Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2074(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0250/2013

Testi mressqa :

A7-0250/2013

Dibattiti :

PV 07/10/2013 - 20
CRE 07/10/2013 - 20

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2013 - 9.4

Testi adottati :

P7_TA(2013)0394

Testi adottati
PDF 386kWORD 156k
It-Tlieta, 8 t'Ottubru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi
P7_TA(2013)0394A7-0250/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (2013/2074(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), li nfetħet għall-firem f'Merida fid-9 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Ġlieda kontra it-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali, li nfetħet għall-firem f’Pariġi fis-17 ta' Diċembru 1997, u r-rakkomandazzjonijiet li jissuplimentawha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011 dwar "Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv' (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2001 dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi (COM(2001)0252),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar 'Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva' (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-ġabra ta' dokumenti tal-Kunsill 'L-Integrazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża'(1) u speċifikament id-dokument tal-Kunsill 'Standards Ġeneriċi ta' Mġiba għall-Operazzjonijiet tal-PESD' (dokument 08373/3/2005),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 'Inżommu l-wegħda tagħna: magħqudin biex nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal- Millennju', adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Frar 2013 dwar 'Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli' (COM(2013)0092),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) intitolat 'Il-politika dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tal-korruzjoni, il-frodi, il-kollużjoni, il-koerċizzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment' ("il-Politika tal-BEI Kontra l-Frodi") adottata fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Politika u l-Proċeduri ta’ Infurzar tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li daħlu fis-seħħ f’Marzu 2009,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem: Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti 'Protezzjoni, Rispett u Rimedju' (HR/PUB/11/04),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(3) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif adottati fl-2914-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-'Dokument ta' Montreux dwar l-obligazzjonijiet legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajbin għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u ta' sigurtà privati matul kunflitt armat', adottat f'Montreux fis-17 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni, li nfetħet għall-firem fis-27 ta' Jannar 1999 u l-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni li nfetħet għall-firem fl-4 ta' Novembru 1999, u r-riżoluzzjonijiet (98)7 u (99)5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa rispettivament fil-5 ta' Mejju 1998 u l-1 ta' Mejju 1999, li jistabbilixxu l-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġakarta dwar il-Prinċipji għall-Aġenziji Kontra l-Korruzzjoni, adottata fis-26 u s-27 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Pariġi għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(5) ,

–  wara li kkunsidra 'Id-dikjarazzjoni tripartitika tal-prinċipji rigward l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali' tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO)(6) ,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva għall-Patt Globali tan-NU(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri Privati ta' Servizzi ta' Sigurtà,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, adottat fil-Konferenza Finali tan-Nazzjonijet Uniti rigward it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi li saret f'New York mit-18 sat-28 ta' Marzu 2013(8) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0250/2013),

A.  billi l-korruzzjoni tista’ tiġi definita bħala l-abbuż ta’ setgħa fdata għal gwadann personali individwali jew kolletiv, dirett jew indirett, u billi l-atti ta’ korruzzjoni jinkludu r-reati ta’ tixħim, approprjazzjoni indebita, eżerċitar tal-influwenza għal qligħ, l-abbuż tal-funzjonijiet u l-arrikkiment illeċitu, kif definiti mill-UNCAC; billi l-frodi, l-estorsjoni, ir-rikatti, l-abbuż tas-setgħat diskrezzjonali, il-favoritiżmu, in-nepotiżmu, il-klijenteliżmu u l-kontribuzzjonijiet politiċi illegali huma marbutin mill-qrib mal-korruzzjoni; billi l-korruzzjoni tista' tkun marbuta mal-kriminalità organizzata li topera taħt tmexxija kollettiva b'mod parallel għall-istrutturi uffiċjali, b'mod partikolari meta l-awtoritajiet jonqsu milli jinforzaw il-liġi;

B.  billi l-korruzzjoni tipperpetwa u taggrava eżiti inugwali, inġusti u diskriminatorji fir-rigward tat-tgawdija indaqs tad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk huma drittijiet ċivili, politiċi u ekonomiċi jew soċjali u kulturali; billi l-korruzzjoni jista' jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq l-ambjent u taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi l-aktar żvantaġġjati u marġinalizzati fis-soċjetà, speċfikament billi teskludihom mill-aċċess indaqs għall-parteċipazzjoni politika, is-servizzi pubbliċi, il-ġustizzja, is-sikurezza, l-art, ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u d-djar, u billi l-korruzzjoni taffettwa b’mod partikolari l-progress biex jinkisbu t-tmiem tad-diskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa peress li trażżan il-kapaċitajiet tan-nisa li jitolbu b'jedd id-drittijiet tagħhom;

C.  billi l-korruzzjoni tista’ ddgħajjef lill-iżvilupp ekonomiku billi xi kultant tkun ostakolu għall-kummerċ u l-investiment;

D.  billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija parti mill-prinċipju ta’ governanza tajba, kif inhu sostnut u definit mill-Artikoli 9(3) u 97 tal-Ftehim ta’ Cotonou;

E.  billi l-atti ta’ korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipikament jinvolvu l-użu ħażin tas-setgħa, in-nuqqas ta’ responsabbiltà u l-istituzzjonalizzazzjoni ta' diversi forom ta’ diskriminazzjoni; billi l-korruzzjoni hi invarjabilment aktar frekwenti fejn hemm nuqqas jew ma hemm ebda infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, u billi l-korruzzjoni ħafna drabi ddgħajjef l-effikaċja tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet li normalment jipprovdu kontrolli u limitazzjonijiet u li huma intenzjonati biex jiżguraw ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u għad-drittijiet tal-bniedem, bħall-parlamenti, l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi, is-sistemi ġuridiċi u s-soċjetà ċivili;

F.  billi l-korruzzjoni ġeneralment ikollha għeruq fil-fond fil-mentalità tas-soċjetajiet fejn din tifrex u billi l-isforzi kollha biex tiġi miġġielda għandhom jiffokaw l-ewwel u qabel kollox fuq is-sistema edukattiva u jiffokalizzaw fuq il-persuni mill-iżgħar età possibbli;

G.  billi xi stati kultant jonqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu jew jikkastigaw il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat, bi ksur tal-obbligi internazzjonali tagħhom skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti l-oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi l-korruzzjoni tiddeforma d-daqs u l-kompożizzjoni tal-infiq governattiv, peress li tagħmel ħsara serja fuq il-kapaċità tal-istat li jisfrutta l-massimu tar-riżorsi disponibbli tiegħu biex isarraf bis-sħiħ id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali f'realtà, u billi l-korruzzjoni tiddevja ammonti kbar ta' finanzjament mill-investiment fl-ekonomija, biex b'hekk ixxekkel l-irkupru tal-pajjiżi li għaddejjin minn diffikultajiet ekonomiċi, inklużi l-Istati Membri tal-UE;

I.  billi l-korruzzjoni ta' min ikollu pożizzjoni għolja tista’ ddgħajjef u tiddestabilizza l-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll tpoġġi fil-periklu l-bażi nnifisha tal-Istat;

J.  billi, skont il-Bank Dinji, il-korruzzjoni tirrappreżenta 5 % tal-PDG globali (USD 2,6 triljun), u kull sena, jintużaw iżjed minn USD 1 triljun għat-tixħim; u billi l-korruzzjoni tammonta għal madwar 10 % tal-ispiża totali biex jitmexxa negozju fuq bażi globali u 25 % tal-ispiża għall-kuntratti ta' akkwist pubbliku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(9) ;

K.  billi hu stmat mill-Bank Dinji li kull sena, USD 20-40 biljun, li jikkorrispondu għal 20-40 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, jinsterqu mill-baġits pubbliċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinħbew barra mill-pajjiż permezz ta’ korruzzjoni f'livell għoli(10) ;

L.  billi mill-2000 sal-2009, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tilfu USD 8,44 triljun minħabba flussi finanzjarji illegali, ekwivalenti għal għaxar darbiet aktar mill-għajnuna barranija li rċevew. billi kull sena għal dan l-aħħar deċennju, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tilfu USD 585,9 biljun permezz ta’ flussi illegali. billi l-flus misruqa kull sena permezz tal-korruzzjoni huma biżżejjed biex jitimgħu għal 80 darba lil kull min hu bil-ġuħ madwar id-dinja, filwaqt li t-tixħim u s-serq ikabbru l-ispiża totali tal-proġetti li jipprovdu ilma tajjeb għax-xorb u servizzi sanitarji madwar id-dinja b'rata li tista' tilħaq l-40 %(11) ;

M.  billi l-korruzzjoni, peress li thedded il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, għadha kawża fundamentali u l-katalizzatur tal-kunflitti, tal-ksur mifrux tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-impunità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi l-istatus quo tal-korruzzjoni u l-arrikkiment illeċitu fil-pożizzjonijiet ta' setgħa statali wasslu għall-ħtif tas-setgħa u l-perpetwazzjoni tal-poter kif ukoll għall-ħolqien ta' milizji ġodda u vjolenza mifruxa;

N.  billi l-korruzzjoni fis-settur ġudizzjarju tmur kontra l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust u għal rimedju effikaċi, li huma strumentali fl-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha, u billi l-korruzzjoni tiddeforma serjament l-indipendenza, il-kompetenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura u tal-amministrazzjoni pubblika, peress li trawwem in-nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, iddgħajjef l-istat tad-dritt u tagħti bidu għall-vjolenza;

O.  billi l-forniment tas-servizzi pubbliċi jippermetti lill-istati jwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, biex jiżguraw il-provvista tal-ilma, l-ikel, is-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar, is-sigurtà u l-ordni bħala elementi tal-iżvilupp tal-bniedem, u billi l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku tistagħna fin-nuqqas ta' ftuħ, trasparenza, informazzjoni, kompetizzjoni, inċentivi, regoli u regolamenti ċari li jkunu strettament infurzati u anke fejn ma hemm l-ebda mekkaniżmi indipendenti ta' monitoraġġ u sanzjoni;

P.  billi livell mifrux ta' korruzzjoni, nuqqas ta' trasparenza, laċċess għall-informazzjoni u parteċipazzjoni inklużiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet jipprevjeni liċ-ċittadini milli jeżiġu li l-gvernijiet u r-rappreżentanti politiċi jagħtu rendikont ta' għemilhom b'mod li jiġi żgurat li d-dħul relatat mal-esplorazzjoni tar-riżorsi u tas-suq jintuża biex jiżgura d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi hija kompetenza tal-gvernijiet li jagħmlu kull ma jistgħu biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fil-kumpaniji pubbliċi u f'dawk privati;

Q.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-midja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trejdunjins u l-ġurnalisti investigattivi jiżvolġu rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi jwettqu skrutinju tal-baġits pubbliċi, monitoraġġ tal-attivitajiet tal-gvernijiet u tal-kumpaniji l-kbar – b'mod partikolari l-kumpaniji multinazzjonali – u tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi, waqt li joffru ħiliet u kompetenza esperta għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u jesiġu trasparenza u responsabbiltà; billi l-ġurnalisti li jirrapportaw dwar il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata qed jiġu dejjem aktar soġġetti għal azzjonijiet immirati u molestati mill-gruppi tal-kriminalità organizzata, “is-setgħat paralleli” u l-awtoritajiet pubbliċi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

R.  billi l-istampa u l-midja liberi u indipendenti, kemm fuq l-internet u kemm jekk le, huma essenzjali biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-iskrutinju – li t-tnejn huma meħtieġa għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni – billi jipprovdu pjattaforma biex tinkixef il-korruzzjoni u billi jagħtu aċċess liċ-ċittadini u s-soċjetà għall-informazzjoni;

S.  billi data miftuħa u gvern miftuħ jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini peress li jagħtuhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-baġits u l-ispejjeż governattivi;

T.  billi l-iżvelaturi huma essenzjali biex jikxfu l-korruzzjoni, il-frodi, il-ġestjoni ħażina u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, minkejja r-riskju personali għoli, u billi n-nuqqas ta’ protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni, il-kontrolli fuq l-informazzjoni, il-liġijiet dwar il-libell u l-malafama, u l-investigazzjoni inadegwata tad-dikjarazzjonijiet tal-iżvelaturi jistgħu kollha jiskoraġġixxu lill-persuni milli jitkellmu, u ta' spiss jistgħu jikkompromettu s-sikurezza personali tagħhom kif ukoll dik tal-familji tagħhom; billi l-UE għandha dmir li tħarishom, b'mod partikolari billi tuża bl-aktar mod effikaċi possibbli l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

U.  billi s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u l-għajnuna li tkun qed tingħata joffru opportunitajiet ta’ korruzzjoni minħabba n-natura tal-attivitajiet u l-kumplessità tal-azzjonijiet u tal-atturi li jeżegwuhom, u billi dawn ‘l-opportunitajiet’ jinkludu t-tixħim, it-tixkil, l-estorsjoni li jħabbat wiċċu magħha l-persunal tal-aġenziji tal-għajnuna, l-imġiba ħażina tal-persunal tal-aġenziji tal-għajnuna, il-frodi, ir-reġistrazzjoni falza fil-kontijiet, id-devjazzjoni tal-għajnuna li tasal u l-isfruttament ta' min hu fil-bżonn, u jalimentaw sens mifrux ta' disperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet pubbliċi ta' kull tip; billi l-miżapproprjazzjoni tal-għajnuna umanitarja hija ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali,

V.  billi 25 % tal-investigazzjonijiet kollha miftuħa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom x'jaqsmu mal-għajnuna esterna Ewropea lill-pajjiżi terzi, u billi EUR 17,5 miljun ġew irkuprati b'riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet(12) ;

W.  billi jista' jkun li l-għajnuna tal-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinħela mingħajr sistema li ma tinkludix il-kontrolli u l-limitazzjonijiet xierqa fil-pajjiżi benefiċjarji u l-monitoraġġ indipendenti komplut tas-sistema ta' integrità li takkumpanja l-użu tal-fondi;

X.  billi l-banek pubbliċi Ewropej, kemm dawk li huma istituzzjonijiet tal-UE (il-BEI) u kemm dawk li l-azzjonisti tagħhom huma l-Istati Membri tal-UE (il-BERŻ), allegatament kienu involuti fi skandli ta' korruzzjoni fl-operazzjonijiet tagħhom barra l-Unjoni Ewropea;

Y.  billi d-donaturi tal-għajnuna u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għandhom irawmu riforma effettiva tal-governanza fil-pajjiżi debituri u jikkontribwixxu għal ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni anke billi jivvalutaw b'mod kritiku u jindirizzaw ir-riskji evidenzjati tal-korruzzjoni u d-degradazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem assoċjati ma' ħafna miżuri imposti fil-kuntest tal-programmi ta' aġġustament strutturali, bħall-privatizzazzjoni tal-impriżi u r-riżorsi tal-istat;

Z.  billi t-traffikar tal-bnedmin jiddependi ħafna fuq netwerks kumplessi u korrotti li jinsabu transversalment f'kull fergħa tal-gvern, l-amministrazzjoni pubblika, l-infurzar tal-liġi u s-settur privat fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tal-vittmi, u billi l-korruzzjoni ddgħajjef l-azzjonijiet tal-atturi li jiġġieldu kontra t-traffikar, minħabba l-korruzzjoni tal-pulizija u tal-persunal ġudizzjarju u fil-proċeduri għall-arrest u l-prosekuzzjoni tat-traffikanti u l-forniment tal-għajnuna legali u l-protezzjoni tax-xhieda għall-vittmi tat-traffikar;

AA.  billi l-korruzzjoni u l-imġiba ħażina min-naħa tal-forzi armati, is-settur tad-difiża, l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u l-forzi għaż-żamma tal-paċi jikkawżaw riskji serji għall-ħajjiet, l-integrità fiżika, il-protezzjoni, il-libertà u d-drittijiet taċ-ċittadini fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi s-settur tad-difiża u l-proċeduri ta' akkwist fil-qasam tad-difiża għadhom ikkaratterizzati minn livelli inaċċettabbli ta’ korruzzjoni u huma partikolarment imħarsa mis-segretezza abbażi tas-sigurtà nazzjonali; billi għandu jkun hemm skrutinju mill-qrib tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku għall-forniment ta' tagħmir ta' sigurtà;

AB.  billi l-użu tal-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati, kemm minn atturi pubbliċi, kif ukoll minn atturi privati, kiber b'mod esponenzjali matul dawn l-aħħar għoxrin sena, u billi, minħabba n-natura tal-attivitajiet tagħhom, il-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni u ġew akkużati b'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, minkejja li l-biċċa l-kbira tad-drabi joperaw f'qasam li ma jaqax taħt regolamentazzjoni stretta, mingħajr r-responsabilità fil-konfront tal-pubbliku li ġeneralment hu rikjest mill-forzi armati;

AC.  billi l-livell ta' implimentazzjoni, użu u effiċjenza tal-assistenza legali reċiproka u l-mekkaniżmi għall-irkupru tal-assi skont il-Kapitoli IV u V tal-UNCAC għadu baxx fost l-Istati Parteċipanti fil-UNCAC, u billi dawk l-Istati Parteċipanti għad iridu jwettqu b'mod sħiħ l-obbligi tagħhom skont il-Kapitolu IV ('Kooperazzjoni Internazzjonali') u V ('Irkupru tal-Assi') tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali u, aktar speċifikament, għad iridu jwettqu b'mod suffiċjenti l-obbligi tagħhom ta' assistenza legali reċiproka skont l-Artikolu 46 tal-UNCAC;

AD.  billi l-kummerċ globali f'armi konvenzjonali u munizzjoni li hu nieqes minn regolamentazzjoni tajba u mhuwiex trasparenti jalimenta l-kunflitt, il-korruzzjoni, il-faqar. l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-impunità;

AE.  billi l-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-gvern fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw isseħħ l-aktar bil-kompliċità kif ukoll bl-għajnuna ta' ċerti negozjanti, avukati, istituzzjonijiet finanzjarji u uffiċjali pubbliċi fil-pajjiżi żviluppati, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, u billi dawn l-istituzzjonijiet u l-korporazzjonijiet, waqt li injoraw sfaċċatament ir-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE u dak internazzjonali, ipprovdew il-kanali għall-ħasil tal-irkaptu mill-korruzzjoni fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qed jiżviluppaw, għall-ħolqien ta' strutturi opaki u għall-ħabi ta' assi fil-'ġurisdizzjonijiet ta' segretezza';

AF.  billi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-politiki kontra l-korruzzjoni jsaħħaħ il-kuxjenza ġenerali li mhumiex biss il-fondi pubbliċi li jintlaqtu mill-korruzzjoni, imma anke d-drittijiet individwali u l-opportunitajiet taċ-ċittadini; billi l-assoċjazzjoni mill-qrib tal-movimenti internazzjonali kontra l-korruzzjoni u l-movimenti għad-drittijiet tal-bniedem se jissensibilizzaw aktar lill-pubbliku u jrawmu d-domanda min-naħa tal-pubbliku għal ftuħ, responsabbiltà u ġustizzja, u billi l-irbit tal-atti ta’ korruzzjoni mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem joħloq possibilitajiet ġodda għal azzjoni, speċjalment fejn il-korruzzjoni tista’ tiġi sfidata bl-użu tal-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali eżistenti għall-monitoraġġ tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem;

Il-koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni

1.  Jemmen li l-uniku mod kif l-UE tista' ssir mexxej kredibbli u influwenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, hu li tindirizza l-problemi tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fi ħdan il-fruntieri tagħha stess b'mod adegwat; jilqa’, f’dan ir-rigward, ir-‘Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni" li għandu jinħareġ mill-Kummissjoni; jittama li l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-oqsma vulnerabbli għall-korruzzjoni fl-Istati Membri tgħin biex jiġu intensifikati l-isforzi kontra l-korruzzjoni, biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiċi, jiġu identifikati t-tendenzi fl-UE, u jitqanqal it-tagħlim bejn il-pari u konformità ulterjuri mal-impenji tal-UE u dawk internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattivi ta’ politika tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-Korruzzjoni;

2.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, in-negozjar mill-ġdid tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil, maħsub effettivament sabiex tintemm is-segretezza bankarja; jikkunsidra li t-tisħiħ tar-regolamentazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tar-reġistri tal-kumpaniji u r-reġistri tat-trusts fl-Istati Membri kollha tal-UE hu prerekwiżit biex tiġi affaċċjata l-korruzzjoni, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi; jemmen li r-regoli tal-UE għandhom jimponu obbligu li jiġu rreġistrati l-istrutturi legali kollha u d-data relatata mas-sjieda benefiċjarja tagħhom, u li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq l-internet, tiġi mmarkata elettronikament b'tags, f’format li jippermetti tfittxija, sabiex tkun tista' tiġi aċċessata mingħajr ħlas;

3.  Hu tal-opinjoni li l-UE għandha ssegwi l-eżempju tal-Istati Uniti fil-promulgazzjoni tal-Att Sergei Magnitsky dwar ir-Responsabbiltà fil-konfront tal-Istat tad-Dritt ta' tal-2012 u tadotta leġiżlazzjoni simili fil-livell tal-UE, bħala qafas emblematiku u operattiv li jistabbilixxi r-rabta bejn il-korruzzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden għaldaqstant lill-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi lista komuni tal-UE tal-uffiċjali involuti fil-mewt ta’ Sergei Magnitsky, fil-ħabi ġudizzjarju sussegwenti u fil-fastidju kontinwu u sostnut tal-familja tiegħu; iżid li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha timponi sanzjonijiet immirati fuq dawk l-uffiċjali, bħall-projbizzjoni tal-viża madwar l-Ewropa kollha u ordni għall-iffriżar ta’ kwalunkwe assi finanzjarji li huma jew il-familja immedjata tagħhom jista’ jkollhom fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni, bl-għan li toħloq mekkaniżmu għall-elenkar u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet simili mmirati kontra l-uffiċjali tal-pajjiżi terzi (inklużi uffiċjali tal-pulizija, prosekuturi u mħallfin) involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u f''manipulazzjonijiet' ġudizzjarji kontra l-iżvelaturi, il-ġurnalisti li jirrapportaw dwar il-korruzzjoni u l-attivisti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi; jisħaq fuq il-fatt li l-kriterji ta' inklużjoni fil-lista għandhom ikunu mibnija fuq il-bażi ta’ sorsi ddokumentati tajjeb, konverġenti u indipendenti u fuq evidenza konvinċenti, waqt li jiġu previsti mekkaniżmi ta’ rimedju għad-destinatarji;

Ir-responsabilità u t-trasparenza tal-għajnuna esterna u l-baġits pubbliċi

4.  Jappoġġa bi sħiħ l-impenn tal-UE li tħaddan u tintegra l-kunċett ta' sjieda demokratika fil-politiki ta' żvilupp kollha tagħha, jiġifieri l-parteċipazzjoni effettiva u sħiħa tal-persuni fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-istrateġiji ta' żvilupp u l-politiki tad-donaturi u tal-gvernijiet sħab; hu tal-opinjoni li tali politika trawwem l-involviment tal-benefiċjarji tal-programm u għalhekk tikkontribwixxi għal monitoraġġ u responsabilità akbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li l-kundizzjoni għall-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp tagħhom għandha tkun il-konformità mal-istandards internazzjonali kontra l-korruzzjoni u jintroduċu klawżola kontra l-korruzzjoni fil-kuntratti dwar akkwist pubbliku kif irrakkomandat mill-OECD; jitlob li l-Kummissjoni tkompli trawwem livelli għoljin ta' trasparenza tal-għajnuna f'format diġitali li jista' jinqara elettronikament u tuża standard komuni biex tiżgura komparabilità kemm ma' donaturi oħrajn, u anke, b'mod aktar partikolari, b'mod konformi mal-ħtiġijiet tal-gvernijiet benefiċjarji;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li, biex jiġi żgurat li l-faċilitajiet ta’ taħlit jespandu l-effikaċja tal-finanzjament għall-iżvilupp, il-governanza ta’ dawk l-istrumenti teħtieġ li tiġi eżaminata mill-ġdid, bl-għan li tintwera trasparenza akbar fil-kriterji tal-għażla ta’ proġetti u responsabbiltà fil-konfront tas-soċjetà b’mod ġenerali; ifakkar li l-istabbiliment ta’ għadd kritiku ta’ rekwiżiti minimi għall-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti jista’ jiffaċilita l-komparabilità u jservi ta' bażi koerenti għall-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-operazzjonijiet; jinnota li l-progress u l-impatt fuq l-iżvilupp tal-proġetti għandhom jiġu rrappurtati b’mod sistematiku biex jiġġustifikaw l-użu tar-riżorsi tal-għajnuna minn faċilitajiet ta’ taħlit, mhux biss lid-donaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej involuti, iżda anke lill-pubbliku ġenerali;

6.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha timponi l-aktar livelli stretti ta' integrità fil-proċessi tal-akkwist għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, b'mod partikolari billi tippromwovi aċċessibilità akbar għal sejħiet għal offerti għall-organizzazzjonijiet lokali; jisħaq fuq il-fatt li approċċ għall-akkwist ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem jibbenefika mill-parteċipazzjoni ta’ firxa usa’ ta’ atturi, partikolarment dawk affettwati mill-proċess tal-offerti (bħall-assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-art, kif ukoll gruppi żvantaġġati); jikkunsidra li approċċ għall-akkwist ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem jinkoraġġixxi wkoll lill-awtoritajiet jagħtu s-setgħa lill-gruppi żvantaġġati biex dawn ikunu jistgħu jikkompetu fil-proċessi tal-akkwist u jwessgħu l-kriterji li fil-konfront tagħhom jiġu vvalutati l-kumpaniji fil-proċessi ta' akkwist; ifakkar li l-monitoraġġ tar-riżultati tal-proġetti b’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-fatt li l-awtoritajiet lokali jinżammu responsabbli huma essenzjali biex jiġi stabbilit jekk il-fondi tal-UE humiex qegħdin jintużaw kif xieraq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tagħtix proġetti lill-kuntratturi li s-sidien benefiċjarji tagħhom mhumiex magħrufa, jew li jkollhom struttura korporattiva li tippermettilhom jieħdu sehem faċilment fl-ipprezzar tat-trasferimenti;

7.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli testendi t-trasparenza billi tappoġġa l-ħolqien ta’ sistema globali li tintraċċa l-wegħdiet ta’ għajnuna, b'mod li tkun tista' tobbliga lill-pajjiżi donaturi jżommu l-wegħdiet ta’ għajnuna tagħhom u jinżammu responsabbli għall-proġetti, l-istituzzjonijiet jew il-gruppi li huma jappoġġaw;

8.  Ifakkar, barra minn hekk, il-ħtieġa għal prevenzjoni ta' tekniki korrotti bħall-inflazzjoni tal-ispejjeż proġettwali, il-ħlasijiet għal proġetti u ħaddiema fittizji, l-użu mhux xieraq u korrott ta' kumpensi ekonomiċi u/jew industrijali, is-serq bla rażan ta' fondi tal-istat, l-ispejjeż ta' vjaġġar minfuħin u t-tixħim, fost affarijiet oħrajn, fl-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' monitoraġġ tul il-katina kollha ta' finanzjament tal-UE, inklużi t-tfassil tal-politiki u r-regolamentazzjoni, l-ippjanar u l-ibbaġitjar, l-iffinanzjar, it-trasferimenti fiskali, l-iżvilupp tal-ġestjoni u tal-programmi, is-sejħiet għal offerti u l-proċeduri ta' akkwist, il-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni u l-pagament tas-servizzi;

9.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tirriklama l-mekkaniżmi ta' rappurtar fi ħdan l-OLAF fir-rigward tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE fost il-parteċipanti fis-sejħiet għal offerti pubbliċi u l-benefiċjarji tal-għajnuna tal-UE, u tipproduċi linji gwida politiċi dwar it-trattament tal-informazzjoni li jipprovdu l-iżvelaturi fir-rigward ta' dawk l-abbużi f'pajjiżi terzi, li jippermettu segwitu, l-għoti ta’ feedback u ħarsien mir-ritaljazzjoni adegwati, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, b’mod speċjali dik tan-nisa, f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li huma partikolarment suxxettibbli li jkunu l-objettivi ta’ korruzzjoni u li jikkooperaw fil-kxif tagħha, iżda huma suxxettibbli wkoll li jkunu aktar vulnerabbli u stigmatizzati talli jikkooperaw;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid tenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tad-dritt għal parteċipazzjoni u tad-dritt għal aċċess għall-informazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà pubblika bħal data miftuħa bħala l-prinċipji fil-qalba tad-demokrazija fil-pjattaformi kollha ta’ djalogu ma' pajjiżi terzi, inkluż f’relazzjonijiet bilaterali u fl-ogħla livell; jisħaq fuq il-fatt li l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm jekk fuq l-internet u kemm jekk le, hija vitali f’dan ir-rigward; jissuġġerixxi li l-UE tiffinanzja proġetti f'pajjiżi terzi biex tappoġġa l-infurzar ta’ dawn il-prinċipji, speċjalment fil-pajjiżi li għaddejjin mill-proċessi ta’ demokratizzazzjoni, biex tiżgura l-integrazzjoni tal-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet predominanti, waqt li tiżgura li l-proċessi ta' dan it-tip ikunu jinvolvu lis-soċjetà ċivili, b’mod speċjali lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-trejdunjins, in-nisa u l-gruppi partikolarment vulnerabbli tal-popolazzjoni u tassisti fit-tfassil tal-liġijiet għal protezzjoni effikaċi tal-iżvelaturi;

11.  Jinnota, f’dan ir-rigward, li l-UE trid tmexxi bl-eżempju; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu sehem b'mod attiv fl-inizjattivi internazzjonali għal trasparenza baġitarja akbar, bħas-Sħubija għal Gvern Miftuħ, l-Inizjattiva għal Baġit Miftuħ u l-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna, sabiex jippromwovu tali impenn mill-pajjiżi sħab bħala elementi imperattivi tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi estensjoni tad-definizzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tinkludi l-attivisti kontra l-korruzzjoni, il-ġurnalisti investigattivi u, b’mod speċjali, l-iżvelaturi;

13.  Jindika li l-UE, bħala waħda mill-ikbar donaturi fid-dinja, għandha ssegwi u tespandi l-każijiet riċenti fejn l-għoti tal-għajnuna esterna tal-UE ntrabat ma' riformi baġitarji lejn trasparenza akbar, aċċess għad-data u proċessi parteċipatorji u tarmonizza l-prinċipji gwida f’dan ir-rigward ma’ donaturi oħrajn; hu tal-opinjoni li l-UE għandha tistabbilixxi punti ta’ riferiment u kriterji ċari u pubbliċi, f’approċċ ibbażat fuq l-inċentivi, għall-gvernijiet benefiċjarji biex jiftħu l-proċessi baġitarji tagħhom u jinkorporaw it-trasparenza, il-parteċipazzjoni pubblika u komponenti ta’ sorveljanza fl-isforzi tagħhom, permezz ta’ taħriġ jew assistenza teknika; iħeġġeġ lill-UE tippromwovi u tappoġġa l-iżvilupp ta’ ambjent li jippermetti li l-korpi ta’ sorveljanza fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (inklużi l-parlamenti, il-qrati tal-awdituri, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja) iwettqu l-funzjonijiet fundamentali tagħhom u għaldaqstant jiġġieldu kontra l-korruzzjoni;

14.  Jindika li, minn naħa, l-UE għandha tuża l-qafas ta' "sħubijiet avvanzati" mal-pajjiżi terzi biex tinsisti f'mod effikaċi ma' dawk ir-reġimi li jbatu minn korruzzjoni endemika biex jadottaw riformi biex jimplimentaw il-prinċipji msemmijin hawn fuq. hu tal-fehma li d-djalogu politiku, il-pressjoni u l-kooperazzjoni mill-UE lejn il-ħtieġa għal riforma għandhom ikunu viżibbli u trasparenti u għandhom jintegraw mekkaniżmi ta' monitoraġġ adegwati u ambizzjużi; hu tal-fehma li l-UE għandha tikkundanna b’mod pubbliku d-dħul fis-seħħ ta' liġijiet li jrażżnu l-libertà tal-midja u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili bħala pedamenti fundamentali għar-responsabilità u għandha tfassal strateġiji biex tadatta r-relazzjonijiet ma’ dawk il-pajjiżi sabiex trawwem ir-riforma b’mod viżibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa għal klawżoli rigward id-drittijiet tal-bniedem, li jkunu definiti b'mod ċar u li jiġu osservati, fil-ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu jippermettu li kull ftehim ta' sħubija jiġi sospiż meta jiġi kkostatat ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jappoġġa aktar trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investimenti tal-flus pubbliċi Ewropej, speċifikament fil-proġetti tal-BEI u l-BERŻ li jista' jkollhom impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-BEI u l-BERŻ isaħħu l-politiki tagħhom kontra l-frodi u l-korruzzjoni, b'mod li jiżguraw it-trasparenza sħiħa tal-investimenti barra mill-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-BEI u l-BERŻ jaffermaw ir-rieda tagħhom li jevitaw investimenti riskjużi, speċjalment permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, u li jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju u valutazzjonijiet imtejba tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti li huma jappoġġaw, flimkien ma' kontroll sod tad-diliġenza dovuta fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem u l-integrità tal-operazzjonijiet kollha tal-klijenti tagħhom; hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni pubblika kif ukoll konsultazzjoni informata bla ħlas minn qabel mal-komunitajiet affettwati fl-istadji kollha tal-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti ffinanzjati; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jużaw l-influwenza tagħhom bħala l-membri esklużivi tal-BEI u l-azzjonisti prinċipali tal-BERŻ biex irawmu riforma sinifikanti ta’ dawn l-istituzzjonijiet sabiex ikun possibbli li jsir skrutinju demokratiku akbar tad-deċiżjonijiet u tar-responsabbiltà tagħhom;

16.  Jikkunsidra li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-FMI u l-Grupp tal-Bank Dinji, għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju ta' korruzzjoni fil-miżuri proposti lill-pajjiżi debituri permezz tal-Proċessi ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, flimkien ma' valutazzjoni tal-impatt ta' dawn tal-aħħar fuq id-drittijiet tal-bniedem; hu tal-fehma li l-Proċessi ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jinkludu riformi għat-titjib tal-governanza u t-trasparenza; jinsisti li sistemi ta’ sorveljanza adegwati, b’riżorsi tajbin u indipendenti għandhom isegwu l-implimentazzjoni tal-programmi billi jwettqu eżerċizzji ta’ awditjar u spezzjonijiet frekwenti; iżid li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kapparrament tal-art, l-evizzjonijiet sfurzati, l-akkwist fil-qasam tad-difiża , baġits għad-difiża separati u l-iffinanzjar ta' attivitajiet militari u paramilitari f’pajjiżi debituri; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-influwenza tagħhom bħala membri tal-FMI u tal-Bank Dinji biex jinsistu fuq aktar trasparenza u fuq mekkaniżmi parteċipatorji fin-negozjar tal-Proċessi ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u ta' programmi ta' finanzjament oħra u biex irawmu aktar skrutinju demokratiku tad-deċiżjonijiet u r-responsabilità tagħhom;

17.  Jitlob lill-istituzzjonijiet finanzjarji bilaterali u multilaterali, inklużi l-Grupp tal-Bank Dinji, il-FMI, il-banek tal-iżvilupp reġjonali, l-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni u l-banek tas-settur privat, jirrikjedu li l-kumpaniji tal-estrazzjoni u l-gvernijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kampanja 'Ippubblika Dak Li Tħallas' u/jew l-istandards tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi dwar it-trasparenza tal-ħlasijiet bħala prekundizzjoni għall-appoġġ kollu għall-proġetti;

18.  Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni tal-G20 f’Seoul u jemmen li l-momentum maħluq għandu jiġi sostnut sabiex jiġi żgurat sforz internazzjonali kkoordinat maħsub biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni f’oqsma kruċjali;

Il-korruzjoni u l-politiki ta' żvilupp

19.  Jenfasizza li l-ifqar nies fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li huma jiddependu ħafna fuq is-servizzi pubbliċi, jintlaqtu b’mod sproporzjonat mill-korruzzjoni minuri, inkluża l-hekk imsejħa “korruzzjoni kwieta” meta l-uffiċjali pubbliċi jonqsu milli jipprovdu servizzi jew kontributi li għalihom ikunu tħallsu mill-gvern (bħal fil-każ ta’ għalliema assenti fl-iskejjel pubbliċi jew tobba assenti fil-kliniċi primarji);

20.  Jisħaq fuq il-fatt li l-korruzzjoni toħloq ostakoli għall-investiment dirett barrani (IDB) u tiskoraġġixxi lill-atturi esterni milli jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

21.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u d-delokalizzazzjonijiet illeċiti tal-kapital, hija parti minn sforz usa' għall-promozzjoni ta' governanza tajba, li hija definita bħala waħda mill-prijoritajiet fundamentali biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-politika tal-iżvilupp tal-UE fl-Aġenda għall-Bidla tal-2011 (COM(2011)0637). jenfasizza l-ħtieġa li l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tiġi infurzata bis-sħiħ u minnufih.

22.  Jindika li l-isforzi kollha kontra l-korruzzjoni għandhom jiġu akkumpanjati minn appoġġ għall-programmi maħsuba biex jipprevjenu l-korruzzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

23.  Ifakkar fl-impenji li ttieħdu fil-qafas tas-Sħubija ta’ Busan għal Żvilupp Effikaċi għall-Iżvilupp, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentawhom sabiex jintensifikaw l-isforzi konġunti favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-flussi illeċiti ta’ flus;

24.  Jemmen li huwa essenzjali li tiġi żgurata l-konsistenza tal-politiki ta’ żvilupp sabiex il-korruzzjoni tiġi indirizzata u eliminata; jenfasizza wkoll li jeħtieġ li tiżdied l-assistenza tal-UE fl-oqsma tal-governanza fiskali u l-azzjoni kontra l-frodi fiskali, taħt l-Istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp strument (DCI) u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

It-titjib tal-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri

25.  Jitlob lill-Istati Membri jemendaw il-liġijiet kriminali tagħhom, fejn ikun meħtieġ, biex jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq l-individwi ta’ kwalunkwe nazzjonalità li jinstabu fit-territorju tagħhom u li jkunu wettqu atti ta' tixħim jew tbagħbis fil-fondi pubbliċi, irrispettivament fejn ikun twettaq ir-reat, sakemm l-irkaptu ta' dawk l-attivitajiet kriminali ikun instab fl-Istat Membru kkonċernat jew ikun inħasel hemm, jew il-persuna jkollha 'konnessjoni mill-qrib' mal-Istat Membru, speċifikament permezz taċ-ċittadinanza, ir-residenza jew is-sjieda benefiċjarja ta' kumpanija li jkollha l-kwartieri ġenerali fl-Istat Membru, jew ma' kumpaniji sussidjarji fl-Istat Membru;

26.  Jindika li, madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw ġudizzju attent meta jipprovdu informazzjoni lil pajjiżi terzi rigward individwi akkużati b'korruzzjoni, tbagħbis jew evażjoni fiskali, sabiex id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ma jiġux involuti b'mod inġust, kif ġara fil-każ ta' Ales Bialiatski;

27.  Hu tal-fehma li l-liġijiet dwar id-diffamazzjoni/il-libell jistgħu jiskoraġġixxu lil persuni milli jirrapportaw dwar korruzzjoni f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Istati Membri kollha jmexxu bl-eżempju u jiddekriminalizzaw il-liġijiet dwar id-diffamazzjoni/il-libell fis-sistemi ġuridiċi tagħhom, tal-anqas fil-każijiet fejn ikunu kkonċernati allegazzjonijiet ta’ kriminalità organizzata, korruzzjoni u ħasil tal-flus fl-Istati Membri u barra;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw, kif irrakkomandat mill-UNCAC, miżuri leġiżlattivi u ta' tip ieħor biex jistabbilixxu bħala reat kriminali, meta jitwettaq intenzjonalment, l-istagħnar illeċitu – jiġifieri, żieda sinifikanti fl-assi ta’ uffiċjal pubbliku li dan ma jkunx jista’ jispjega b’mod raġonevoli meta mqabbel mad-dħul legali tiegħu;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni

29.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Ġakarta ta' Novembru 2012 dwar il-Prinċipji tal-Aġenziji Kontra l-Korruzzjoni; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu pass ieħor u jibnu momentum fil-livell internazzjonali dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' effikaċja fl-indirizzar tal-korruzzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni maħluqa f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar minħabba l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom, in-nuqqas ta' indipendenza funzjonali mis-setgħa eżekuttiva, in-nuqqas ta' appoġġ politiku, is-sors tal-finanzi tagħhom, ir-regoli tagħhom għall-għażla u l-ħatra tal-uffiċjali u s-setgħat tagħhom ta' infurzar;

30.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu bidu għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali dwar l-indipendenza u l-effikaċja tal-awtoritajiet kontra l-korruzzjoni, imfassla b'mod intergovernattiv bl-għan li finalment jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, standards li jkunu ekwivalenti għall-Prinċipji ta' Pariġi għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u bl-istess kamp ta' applikazzjoni b'saħħtu tagħhom; jenfasizza li dawn il-principji għandhom jintużaw bħala punti ta' riferiment għar-responsabbiltà permezz ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjonijiet ta' rendiment;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsolida l-kooperazzjoni ma’ donaturi oħrajn u mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar biex tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar fil-pajjiżi benefiċjarji tal-għajnuna, b'mod li jiġu implimentati l-Istandards Internazzjonali għall-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jrawmu u juru appoġġ għall-ħolqien ta' Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Korruzzjoni stabbilita permezz ta' trattat internazzjonali jew permezz ta' Protokoll għall-UNCAC, li kieku jirriżulta f'korp internazzjonali ta' investigaturi kriminali mogħti setgħat ekwivalenti għal dawk tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni biex jinvestiga u jwettaq prosekuzzjoni tar-reati ta' korruzzjoni fit-territorji domestiċi tal-Istati firmatarji, u li jkun kapaċi wkoll iħarrek individwi fil-qrati kriminali nazzjonali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw it-twaqqif ta’ Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem b’mandat komprensiv, inklużi pjan orjentat lejn l-objettivi u evalwazzjoni perjodika tal-miżuri kontra l-korruzzjoni meħuda mill-Istati; jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE li ffirmaw iżda għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li nfetħet għall-firem fis-27 ta’ Jannar 1999, jirratifikawha mill-aktar fis;

Ir-responsabilità korporattiva

34.  Jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza ta’ manwal ibbażat fuq il-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta’ Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali, li jippermetti li l-kumpaniji jadottaw miżuri effikaċi ta’ kontroll intern, ta’ etika u ta’ konformità għall-finijiet ta' prevenzjoni u identifikazzjoni tal-korruzzjoni transkonfinali;

35.  Jitlob lill-impriżi kollha tal-UE jwettqu r-responsabbiltà korporattiva tagħhom biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni hi lesta tiżviluppa gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali proprji tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU u jinsistu fuq il-ħtieġa li anke l-pajjiżi sħab jaderixxu mal-istandards ta' responsabbiltà soċjali korporattiva rikonoxxuti internazzjonalment, bħal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-prinċipji li jikkonċernaw l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali;

36.  Jitlob li jiġu żviluppati standards ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà aktar effettivi għal kumpaniji teknoloġiċi tal-UE marbuta mal-esportazzjoni tat-teknoloġiji li jistgħu jintużaw biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, jgħinu l-korruzzjoni jew jaġixxu kontra l-interessi ta’ sigurtà tal-UE;

37.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-inizjattivi għat-titjib tal-prattika korporattiva fil-pajjiżi terzi, speċjalment fiż-żoni ta' kunflitt, bħall-Patt Globali tan-NU u l-Linji gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, ma jistabbilixxux bażi komuni u infurzar xieraq tal-linji gwida, u jiddependu fuq l-inizjattiva volontarja tal-kumpaniji biex jikkonformaw magħhom; jistieden lill-UE biex tkun minn ta' quddiem fl-isforzi internazzjonali biex jiġu stabbiliti l-istandards normattivi ta' dan it-tip, tal-anqas fil-ġurisdizzjoni tal-UE, filwaqt li tiffoka fuq ir-responsabbiltà tad-diretturi ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u l-mekkaniżmi ta' rimedju għall-vittmi;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-kumpaniji tal-UE jiżguraw li l-akkwisti tagħhom ma jappoġġawx lil min iwettaq korruzzjoni, kunflitti u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, speċifikament billi jwettqu kontrolli u eżerċizzji ta' awditjar fuq il-ktajjen ta' provvista tal-materja prima tagħhom u jippubblikaw ir-riżultati; hu tal-fehma li d-diliġenza dovuta li l-kumpaniji tal-UE huma obbligati jwettqu, f’konformità mal-linji gwida ppubblikati mill-OECD, kieku tagħti spinta lin-negozji Ewropej u tagħmel id-drittijiet tal-bniedem u l-politiki tal-iżvilupp tal-UE aktar koerenti, speċjalment fiż-żoni mifluġa mill-kunflitti;

39.  Jenfasizza għal darba oħra l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati, anke taħt il-liġi kriminali, biex jimmonitorjaw u eventwalment jissanzjonaw lill-kumpaniji bbażati fit-territorju tagħhom li jkunu involuti f’korruzzjoni f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tifformula lista pubblika tal-kumpaniji li jkunu nstabu ħatja ta’ prattiki korrotti jew li l-uffiċjali korporattivi tagħhom ikunu qed jiġu mħarrka għal prattiki korrotti fi Stati Membri jew f’pajjiżi terzi; hu tal-opinjoni li tali elenkar għandu jipprojbixxi lil dawk il-kumpaniji milli jipparteċipaw fi proċessi ta’ akkwist pubbliku jew milli jibbenefikaw mill-fondi tal-UE fl-Istati Membri tal-UE jew f’pajjiżi terzi fil-każ ta’ kundanna, u sakemm il-qorti ma tiħux deċiżjoni finali ta’ eżonerazzjoni; jevidenzja l-fatt li l-elenkar f’‘listi suwed’ jista’ jkun effettiv biex jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet korrotti u jipprovdi inċentiv tajjeb għalihom biex itejbu u jsaħħu l-proċeduri interni ta’ integrità tagħhom;

40.  Jilqa’ l-ftehimiet li ntlaħqu bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jirrikjedu li l-kumpaniji fis-settur tal-estrazzjoni u l-operaturi li jaqtgħu is-siġar fil-foresti primarji jiżvelaw il-ħlasijiet lill-gvernijiet għal kull pajjiż u għal kull proġett; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab kollha jirrikjedu żvelar ekwivalenti tal-ħlasijiet tal-kumpaniji transnazzjonali rreġistrati jew elenkati fis-swieq finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-UE tippromwovi dan l-istandard ta’ rappurtar fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi sħab; hu tal-fehma li l-Kummissjoni, fir-reviżjoni futura tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, għandha tikkunsidra li twessa' l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappurtar għal kull pajjiż individwali biex jinkludi l-kumpaniji transnazzjonali tas-setturi kollha u r-rappurtar ta’ aktar informazzjoni, bħal bejgħ, assi, impjegati, profitti u taxxi;

L-operazzjonijiet ta' paċi u stabilità

41.  Jisħaq fuq il-fatt li l-korruzzjoni spiss talimenta l-kriminalità u tikkontribwixxi għall-kunflitti u għall-fraġilità u huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tingħata aktar importanza fl-isforzi tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u fl-azzjonijiet tagħha biex tindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ fraġilità;

42.  Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali ta' standards stretti ta' integrità fost il-forzi għaż-żamma tal-paċi fi ħdan in-NU u l-UA, speċifikament fil-kuntest tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika; jappoġġa t-talbiet għal riforma tas-sistema tal-miżuri ta’ integrità tan-NU, speċifikament il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-investigazzjonijiet kollha dwar imġiba ħażina min-naħa tal-uffiċjali – inklużi l-investigazzjonijiet fuq il-post – f’entità interna waħda ta’ sorveljanza; jistieden, għalhekk, lin-NU tieħu passi biex tiżgura li dawk li jkunu vittimizzati minn min ikun responsabbli għaż-żamma tal-paċi ikollhom id-dritt għal rimedju, u biex ittejjeb il-mekkaniżmi ta' rappurtar u l-politika għall-ħarsien tal-iżvelaturi;

43.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istandards Ġeneriċi ta’ Mġiba u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-missjonijiet tal-PSDK tal-UE jiġu żviluppati u aġġornati, biex jirriflettu b’mod xieraq l-isforzi kontra l-korruzzjoni kemm fil-missjonijiet u kemm fiż-żoni ta' missjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu passi biex jiżguraw li dawk li jiġu vittimizzati mill-persunal Ewropew fil-missjonijiet ta’ paċi u tal-istat tad-dritt ikollhom dritt ta’ rimedju effikaċi; iħeġġeġ lill-Kunsill jistabbilixxi mekkaniżmi sikuri u adegwati ta' rappurtar u politika effikaċi għall-ħarsien tal-iżvelaturi; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-mekkaniżmi jridu jkunu sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi;

44.  Jilqa’ l-inizjattivi bħad-Dokument ta’ Montreux u l-Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri Privati ta’ Servizzi ta' Sigurtà (ICoC); jilqa’ l-appoġġ reċenti tal-Unjoni Ewropea għad-Dokument ta’ Montreux u n-numru kbir u dejjem jikber ta’ Stati Membri tal-UE li approvawh; jevidenzja, madankollu, li hemm bżonn ikun hemm infurzar aħjar tal-prinċipji stabbiliti; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jiżviluppaw aktar il-liġi u r-regolamenti nazzjonali tagħhom bi qbil mal-istandards stabbiliti fid-Dokument ta’ Montreux u jirrakkomanda li huma u l-UE jidħlu biss f’kuntratti li jirrispettaw il-prinċipji tal-inizjattivi mal-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-ħolqien tal-mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-ICoC, li għandu jkun korp ta' konformità kapaċi li jittratta l-ilmenti u jimponi sanzjonijiet dissważivi (inklużi l-modifiki għall-kuntratti li jkunu jirrikjedu restrizzjonijiet addizzjonali, il-ħruġ ta' twissijiet uffiċjali, pieni finanzjarji u t-tneħħija temporanja jew permanenti tal-kumpanija militari u ta' sigurtà privata mis-sistema tal-ICoC) b'mod li jiżguraw konformità mal-impenji tal-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati taħt l-ICoC u, u fl-aħħar mill-aħħar, iżommuhom responsabbli għalihom;

45.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-ħolqien ta’ qafas internazzjonali biex jirregola l-attivitajiet tal-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati, li jistabbilixxi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, ħalli l-istati ospitanti jkollhom l-awtorità li jirregolaw il-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati u l-istati kontraenti jkunu jistgħu jużaw is-setgħa tagħhom biex iħarsu d-drittijiet tal-bniedem u jipprevjenu l-korruzzjoni; jenfasizza li qafas ta' dan it-tip irid jinkludi sanzjonijiet dissważivi għall-ksur, ir-responsabilità għal min iwettaq vjolazzjonijiet u aċċess effikaċi għar-rimedji għall-vittmi, flimkien ma’ sistema ta’ liċenzjar u monitoraġġ li tirrikjedi li l-kumpaniji militari u ta' sigurtà privati kollha jiġu awditjati b’mod indipendenti u jipparteċipaw f’taħriġ obbligatorju tal-persunal kollu rigward id-drittijiet tal-bniedem;

Il-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali

46.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-implimentazzjoni tal-Kapitoli IV (Kooperazzjoni Internazzjonali) u V (Irkupru tal-Assi) tal-UNCAC, speċjalment biex jipprovdu aktar effiċjenza għall-assistenza legali reċiproka mitluba mill-pajjiżi terzi, speċifikament billi jinterpretaw il-leġiżlazzjoni domestika b’mod li jiffaċilita l-assistenza mitluba u billi jisseparaw il-konfiska mill-kundanna fl-istat li jagħmel it-talba bl-iskop li tkun ipprovduta assistenza legali reċiproka u billi jipprovdu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom bil-mezzi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jitrattaw il-kawżi kif xieraq u malajr; iħeġġeġ lill-UE tagħti prijorità lil din il-kwistjoni ta’ relevanza kbira fil-pajjiżi terzi li jkunu għaddejjin mill-proċess ta’ demokratizzazzjoni, speċifikament billi jindirizzaw l-ostakoli legali u n-nuqqas ta’ rieda għal kooperazzjoni miċ-ċentri finanzjarji fl-UE, li bosta drabi jżommu skema ta’ assistenza legali reċiproka mhux reattiva u ineffiċjenti;

47.  Hu tal-opinjoni li l-klawżola standard dwar id-drittijiet tal-bniedem introdotta fil-ftehimiet kollha mal-pajjiżi terzi għandha tinkludi wkoll impenn lejn il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-governanza tajba;

48.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipproponi r-rispett tal-governanza tajba bħala element essenzjali fir-reviżjoni li jmiss tal-Ftehim ta’ Cotonou u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-korruzzjoni, sabiex tippermetti s-sanzjonar tal-ksur tal-klawżola ta’ governanza tajba fiċ-ċirkostanzi serji kollha, u mhux biss meta dan ikun relatat mal-politiki u l-programmi ekonomiċi u settorjali li l-Unjoni Ewropea tkun sieħba importanti fihom f’termini ta’ appoġġ finanzjarju;

49.  Jilqa’ d-deċiżjoni tat-Task Forces UE-Eġittu u UE-Tuneżija li jiffinalizzaw pjan direzzjonali għar-ritorn tal-assi miksuba b’mod illegali li għadhom iffriżati f’għadd ta’ pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaderixxu kompletament man-normi internazzjonali eżistenti li jirregolaw l-irkupru tal-assi, bħall-Kapitolu V tal-UNCAC, il-pjan ta' azzjoni dwar l-irkupru tal-assi kif żviluppat mis-Sħubija mal-Pajjiż Għarab fi Tranżizzjoni tal-G8 f'Deauville, u l-qafas leġiżlattiv ġdid żviluppat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012; jikkunsidra li dispożizzjonijiet dwar l-irkupru tal-assi jservu ta' appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi biex jirrimedjaw l-agħar effetti tal-korruzzjoni, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu sforzi sinifikanti bl-għan li jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-assi miżapproprjati li nsterqu mir-reġimi preċedenti lill-poplu tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija; jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għat-trattament tal-irkupra tal-assi u tad-dejn sovran mill-istati li jkunu qed ifeġġu minn reġimi fejn il-korruzzjoni tkun endemika; jappoġġa l-inizjattivi għall-awditjar tad-dejn sovran estern u intern bl-għan li tiġi skoperta l-korruzzjoni u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-inizjattivi għall-awditjar tad-dejn;

50.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu assistenza legali u teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jixtiequ jirkupraw assi misruqa (jew assi akkumulati illegalment minn dittatorjati) li jkunu qed jinżammu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

51.  Jindika li l-korruzzjoni fil-kummerċ tal-armi tirrapreżenta proporzjon kbir mill-korruzzjoni preżenti fit-tranżazzjonijiet globali; jilqa' t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013, li jistabbilixxi standards u kriterji vinkolanti komuni għall-valutazzjoni tat-trasferimenti tal-armi internazzjonali; jilqa’ l-impenn tal-Istati Membri li jiffirmaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fl-aktar data kmieni possibbli u jistedinhom li jkunu wkoll minn ta’ quddiem fl-isforzi tan-NU għar-ratifika u l-implimentazzjoni rapidi tat-Trattat Internazzjonali dwar l-Armi mill-Istati Membri kollha tan-NU; jinkoraġġixxi lill-UE tiżgura viġilanza akbar fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-manifatturi Ewropej tal-armi u tiġġieled kontra l-opaċità fis-settur tal-kummerċ tal-armi, b'mod speċjali fir-rigward tal-użu ta' intermedjarji u ta' kumpensi ekonomiċi/industrijali, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari;

o
o   o

52.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, tal-istati kandidati u tal-pajjiżi assoċjati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Unjoni Afrikana, lill-Fond Monetarju Internazzjonali, lill-Bank Dinji, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 2008
(2) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 165.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(4) Ara r-riżoluzzjoni A/RES/48/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(5) OECD (2011), Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, OECD Publishing.
(6) Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2006 ISBN 92-2-119010-2 u 978-92-2-119010-3.
(7) New York, Kwartieri Ġenerali tan-NU, 26 ta' Lulju 2000.
(8) Assemblea Ġenerali tan-NU A/CONF.217/2013/L.3.
(9) Inizjattiva CleanGovBiz, OECD 2013.
(10) Inizjattiva CleanGovBiz, OECD 2013.
(11) Flussi Finanzjari Illegali mill-Pajjiżi li qed jiżviluppaw matul id-Deċennju li spiċċa fl-2009, Global Financial Integrity.
(12) Rapport Annwali 2011 tal-OLAF

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Jannar 2016Avviż legali