Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/0401(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0427/2012

Testi mressqa :

A7-0427/2012

Dibattiti :

PV 20/11/2013 - 12
CRE 20/11/2013 - 12

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 6.1
CRE 21/11/2013 - 6.1

Testi adottati :

P7_TA(2013)0499

Testi adottati
PDF 321kWORD 146k
Il-Ħamis, 21 ta' Novembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Orizzont 2020 - programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni (2014-2020) ***I
P7_TA(2013)0499A7-0427/2012
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014–2020) (COM(2011)0809 – C7-0466/2011 – 2011/0401(COD)) (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0809),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 173(3) u 182(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0466/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012(1) ,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Lulju 2012(2) ,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tat-12 ta’ Settembru 2013 li l-pożizzjoni tal-Parlament tiġi approvata, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal- Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għas-Sajd, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0427/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111.
(2) ĠU C 277, 13.9.2012, p. 143.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE
P7_TC1-COD(2011)0401
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1291/2013.)


ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 19

Għall-Programm ta' Qafas Orizzont 2010, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissokta bl-istess qafas etiku tas-Seba' Programm Qafas biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-UE għar-riċerka fuq ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-issuktar ta' dan il-qafas ta' etika minħabba li dan żviluppa, abbażi tal-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih riċerkaturi jipparteċipaw minn bosta pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

(1)  Id-deċiżjoni dwar il-Programm ta' Qafas Orizzont 2010 espliċitament teskludi tliet oqsma tar-riċerka mill-finanzjament Komunitarju:

–  attivitajiet ta' riċerka li jimmiraw għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni;

–  attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji;

–  attivitajiet tar-riċerka intenzjonati li joħolqu embrijuni umani biss għall-iskop ta’ riċerka jew għall-iskop ta’ akkwist taċ-ċelloli staminali, inkluż b’mezzi ta’ trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi.

(2)  L-ebda attività pprojbita fl-Istati Membri kollha m'hi ser tiġi ffinanzjata. Fejn attività tkun ipprojbita fi Stat Membru, din mhix ser tiġi ffinanzjata f'dak l-Istat Membru.

(3)  Id-deċiżjoni dwar il-Programm ta' Qafas Orizzont 2010 u d-dispożizzjoniiet għall-qafas ta' etika li jirregola l-finanzjament Komunitarju tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem bl-ebda mod ma tinvolvi ġudizzju ta' valur dwar il-qafas regolatorju jew etiku li jirregola din ir-riċerka fl-Istati Membri.

(4)  Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti, hija ma tissolleċitax b'mod espliċitu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem. L-użu possibbli ta' ċelloli staminali tal-bniedem, sew jekk ikunu dderivati minn adulti jew minn embrijoni, jiddependi mill-ġudizzju tax-xjenzati, fid-dawl tal-objettivi li jkunu jridu jilħqu. Fil-prattika, il-parti l-kbira nett tal-fondi Komunitarji għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tmur għall-użu ta' ċelloli staminali adulti. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan għandu jinbidel sostanzjalment fil-Programm ta' Qafas Orizzont 2010.

(5)  Kull proġett li jipproponi li juża ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem għandu jgħaddi b'suċċess minn evalwazzjoni xjentifika li matulha esperti xjentifiċi indipendenti jivvalutaw il-ħtieġa li jintużaw tali ċelloli staminali biex jintlaħqu l-objettivi xjentifiċi.

(6)  Il-proposti li jgħaddu b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika mbagħad ikunu soġġetti għal reviżjoni etika stretta organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F'din ir-reviżjoni etika, jitqiesu l-prinċipji riflessi fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, iffirmata f'Oviedo fl-4 ta' April 1997, u l-protokolli addizzjonali tagħha, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO. Ir-reviżjoni etika sservi wkoll biex tassigura li l-proposti jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiżi fejn tkun ser titwettaq ir-riċerka.

(7)  F'każijiet partikolari, jista' jitwettaq kontroll etiku matul il-perjodu tal-proġett.

(8)  Qabel ma jibda, kull proġett li jipproponi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem għandu jikseb l-approvazzjoni tal-kumitat tal-etika nazzjonali jew lokali rilevanti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha għandhom jiġu osservati, inkluż f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-kunsens tal-ġenituri, l-assenza ta' tħajjir finanzjarju, eċċ. Ser isiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta' liċenzjar u kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ser titwettaq ir-riċerka.

(9)  Proposta li tgħaddi b'suċċess l-evalwazzjoni xjentifika, ir-reviżjonijiet etiċi nazzjonali jew lokali u r-reviżjoni etika Ewropea, tiġi ppreżentata għall-approvazzjoni, fuq bażi ta' każ b'każ, lill-Istati Membri, mlaqqgħin bħala kumitat skont il-proċedura ta' eżami. L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem u li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri m'hu ser jiġi ffinanzjat.

(10)  Il-Kummissjoni Ewropea ser tkompli taħdem biex ir-riżultati tar-riċerka dwar ċelloli staminali, li tkun ġiet iffinanzjata mill-Komunità, ikunu ġeneralment aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha, għall-benefiċċju aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea ser tappoġġa azzjonijiet u inizjattivi li jikkontribwixxu għal koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, f'approċċ etiku responsabbli, tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa reġistru Ewropew ta' linji ta' ċelloli staminali tal-embrijoni tal-biedem. Appoġġ għal tali reġistru ser jippermetti monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti tal-embrijoni tal-bniedem fl-Ewropa, ser jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-użu tagħhom mix-xjenzjati u jista' jgħin biex jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ġodda ta' ċelloli staminali.

(12)  Il-Kummissjoni Ewropea ser tissokta l-prattika attwali u mhix ser tressaq quddiem il-kumitat, skont il-proċedura ta' eżami, proposti għal proġetti li jinkludu attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu l-embrijoni tal-bniedem, inklużi dawk għall-ksib ta' ċelloli staminali. L-esklużjoni mill-finanzjament ta' dan il-pass ta' riċerka mhux ser jimpedixxi l-finanzjament Komunitarju ta' passi sussegwenti li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijoni tal-bniedem.

Dikjarazzjoni dwar l-Enerġija

Il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol essenzjali fil-ġejjieni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-istadju tal-użu finali u tal-enerġija li tiġġedded, l-importanza ta' grids u ħżin itjeb fil-massimizzazzjoni tal-potenzjal tagħhom, u l-ħtieġa ta' miżuri għall-adozzjoni mis-suq, sabiex tinbena l-kapaċità, titjieb il-governanza u jingħelbu l-ostakoli tas-suq sabiex ikunu jistgħu jintużaw soluzzjonijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija li tiġġedded.

Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tiżgura li tal-inqas 85 % tal-baġit għall-isfida enerġetika tal-Orizzont 2020 jintefaq fl-oqsma tal-fjuwils mhux fossili, u li minnhom tal-anqas 15 % tal-baġit globali għall-isfida enerġetika jintefaq għal attivitajiet tal-adozzjoni mis-suq ta' teknoloġiji eżistenti tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa III. Dan il-Programm se jiġi implimentat permezz ta' struttura speċifika ta' ġestjoni u se jinkludi wkoll appoġġ għall-implimentazzjoni sostenibbli tal-politika dwar l-enerġija, il-bini tal-kapaċità u l-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-investiment, kif twettaq sal-lum.

Il-bqija se jkun iddedikat għal teknoloġiji bbażati fuq il-fossili u għall-għażliet għall-iżvilupp, li huma kkunsidrati essenzjali biex tintlaħaq il-viżjoni għall-2050 u biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni f'sistema ta' enerġija sostenibbli.

Il-progress lejn l-ilħuq ta' dawn l-objettivi se jkun moniterjat u l-Kummissjoni se tirrapporta b'mod regolari dwar il-progress miksub.

Dikjarazzjoni dwar it-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni

Il-Kummissjoni hija impenjata li twaqqaf u timplimenta l-miżuri biex tagħlaq id-distakk tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa taħt l-intestatura ġdida " It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni". Il-livell ta' finanzjament previst għal dawn il-miżuri mhuwiex se jkun anqas mill-ammont minfuq fis-Seba' Programm ta' Qafas dwar l-azzjonijiet li jindirizzaw it-"twessigħ tal-parteċipazzjoni".

L-attivitajiet ġodda ta' COST meħuda fil-kuntest tat-"twessigħ tal-parteċipazzjoni" għandhom jiġu appoġġjati mill-baġit allokat għat-"tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni". L-attivitajiet tal-COST li ma jaqgħux taħtu, u li għandhom ikunu ta' ordni ta' kobor ugwali f'termini ta' baġit, għandhom jiġu appoġġjati mill-baġit allokat għal '6. L-Ewropa f’Dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi'.

Il-parti l-kbira tal-attivitajiet relatati mal-Faċilità ta' Sostenn għall-Politika u man-netwerks transnazzjonali tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu appoġġjati wkoll mill-baġit allokat għal '6. L-Ewropa f’Dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi'.

Dikjarazzjoni dwar it-Tikketta ta' Eċċellenza

L-interventi fil-livell tal-Unjoni jippermettu li l-kompetizzjoni mifruxa mal-UE kollha tagħżel l-aħjar proposti, biex b’hekk jogħlew il-livelli ta’ eċċellenza u tingħata viżibilità lir-riċerka u l-innovazzjoni ewlenin.

Il-Kummissjoni tqis li l-proposti kkunsidrati pożittivi, kemm dawk tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie, l-azzjonijiet għall-ħolqien ta' timijiet, l-istrument tal-SMEs tat-2 fażi jew il-proposti ta' proġetti ta' kollaborazzjoni li ma setgħux jiġu ffinanzjati għal raġunijiet baġitarji, xorta waħda ssodisfaw il-kriterju ta' eċċellenza tal-Orizzont 2020.

Hekk kif il-parteċipanti jiġu approvati, din l-informazzjoni tista' tinqasam mal-awtoritajiet responsabbli.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tilqa' kull inizjattiva biex dawn il-proġetti jiġu ffinanzjati permezz ta' sorsi nazzjonali, reġjonali jew privati. F'dan il-kuntest, il-politika ta' koeżjoni għandha wkoll rwol ewlieni permezz tal-bini tal-kapaċità.

Dikjarazzjoni dwar l-Istrument tal-SMEs

L-appoġġ għall-SMEs fl-Orizzont 2020 huwa ta' importanza kbira u jirrappreżenta parti prominenti biex jintlaħaq l-għan tal-Programm li jrawwem l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm viżibilità kbira għall-appoġġ għall-SMEs fl-Orizzont 2020, b'mod partikolari permezz tal-istrument tal-SMEs fil-programmi ta' ħidma, fil-linji gwida u fl-attivitajiet ta' komunikazzjoni. Se jsiru l-isforzi kollha sabiex l-SMEs ikunu jistgħu b'mod faċli u sempliċi jidentifikaw u jużaw l-opportunitajiet ipprovduti lilhom fil-prijoritajiet "Sfidi tas-Soċjetà" u "LEITs".

L-istrument tal-SMEs se jiġi implimentat permezz ta' struttura unika ta' tmexxija ċentralizzata responsabbli għall-evalwazzjoni u l-ġestjoni tal-proġetti, inkluż l-użu ta' sistemi tal-IT u proċessi tan-negozju komuni.

L-istrument tal-SMEs għandu jattira l-proġetti ta' innovazzjoni l-aktar ambizzjużi tal-SMEs. Dan se jkun implimentat primarjament b'approċċ minn isfel ‘il fuq permezz ta' sejħa permanent miftuħa u mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-SMEs, kif stabbilit fl-objettiv speċifiku "innovazzjoni fl-SMEs" filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-LEITs u tal-"Isfidi tas-Soċjetà" u jitħalla li jkun hemm proposti trasversali bejn il-prijoritajiet "Sfidi" u LEITs, li jenfasizzaw l-approċċ minn isfel għal fuq. Din is-sejħa tista' tiġi riveduta/mġedda kull sentejn sabiex tittieħed kunsiderazzjoni tal-programmi strateġiċi biannwali. Fejn ikun xieraq, flimkien mas-sejħa deskritta hawn fuq, jistgħu jiġu organizzati sejħiet għal suġġetti speċifiċi ta' interess strateġiku. Dawn is-sejħiet se jużaw il-kunċetti u l-proċeduri tal-istrument tal-SMEs kif ukoll il-punt ta' dħul uniku għall-applikanti u s-servizzi ta' mentoring u ta' taħriġ.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6(5)

Bla ħsara għall-proċedura baġitarja annwali, hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li, fil-kuntest tad-djalogu strutturat mal-Parlament Ewropew, tressaq rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-analiżi tal-baġit stabbilit fl-Anness II tal-Orizzont 2020 skont il-prijoritajiet u l-għanijiet speċifiċi fi ħdan dawn il-prijoritajiet, inkluża kwalunkwe applikazzjoni tal-Artikolu 6(5).

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 12

Meta tintalab, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-programmi ta' ħidma adottati lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew."

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2016Avviż legali