Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2827(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0474/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2013 - 11.13
CRE 23/10/2013 - 11.13

Testi adottati :

P7_TA(2013)0448

Testi adottati
PDF 240kWORD 30k
L-Erbgħa, 23 t'Ottubru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Flussi migratorji fil-Baħar Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-avvenimenti traġiċi viċin Lampedusa
P7_TA(2013)0448B7-0474, 0475, 0476, 0477, 0479 u 0480/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa (2013/2827(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali għalihom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) tat-12 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012, tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) bit-titolu "Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti u l-aħħar rapport, ippubblikat f'April 2012, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u dwar l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġi affrontat il-fluss tar-refuġjati li rriżulta mill-konflitt fis-Sirja(1) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(2) ,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0197),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(3) ,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-10 ta' Ottubru 2013 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 bit-titlu "Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn sħubija aktar b'saħħitha" (JOIN(2013)0004),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-"reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar"(5) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(6) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqija Orali O-000021/2013 - B7-0119/2013 tal-25 ta' Frar 2013 dwar skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti;

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar iż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu f'Lampedusa f'Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra ż-żjara f'Lampedusa tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, u l-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, fid-9 ta' Ottubru 2013 u d-dibattitu relatat fil-Plenarja, li sar fl-istess jum, dwar il-politiki migratorji tal-UE fil-baħar Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tagħha tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil ta' flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjoni u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(8) , b'riferiment partikolari għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-traffikanti tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 77, 78, 79 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u l-Artikoli 18 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aħħar traġedji li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa ħallew tal-inqas 360 migrant mejjet, b'ħafna oħrajn li baqgħu ma nstabux;

B.  billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, minn tal-inqas 20 000 persuna mietu fil-baħar mill-1993 'l hawn , fatt li juri l-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li jinsabu f'periklu, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward is-salvataġġ fuq il-baħar;

C.  billi għad hemm nuqqas ta' ċarezza fil-livell tal-UE dwar id-diviżjoni tar-responsabbiltà fost id-diversi entitajiet involuti fl-għoti ta' assistenza lill-bastimenti li jinsabu f'diffikultà, u dwar ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ;

D.  billi l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari, u l-vittmi jiġu sfurzati, imħajra jew imqarrqa sabiex jiġu lejn l-Ewropa minn netwerks kriminali, u billi dawk in-netwerks huma theddida serja għall-ħajja tal-migranti u sfida għall-UE;

E.  billi l-prinċipju ta' solidarjetà u ta' tqassim ġust tar-responsabbiltà huwa minqux fl-Artikolu 80 tat-TFUE;

F.  billi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) li ġiet riveduta mill-ġdid għandha l-għan li tipprovdi regoli aktar ċari u li tiggarantixxi protezzjoni ġusta u adegwata lill-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

G.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi xi għodod, bħalma hu l-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jagħmluha possibbli li jingħataw viżi umanitarji;

H.  billi l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jagħmlu użu mill-fondi li se jkunu disponibbli taħt il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u mill-fondi disponibbli taħt l-Azzjoni Preparatorja "Il-possibbiltà tar-risistemazzjoni ta' refuġjati f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza" li tkopri, fost ħwejjeġ oħra, il-miżuri li ġejjin: appoġġ lill-persuni li diġà huma rikonoxxuti bħala refuġjati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR); appoġġ għal azzjoni ta’ emerġenza fil-każ ta’ gruppi ta’ rifuġjati, identifikati bħala prijoritarji, li jinsabu taħt attakk armat u li jiffaċċjaw ċirkostanzi ta’ vulnerabbiltà estrema u ta’ natura li theddilhom ħajjithom; l-għoti, fejn meħtieġ, ta' appoġġ finanzjarju ulterjuri waqt każijiet ta' emerġenza lill-UNHCR u lill-organizzazzjonijiet marbuta miegħu fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE;

I.  billi l-Italja varat operazzjoni ġdida "Mare Nostrum" ta' pattulja, salvataġġ u sorveljanza sabiex issaħħaħ l-attivitajiet ta' salvataġġ umanitarju fil-Mediterran;

J.  billi waqt iż-żjara riċenti tiegħu f'Lampedusa l-President Barroso wiegħed pubblikament EUR 30 miljun f'fondi tal-UE biex jingħata appoġġ lill-popolazzjoni lokali;

1.  Jesprimi dieqa u dispjaċir profondi għall-imwiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar ħalli jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar;

2.  Huwa tal-fehma li dak li ġara f'Lampedusa għandu jservi ta' bidla deċiżiva għall-Ewropa u li l-uniku mod biex tiġi evitata traġedja oħra huwa li jiġi adottat approċċ koordinat imsejjes fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, bl-appoġġ ta' strumenti komuni;

3.  Jitlob li s-superstiti ta' ġrajjiet traġiċi bħal dawn jingħataw assistenza umanitarja u jitlob li l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali universali tal-migranti, b'mod partikolari d-drittijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati;

4.  Jirrikonoxxi l-isforzi kbar li saru mir-residenti tal-Italja u ta' Malta, u b'mod speċjali dawk ta' Lampedusa, u mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħall-Caritas u s-Salib l-Aħmar fir-rigward tal-ewwel akkoljenza u operazzjonijiet ta' salvataġġ tal-migranti kollha;

5.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi task force dwar il-kwistjoni tal-flussi migratorji fil-Mediterran; iqis li dan it-task force għandu jinkludi kemm element politiku kif ukoll ieħor operattiv; jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-Parlament għandu jkun involut f'dan it-task force jew fuq livell politiku jew fuq dak tekniku; jinsisti wkoll li t-twaqqif ta' dan it-task force jista’ jitqies biss li huwa l-ewwel pass lejn approċċ aktar ambizzjuż;

6.  Jitlob żieda fil-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) sabiex jassistu lil Stati Membri f'ċirkustanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operattiva mal-fruntieri esterni, inklużi sitwazzjonijiet li jinvolvu emerġenzi umanitarji u salvataġġ fuq il-baħar; ifakkar li l-finanzjament adegwat ta' dawn l-aġenziji huwa vitali biex jiġi żviluppat approċċ koordinat; jistieden ukoll lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni prattika tagħhom mal-EASO u l-Frontex, inkluż permezz ta' għajnuna mhux finanzjarja (uffiċjali stazzjonati, appoġġ materjali, eċċ.); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-possibbiltà li jitwaqqaf tim ta' gwardji kostali u li jiġi stabbilit uffiċċju operattiv ieħor tal-Frontex fiż-żoni ta' pressjoni migratorja, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran, filwaqt li l-ispejjeż relatati jiġu koperti mill-Istat Membru magħżul;

7.  Jissottolinja l-importanza tal-qsim tar-responsabbiltà fil-qasam tal-asil, u jirrakkomanda li jinħoloq mekkaniżmu msejjes fuq kriterji oġġettivi biex jitnaqqas il-piż minn fuq dawk l-Istati Membri li qed jirċievu għadd akbar ta' persuni li jfittxu l-asil u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, f’termini assoluti jew f’termini proporzjonali;

8.  Jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u ta’ dawk li jfittxu l-asil hija waħda mill-aktar suriet konkreti ta’ solidarjetà u ta’ qsim ta' responsabbiltà; jenfasizza l-importanza ta' proġetti bħalma huma l-Proġett Pilota għar-Rilokazzjoni Intra-UE minn Malta (EUREMA) u l-estensjoni tiegħu, li taħtu l-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali ġew rilokati, u qed jiġu rilokati, minn Malta lejn Stati Membri oħra, u jagħti l-appoġġ tiegħu biex jiġu żviluppati aktar inizjattivi ta’ dan it-tip;

9.  Jilqa' l-proposti tal-Kummisjoni li tniedi operazzjoni ta' tiftix u salvataġġ minn Ċipru sa Spanja u li ssaħħaħ il-Frontex billi tkattar il-baġit u l-kapaċitajiet tiegħu, bil-għan li ssalva l-ħajjiet u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu;

10.  Jistieden lill-koleġiżlaturi biex jiftiehmu malajr dwar regoli vinkolanti ġodda ta' interċezzjoni għall-operazzjonijiet fuq il-baħar ikkoordinati mill-Frontex sabiex jinkisbu miżuri ta' salvataġġ effikaċi u kkoordinati fil-livell tal-UE u sabiex jiżguraw li l-operazzjonijiet jitmexxew b'konformità sħiħa mad-dritt u mal-istandards internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rifuġjati, u mal-obbligi li jaqgħu taħt id-Dritt tal-Baħar;

11.  Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex iqisu l-possibbiltà tat-twaqqif ta' mekkaniżmi għall-identifikazzjoni ta' postijiet ta' sikurezza għall-iżbark ta' refuġjati u migranti salvati;

12.  Jitlob lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ tfassil tal-profil u ta’ riferiment, inkluż aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti għal dawk li jistgħu jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-fehma li l-iżbark mhux neċessarjament jimplika responsabbiltà unika min-naħa tal-Istat li fit-territorju tiegħu jiġu żbarkati l-persuni salvati;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-istrumenti differenti tas-SEKA jiġu implimentati b’mod korrett; ifakkar lill-Istati Membri li n-nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-asil u għandu jkollhom aċċess għal proċeduri tal-asil ġusti u effiċjenti;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw, fejn ikun meħtieġ, japplikawx l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013(9) bil-għan li jassumu responsabbiltà għat-talbiet ta’ asil tan-nies li jinsabu f’riskju li ma jkunux jistgħu jgawdu aċċess għad-drittijiet tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru li ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu; jafferma li, b’mod simili, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw japplikawx l-Artikolu 15 tar-regolament imsemmi hawn fuq bil-għan li jġibu flimkien il-membri tal-familja estiża;

15.  Jistieden lill-Frontex u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri kollha u persunal ieħor tal-Istati Membri li jipparteċipaw fit-Timijiet Ewropej tal-Għassa tal-Fruntieri, flimkien mal-persunal tal-Frontex, jirċievu taħriġ dwar id-dritt relevanti tal-Unjoni u dak internazzjonali, inklużi d-drittijiet fundamentali, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Frontex rivedut;

16.  Jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex iwettqu monitoraġġ tal-flussi mħallta ta' migrazzjoni billi jużaw l-istrumenti Ewropej u nazzjonali disponibbli, u biex iżommu koordinazzjoni u komunikazzjonijiet tajbin bħall-iffaċilitar tal-qsim tal-informazzjoni bejn il-gwardji kostali nazzjonali;

17.  Jitlob li l-Unjoni, il-Frontex u l-Istati Membri jiżguraw li l-assistenza tal-migranti f'diffikultà u s-salvataġġ fuq il-baħar ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-implimentazzjoni tar-Regolament EUROSUR li għadu kemm ġie adottat;

18.  Jitlob, bħala prijorità, koordinazzjoni aħjar tal-mezzi u r-riżorsi tal-UE, fosthom dawk disponibbli għall-Frontex (bħal EUROSUR) u l-Europol, sabiex, flimkien ma' pajjiżi terzi, nintensifikaw il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali ta' traffikanti tal-bnedmin u kuntrbandisti;

19.  Ifakkar li s-solidarjetà tal-UE għandha tmur id f'id mar-responsabbiltà; ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li joħorġu jgħinu lill-migranti li jkunu jinsabu fuq il-baħar;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-prerogattiva tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar skont l-obbligi internazzjonali tagħhom;

21.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li għadd dejjem jikber ta’ nies qed jissugraw ħajjithom billi jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi bid-dgħajsa biex jaqsmu l-Mediterran u jidħlu fl-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jippermettu li l-persuni li jfittxu l-asil ikollhom aċċess għas-sistema ta’ asil tal-Unjoni b'mod sikur u ġust;

22.  Jinnota li huwa preferibbli li wieħed jidħol b'mod legali fl-UE milli jidħol b’mod irregolari u aktar perikoluż, li jista’ jinvolvi riskji ta’ traffikar tal-bnedmin u ta' mwiet;

23.  Jappella għal approċċ aktar olistiku dwar l-immigrazzjoni sabiex ikun żgurat li kwistjonijiet interkonnessi mal-immigrazzjoni jiġu ttrattati b'mod komprensiv;

24.  Jinkoraġixxi lill-UE biex tiżvilupp strateġija aktar komprensiva, b'mod partikolari għall-Mediterran, li tqiegħed il-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-kuntest tal-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku tal-viċinat; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iqisu l-għodod disponibbli taħt il-politika tal-UE dwar il-viżi u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema;

25.  Jitlob li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali qawwija għal dawk l-individwi li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u jwaqqfu kampanji ta' informazzjoni estensivi biex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji differenti li jaffaċċjaw dawk li jpoġġu ħajjithom f'idejn it-traffikanti u l-kuntrabandisti;

26.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jemendaw jew jirrevedu kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jassistu lill-migranti li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar; jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, li tiddefinixxi s-sanzjonijiet f'każ ta' ffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati sabiex tikkjarifika li l-għoti ta' għajnuna umanitarja lil migranti li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar huwa att tajjeb, u mhuwiex azzjoni li għandha xi darba twassal għal xi forma ta' sanzjoni;

27.  Jitlob għal kooperazzjoni aħjar u aktar effiċjenti bejn l-UE u pajjiżi terzi biex jevitaw repetizzjoni ta' ġrajjiet traġiċi oħra bħal dawk li seħħew ftit 'il barra minn Lampedusa; iqis li l-ftehimiet bilaterali dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi ta' tranżitu lejn l-UE għandhom ikunu ta' prijorità għall-Unjoni fil-futur qrib, inkluż il-finanzjament ta' faċilitajiet tal-pulizija u ta' taħriġ fil-kapabbiltajiet tal-infurzar tal-liġi, u l-għajnuna għal dawn il-pajjiżi – u għall-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti – sabiex l-ekonomiji tagħhom jiġu diversifikati u mtejba, u jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, u jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

28.  Jitlob li l-UE tkompli toffri għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika fiż-żoni ta' kriżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani sabiex il-pressjonijiet umanitarji u migratorji jiġu indirizzati fl-għeruq kawżali tagħhom; jitlob li l-UE, għalhekk, tissorvelja d-distribuzzjoni ta' dawn il-fondi u tqawwi r-responsabbiltà demokratika fiha, sabiex dawn ir-riżorsi jħallu effetti pożittivi, li s'issa għad ma kienx hemm;

29.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa u responsabbli rigward influss ta’ rifuġjati li jista’ jseħħ fl-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jwettqu monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali u jaħdmu fuq ippjanar ta’ kontinġenza, tisħiħ tal-kapaċitajiet, djalogu politiku, u r-rispett tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem rigward kundizzjonijiet tad-detenzjoni;

30.  Jitlob li l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali u mad-dritt tal-UE eżistenti; jitlob li l-Istati Membri jtemmu b’effett immedjat kwalunkwe prattiki ta' detenzjoni li jkunu mhux xierqa jew estiżi bi ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew, u jirrimarka li l-miżuri biex migranti jiġu detenuti għandhom dejjem ikunu soġġetti għal deċiżjoni amministrattiva, u għandhom jiġu sostanzjati debitament u jkunu temporanji;

31.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jindirizzaw ħtiġijiet akuti permezz ta’ risistemazzjoni minbarra l-kwoti nazzjonali eżistenti u permezz ta’ ammissjoni umanitarja;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.

(1)1 Testi adottati, P7_TA(2013)0414.
(2)2 ĠU L 132, 29.5.2010, p.11.
(3)3 ĠU L 304, 22.11.2011, p.1.
(4)1 Testi adottati P7_TA(2013)0416.
(5)2 ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 114.
(6)3 ĠU L 348, 24.12.2008, p.98.
(7)4 ĠU L 121, 15.5.2009, p.37.
(8)5 Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(9) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31.

Aġġornata l-aħħar: 21 t'April 2016Avviż legali