Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0498/2013

Dibattiti :

PV 21/11/2013 - 15.2
CRE 21/11/2013 - 15.2

Votazzjonijiet :

PV 21/11/2013 - 16.2

Testi adottati :

P7_TA(2013)0517

Testi adottati
PDF 223kWORD 56k
Il-Ħamis, 21 ta' Novembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Qatar: is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti
P7_TA(2013)0517B7-0498, 0534, 0535 u 0536/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Qatar: is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti (2013/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa Konġunta tal-Kunsill u Ministerjali bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-UE li saret f'Manama, il-Baħrejn, fit-30 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-18 ta' Diċembru 1990,

–  wara li kkunsidra l-aħbar maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA) tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar l-għażla tal-Qatar bħala l-pajjiż fejn għandha ssir il-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-2022,

–  wara li kkunsidra r-ratifika mill-Qatar tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat jew Obbligatorju (C029) tat-12 ta' Marzu 1998;

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Ministeru tal-Qatar għaċ-Ċivil u d-Djar dwar l-applikazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol Nru 14/2004 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-ħruġ ta' liċenzji lil ċittadini tal-Qatar li jixtiequ jimpjegaw ħaddiema barranin, tat-22 ta' Awwissu 2005, u dwar il-Liġi tal-Qatar Nru 4 tal-2009 dwar l-Isponsorizzazzjoni;

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-missjoni ta' François Crépeau, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-10 ta' Novembru 2013;

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' Human Rights Watch u Amnesty International dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni fil-Qatar fiż-żmien qabel it-Tazza tad-Dinja u ż-żjara reċenti tas-Segretarju Ġenerali ta' Amnesty International fil-Qatar,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi huwa stmat li fil-Qatar hemm 1,35 miljun barrani, li jirrappreżentaw kważi 90 % tal-ħaddiema fil-pajjiż; billi l-migranti huma impjegati l-aktar fil-kostruzzjoni, fis-servizzi u fix-xogħol domestiku; billi dawn iċ-ċifri jagħmlu li l-Qatar għandu l-ogħla proporzjon fid-dinja ta' ħaddiema migranti għall-popolazzjoni nazzjonali; billi tal-anqas 500 000 ħaddiem migrant ieħor mistennija jmorru l-Qatar biex jaċċelleraw ix-xogħol ta' kostruzzjoni bi tħejjija għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-2022; billi l-maġġoranza tal-ħaddiema migranti huma mill-Indja u n-Nepal, iżda wkoll mill-Bangaladexx, il-Pakistan, il-Filippini u s-Sri Lanka;

B.  billi, skont il-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC), ċifri miksuba mill-Ambaxxati tal-Indja u tan-Nepal fil-Qatar juru li kull sena medja ta' 200 ħaddiem minn dawk il-pajjiżi jmutu fil-Qatar, sitwazzjoni li tista' tkompli sejra għall-agħar fiż-żmien qabel it-Tazza tad-Dinja tal-2022;

C.  billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) wissiet li l-Qatar għadu ma implimentax bis-sħiħ il-konvenzjoni internazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta' xogħol furzat jew obbligatorju, li l-pajjiż irratifika fl-1998; billi l-ILO waqqfet kumitat tripartitiku biex jirrevedi l-evidenza u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvern tal-Qatar dwar kif għandu jwettaq l-impenji internazzjonali tiegħu;

D.  billi l-President tal-Kumitat Nazzjonali tal-Qatar għad-Drittijiet tal-Bniedem ammetta li "kienu nqalgħu xi problemi" u wiegħed li huwa u l-gvern kienu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jirranġawhom; billi l-awtoritajiet tal-Qatar ħabbru li l-liġijiet tax-xogħol se jiġu emendati u li qed jibnu djar għall-ħaddiema;

E.  billi r-regoli dwar l-isponsorizzazzjoni tal-viżi, magħrufa bħala s-sistema tal-"kafala", ifissru li l-ħaddiema ma jistgħux jibdlu xogħolhom mingħajr il-permess ta' min iħaddimhom u ma jistgħux iħallu l-pajjiż dment li min iħaddimhom ma jkunx iffirmalhom il-permess ta' ħruġ; billi s-sistema tal-"kafala" spiss tiġi sfruttata, minħabba li min iħaddem spiss iżomm il-passaporti u l-pagi tal-ħaddiema, u billi l-ħaddiema jkollhom iħallsu sa USD 3 500 biex jiksbu viża mingħand il-'kafil', jew sponsor, b'tali mod li l-ħaddiema migranti jispiċċaw bi djun eċċessivament kbar;

F.  billi l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC) ressqet ilment lill-Ministeru tax-Xogħol tal-Qatar kontra għadd ta' kumpaniji Qatarin f'Marzu 2013; billi d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet tax-Xogħol tal-Ministeru tax-Xogħol tal-Qatar fl-2012 irċieva 6 000 ilment mingħand ħaddiema; billi l-ITUC u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tal-Kostruzzjoni u l-Injam (Building and Wood Workers' International, BWI) ikkundannaw din is-sitwazzjoni, u ressqu lmenti konġunti lill-ILO dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-libertà ta' assoċjazzjoni fil-Qatar;

1.  Iqis deplorevoli l-imwiet ta' ħaddiema migranti fil-Qatar u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom;

2.  Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti fil-Qatar, inklużi sigħat twal ta' xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi, xogħol li jibqa' xhur sħaħ mhux imħallas, il-konfiska tal-passaporti ta' tali ħaddiema, kif ukoll il-fatt li dawn jiġu sfurzati jgħixu f'kampijiet iffullati, ma jingħatawx id-dritt li jiffurmaw unions u m'għandhomx aċċess għal ilma tax-xorb bla ħlas minkejja sħana estrema;

3.  Jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw l-awtoritajiet Qatarin biex jiġġestixxu l-forza tax-xogħol nazzjonali, li kważi 90 % tagħha huma ħaddiema migranti, kif ukoll l-isfidi prattiċi relatati mal-infurzar tal-liġi f'dan ir-rigward;

4.  Jilqa' l-aħbar maħruġa mill-gvern Qatari li se jħejji lista sewda ta' kumpaniji li jabbużaw mill-ħaddiema migranti; jilqa' l-isforzi magħmula mill-gvern u, b'mod partikolari, mill-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (KNDB) tal-Qatar sabiex jissensibilizzaw il-ħaddiema migranti dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom skont id-dritt internazzjonali; ifaħħar, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-KNDB li jwaqqaf ċentru ġdid maħsub biex jindirizza u jsolvi l-ilmenti tal-ħaddiema migranti;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Qatarin jimplimentaw b'mod effikaċi l-leġiżlazzjoni eżistenti f'dan il-qasam, inkluż billi jinfurzaw il-projbizzjoni dwar il-konfiska tal-passaporti, billi jieħdu passi legali kontra l-vjolazzjonijiet u billi jimponu sanzjonijiet sinifikanti fuq kumpaniji u individwi li jiksru l-liġijiet maħsuba biex jipproteġu d-drittijiet tal-migranti; jilqa' l-impenn tal-awtoritajiet Qatarin biex jadottaw leġiżlazzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi li tinkludi l-protezzjoni sinifikanti tad-drittijiet tax-xogħol u mekkaniżmi ta' konformità effikaċi; jappella, f'dan ir-rigward, sabiex jiġi adottat malajr l-abbozz ta' liġi dwar il-ħaddiema domestiċi li bħalissa qed jiġi diskuss mill-Kunsill Suprem tal-Affarijiet tal-Familja; jinnota li l-maġġoranza tal-ħaddiema domestiċi huma nisa;

6.  Jilqa' l-proposta mill-awtoritajiet governattivi rilevanti li jwettqu investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet kollha u l-wegħda tal-awtoritajiet Qatarin li jżidu n-numru ta' spetturi tax-xogħol inkarigati mill-monitoraġġ tal-infurzar ta' liġijiet tax-xogħol xierqa; jistenna li l-ispetturi tax-xogħol jirċievu taħriġ dwar l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u jittama li huma u jwettqu xogħolhom se jkollhom l-appoġġ ta' interpreti;

7.  Huwa mħasseb dwar il-qagħda ta' individwi li jinsabu detenuti biss minħabba li “ħarbu” minn min iħaddimhom u jistieden lill-awtoritajiet Qatarin iwaqqfu tali prattiki; iħeġġeġ ukoll sabiex il-migranti kollha mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom mezz biex jikkuntattjaw lill-familji u s-servizzi konsulari tagħhom, ikollhom aċċess għal avukat u interpretu u jkollhom id-dritt li jirribattu d-detenzjoni tagħhom minnufih;

8.  Jilqa' l-progress li ġie rrappurtat fit-triq lejn is-sejbien ta' soluzzjoni għall-problemi li qed jiffaċċjaw il-plejers tal-futbol Franċiżi Zahir Belounis u Stéphane Morello, li waqgħu fl-ambitu tas-sistema ta' sponsorizzazzjoni u b'hekk ma tħallexw jitilqu mill-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet Qatarin u lill-FIFA biex jiżguraw li tali każijiet ma jerġgħux iseħħu;

9.  Jistieden lill-Qatar jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

10.  Jistieden lill-Qatar biex jirratifika l-konvenzjonijiet tal-ILO, inklużi dawk dwar il-ħaddiema migranti, il-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt ta' organizzazzjoni u ta' negozjar kollettiv, il-ħaddiema domestiċi u l-aġenziji privati tal-impjiegi, u biex jikkunsidra li jitlob assistenza teknika mingħand l-ILO sabiex jiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-prattika Qatarin huma konformi ma' dawn il-konvenzjonijiet;

11.  Jappella sabiex jitwaqqfu iżjed rifuġji għall-ħaddiema migranti, b'enfasi speċjali fuq rifuġji għan-nisa u t-tfal li jkunu adattati għal ħtiġijiethom; jilqa' l-aħbar maħruġa fid-9 ta' Novembru 2013 rigward il-kostruzzjoni ta' djar għal 60 000 ħaddiem, li għandhom jiftħu f'Diċembru 2013;

12.  Itenni li r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom min-naħa ta' dawk l-istati li huma membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), inkluż il-Qatar, għandhom ikunu kwistjoni ewlenija fir-relazzjonijiet UE-GCC;

13.  Jappella għar-responsabbiltà tal-korporazzjonijiet Ewropej li qed jibnu stadiums jew proġetti infrastrutturali oħra fil-Qatar sabiex jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-kumpaniji tal-inġinerija, tal-kostruzzjoni u tal-konsulenza tagħhom jikkonformaw mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u mal-prinċipji ta' Ruggie;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet Qatarin jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi ta' oriġini tal-ħaddiema migranti, li għandhom iwettqu l-monitioraġġ tar-rwol tal-aġenziji ta' reklutaġġ li jipprovdu l-ħaddiema migranti lill-Qatar; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jappoġġa l-gvernijiet tal-pajjiżi ta' oriġini, b'mod partikolari fl-Asja, sabiex joffru trattament aħjar lill-ħaddiema migranti;

15.  Jilqa' t-talba tal-union internazzjonali tal-plejers tal-futbol, il-FIFPro, li esperti indipenenti fuq il-post tax-xogħol, maħtura mill-FIFA u mill-ILO, jingħataw aċċess għas-siti kollha u s-setgħa li jfasslu rakkomandazzjonijiet vinkolanti sabiex jiżguraw li l-istandards internazzjonali tax-xogħol jiġu rispettati fil-Qatar;

16.  Ifakkar lill-FIFA li r-responsabbiltà tagħha tmur lil hinn mill-iżvilupp tal-futbol u l-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet u jistedinha biex, bl-appoġġ attiv tal-membri Ewropej tagħha, tibgħat messaġġ ċar u qawwi lill-Qatar sabiex it-tħejjijiet għat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-2022 ma jitħallewx jittiefsu minn allegazzjonijiet ta' xogħol furzat;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tal-Istat tal-Qatar, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA), l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Ewropew (UEFA), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1) ĠU C 274 E, 17.8.2012, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2016Avviż legali