Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2678(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0387/2013

Testi mressqa :

B7-0387/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2013 - 13.8

Testi adottati :

P7_TA(2013)0375

Testi adottati
PDF 211kWORD 24k
Il-Ħamis, 12 ta' Settembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa
P7_TA(2013)0375B7-0387/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (2013/2678(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 157 u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni 34/180 tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu ‘Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 bit-titolu ‘Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel – Karta f’Isem il-Mara’ (COM(2010)0078),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(2) ,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar ‘L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali ta' valur ugwali(3) ,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar ‘Id-Disparità bejn is-Sessi fil-Pensjonijiet fl-UE’(4)

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (O-000078/2013 – B7-0218/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tad-Direttiva 2006/54/KE sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2013 filwaqt li tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, inkluża r-reviżjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti;

B.  billi minħabba politiki tas-suq tax-xogħol li qed jippruvaw jwarrbu l-prinċipju u l-prattika tan-negozjar kollettiv, is-salarji qegħdin kulma jmur aktar jiġu negozjati fuq bażi individwali, u dan iwassal għal nuqqas ta’ informazzjoni u nuqqas ta’ trasparenza tas-sistema tal-pagi individwalizzati, li jġib miegħu differenzi fil-pagi fost impjegati f’livelli simili u jista’ jwassal biex tikber id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

C.  billi l-progress biex tonqos id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa huwa estrament żgħir, u f’xi Stati Membri id-differenza saħansitra kompliet tikber; billi, minkejja l-korp ta’ leġiżlazzjoni sinifikanti li ilha fis-seħħ kważi 40 sena, l-azzjonijiet meħuda u r-riżorsi li ntefqu (id-differenza fil-livell tal-UE kienet 17,7 % fl-2006, 17,6 % fl-2007, 17,4 % fl-2008, 16,9 % fl-2009 u 16,4 % fl-2010), differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha problema persistenti u attwalment hi 16,2% fl-UE; billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali hi kruċjali għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-effetti negattivi tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fuq in-nisa testendi għall-età tal-irtirar tagħhom u n-nisa jirċievu pensjonijiet li huma, bħala medja, 39 % inqas minn dawk tal-irġiel;

D.  billi, skont ir-riċerka akkademika dwar l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, jeżistu diversi fatturi li jeħtieġ jiġu kkunsidrati u indirizzati kif jixraq, bħal differenzi fir-rati ta’ attività u ta’ impjegar, fl-istrutturi tal-pagi, fil-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol u fir-remunerazzjoni, kif ukoll fatturi makroekonomiċi u istituzzjonali oħra;

E.  billi l-esperjenza wriet li l-prattiki tajba u l-miżuri legali nonvinkolanti weħidhom rarament iservu ta’ inċentivi, u li l-effett mistenni ta’ tagħlim bejn il-pari ma jimmaterjalizzax;

F.  billi skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jżid it-tkabbir ekonomiku b’0,1 %, u l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa huwa kruċjali fis-sitwazzjoni ekonomika negattiva attwali;

G.  billi r-rata baxxa ta’ progress fl-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għandu konsegwenzi demografiċi, soċjali, legali u ekonomiċi sinifikanti;

1.  Jiddispjaċih dwar ir-rata baxxa ta’ progress fit-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza li t-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi bl-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa se jġib miegħu benefiċċji mhux biss għan-nisa iżda wkoll għas-soċjetà kollha kemm hi, u li l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa m’għandhiex titqies bħala kost iżda bħala investiment;

3.  Itenni li d-Direttiva 2006/54/KE fil-forma attwali mhix effettiva biżżejjed biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u jinkiseb l-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjegar u l-okkupazzjoni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa b’mill-inqas ħames punti perċentwali kull sena bl-għan li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tiġi eliminata sal-2020;

5.  Jirrikonoxxi li approċċ fuq diversi livelli u b’diversi forom jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-Istati Membri fil-promozzjoni tal-prattiki tajba u l-politiki ta’ implimentazzjoni biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE bla dewmien u tipproponi emendi għaliha skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva u fuq il-bażi tal-Artikolu 157 tat-TFUE, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-anness għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta’ Mejju 2012;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0225.
(3) EAVA 4/2013.
(4) http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/documents/130530_pensions_en.pdf

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Jannar 2016Avviż legali