Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2092(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0338/2013

Testi mressqa :

A7-0338/2013

Dibattiti :

PV 09/12/2013 - 26
CRE 09/12/2013 - 26

Votazzjonijiet :

PV 10/12/2013 - 7.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0534

Testi adottati
PDF 348kWORD 89k
It-Tlieta, 10 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE
P7_TA(2013)0534A7-0338/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE - Ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali (2013/2092(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra t-titolu XIX, l-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirrigwarda l-politika tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-politika spazjali u b'referenza partikolari għat-tħejjija ta' politika spazjali Ewropea sabiex jitħeġġu l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki spazjali tal-Unjoni,

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-28 ta' Frar 2013 intitolata ‘Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE’ (COM(2013)0108),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-28 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu ‘Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali’ (COM(2010)0614),

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bl-isem ‘Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku’ (COM(2012)0582),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 bl-isem ‘Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini’ (COM(2011)0152),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2012 ‘li tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa bejn l-UE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea’ (COM(2012)0671),

—  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2004/578/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju(1),

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2010, tal-31 ta' Mejju 2011, tat-2 ta’ Diċembru 2011 kif ukoll tat-30 ta' Mejju 2013,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2012 dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0338/2013),

A.  billi l-Artikolu 189 tat-TFUE jagħti lill-Unjoni Ewropea rwol espliċitu fit-tħejjija ta' politika spazjali sabiex jitħeġġu l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politika tagħha biex tiġi żviluppata politika spazjali;

B.  billi minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni minn nazzjonijiet emerġenti ġodda bħaċ-Ċina u l-Indja, involuti fl-ispazju, il-piżijiet politiċi tal-Istati Membri tal-UE f'termini nazzjonali m’għadhomx biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi li għadna rridu naffaċċjaw f’dan is-settur;

C.  billi l-politika spazjali hija element ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

D.  billi diversi servizzi li ċ-ċittadini jużaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom jiddependu b’mod dirett jew indirett mis-settur spazjali, bħal pereżempju t-televiżjoni, l-internet b’veloċità għolja, is-sistemi ta’ navigazzjoni jew is-sistema awtomatika ta’ sejħiet għall-emerġenza fl-Ewropa kollha eCall;

E.  billi l-industrija spazjali Ewropea tiġġenera ċifra ta' negozju konsolidata ta' 6.5 biljun EUR u timpjega iktar min 34 500 persuna bi kwalifiki għolja; billi f’perjodu ta’ diffikultajiet ekonomiċi, l-importanza tas-settur spazjali bħala settur b’potenzjal għoli ta’ tkabbir u innovazzjoni, ħallieqa ta’ xogħol b’valur miżjud għoli għandu jiġi enfasizzat aħjar;

F.  billi fil-preżent m’hemmx biżżejjed koordinazzjoni tal-miżuri fis-settur tal-politika spazjali fost l-UE, l-Istati Membri u l-ESA u għalhekk dan wassal għal irdoppjar ta’ strutturi u għall-fatt li ma jkunux jistgħu jintużaw effetti sinerġetiċi; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ governanza spazjali ċar jippermetti kisbiet enormi fl-effiċjenza;

G.  billi l-ESA, bħala organizzazzjoni intergovernattiva, m’għandha l-ebda relazzjoni formali mal-Parlament Ewropew u b’hekk hi nieqsa mir-rispons dirett miċ-ċittadini, li mill-bqija teżisti fis-setturi politiċi tal-Unjoni kollha;

H.  billi l-industrija spazjali tirrigwarda industrija li teħtieġ ħafna investimenti b’ċikli ta’ żvilupp twal aktar mis-soltu u għalhekk is-sikurezza fil-livell tal-ippjanar għandha rwol deċiżiv fiha; billi l-viżibilità pprovduta minn dan se tkun ta' benefiċċju kbir għall-eżistenza ta' qafas regolatorju stabbli u qafas ta' governanza ċara;

I.  billi t-tħaddim ta’ sistema Ewropea tal-illanċjar jista’ jservi biex jiżgura aċċess indipendenti għall-ispazju;

J.  billi l-UE bħalissa hija dipendenti fuq GNSS militari mhux Ewropea, u l-programm Galileo kien maħsub u żviluppat u se jibqa' taħt kontroll ċivili;

K.  billi l-bejgħ kummerċjali għandu rwol aktar importanti għall-industrija spazjali Ewropea milli għall-kompetituri internazzjonali prinċipali tagħha;

L.  billi s-servizzi bl-appoġġ tas-satelliti għandhom rwol sinifikanti fil-provvista ta’ informazzjoni għas-setturi li qegħdin jikbru tas-soċjetà diġitali u jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali tal-UE;

M.  billi skont l-istimi tal-esperti, f’għaxar snin is-suq għal servizzi ta’ monitoraġġ tan-navigazzjoni bis-satellita u l-monitoraġġ tad-dinja jista’ jilħaq ammont ta’ 300 biljun dollaru Amerikan u fil-preżent fl-Istati Membri tal-Punent tal-UE, 6-7 % tal-PDG diġà jiddependi min-navigazzjoni bis-satelliti;

N.  billi minħabba d-domanda għas-servizzi tal-komunikazzjoni mingħajr fili u l-karatteristiċi fiżiċi tal-propagazzjoni tal-mewġ u l-limitu ta’ frekwenzi tar-radju marbut magħhom, il-koordinazzjoni internazzjonali tal-użu tal-ispettru dejjem qed issir aktar importanti;

Politika spazjali b'direzzjoni Ewropea

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Industrijali Spazjali tal-UE; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq il-ftit miżuri tal-politika spazjali kif imsemmija f'din il-komunikazzjoni sabiex tikseb żvilupp attwali tal-potenzjal ta’ tkabbir fis-settur spazjali;

2.  Jenfasizza li l-atturi kollha involuti fil-governanza tal-politiki spazjali tal-UE futuri, inklużi l-Kummissjoni, l-Aġenzija GNSS Ewropea, l-ESA, l-aġenziji nazzjonali u l-aġenziji speċjalizzati bħall-EUMETSAT, għandhom ikunu interkonnessi u għandhom joperaw fuq bażi ta' perjodu twil;

3.  Jikkunsidra li l-Aġenziji Nazzjoni jistgħu joħorġu bi proposti konkreti f’din id-direzzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissemplifika l-input li ġej mill-Istati Membri u tiddefinixxi viżjoni tal-UE;

4.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha, kemm jista’ jkun malajr, tagħtina pjan direzzjonali ċar għall-programm GMES/Copernicus u għall-iżvilupp u l-użu tad-diversi Satelliti Sentinel, kif ukoll il-qafas legali u operazzjonali propost għal din is-sistema kumplessa;

5.  Jappoġġa l-Kummissjoni fil-pjanijiet tagħha li tieħu passi lejn it-twaqqif ta’ qafas regolatorju koerenti spazjali tal-UE; jirrakkomanda t-twaqqif ta’ suq komuni ġenwin tal-UE għall-prodotti spazjali u servizzi abbażi tal-ispazju; jikkunsidra importanti li l-politika għandha tiġi formulata u żviluppata mingħajr ma l-implimentazzjoni tagħha taffettwa ħażin jew toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet kummerċjali tas-suq; josserva li kemm in-newtralità kompetittiva, kif ukoll it-trasparenza huma pilastri importanti tal-iżvilupp tal-politika spazjali Ewropea;

6.  Jinnota li s’issa il-Kummissjoni għad m’għandhiex approċċ orizzontali bil-għan li tintegra l-politika spazjali u l-objettivi tagħha fid-diversi oqsma politiċi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dan fil-futur billi tikkunsidra l-politika spazjali f'oqsma bħat-telekomunikazzjoni, it-trasport, l-ambjent, l-agrikoltura, is-sikurezza jew il-kultura;

7.  Jilqa’ l-istqarrija tal-Kummissjoni li t-telekomunikazzjoni, in-navigazzjoni u l-osservazzjoni tad-dinja bbażati fuq l-ispazju jipprovdu lill-UE bl-għarfien strateġikament importanti insostenn tar-relazzjonijiet esterni tagħha fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-oqsma li ġejjin: kwistjonijiet istituzzjonali; Galileo u Copernicus; l-industrija spazjali bħala ġeneratur ta' tkabbir u impjieg; il-valutazzjoni tal-impatt ta' attivitajiet relatati mal-ispazju; l-aċċess indipendenti għall-ispazju; ir-rwol tal-R&D; il-komunikazzjoni bis-satellita; sorveljanza u intraċċar tal-ispazju; u residwu spazjali;

9.  Jappoġġa l-punt mressaq mill-Kummissjoni li ħafna komponenti tas-sistemi spazjali huma ta’ użu doppju jew ta’ natura militari u għaldaqstant huma suġġetti għad-Direttiva 2009/43/KE tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(3), kif emendata bid-Direttiva 2012/47/UE tal-14 ta’ Diċembru 2012 fir-rigward tal-lista ta’ prodotti marbuta mad-difiża, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju(4) jew il-Pożizzjoni Komuni dwar l-esportazzjonijiet tal-armi; jilqa’ l-proposta li saret fil-komunikazzjoni biex jiġi ppreżentat rapport formali lill-Parlament dwar is-sistema ta’ użu doppju tal-kontroll tal-esportazzjoni qabel tmiem l-2013; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) jiċċaraw liema qafas regolatorju għandu japplika għal kull kategorija ta’ oġġetti u teknoloġija;

Kwistjonijiet istituzzjonali

10.  Jirrikonoxxi s-suċċessi li kisbet l-ESA għall-Ewropa fil-qasam tal-missjonijiet spazjali fid-deċennji riċenti, u jinkoraġġixxi Stati Membri li mhumiex fl-ESA biex jikkunsidraw l-adeżjoni u żieda fil-kooperazzjoni; jinnota, madankollu, li fuq medda twila ta' żmien, il-modi għall-akkwist ta' aktar effiċjenza operazzjonali u koordinazzjoni politika u responsabbiltà jistgħu jinkisbu billi jqarrbu flimkien l-ESA u l-UE fil-kooperazzjoni tagħhom, fost l-oħrajn biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' attivitajiet u trikkib; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga fid-dettall jekk fil-futur l-ESA tistax, pereżempju, tiġi marbuta mal-istrutturi ta’ governanza tal-Unjoni bħala organizzazzjoni interstatali, sakemm ma jqisx li jkun xieraq li l-ESA tkun ittrasformata f’aġenzija Ewropea;

11.  Jippreferi jekk sadanittant l-UE taħdem aktar mill-qrib mal-ESA fil-koordinazzjoni tal-politika spazjali u l-programmi spazjali tal-Istati Membri biex takkwista approċċ Ewropew ġenwin, filwaqt li tiżgura li jiġu rispettati l-interessi tal-ESA u tal-Istati Membri tagħha; jistabbilixxi li huwa biss permezz ta’ approċċ Ewropew li l-industrija spazjali tkun tista’ tingħata l-opportunità li ssir u tibqa’ kompettiva;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ESA jwaqqfu tip ta’ grupp ta’ koordinazzjoni fejn il-Membri tiegħu jikkoordinaw flimkien l-istrateġiji u l-miżuri fil-qasam tal-ispazju sabiex ikunu evitati strutturi doppji u biex jiġi żviluppat approċċ komuni għall-kwistjonijiet u l-fora internazzjonali;

13.  Jinnota li kwalunkwe żieda fl-użu tal-assi spazjali mill-militar jeħtieġ li ma jnaqqasx jew ma jillimitax l-użu ċivili u l-applikazzjonijiet ċivili futuri possibbli; jistieden lill-Istati Membri u l-VP/RGħ sabiex jagħtu bidu għar-reviżjoni tat-Trattat dwar l-Ispazju Extratmosferiku tal-1967, li llum hu meqjus barra minn żmienu, jew biex joħolqu qafas regolatorju ġdid li jikkunsidra l-progress teknoloġiku li sar mis-sittinijiet;

Galileo u Copernicus (GMES)

14.  Jenfasizza li t-tlestija ta’ Galileo u u t-tkomplija ta’ Copernicus bħala punti ewlenin tal-politika spazjali Ewropea għandu jkollhom l-akbar prijorità sabiex l-ewwel servizzi ta’ Galileo ikunu jistgħu jinfetħu għall-pubbliku fl-2014;

15.  Jenfasizza l-fatt li l-EGNOS huwa l-ewwel programm GNSS operazzjonali Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu u jimplimentaw l-użu tal-EGNOS f’diversi żoni, bħat-trasport;

16.  Jiddispjaċih li fil-passat kien hemm dewmien fl-iżvilupp tal-programm Ewropew ta’ navigazzjoni bis-satelliti Galileo; jilqa’ l-fatt li sadanittant ġew illanċjati erba’ satelliti fl-orbitu ta’ madwar id-dinja; jenfasizza li l-vantaġġi u l-użi ta’ Galileo b’mod partikolari u ta’ industrija spazjali Ewropea b’mod ġenerali għandhom jiġu kkomunikati lis-soċjetà b’mod aktar effettiv u jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq avveniment pubbliku effettiv għall-illanċjar futur tas-satelliti Galileo fl-ibliet kapitali tal-UE biex jikkompetu għal Galileo u l-applikazzjonijiet potenzjali tagħha;

17.  Jenfasizza li l-UE għandha bżonn tinforma lin-nies, tiġbed inġiniera futuri, ixxerred l-informazzjoni dwar in-navigazzjoni bis-satellita tal-UE u tipproponi ġabra ta’ inċentivi għall-utenti kollha sabiex jintużaw it-teknoloġiji permessi ta’ Galileo u Egnos;

18.  Huwa konvint dwar il-fatt li l-iskop ta' Kapaċità Operattiva Sħiħa (Full Operating Capacity, FOC), ibbażata fuq kostellazzjoni ta' 27 satellita flimkien ma' numru adegwat ta' satelliti sper u infrastruttura tajba hija prerekwiżit sabiex jinkiseb il-valur miżjud ta' Galileo speċjalment f'termini ta' awtentikazzjoni, preċiżjoni kbira u servizz mhux interrott u għalhekk sabiex jinkisbu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali;

19.  Jiddispjaċih li mhux l-UE kollha hija preżentement koperta mis-sistema EGNOS u jitlob li dik is-sistema tiġi estiża lejn in-Nofsinhar, il-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa, b’hekk ikun permess l-użu tagħha fl-Ewropa kollha;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Parlament dwar il-pjanijiet li jirrikorru għall-programm Copernicus u għas-servizz pubbliku regolat tal-programm Galileo insostenn tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

L-industrija spazjali bħala mutur ta’ tkabbir u strument għall-impjiegi

21.  Jinnota li l-SMEs (mhux biss l-SMEs, iżda madankollu l-SMEs b'mod partikolari) jeħtieġu tip ta’ finanzjament li jagħti appoġġ min-naħa tas-settur pubbliku sabiex ikollhom biżżejjed mezzi finanzjarji għal investimenti fit-tul fir-riċerka u l-iżvilupp; huwa konvint dwar il-fatt li permezz ta’ finanzjament pubbliku u d-disponibbiltà ta’ pubbliċi għal prodotti u servizzi tal-industrija spazjali jistgħu jiġu stimulati l-innovazzjoni u b’hekk jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol;

22.  Itenni li l-UE m’għandiex titlef l-opportunità li tiżviluppa suq downstream tan-navigazzjoni bis-satellita u jenfasizza l-importanza ta’ pjan ta’ azzjoni għall-Aġenzija GNSS Ewropea sabiex tespandi s-suq GNSS, li ser ikun kruċjali għall-futur tal-ekonomija tal UE;

23.  Ifakkar li applikazzjonijiet ġodda ta' navigazzjoni bis-satellita jistgħu jżidu s-sikurezza, l-effiċjenza u d-disponibbiltà ta' attivitajiet mis-setturi tal-avjazzjoni, marittimi, tat-toroq u agikoli, is-sikurezza fit-toroq, il-ġbir ta' ħlasijiet, il-ġestjoni tat-traffiku u l-ipparkjar, il-ġestjoni ta' flotot, sejħiet ta' emerġenza, l-insegwiment u l-intraċċar tal-oġġetti, il-prenotazzjonijiet, is-sikurezza tat-toroq, is-sikurezza tat-trasport marittimu, it-takografi diġitali, it-trasport tal-annimali u l-art sostenibbli;

24.  Jinnota l-fatt imsemmi fil-komunikazzjoni li 60 % tal-elettroniċi abbord is-satelliti Ewropej huma attwalment importati mill-Istati Uniti; jappella għal inizjattiva dwar kif tista’ tiġi mħarsa dejta sensittiva jew personali f’dan il-kuntest u biex jintuża l-proċess attwali tal-akkwist pubbliku sabiex ikun żgurat kull fejn ikun possibbli li x-xiri tal-infrastruttura spazjali mill-Istati Membri jintuża bħala xprun ulterjuri għat-tkabbir fis-settur;

25.  Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni, l-ESA, l-EDA u l-Istati Membri jidentifikaw teknoloġiji kritiċi fil-kuntest tal-proċess konġunt għan-nondipendenza tal-Ewropa u jiżviluppaw alternattivi li huma inqas dipendenti fuq pajjiżi terzi; ifakkar fir-riskju li l-Istati Uniti jistgħu, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, jagħlqu jew ixekklu l-infrastruttura spazjali Ewropea;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-industrija Ewropea, jiġu żviluppati komponenti għall-ispazju fuq livell Ewropew li b’hekk iwasslu għal tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn terzi pajjiżi;

27.  Jinnota li l-impriżi li ma jagħmlux parti mill-industrija tal-ispazju jistgħu jibbenefikaw minn prodotti li jirriżultaw mir-riċerka spazjali; jitlob, għalhekk, lill-partijiet kollha kkonċernati jiżviluppaw skambji bejn atturi interni u esterni tal-industrija spazjali u jaħdmu fi sħubija għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jwasslu għal innovazzjonijiet għall-benefiċċju tas-soċjetà; jenfasizza l-interess għal komunikazzjoni aħjar dwar il-benefiċċji konkreti li ġġib l-industrija spazjali tal-lum għall-Ewropej;

28.  Jenfasizza li s-servizzi abbażi tal-ispazju u l-industriji robotiċi huma teknoloġiji li joffru bosta opportunitajiet fis-suq, l-aktar għall-SMEs;

29.  Jenfasizza li s-sistemi robotiċi awtonomi u inteliġenti huma teknoloġiji ewlenin sabiex l-ispazju jkompli jiġi esplorat; ifakkar, f’dan il-kuntest, l-użu effiċjenti ta’ finanzjament Ewropew ta’ Orizzont 2020, partikolarment għal operazzjonijiet qrib is-suq;

30.  Jenfasizza li huwa importanti ħafna li jkun hemm numru adegwat ta' impjegati kkwalifikati għal industrija spazjali Ewropea kompetittiva; jitlob, għalhekk, lill-partijiet kollha kkonċernati jżidu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija biex jinkoraġġixxu talent żagħżugħ, partikolarment talent femminili, jikkommetti ruħu f'dan is-settur (e.ż. billi jistabbilixxu programmi nazzjonali ta' persuni ggradwati u skemi ta' taħriġ, kif ukoll kompetizzjonijiet għal riċerkaturi Ewropej u non-Ewropej); jinnota wkoll li l-akkwist ta’ talenti minn pajjiżi terżi (inkluż billi jiġbed lura talent Ewropew) huwa indispensabbli;

Aċċess għall-ispazju

31.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-ispazju għall-Istati Membri kollha u tal-bejgħ kummerċjali għall-industrija spazjali Ewopea; jindika, fl-istess ħin, li l-aċċess għas-swieq istituzzjonali f’pajjiżi terzi jibqa’ jkun parzjalment magħluq għall-ekonomija Ewropea; jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet inizjali ugwali għall-industrija Ewropea fil-livell internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tippromwovi r-reċiproċità u tiżgura opportunitajiet ugwali u kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti fl-ambitu tal-ftehimiet kummerċjali (e.ż. TTIP);

32.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u tal-ġestjoni ta’ lanċaturi Ewropej għal aċċess indipendenti għall-ispazju; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex f’kooperazzjoni mal-ESA, jippruvaw li tinżamm u tkun żviluppata sistema ta’ lanċaturi Ewropej, kif ukoll servizz ta’ llanċjar fuq perjodu ta' żmien twil;

33.  Huwa tal-fehma li l-industrija spazjali għandha tirrikorri għall-infrastruttura spazjali Ewropea li diġà teżisti li ġiet iffinanzjata parzjalment minn fondi pubbliċi Ewropej;

Ir-rwol tar-riċerka u l-iżvilupp

34.  Jilqa’, addizzjonalment, il-fatt li anki fl-ambit u tal-Programm Qafas għar-Riċerka Orizzont 2020, għandhom jiġu investiti EUR 1.5 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ispazju; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, tiddedika parti mill-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tal-komunikazzjoni bis-satellita;

35.  Huwa tal-fehma li speċjalment fil-qasam tal-attivitajiet tar-riċerka, jeħtieġ li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn l-UE, l-ESA u l-Istati Membri; jitlob lit-tlett atturi jiżviluppaw “skeda ta’ tmexxija tar-riċerka” għall-perjodu ta’ żmien sas-sena 2020, u jiddefinixxu prijoritajiet u objettivi tal-politika spazjali li għandhom jinkisbu b’mod konġunt sabiex tiġi żgurata sigurtà fil-livell ta’ ippjanar lill-atturi involuti, partikolarment fl-ekonomija; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fir-riċerka mal-pajjiżi terzi;

36.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi GNSS huwa essenzjali biex ikun żgurat li l-investiment fl-infrastruttura li Galileo jirrappreżenta jiġi sfruttat bis-sħiħ u li s-sistema Galileo tiġi żviluppata sal-kapaċità sħiħa tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-finanzjament xieraq jiġi provdut għar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-GNSS u għall-implimentazzjoni tagħha; Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-tnaqqis fil-finanzjament allokat għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq EGNOS u Galileo qed iwassal għal dewmien konsiderevoli fil-progress teknoloġiku u fit-tkabbir tal-kapaċità industrijali, kif ukoll tal-implimentazzjoni effettiva mil-lat ambjentali, fl-UE, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi arranġamenti li jippermettu lill-SMEs biex jiksbu aċċess għall-finanzjament aktar faċli;

37.  Jinnota li l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet innovattivi fl-Ewropa qed ikun imfixkel minn ostakli differenti; ifakkar lill-Kummissjoni li f’dan l-isfond, hemm suq mhux skopert marbut mal-użu kummerċjali tad-dejta spazjali li tinħoloq minn programmi tas-satellita u tal-monitoraġġ tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka biex tidentifika dawn l-ostakli (bħal: responsabbiltà għad-dannu kkważat minn oġġetti/residwu spazjali; inċertezza rigward id-disponibbiltà tas-servizzi; tħassib rigward is-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta; nuqqas ta' għarfien tal-potenzjal; u nuqqas ta' interoperabilità), u tressaq proposti possibbli rigward modi kif jinfetħu tali swieq;

Il-komunikazzjoni bis-satelliti

38.  Jenfasizza li l-komunikazzjoni bis-satelliti tassumi rwol importanti fi ħdan l-industrija spazjali Ewropea, peress li ordnijiet minn dan is-settur jiggarantixxu użu fit-tul tal-vetturi għall-ivvjaġġar fl-ispazju u l-lanċaturi, filwaqt li b’hekk jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ aċċess indipendenti għall-ispazju għall-UE; jirreferi, f'dan il-kuntest, għar-rwol ta’ “payload capacities” indipendenti li jirriżultaw mill-illanċjar ta’ satelliti kummerċjali (l-hekk magħrufa “hosted payloads”) u li jistgħu jintużaw għall-ittestjar fl-ispazju ta’ prodotti u teknoloġiji ġodda u b’hekk jgħinu kemm fit-tnaqqis tal-ispejjeż u anke fiż-żmien biex jiġu offruti servizzi ġodda;

39.  Jenfasizza li l-komunikazzjoni bis-satellita tirrappreżenta possibiltà effiċjenti għall-provvista ta’ servizzi multimedjali, saħansitra lil min s’issa, fl-ekonomija jew fis-soċjetà, ma setax jintlaħaq mit-teknoloġiji terrestri;

40.  Jenfasizza li n-networks tas-satelliti għal kopertura totali tal-UE b’konnessjonijiet broadband speċjalment f’oqsma diżabitati, jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-aġenda diġitali tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, li f’termini ta’ newtralità teknoloġika l-internet tas-satelliti jiġi kkunsidrat b’mod xieraq fit-taħlita teknoloġika li hija intenzjonata għall-estensjoni tal-broadband, pereżempju fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE;

41.  Jinnota li l-komunikazzjoni bis-satelliti fis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħal pereżempju d-diżastri naturali jew fiż-żamma tas-sigurtà interna, qed takkwista funzjoni loġistika dejjem aktar importanti, peress li l-konnessjonijiet tad-dejta u ta’ komunikazzjoni tagħha huma indispensabbli f’sitwazzjonijiet fejn m’hemmx infrastrutturi terrestri jew fejn dawn ġew meqruda;

42.  Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tanalizza d-disponibbiltà attwali kif ukoll il-ħtieġa fil-futur ta’ frekwenzi tar-radju għall-komunikazzjoni bis-satelliti u biex waqt il-konferenza dinjija li jmiss dwar il-komunikazzjoni bir-radju tal-ITU tipprova tara li jiġu difiżi b’mod adegwat l-interessi tal-UE u l-interessi tal-industrija tal-komunikazzjonijiet bis-satelliti fit-tqassim ta’ frekwenzi tar-radju globali u reġjonali;

43.  Huwa tal-fehma li l-potenzjal ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni bis-satelliti għadu ma ġiex sfruttat; jindika l-possibiltajiet ta’ teknoloġiji ġodda bħal pereżempju "Laser Communication Terminals" (LCT) jew ukoll il-"High Throughput Satellites" (HTS) biex jissodisfaw il-ħtieġa ta’ skambju ta’ dejta dejjem aktar b’saħħtu b’veloċità dejjem akbar;

44.  Jenfasizza li l-Ewropa tista’ żżomm biss il-vantaġġ teknoloġiku tagħha fil-komunikazzjoni bis-satelliti jekk jitkomplew l-isforzi ta’ riċerka f’dan is-settur fil-livell Ewropew;

Residwu spazjali

45.  Jenfasizza li l-infrastrutturi spazjali jikkostitwixxu l-pedament ta’ diversi servizzi li jintużaw kuljum mill-ekonomija u s-soċjetà; jindika li l-ħsara f’tali infrastrutturi, pereżempju minħabba kolliżjonijiet bejn satelliti u oġġetti jew residwu spazjali oħra, tista’ tirriskja s-sigurtà tal-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini;

46.  Jinnota li r-residwu spazjali jikkostitwixxi problema li qed issir dejjem aktar rilevanti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu biex jiksbu governanza globali għall-ispazju; jitlob fl-istess ħin lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu biex jiġi ffirmat il-“Kodiċi tal-Imġiba għall-Ispazju”, li ġie elaborat mill-UE, minn pajjiżi terzi permezz tal-kanali diplomatiċi kollha;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-istabbilment mill-aktar fis possibbli fil-livell Ewropew tal-programm ta’ appoġġ għas-servizz ta’ sorveljanza tal-ispazju u ta’ lokalizzjoni propost fil-bidu ta’ din is-sena, bil-għan li tiżgura aktar indipendenza tal-istituzzjonijiet fl-Istati Uniti li javżaw dwar kolliżjonijiet;

o
o   o

48.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 63.
(2) P7_TA(2012)0013.
(3) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
(4) ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza