Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2676(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0434/2013

Testi mressqa :

B7-0434/2013

Dibattiti :

PV 10/10/2013 - 2
CRE 10/10/2013 - 2

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2013 - 9.6

Testi adottati :

P7_TA(2013)0420

Testi adottati
PDF 228kWORD 26k
Il-Ħamis, 10 t'Ottubru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Diskriminazzjoni abbażi tal-kasti
P7_TA(2013)0420B7-0434/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (2013/2676(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta fl-Indja(1) , tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-vjolenza fuq in-nisa fl-Indja(2) , tal-1 ta' Frar 2007 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja(3) , tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(4) ,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (CERD) u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali XXIX tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza(5) , ppubblikat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-tħassib serju, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet reċenti mill-korpi tat-trattati tan-NU u d-detenturi tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-24 ta' Mejju 2011 tar-Rapporteur Speċjali dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata(6) , u r-rapporti tal-Eżamijiet Perjodiċi Universali tal-pajjiżi kkonċernati mis-sistema tal-kasti,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew intitolat ‘A human rights and poverty review: EU action in addressing caste-based discrimination’ (Analiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-faqar: Azzjoni tal-UE biex tittratta d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (O-000091/2013 – B7-0507/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kasta tindika kuntest soċjo-reliġjuż, bħal fl-Asja, fejn dawk li jaqgħu barra s-sistema tal-kasti huma meqjusa fin-natura tagħhom mhux puri u m'għandhomx jintmessu, iżda wkoll, b’mod usa', sistema ta’ stratifikazzjoni soċjali riġida fi gruppi kklassifikati definiti mid-dixxendenza u l-okkupazzjoni; billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u d-dixxendenza, bħala t-terminu l-aktar komprensiv ippreferut min-NU, hija forma ta’ diskriminazzjoni projbita mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Konvenzjoni Nru 111 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

B.  billi f’Ġunju 2011, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar ir-razziżmu Githu Muigai enfasizza li huwa essenzjali li jiġi evitat l-istabbiliment ta' kwalunkwe ġerarkija fost il-manifestazzjonijiet differenti ta’ diskriminazzjoni, anke jekk jistgħu jvarjaw fin-natura u l-grad skont il-kuntesti storiċi, ġeografiċi u kulturali, inkluża l-'Komunità Rom fl-Ewropa u l-vittmi tas-sistemi tal-kasti fl-Afrika, l-Asja u l-Lvant Nofsani';

C.  billi minkejja l-miżuri li ħadu l-gvernijiet ta' ċerti pajjiżi li tikkonċernahom is-sistema tal-kasti biex jagħtu protezzjoni kostituzzjonali u leġiżlattiva u jintroduċu miżuri speċjali kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u l-prattika li ċerti persuni m'għandhomx jintmessu, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta għadha mifruxa u persistenti u tolqot madwar 260 miljun ruħ fid-dinja kollha;

D.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta teżisti f'bosta pajjiżi madwar id-dinja kollha, filwaqt li l-ogħla numru ta' vittmi jinsab fl-Asja tan-Nofsinhar; billi, madankollu, hemm konċentrazzjonijiet kbar ta' vittmi f'inħawi oħra, fosthom l-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-komunità tad-dijaspora;

E.  billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki u n-nuqqas ta' rimedji effikaċi u ta' istituzzjonijiet statali li jiffunzjonaw b'mod effettiv, inkluża l-ġudikatura u l-pulizija, għadhom ostakli kbar biex tinqered id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

F.  billi l-forniment ta' data diżaggregata u ħtieġa ta' leġiżlazzjoni u miżuri speċjali ta' protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta għadhom mhux qed jiġu trattati f'ħafna pajjiżi konċernati;

G.  billi minkejja l-isforzi tal-gvernijiet u, dejjem aktar, ta’ xi aġenziji internazzjonali, ċerti kasti għadhom iġarrbu forom gravi ta’ esklużjoni soċjali, faqar, vjolenza, segregazzjoni, u abbużi fiżiċi u verbali marbuta mal-preġudizzji u kunċett ta’ safa u ta' tniġġis;

H.  billi l-prattiki li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu għadhom mifruxa u qed jieħdu forom moderni; billi l-komunitajiet milquta jħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet fil-parteċipazzjoni politika u diskriminazzjoni serja fis-suq tax-xogħol;

I.  billi fi ftit pajjiżi, bħal pereżempju l-Indja, l-azzjoni affermattiva mandatorja għenet, sa ċertu punt, l-inklużjoni ta’ Daliti fis-settur pubbliku, iżda billi n-nuqqas ta’ miżuri protettivi kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u s-settur privat ikompli jżid l-esklużjoni u l-inugwaljanzi li dejjem jiżdiedu;

J.  billi skont l-estimi tal-ILO, il-maġġoranza enormi tal-vittmi tax-xogħol skjavizzat fl-Asja tan-Nofsinhar ġejjin minn Kasti Skedati u Tribujiet Skedati; billi x-xogħol furzat u skjavizzat huwa partikolarment mifrux fis-setturi tal-agrikoltura, il-minjieri u l-industriji tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ, li jfornu l-prodotti lil għadd ta' kumpaniji multinazzjonali u Ewropej;

K.  billi n-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi hija wieħed mill-erba' drittijiet fundamentali tax-xogħol u hija inkluża wkoll fil-linji gwida u fl-oqfsa internazzjonali għall-impriżi bħal-Prinċipji Gwida dwar l-Impriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Linji Gwida tal-OECD u l-Gwida dwar ir-Responsabilità Soċjali ISO 26000, fejn id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta tissemma b'mod speċifiku bħala forma serja ta' diskriminazzjoni;

L.  billi l-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati huma mħeġġa jieħdu nota tal-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u fuq id-Dixxendenza, jieħdu kull miżura neċessarja biex jeliminaw u jipprevjenu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, jindirizzaw il-lakuni fl-implimentazzjoni fil-livell federali, statali, reġjonali u lokali u li jimplimentaw, jemendaw jew jintroduċu leġiżlazzjoni speċjali u miżuri tal-politika għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tad-Daliti u gruppi oħra milquta mis-sistema tal-kasti;

1.  Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għadu għaddej kontra persuni li jsofru minħabba ġerarkiji tal-kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, inkluż iċ-ċaħda tal-ugwaljanza u ta' aċċess għas-sistema legali u għax-xogħol, is-segregazzjoni li għadha għaddejja u l-ostakli indotti mill-kasti għall-kisba tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-iżvilupp;

2.  Iqis li l-karti tal-identità għandhom jevitaw referenzi għall-kasta, peress li dawn imorru kontra l-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-mobilità soċjali;

3.  Jilqa’ r-rapport minn Githu Muigai, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar ir-razziżmu, u jenfasizza li l-vittmi kollha tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta madwar id-dinja għandhom jirċievu l-istess attenzjoni u protezzjoni; b’mod usa', jenfasizza li kull forma ta’ razziżmu u diskriminazzjoni għandha tiġi indirizzata bl-istess enfasi u determinazzjoni, inkluż fl-Ewropa;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-esklużjoni soċjali tad-Daliti u ta' komunitajiet milquta bl-istess mod twassal għal livelli għoljin ta' faqar fost il-gruppi tal-popolazzjoni milquta u għall-esklużjoni, jew għal inqas benefiċċji, mill-proċessi tal-iżvilupp; Jenfasizza, barra minn hekk, li din tkompli tipprekludi l-involviment tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-governanza u fil-parteċipazzjoni sinifikattiva tagħhom fil-ħajja pubblika u ċivili;

5.  Għadu allarmat bin-numru dejjem kbir ta' każijiet, rapportati u mhumiex, ta' atroċitajiet u ta' prattiki li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu fil-pajjiżi milquta mis-sistema tal-kasti, inkluża l-Indja, u l-impunità mifruxa li jgawdu minnha dawk responsabbli ta' delitti kontra d-Daliti u vittmi oħra tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq il-kasta; ifakkar li f’ċerti pajjiżi, dawk responsabbli ta’ diskriminazzjoni bħal din għandhom pożizzjonijiet governattivi għolja;

6.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza mwettqa kontra n-nisa Daliti u nisa oħra minn komunitajiet milquta bl-istess mod f'soċjetajiet b'sistemi tal-kasti, li sikwit ma jirrapportawx il-vjolenza ta' dan it-tip minħabba l-biża' ta' theddidiet kontra s-sikurezza personali tagħhom jew ta' esklużjoni soċjali, u dwar il-forom multipli u interkonnessi ta' diskriminazzjoni bbażati fuq il-kasta, il-ġeneru u r-reliġjon li jolqtu n-nisa Daliti u n-nisa minn komunitajiet minoritarji, li jwasslu għal konverżjonijiet furzati, ħtif, prostituzzjoni furzata, u abbużi sesswali minn membri tal-kasti dominanti;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu ma' persuni milquta minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u jevitaw kwalunkwe impediment, stigmatizzjoni jew restrizzjoni tax-xogħol tagħhom; Jenfasizza li ambjent ta' dan it-tip għandu jinkludi aċċess għall-finanzjament, kooperazzjoni mal-entitajiet tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u akkreditazzjoni tal-Kunsil Ekonomiku u Soċjali (Ecosoc);

8.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u fuq id-Dixxendenza bħala qafas ta' riferiment għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, u tippromwovi l-approvazzjoni tagħhom min-naħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kasti bħala forma distinta ta' diskriminazzjoni li għandha l-għeruq tagħha fil-kuntest soċjali u/jew reliġjuż, li trid tiġi indirizzata flimkien ma' raġunijiet l-oħra għad-diskiminazzjoni, bħall-etniċità, ir-razza, id-dixxendenza, ir-reliġjon, il-ġeneru u s-sesswalità, fl-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni; jistieden lill-UE biex fil-politiki u l-programmi tagħha tqis lill-persuni milquta minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta bħala grupp identifikabbli;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintegraw il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fil-leġiżlazzjoni, fil-politiki u fid-dokumenti tal-ipprogrammar tal-UE u jadottaw linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tagħha; jistieden lis-SEAE jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u valutazzjoni biex jivvalutaw b'mod effikaċi l-impatt tal-azzjoni tal-UE fuq il-qagħda tal-persuni milquta minn din il-forma ta' diskriminazzjoni;

11.  Jirrakkomanda li l-UE tagħmel valutazzjoni sistematika tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u/jew ta' investiment fuq il-gruppi milquta mid-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, u tittratta dawn il-kwistjonijiet mar-rappreżentanti industrijali, l-awtoritajiet governattivi u l-organizzazzjonijiet relevanti tas-soċjetà ċivili;

12.  Jitlob li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta tiġi inkluża bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki, fl-istrateġiji u fil-pjanijiet ta' azzjoni tal-ġejjieni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti sostenn aktar qawwi lill-proġetti ta' żvilupp li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jaggrava l-faqar u tqis din il-forma ta' diskriminazzjoni fil-proġetti kollha b'enfasi fuq l-edukazzjoni, in-nisa, l-aċċess għall-ġustizzja, il-parteċipazzjoni politika u x-xogħol fil-pajjiżi relevanti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tapplika approċċi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-kasti fi żminijiet ta' kriżi umanitarja u tiżgura li l-għajnuna umanitarja tasal għand il-gruppi emarġinati kollha, fosthom il-persuni li jġarrbu diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

15.  Iħeġġeġ lill-UE tqajjem il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fl-ogħla livell mal-gvernijiet tal-pajjiżi milquta matul samits bilaterali u laqgħat internazzjonali oħrajn;

16.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE jsaħħaħ id-djalogi tal-politika u tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovi inizjattivi konġunti bil-għan li tinqered id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta mal-gvernijiet ta' stati bħall-Indja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Bangladexx u s-Sri Lanka, fejn il-komunitajiet milquta mill-kasti huma soġġetti għal hekk imsejħa “prattiki ta’ persuni li ma għandhomx jintmessu”, u b’mod usa', biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u d-dixxendenza, li sseħħ f’diversi pajjiżi, fosthom il-Jemen, il-Mawritanja, in-Niġerja, is-Senegal u s-Somalja; ifakkar li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta ma ssemmietx fil-ftehimiet ma’ ħafna minn dawn l-istati;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu, f'każ li jkun relevanti, "klawżola dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta" fil-ftehimiet kollha kummerċjali u ta' assoċjazzjoni;

18.  Jirrakkomanda li l-UE tippromwovi politiki u proċeduri nondiskriminatorji u inklużivi f’operazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi milquta mill-kasti, fosthom azzjoni affermattiva għad-Daliti u l-persuni milquta b’mod simili fis-suq tax-xogħol u fis-settur privat;

19.  Jistieden lill-UE tippromwovi konsultazzjoni regolari u estiża mas-soċjetà ċivili dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u talloka riżorsi adegwati lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

20.  Jistieden lill-UE tippromwovi aġenda ta' żvilupp għall-wara l-2015 li tkun sensittiva għall-kwistjonijiet tal-kasta, li tkun tinkludi t-tnaqqis tal-inugwaljanzi bbażati fuq il-kasta jew aggravati minħabba fiha bħala għan kruċjali u li jista' jitkejjel, li jiggarantixxi li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta tiġi indirizzata espliċitament bħala fattur strutturali ewlieni fil-bażi tal-faqar, u bħala kawża primarja tal-inugwaljanzi strutturali;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0512.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0031.
(3) ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 87.
(4) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 8.
(5) A/HRC/11/CRP.3.
(6) A/HRC/17/40.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Novembru 2015Avviż legali