Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2102(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0219/2013

Testi mressqa :

A7-0219/2013

Dibattiti :

PV 03/07/2013 - 17
CRE 03/07/2013 - 17

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2013 - 13.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0323

Testi adottati
PDF 210kWORD 53k
Il-Ħamis, 4 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
It-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014
P7_TA(2013)0323A7-0219/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 (2013/2102(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunisidra l-Artikoli 11, 12(2) u 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 1976, kif emendata(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta' Lisbona dwar l-Artikoli 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 93/109/KE u d-Direttiva 2013/1/UE li temendaha, dwar ċeri arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 bl-isem 'Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom’ (COM(2013)0126),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, indirizzata lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali (C(2013)1303),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar l-għamla tal-Parlament fir-rigward tal-elezzjonijiet fl-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 41, 48 u 105 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0219/2013),

A.  billi ġie miftiehem li l-ġranet tal-votazzjoni tal-elezzjoni jinġiebu 'l quddiem, u jkunu bejn it-22 u l-25 ta' Mejju 2014, u, għalhekk, li s-sessjoni kostitwenti tal-Parlament il-ġdid issir nhar l-1 ta' Lulju 2014;

B.  billi fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew;

C.  billi kull cittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

D.  billi l-partiti politiċi fil-livell Ewropew huma atturi fl-isfera politika Ewropea; billi jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni;

E.  billi l-elezzjonijiet tal-2014 se jkunu l-ewwel li se jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona – li jsaħħaħ b'mod sinifikanti s-setgħat tal-Parlament Ewropew, inkluż ir-rwol tiegħu fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni – , u b’hekk jagħtu opportunità importanti ħafna għall-adozzjoni ta’ miżuri għaż-żieda tat-trasparenza tal-imsemmijin elezzjonijiet u t-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tagħhom;

F.  billi jidher li l-partiti politiċi Ewropej ewlenin jinnominaw il-kandidati tagħhom stess għall-Presidenza tal-Kummissjoni, bl-aspettattiva li dawk il-kandidati jkollhom rwol ewlieni fil-kampanja elettorali tal-Parlament, b'mod partikulari billi personalment jippreżentaw il-programm politiku tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE;

G.  billi d-demokrazija partitika interna u standards għoljin ta' ftuħ u integrità min-naħa tal-partiti politiċi huma bażi essenzjali biex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema politika;

H.  billi s-sejba ta' soluzzjoni għall-kriżi attwali tal-governanza fl-UE tirrikjedi leġittimazzjoni demokratika ikbar tal-proċess ta' integrazzjoni;

I.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet u li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ukoll meta jkunu jgħixu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini tagħhom;

J.  billi l-kampanji elettorali għadhom bil-fokus primarju tagħhom fuq il-kwestjonijiet nazzjonali, u jimbuttaw lura fl-isfond id-dibattitu fuq kwestjonijiet prettament Ewropej, u dan għandu impatt negattiv fuq il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

K.  billi l-għadd ta' vutanti fl-elezzjonijiet jista' jiżdied permezz ta' kampanja politika attiva, fejn il-partiti politiċi u l-kandidati tagħhom jikkompetu għal voti u siġġijiet abbażi ta' programmi alternattivi li jindirizzaw id-dimensjoni Ewropea tal-politika;

L.  billi l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jissuġġerixxi li maġġoranza kbira lesta li tivvota jekk tkun informata aħjar dwar il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi, il-programmi u l-kandidati tagħhom; billi l-mezzi kollha tal-midja huma mħeġġa għalhekk jagħtu attenzjoni massima lill-elezzjonijiet;

M.  billi l-President tal-Kummissjoni Ewropea jiġi elett mill-Parlament fuq proposta mill-Kunsill Ewropew, li għandu jqis ir-riżultati tal-elezzjonijiet u għandu jikkonsulta lill-Parlament il-ġdid qabel ma jagħmel in-nomina/i tiegħu;

N.  billi l-arranġamenti dettaljati għall-konsultazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew dwar l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni jistgħu, skont id-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta' Lisbona, jiġu determinati ‘b’komuni akkordju’;

1.  Jitlob lill-partiti politiċi jiżguraw li l-ismijiet tal-kandidati magħżula biex joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu ppubblikati mill-inqas sitt ġimgħat qabel il-bidu tal-perjodu elettorali;

2.  Jistenna li l-kandidati jimpenjaw ruħhom, jekk jiġu eletti, li jaċċettaw il-mandat tagħhom li jservu bħala Membri tal-Parlament Ewropew, sakemm ma jinħatrux f'pożizzjoni li tagħmilhom ineliġibbli skont l-Artikolu 7 tal-Att dwar l-elezzjoni diretta tal-Parlament Ewropew (1976);

3.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-partijiet politiċi jippressaw għal proporzjon ogħla ta' nisa fil-listi tal-kandidati u, safejn ikun possibbli, li jħeġġu listi b'rappreżentanza ugwali;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi jaraw li l-ismijiet u, fejn xieraq, l-emblemi tal-partiti politiċi Ewropej jidhru fuq il-karta tal-vot;

5.  Jitlob lill-partiti politiċi Ewropej jaħtru l-kandidati tagħhom għall-presidenza tal-Kummissjoni biżżejjed qabel iż-żmien tal-elezzjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jibnu kampanja sinifikanti, madwar l-Ewropa, li tkun tikkonċentra fuq kwestjonijiet Ewropej imsejsin fuq il-pjattaforma tal-partit u fuq il-programm tal-kandidat tagħhom għall-presidenza tal-Kummissjoni;

6.  Jinsisti li l-partiti politiċi fil-livelli kollha jadottaw proċeduri demokratiċi u trasparenti għall-għażla tal-kandidati għall-Parlament Ewropew u għall-Presidenza tal-Kummissjoni;

7.  Jitlob lill-partiti nazzjonali jinfurmaw liċ-ċittadini, qabel u matul il-kampanja elettorali, dwar l-affiljazzjoni tagħhom ma' partit politiku Ewropew u l-appoġġ tagħhom għall-kandidat tiegħu għall-presidenza tal-Kummissjoni u għall-programm politiku tiegħu jew tagħha;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippermettu x-xandiriet politiċi min-naħa tal-partiti politiċi Ewropej;

9.  Jinkoraġġixxi lill-partiti politiċi Ewropej jorganizzaw diversi dibattiti pubbliċi bejn il-kandidati maħtura għall-Presidenza tal-Kummissjoni;

10.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimplimentaw b'mod effettiv il-miżuri miftiehma ta' assistenza liċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jivvutaw jew joħorġu għall-elezzjoni fi Stati Membri li ma jkunux l-Istati Membri ta' oriġini tagħhom;

11.  Jitlob lill-Istati Membri jorganizzaw kampanja pubblika b'appoġġ għall-ħruġ tal-votanti bl-iskop li ma jkomplix it-tnaqqis fir-rata ta' parteċipazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi nazzjonali jinkludu fil-listi tagħhom tal-kandidati lil ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stati Membri li mhumiex ċittadini tagħhom;

13.  Jinsisti li, bi qbil mal-Artikolu 10(2) tal-Att dwar l-elezzjoni diretta tal-Parlament Ewropew, ma jiġi ppubblikat l-ebda riżultat uffiċjali tal-elezzjonijiet fl-ebda Stat Membru sa qabel għeluq il-votazzjoni fl-Istat Membru li l-eletturi tiegħu ikunu l-aħħar li vvotaw nhar il-Ħadd 25 ta' Mejju 2014;

14.  Jipproponi li l-arranġamenti għall-konsultazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew dwar l-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni jkunu miftiehma bi qbil reċiproku sew qabel l-elezzjonijiet;

15.  Jistenna li f’dan il-proċess, il-kandidat għal President tal-Kummissjoni li jkun tressaq mill-partit politiku Ewropew li jkun rebaħ l-akbar għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament ikun dak li jitqies l-ewwel minħabba fl-aċċertament tal-abilità tiegħu/tagħha li jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta neċessarja fil-Parlament;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partiti politiċi Ewropej.

(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/Euratom, KEFA, KEE, (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15.) u b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1.).
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0462.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0082.

Avviż legali - Politika tal-privatezza