hemm fokus internazzjonali fuq il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob;

L.  billi esperti jindikaw li qed ikun hemm dejjem aktar tħassib dwar l-intenzjonijiet ħżiena ta' xi individwi li jixtru klabbs tal-futbol bħala mezz biex jixtru l-logħob u jaħslu l-flus;

M.  billi l-unjins tal-plejers jirrimarkaw il-fatt li x-xiri tal-logħob jikkostitwixxi problema wkoll f'termini ta' plejers li ma jitħallsux il-paga tagħhom f'waqtha u jisfaw vittmi ta’ intimidazzjoni u rikatt;

1.  Jitlob li l-partijiet interessati ewlenin individwalment iħaddnu r-responsabbiltà u jiżviluppaw approċċ komprensiv billi jikkomplementaw l-isforzi ta’ xulxin biex jiġġieldu kontra x-xiri tal-logħob fl-isport;

2.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa approċċ koordinat biex tikkumbatti x-xiri tal-logħob u l-kriminalità organizzata billi tikkoordina l-isforzi ta’ partijiet interessati ewlenin f’dan il-qasam, bħal organizzazzjonijiet sportivi, awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji nazzjonali u operaturi tal-logħob tal-azzard, u billi tipprovdi pjattaforma għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aqwa prattiki;

3.  Jitlob li l-organizzazzjonijiet sportivi jadottaw politika ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni (sew internament kif ukoll b'rabta ma' kuntratturi esterni) biex ma jħallux li l-membri tagħhom ikunu vulnerabbli għal pressjoni esterna;

4.  Iħeġġeġ li organizzazzjonijiet sportivi jistabbilixxu kodiċi ta’ kondotta għall-persunal u għall-ufiċjali kollha (plejers, kowċijiet, referis, persunal mediku u tekniku u mexxejja tal-assoċjazzjonijet) li jesponi l-perikli tax-xiri tal-logħob, jinkludi projbizzjoni ċara għall-manipulazzjoni tal-logħob għall-imħatri jew skopijiet oħra, jistipula s-sanzjonijiet assoċjati, u li jinkludi projbizzjoni tal-logħob tal-azzard fuq il-logħbiet proprji tagħhom kif ukoll obbligu li dak li jkun jirrapporta kwalunkwe kuntatt jew għarfien dwar xiri tal-logħob, flimkien ma’ mekkaniżmu adegwat ta’ protezzjoni tal-whistleblowers;

5.  Jitlob li l-korpi kollha ta' tmexxija tal-isports jikkomettu ruħhom favur prattiki ta' governanza tajba sabiex inaqqsu r-riskju li wieħed jisfa vittma ta' xiri tal-logħob;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għall-protezzjoni tal-integrità tal-isport; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri u l-federazzjonijiet sportivi jinformaw u jedukaw lill-isportivi u lill-konsumaturi b'mod adegwat, sa minn età żgħira, fil-livelli kollha tal-isport, kemm dawk tad-dilettanti kif ukoll dawk professjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex ivaraw u jippersistu bi programmi preventivi u edukattivi komprensivi li jġibu magħhom obbligi ċari għall-klabbs, ligs u federazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-minorenni, u jwaqqfu korp dixxiplinarju li jittratta x-xiri tal-logħob;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinkludu espliċitament ix-xiri tal-logħob fid-dritt kriminali nazzjonali tagħhom, jipprovdu għal sanzjonijiet minimi komuni adegwati, u jiżguraw li kwalunkwe lakuna eżistenti tiġi indirizzata b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali;

9.  Jilqa’ d-diskussjonijiet li qed isiru dwar konvenzjoni possibbli tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkumbatti l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi, li sejra tagħti lis-sistemi nazzjonali l-għodod, l-għarfien espert u r-riżorsi li jeħtieġu biex jiġġieldu kontra din it-theddida;

10.  Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex japplikaw standards ta’ governanza għoljin u konvinċenti;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-imħatri fuq kompetizzjonijiet li jinvolvu l-minorenni;

12.  Jitlob li l-Istati Membri joħolqu unità speċjalizzata tal-infurzar tal-liġi li tikkumbatti x-xiri tal-logħob u sservi ta’ pern ċentrali għall-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, u jesiġu li l-operaturi tal-logħob tal-azzard jagħtu informazzjoni dwar xejriet irregolari tal-logħob tal-azzard lil din l-unità u lill-organizzazzjonijiet sportivi għal aktar investigazzjoni u għat-tressiq quddiem l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni;

13.  Jitlob li l-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet Ewropej permezz ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu u jiġu infurzati b’mod effikaċi miżuri li jiġġieldu kontra s-siti tal-internet tal-imħatri illegali u kontra l-logħob tal-azzard anonimu; jemmen li għandu jkun hemm skambju ta' informazzjoni rigward persuni li jkunu ssemmew b'rabta ma', jew ġew ikkundannati għal, kuntatti ma' plejers dwar arranġamenti għax-xiri tal-logħob;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korpi regolatroji li jidentifikaw u jiġġieldu kontra attivitajiet illegali ta’ mħatri dwar l-isport u li jiġbru, jiskambjaw, janalizzaw u jxerrdu evidenza tax-xiri tal-logħob, frodi fl-isport u suriet oħra ta’ korruzzjoni fl-isport, sew fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni ma' regolaturi oħra, inkluż ma’ awtoritajiet tal-ħruġ ta’ liċenzji, korpi tal-infurzar u l-pulizija;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn dawn il-korpi regolatorji fir-rigward ta' attivitajiet ta' mħatri fuq l-isport ta’ natura illegali jew suspettuża;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi bl-għan li jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata assoċjata max-xiri tal-logħob, inter alia billi jieħdu sehem fin-negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkumbatti l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi;

17.  Jilqa’ l-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ Rapport dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni darbtejn fis-sena, akkumpanjat minn analiżi għal kull Stat Membru li tinkludi rakkomandazzjonijiet imfassla speċifikament għal kull pajjiż (mill-2013 “il quddiem);

18.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jimxi fuq il-miri tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għas-snin 2011-2014, filwaqt li jinsisti b’mod partikolari fuq l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi fl-Istati Membri bil-għan li jkattar l-għarfien dwar valuri sportivi bħlama huma l-integrità, logħob bil-fier u rispett għal ħaddieħor;

19.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni intiża biex fl-2014 tiġi adottata rakkomandazzjoni dwar l-aqwa prattiki fil-prevenzjoni tax-xiri tal-logħob marbut mal-imħatri u l-ġlieda kontrih;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Ħames Konferenza Internazzjonali tal-Ministri u l-Uffiċjali Għoljin Responsabbli mill-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport (MINEPS) se tindirizza l-kwistjoni tal-integrità fl-isport u l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob, u jemmen li dan jikkostitiwixxi forum utli fejn għandu jiġi indirizzat il-bżonn ta' korp globali li jittratta x-xiri tal-logħob, u li fih l-atturi relevanti kollha jistgħu jiltaqgħu, jiskambjaw l-informazzjoni, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom u jippromwovu kunċetti ta’ governanza tajba;

21.  Jitlob li l-Kummissjoni tidentifika pajjiżi – bħal dawk magħrufa bħala “r-rifuġji Asjatiċi tal-imħatri” – li jqajmu kwistjonijiet speċifiċi rigward ix-xiri tal-logħob relatat mal-imħatri bi rbit ma’ avvenimenti sportivi li jkunu qed isiru fl-UE, u tqawwi l-kollaborazzjoni tagħha ma' dawk il-pajjiżi fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob;

22.  Jitlob li l-Kunsill jipproċedi b'mod rapidu u ambizzjuż bid-diskussjonijiet dwar il-proposta għal direttiva ġdida dwar il-ħasil tal-flus (COM(2013)0045) biex jiġi indirizzat l-użu tal-imħatri sportivi onlajn għall-ħasil tal-flus;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lil organizzazzjonijiet sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0025.
(2) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 30.
(3) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 590.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0492.
(5) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 121.

Avviż legali - Politika tal-privatezza