Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2063(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0353/2013

Testi mressqa :

A7-0353/2013

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/12/2013 - 7.17

Testi adottati :

P7_TA(2013)0535

Testi adottati
PDF 369kWORD 150k
It-Tlieta, 10 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Cloud Computing
P7_TA(2013)0535A7-0353/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa (2013/2063(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Settembru 2012 bl-isem ‘L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa’ (COM(2012)0529) u d-dokument ta’ ħidma mehmuż,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2010 bl-isem ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa’ (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar aġenda diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.ue(1) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru. 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) (COM(2012)0011),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) dwar mappa tal-istandards tal-cloud;

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 99/44/KE tal-Parlament u l-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(3) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, b'mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern(4) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0353/2013),

A.  billi s-servizzi ta’ informatika remoti fil-forom varji, issa magħrufa b’mod komuni bħala l-‘cloud computing’, mhumiex ġodda iżda l-iskala, il-prestazzjoni u l-kontenut tal-cloud computing jikkostitwixxu avvanz sinifikanti għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT);

B.  billi l-cloud computing xorta attira l-attenzjoni fis-snin riċenti minħabba l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda u innovattivi tan-negozju fuq skala kbira, l-ispinta qawwija mill-bejjiegħa tal-cloud computing, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u ż-żieda fil-kapaċità tal-informatika, il-prezzijiet aktar baxxi u l-komunikazzjonijiet b'veloċità qawwija, kif ukoll minħabba l-benefiċċji ekonomiċi u ta’ effiċjenza potenzjali, inkluż f'termini tal-konsum tal-enerġija, li s-servizzi tal-cloud joffru lil kull tip ta’ utent;

C.  billi l-introduzzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud f'inħawi ftit li xejn popolati u f'inħawi mbiegħda jistgħu jikkontribwixxu sabiex jitnaqqas l-iżolament tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jippreżentaw sfidi partikolarment serji minħabba d-disponibilità mhux suffiċjenti tal-infrastruttura meħtieġa;

D.  billi l-benefiċċji għall-bejjiegħ fir-rigward tas-servizzi tal-cloud jikkonsistu pereżempju minn ħlasijiet għas-servizz, il-monetizzazzjoni tar-riżorsi informatiċi żejda u mhux użati biżżejjed, ekonomiji tal-kobor u l-possibbiltà ta’ klijentela magħluqa (l-hekk imsejjaħ effett lock-in) u l-użi sekondarji tal-informazzjoni tal-utent, bħal pereżempju għar-reklamar, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti tal-privatezza u l-protezzjoni tad-datapersonali; billi effett lock-in tal-klijentela jista’ jkollu żvantaġġi kompetittivi li madankollu jistgħu jiġu trattati permezz ta’ miżuri ta’ standardizzazzjoni raġonevoli u trasparenza aħjar dwar ftehim tal-liċenzja tal-proprjetà intellettwali;

E.  billi l-benefiċċji għall-utent fir-rigward tas-servizzi tal-cloud jikkonsistu minn spejjeż potenzjalment aktar baxxi, aċċess minn kullimkien, il-konvenjenza, l-affidabbiltà, l-iskalabilità u s-sigurtà;

F.  billi l-cloud computing jinvolvi wkoll riskji għall-utenti, b'mod partikulari fir-rigward ta' datasensittiva, u jeħtieġ li l-utenti jkunu konxji ta' dawn ir-riskji; billi jekk l-ipproċessar tal-cloud isir f’pajjiż partikolari, l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż jista' jkollhom aċċess għad-dejta; billi dan għandu jitqies mill-Kummissjoni meta tressaq proposti u rakkomandazzjonijiet rigward il-Cloud Computing;

G.  billi s-servizzi tal-cloud jobbligaw lill-utenti jgħaddu l-informazzjoni lil fornitur ta’ ħżin fil-cloud, li huwa parti terza, u dan iqajjem kwistjonijiet relatati mal-kontroll kontinwu u l-aċċess fuq l-informazzjoni tal-utenti individwali u l-protezzjoni tal-informazzjoni mill-fornitur innifsu, mill-utenti l-oħra tal-istess servizz u partijiet oħra; billi l-inkoraġġiment ta’ servizzi li jippermettu lill-utent u l-utent biss li jkollu aċċess għall-informazzjoni maħżuna, mingħajr ma l-fornituri tal-ħżin fil-cloud infushom ikollhom aċċess għal dik l-informazzjoni, jista’ jsolvi ftit mill-kwistjonijiet relatati ma' din il-problema;

H.  billi ż-żieda fl-użu tas-servizzi tal-cloud ipprovduti minn numru limitat ta’ fornituri kbar ifisser li ammonti dejjem jikbru ta’ informazzjoni qed jinġabru f’idejn dawk il-fornituri, b’hekk jiġu mkabbra l-effiċjenzi tagħhom, iżda jiżdiedu wkoll ir-riskji ta’ telf katastrofiku ta’ informazzjoni, ta’ punti ċentralizzati ta’ falliment li jistgħu jdgħajfu l-istabbilità tal-Internet u ta’ aċċess għall-informazzjoni minn partijiet terzi;

I.  billi r-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-partijiet interessati kollha involuti fis-servizzi tal-cloud computing għandhom jiġu ċċarati, b’mod partikolari billi huma jinvolvu s-sigurtà u r-rispett tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta;

J.  billi s-suq għas-servizzi tal-cloud jidher mifruq bejn il-linji tal-konsumatur u dawk tan-negozju;

K.  billi għall-utenti kummerċjali, is-servizzi tal-cloud standardizzati jistgħu, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tal-utent, ikunu mezz attraenti biex l-ispiża kapitali tiġi kkonvertita fi spiża operattiva u jippermettu d-disponibbiltà mgħaġġla u l-iskalar ta’ kapaċità addizzjonali ta' ħażna u pproċessar;

L.  billi għall-konsumaturi, il-fatt li l-fornituri ta’ sistemi operattivi għal tipi varji ta’ tagħmir tal-konsumatur, b’mod partikolari, qegħdin aktar iressqu lill-konsumaturi – permezz tal-użu ta’ settings prestabbiliti, eċċ – lejn l-użu tas-servizzi tal-cloud proprjetarji, ifisser li dawn il-fornituri qed joħolqu klijentela magħluqa u jiġbru l-informazzjoni tal-utenti tagħhom;

M.  billi l-użu ta’ servizzi tal-cloud esterni fis-settur pubbliku għandu jiġi meqjus b’kawtela b’rabta ma’ riskji akbar fir-rigward tal-informazzjoni dwar iċ-ċittadini u mat-twettiq fiż-żgur tal-funzjonijiet tas-servizz pubbliku;

N.  billi, minn perspettiva ta’ sigurtà, l-introduzzjoni tas-servizzi tal-cloud tfisser li r-responsabbiltà għaż-żamma tas-sigurtà tal-informazzjoni li tappartjeni għal kull utent individwali tgħaddi mill-individwu għall-fornitur, biex b’hekk jiżdied il-bżonn li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizz ikollhom il-kapaċità legali li jipprovdu soluzzjonijiet sikuri u sodi għall-komunikazzjoni;

O.  billi l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud se jżid l-ammont ta’ data trażmessa u d-domanda għall-bandwidth, veloċità aktar qawwija ta’ upload u għal broadband ta’ veloċità qawwija aktar disponibbi;

P.  billi l-kisba tal-objettivi tal-Aġenda Diġitali tal-Ewropa, b’mod partikolari l-użu tal-broadband u l-aċċess għalih għal kulħadd, is-servizzi pubbliċi transkonfinali u l-għanijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, hija pass meħtieġ jekk l-UE trid tibbenefika bis-sħiħ mill-benefiċċji li l-cloud computing għandu x’joffri;

Q.  billi kien hemm ċerti żviluppi riċenti fir-rigward ta' ksur ta’ sigurtà u b’mod partikolari l-iskandlu ta’ spjunaġġ PRISM;

R.  billi hemm nuqqas ta’ ċentri ta’ servers fl-Ewropa;

S.  billi s-Suq Uniku Diġitali huwa fattur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, li jagħti spinta sinifikattiva lill-isforzi biex jinkisbu l-objettivi tal-Att dwar is-Suq Uniku u biex tingħata tweġiba għall-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed taffettwa l-UE;

T.  billi l-provvista ta' broadband b’kopertura mal-UE kollha, aċċess universali u ugwali għas-servizzi tal-internet għaċ-ċittadini kollha u l-garanzija ta’ newtralità tan-network huma prerekwiżiti essenzjali għall-iżvilupp ta’ sistema Ewropea tal-cloud computing;

U.  billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, fost l-oħrajn, hija maħsuba biex iżżid l-użu tal-broadband fl-Ewropa;

V.  billi l-cloud computing għandu jistimola l-integrazzjoni tal-SMEs bis-saħħa tat-tnaqqis tal-ostakli għad-dħul fis-suq (e.ż. billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura tal-informatika);

W.  billi huwa essenzjali għas-sistema Ewropea tal-cloud computing li l-istandards legali Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data jkunu ggarantiti;

X.  billi l-iżvilupp tal-cloud computing għandu jgħin biex titħeġġeġ il-kreattività għall-benefiċċju kemm tas-sidien tad-drittijiet kif ukoll tal-utenti; billi, barra minn hekk, id-distorsjonijiet fis-Suq Uniku għandhom jiġu evitati fil-proċess u l-kunfidenza tal-konsumaturi u n-negozji fil-cloud computing għandha tingħata spinta;

Ġenerali

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa u japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa approċċ koerenti għas-servizzi tal-cloud imma jqis li, sabiex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi stipulati mill-istrateġija, strument leġislattiv kien ikun aktar adegwat f'ċerti aspetti;

2.  Jenfasizza li l-politiki li jippermettu l-infrastruttura tal-komunikazzjoni b’kapaċità għolja u sikura huma element kruċjali għas-servizzi kollha li jiddependu fuq il-komunikazzjonijiet, inklużi s-servizzi tal-cloud, iżda jenfasizza li minħabba l-baġit limitat tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-appoġġ għall-introduzzjoni tal-broadband jeħtieġ li jkun issupplimentat b’assistenza provduta minn programmi u inizjattivi oħra tal-Unjoni, inklużi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

3.  Jenfasizza li s-servizzi tal-cloud għandhom joffru s-sigurtà u l-affidabbiltà proporzjonati maż-żieda fir-riskji li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni ta’ datau informazzjoni fil-pussess ta’ numru limitat ta’ fornituri;

4.  Jenfasizza li l-liġi tal-Unjoni għandha tkun newtrali u, sakemmma jkunxkemm raġunijiet konvinċenti ta’ interess pubbliku, m’għandhomx jiġu adattati biex jiffaċilitaw jew ifixklu l-mudell jew is-servizz ta’ negozju legali;

5.  Jenfasizza li strateġija dwar il-cloud computing għandha tinkludi aspetti kollaterali bħall-konsum enerġetiku taċ-ċentri tad-datau kwistjonijiet ambjentali relatati;

6.  Jenfasizza l-possibilitajiet enormi li joffri l-aċċess għal dataminn kwalunkwe tagħmir konness mal-internet;

7.  Jenfasizza l-interess evidenti, minn perspettiva duwali, li l-UE jkollha aktar ċentri tas-servers fit-territorju żona tagħha: f'termini tal-politika industrijali, din tippermetti sinerġiji msaħħa mal-objettivi ta’ tnedija għan-Netwerks ta' Aċċess tal-Ġenerazzjonili Jmiss (NGA) stipulati fl-Aġenda Diġitali, u, f'termini tar-reġim tal-protezzjoni tad-datatal-Unjoni, din trawwem il-fiduċja billi tiżgura s-sovranità tal-UE fuq is-servers tagħha.

8.  Jissottolinja l-importanza tal-kompetenza diġitali fost iċ-ċittadini kollha u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw kunċetti dwar kif jippromwovu l-użu sikur tal-Internet inkluż is-servizzi tal-cloud computing;

Il-cloud bħala strument għat-tkabbir u l-impjiegi

9.   Jenfasizza li, minħabba l-potenzjal ekonomiku tal-cloud li jżid il-kompetittività globali tal-Ewropa, dan jista’ jsir strument b’saħħtu għat-tkabbir u l-impjiegi;

10.  Jenfasizza, b’hekk, li l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud, fl-assenza jew fid-disponibilità mhux suffiċjenti ta’ infrastruttura tal-broadband, jirriskja li jkabbar id-distakk diġitali bejn l-inħawi urbani u dawk rurali, li tibqa’ tagħmel iktar diffiċli li jinkisbu l-koeżjoni territorjali u t-tkabbir ekonomiku reġjonali;

11.  Jenfasizza li l-Unjoni tiffaċċja pressjonijiet multipli u simultanji dwar it-tkabbir tal-PGD fi żmien meta l-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġi stimulat it-tkabbir mill-fondi pubbliċi huwa limitat b’livelli għolja ta’ dejn u ta’ defiċit, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jimmobilizzaw kull lieva ta’ tkabbir possibbli; jinnota li l-cloud computing jista’ jevolvi fi żvilupp trasformattiv fis-setturi kollha tal-ekonomija, b’rilevanza speċjali f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, l-enerġija, is-servizzi pubbliċi u l-edukazzjoni;

12.   Jenfasizza li l-qgħad, inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, laħaq livelli għolja inaċċettabbli fl-Ewropa u x’aktarx jibqa’ għoli fil-futur qrib, u li hija meħtieġa azzjoni determinata u urġenti fil-livelli politiċi kollha; jinnota li l-ħiliet elettroniċi u l-azzjonijiet ta’ edukazzjoni diġitali fil-cloud computing jistgħu, konsegwentement, ikunu ta’ importanza straordinarja sabiex jiġi indirizzat l-qgħad li qiegħed jiżdied, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

13.  Jenfasizza l-bżonn ta’ aktar kompetenza diġitali fost l-utenti u li t-taħriġ juri l-benefiċċji li jista’ jingħata mill-cloud computing; ifakkar il-ħtieġa li jonħolqu aktar skemi ta’ kwalifika għal speċjalisti li jimmaniġjaw is-servizzi tal-cloud computing;

14.  Jenfasizza li l-SMEs huma fil-qalba tal-ekonomija tal-UE u li hemm bżonn ta’ aktar azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-kompetittività globali tal-SMEs tal-UE u biex jitwaqqaf l-aħjar ambjent possibbli għall-użu ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda promettenti, bħall-cloud computing, li jista’ jkollhom impatt kbir fuq il-kompetittività tan-negozji tal-UE;

15.  Jinsisti dwar l-impatt pożittiv tas-servizzi tal-cloud computing fuq l-SMEs, partikolarment dawk stabbiliti f’żoni remoti jew ultraperiferiċi jew f’inħawi li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ekonomiċi, peress li dawn is-servizzi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ispejjeż fissi għall-SMEs billi jippermettulhom li jikru kapaċità u ħażna kompjuterizzati, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas xieraq li jippermetti lill-SMEs iżidu t-tkabbir u l-produttività tagħhom, peress li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fl-infiq bil-quddiem u aċċess imtejjeb għal għodod analitiċi;

16.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomunikaw il-potenzjal ekonomiku tal-cloud computing, b’mod partikolari, lill-SMEs;

17.  Jinnota li l-UE għandha tisfrutta l-fatt li din it-teknoloġija hija f'fażi relattivament bikrija u li trid tinvesti fl-iżvilupp tagħha sabiex tibbenefika mill-ekonomiji ta’ skala li hija mistennija toffri u b’hekk terġa’ tagħti ħajja lill-ekonomija tal-Unjoni, partikolarment fis-settur tal-ICT;

Is-suq tal-UE u l-cloud

18.  Jenfasizza li s-suq intern għandu jibqa’ miftuħ għall-fornituri kollha li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, minħabba li l-fluss ħieles globali tas-servizzi u l-informazzjoni jżid il-kompetittività u l-opportunitajiet għall-industrija tal-Unjoni u l-benefiċċji taċ-ċittadini tal-Unjoni;

19.  Jiddispjaċih dwar l-indikazzjonijiet ta’ aċċess governattiv massiv, pervażiv u indiskriminat għall-informazzjoni relatata mal-utenti tal-Unjoni maħżuna fi clouds ta’ pajjiżi terzi u jitlob lill-fornituri tas-servizzi tal-cloud sabiex ikunu trasparenti dwar kif jimmaniġjaw l-informazzjoni li l-konsumaturi jagħtuhom permezz tal-użu tas-servizzi tal-cloud;

20.  Jinsisti li, sabiex jingħeleb ir-riskju li l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod dirett jew indirett minn gvernijiet barranin, fejn tali aċċess ma jkunx permess skont il-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha:

   (i) tiżgura li l-utenti jkunu konxji minn dan ir-riskju, anke billi tappoġġja l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex tiġi attivata l-pjattaforma ta’ informazzjoni ta’ interess pubbliku fid-Direttiva Servizz Universali,
   (ii) tisponsorizza r-riċerka f'teknoloġiji rilevanti u t-tnedija kummerċjali jew l-akkwist pubbliku ta' dawn it-teknoloġiji, bħall-ikkodifikar u l-anonimizzazzjoni, li jippermettu li l-utenti jassiguraw l-informazzjoni tagħhom b’mod faċli; u,
   (iii) tinvolvi lill-ENISA fil-verifika tal-istandards minimi tas-sigurtà u tal-privatezza tas-servizzi tal-cloud computing offruti lill-konsumaturi Ewropej u, b’mod partikolari, lis-settur pubbliku;

21.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-UE kollha li tkun tista’ tipprovdi inċentiv għall-iżviluppaturi u l-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing biex jinvestu fi protezzjoni aħjar tal-privatezza;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-industrija tal-Unjoni u partijiet interessati oħra, biex tidentifika oqsma fejn approċċ speċifiku tal-Unjoni jista’ jkun partikolarment attraenti fuq livell globali;

23.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat suq tal-Unjoni kompetittiv u trasparenti sabiex l-utenti kollha tal-Unjoni jiġu pprovduti b’servizzi sikuri, sostenibbli, finanzjarjament aċċessibbli u affidabbli; jappella għal metodu sempliċi u trasparenti li jidentifika d-difetti fis-sigurtà b’mod li l-fornituri tas-servizz fis-suq Ewropew ikollhom inċentiv suffiċjenti u xieraq biex dawn id-difetti jiġu rimedjati;

24.  Jenfasizza li l-fornituri kollha tal-cloud li joperaw fl-Unjoni għandhom jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi, u li l-istess regoli applikabbli għal kulħadd;

L-akkwist pubbliku, l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi, u l-cloud

25.  Jenfasizza li l-użu tas-servizzi tal-cloud mis-settur pubbliku għandu l-potenzjal li jnaqqas l-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u jipprovdi servizzi aktar effiċjenti liċ-ċittadini, filwaqt li l-effett ta’ lieva diġitali għas-setturi kollha tal-ekonomija jkun ta’ benefiċċju kbir; jirrimarka li s-settur privat jista’ wkoll jieħu vantaġġ minn dawk is-servizzi tal-cloud għall-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

26.  Jinkoraġġixxi l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidraw servizzi ta’ cloud mingħajr periklu, affidabbli u sikuri fl-akkwist tal-IT, filwaqt li jissottolinja r-responsabbiltajiet partikolari tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni relatata maċ-ċittadini, l-aċċessibbiltà u l-kontinwità tas-servizz;

27.  B’mod partikolari, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu tas-servizzi tal-cloud, fejn xieraq, sabiex tkun ta’ eżempju għal oħrajn;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma tas-Sħubija Ewropea tal-Cloud;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-cloud computing qasam prijoritarju għall-programmi tar-riċerka u tal-iżvilupp, u jippromovuh fis-settur amministrattiv pubbliku bħala soluzzjoni elettronika innovattiva tal-gvern fl-interess tal-pubbliku, kif ukoll fis-settur privat bħala għodda innovattiva għall-iżvilupp tan-negozju;

30.  Jisħaq li l-użu tas-servizzi tal-cloud mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-istituzzjonijiet tal-UE, jeħtieġ kunsiderazzjoni u koordinazzjoni speċjali bejn l-Istati Membri; ifakkar li l-integirtà u s-sigurtà tad-data jridu jiġu ggarantiti u li l-aċċess mhux awtorizzat, inkluż minn gvernijiet barranin u s-servizzi tagħhom tal-intelligence mingħajr bażi ġuridiku skont id-dritt tal-Unjoni tal-Istat Membru, ikun prevenut; jisħaq li dan japplika wkoll għal attivitajiet ta’ pproċessar speċifiċi li jsiru minn ċerti servizzi mhux governattivi essenzjali li għandhom aċċess għal data personali, b'mod partikolari l-ipproċessar ta' kategoriji speċifiċi ta' data personali, bħalma huma l-banek, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni, fondi ta' pensjoni, l-iskejjel u l-isptarijiet; barra minn hekk, jenfasizza li dan kollu msemmi hawn fuq huwa ta’ importanza partikolari jekk id-data qed tiġi trasferita (barra mill-Unjoni Ewropea bejn ġurisdizzjonijiet differenti); huwa tal-fehma, għalhekk, li l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll is-servizzi mhux governattivi u s-settur privat għandhom, kemm jista' jkun, joqogħdu fuq il-fornituri ta' cloud tal-UE meta jipproċessaw data u informazzjoni sensittivi sa ma jkunu ddaħħlu regoli globali sodisfaċenti dwar il-protezzjoni tad-data, billi tkun żgurata s-sigurtà ta' data sensittiva, u tal-bażijiet ta' datamiżmuma minn entitajiet pubbliċi;

L-istandards u l-cloud

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet li jappoġġjaw servizzi tal-cloud li jirrispettaw l-privatezza, li jkunu affidabbli, ferm interoperabbli, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta’ politika industrijali tal-futur tal-Unjoni; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-datahuma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumatur u l-kompetittività;

32.  Jenfasizza li l-istandards huma bbażati fuq eżempji tal-aħjar prattiki;

33.  Jinsisti li l-istandards għandhom jippermettu l-portabbiltà faċli u sħiħa tad-data u tas-servizzi, u grad għoli ta’ interoperabilità bejn is-servizzi tal-cloud sabiex tiżdied u mhux tiġi limitata l-kompetittività;

34.  Jilqa’ l-immappjar ta’ standards li ġew fdati lill-ETSI, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kontinwità ta’ proċess miftuħ u trasparenti;

Il-konsumaturi u l-cloud

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tagħmir għall-konsumatur ma jagħmilx użu mis-servizzi tal-cloud b’mod awtomatiku jew jiġi ristrett għal kwalunkwe fornitur speċifiku tas-servizz tal-cloud;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe ftehim kummerċjali bejn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornituri tal-cloud ikun konformi bis-sħiħ mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u li jippermettu aċċess sħiħ tal-konsumaturi għal kull servizz tal-cloud li juża konnessjoni tal-internet minn kwalunkwe operatur tat-telekomunikazzjonijiet;

37.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-prerogattiva tagħha, li għalissa għadha mhux użata, skont id-Direttiva 1999/5/KE (id-Direttiva RTTE), li titlob li t-tagħmir ikun jinkorpora salvagwardji li jipproteġu l-informazzjoni tal-utenti;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jrawmu kuxjenza fil-konsumaturi dwar ir-riskji kollha relatati mal-użu tas-servizzi tal-cloud;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi, meta jintalbu li jaċċettaw jew inkella jiġu offruti servizz tal-cloud, l-ewwel jingħataw l-informazzjoni meħtieġa biex jieħdu deċiżjoni motivata, b’mod partikolari meta tkun ikkonċernata l-ġurisdizzjoni li tkopri d-datamaħżuna f’dawn is-servizzi tal-cloud;

40.  Jenfasizza li l-informazzjoni mogħtija għandha tidentifika, fost affarijiet oħra, min hu l-fornitur aħħari tas-servizz u kif is-servizz huwa ffinanzjat; jenfasizza, barra minn hekk, li jekk is-servizz ikun iffinanzjat billi tintuża l-informazzjoni tal-utenti għall-iskop ta’ reklamar jew biex jippermetti lill-oħrajn jagħmlu hekk, dan għandu jiġi żvelat lill-utent;

41.  Jenfasizza li l-informazzjoni għandha tkun f’format standardizzat, portabbli, li jinftiehem faċilment u komparabbli;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora miżuri xierqa għall-iżvilupp ta’ livell minimu aċċettabbli tad-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tas-servizzi tal-cloud, li jkopru kwistjonijiet bħall-privatezza, il-ħżin tad-dataf’pajjiżi terzi, ir-responsabbiltà għal datamitlufa u kwistjonijiet oħra ta’ interess sinifikanti għall-konsumaturi;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi dwar l-użu u l-promozzjoni tal-cloud computing fir-rigward ta’ aċċess miftuħ u riżorsi edukattivi miftuħa;

Il-proprjetà intellettwali, il-liġi ċivili, eċċ, u l-cloud

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tarmonizza aktar il-liġijiet fl-Istati Membri sabiex tiġi evitata l-konfużjoni u l-frammentazzjoni ġurisdizzjonali u biex tassigura li jkun hemm trasparenza fis-suq uniku diġitali;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni l-oħra tal-UE biex tindirizza n-nuqqasijiet relatati mal-cloud computing; jitlob b’mod partikolari li tiġi kjarifikata s-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u għal rieżami tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti u tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li huma l-atti legiżlattivi tal-Unjoni l-aktar rilevanti applikabbli għall-cloud computing;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali ċar fil-qasam tal-kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur fil-cloud, speċjalment fir-rigward tar-regolamenti ta’ liċenzjar;

47.  Jirrikonoxxi li l-introduzzjoni tal-ħżin ta' xogħlijiet protetti mis-servizzi tal-cloud computing m'għandhiex tikkomprometti d-dritt tad-detenturi tad-drittijiet Ewropej li jirċievu kumpens ġust għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, iżda jistaqsi jekk dawn is-servizzi jistgħux jitqiesu li huma ugwali għall-midja u t-tagħmir tradizzjonali u diġitali tal-irrekordjar u tal-ħżin.

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga t-tipi differenti ta' servizzi tal-cloud computing, kif il-ħżin fil-cloud ta' xogħlijiet protetti jolqot lis-sistemi tal-ħlas tad-drittijiet tal-awtur u, aktar speċifikament, il-modi ta' kif l-imposti tal-ikkuppjar privat li huma relevanti għal ċerti tipi ta' servizzi tal-cloud computing jiġu imposti;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp, b'mod konġunt mal-partijiet konċernati, tas-servizzi diċentralizzati msejsa fuq softwer bla ħlas u minn sors miftuħ li jaf jgħin l-armonizzazzjoni tal-prattiki fost l-fornituri tal-cloud u jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jerġgħu jiksbu kontroll fuq id-datau l-komunikazzjonijiet personali tagħhom, pereżempju permezz tal-kodifikazzjoni minn punt sa punt;

50.  Jenfasizza li, minħabba inċertezzi dwar il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni, il-kuntratti huma l-għodod prinċipali għall-istabbiliment tar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tal-cloud u l-klijenti tagħhom, u li għalhekk hemm bżonn ċar ta' linji gwida komuni tal-UE f'dal-qasam;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex jiżviluppaw mudelli tal-aħjar prattika għall-kuntratti tal-UE, jew ‘mudelli ta’ kuntratti’, li jiżguraw trasparenza totali billi jipprovdu t-termini u l-kundizzjonijiet f’format ċar ħafna;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-partijiet interessati, l-iskemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni għas-sistemi ta’ sigurtà tal-fornitur li jgħinu biex jarmonizzaw il-prattiki tal-fornituri tal-cloud u li jagħmlu lill-klijenti aktar konxji ta’ dak li għandhom jistennew mill-fornituri tas-servizz tal-cloud;

53.  Jenfasizza li, minħabba problemi ta’ ġurisdizzjoni, il-konsumaturi fl-UE fil-prattika għandhom anqas probabbiltà li jkunu jistgħu jfittxu rimedju legali mill-fornituri tas-servizzi tal-cloud f’ġurisdizzjonijiet oħrajn; jitlob għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi mezzi adegwati ta’ rimedju fil-qasam tas-servizzi tal-konsumatur, peress li hemm żbilanċ qawwi ta’ poter bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ cloud computing;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim Online u biex tiżgura li l-konsumaturi jkunu mgħammra b’mezzi ta’ rimedju kontra l-ksur tas-sigurtà u l-privatezza adegwati kif ukoll kontra d-dispożizzjonijiet kuntrattwali illegali għas-servizzi tal-cloud;

55.  Jiddispjaċih għan-nuqqas attwali ta’ rimedji effettivi għall-utenti f’każ ta’ ksur tal-kuntratt;

56.  Jappella sabiex l-informazzjoni sistematika għall-konsumaturi dwar l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ datapersonali tkun inkluża fil-proposti ta’ kuntratt, kif ukoll li l-kunsens tal-utenti jkun obbligatorju qabel ma jkunu jistgħu jinbidlu t-termini tal-kuntratt;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tad-diskussjonijiet tal-grupp ta' esperti, biex tesiġi li l-fornituri tal-cloud jinkludu fil-kuntratti ċerti klawżoli importanti li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizz, bħal obbligi li jaġġornaw softwer u ħardwer fejn ikun meħtieġ, biex jiddeterminaw x’jiġri jekk id-data tintilef, u jiddeterminaw iż-żmien li jkun jinħtieġ biex issolvu l-problema jew kemm is-servizz tal-cloud ikun jista’ jneħħi malajr materjali li joffendu, jekk l-utent tal-cloud jitlob li dan isir;

58.  Ifakkar li, fejn fornitur tal-cloud juża d-data għal skop differenti mill-iskop miftiehem skont il-ftehim tas-servizz, jew jikkomunika d-data jew jużaha b’mod kuntrarju għat-termini tal-kuntratt, huwa għandu jitqies bħala kontrollur tad-data u għandu jinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar;

59.  Jenfasizza li l-arranġamenti ta' servizzi tal-cloud iridu jiddelineaw, b'mod ċar u trasparenti, id-dmirijiet u l-jeddijiet tal-partijiet dwar l-attivitajiet ta' proċessar tad-data mill-fornituri tal-cloud; jirrimarka li l-arranġamenti kontrattwali ma jfissrux it-tneħħija tas-salvagwardji, jeddijiet u protezzjonijiet mogħtijin mid-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti biex jinkiseb lura l-bilanċ bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud u l-klijenti tagħhom fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet użati mis-servizzi tal-cloud, li jinkludu d-dispożizzjonijiet;

   li jiżguraw il-protezzjoni kontra l-kanċellazzjoni arbitrarja tas-servizzi u t-tħassir tad-data;
   li jiggarantixxu lill-klijenti l-opportunità raġonevoli biex jiksbu lura data maħżuna fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ servizz u/jew it-tneħħija ta’ data;
   li jagħtu linji gwida ċari għall-fornituri tal-cloud biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni faċli tal-klijenti tagħhom lejn servizzi oħra;

60.  Jenfasizza li r-rwol tal-fornitur tas-servizz tal-cloud skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni jeħtieġ li jkun determinat fuq bażi ta’ każ b'każ, peress li l-fornituri jistgħu jkunu kemm proċessuri tad-data u anke kontrolluri tad-data; jitlob li t-termini u l-kundizzjonijiet għall-utenti kollha jitjiebu billi jiġu żviluppati mudelli internazzjonali tal-aħjar prattika għall-kuntratti u billi jiġi ċċarat fejn il-fornitur tas-servizz jaħżen id-data u skont liema qasam tal-liġi fl-UE;

61.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet fejn l-iżbilanċ fis-sitwazzjoni kuntrattwali bejn il-klijent u l-fornitur tal-cloud iwassal sabiex il-klijent jidħol f’arranġamenti kuntrattwali li jimponu servizzi standard u kuntratt li għandu jiġi ffirmat, fejn il-fornitur jiddefinixxi l-iskopijiet, il-kundizzjonijiet, il-mezzi tal-ipproċessar(6) ; jisħaq li f’tali ċirkostanzi, il-fornitur tal-cloud għandu jiġi kkunsidrat bħala “kontrollur tad-data” u jidħol responsabbli flimkien mal-klijent;

Il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali, l-infurzar tal-liġi u l-cloud

62.  Huwa tal-fehma li l-aċċess għal Internet sikur huwa jedd fundamentali ta’ kull ċittadin u li l-cloud computing se jkompli jkollu rwol importanti f’dan l-aspett; itenni għalhekk, l-istedina lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrikonoxxu b’mod mhux ekwivoku l-libertajiet diġitali bħala jeddijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispensabbli għat-tgawdija ta’ jeddijiet tal-bniedem universali;

63.  Itenni li, bħala regola ġenerali, il-livell tal-protezzjoni tad-data f’ambjent ta’ cloud computing m’għandux ikun inferjuri għal dak li hu meħtieġ fi kwalunkwe kuntest ieħor ta’ pproċessar ta’ data;

64.  Jenfasizza li l-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, billi hi teknoloġikament newtrali, diġà tapplika kollha kemm hi għas-servizzi tal-cloud computing li joperaw fl-UE u għalhekk għandha tiġi rispettata għalkollox; jenfasizza li l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 (WP29) dwar il-Cloud Computing(7) għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni billi tagħti gwida ċara għall-applikazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għas-servizzi tal-cloud, bħalma huma l-kunċetti ta' kontrollur/proċessur, limitazzjoni tal-iskop u proporzjonalità, integrità u sigurtà tad-data, l-użu tas-sottokuntratturi, l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet, il-ksur tad-data u t-trasferimenti internazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jitneħħew il-lakuni fil-protezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-cloud computing fir-rieżami li għaddej tal-qafas ġuridiku tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data msejjes fuq aktar gwida mis-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data u d-WP29;

65.  Ifakkar fit-tħassib gravi tiegħu dwar l-iżvelar reċenti tal-programmi ta' sorveljanza tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Istati Uniti, u ta' programmi simili mħaddmin mill-aġenziji tal-intelligence f'diversi Stati Membri, fir-rikonoxximent li, kemm-il darba l-informazzjoni disponibbli sa issa tkun kkonfermata, dawn il-programmi jkunu jirrappreżentaw vjolazzjoni gravi tal-jedd fundamentali taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll għall-jedd għall-ħajja privata u tal-familja, għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, għall-preżunzjoni tal-innoċenza, għal-libertà tal-espressjoni, għal-libertà tal-informazzjoni, u għal-libertà li jsir in-negozju;

66.  itenni u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżvelar dirett obbligatorju tad-data u l-informazzjoni personali tal-UE, ipproċessati skont ftehimiet tal-cloud, lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi minn fornituri tal-cloud soġġetti għal liġijiet ta’ pajjiżi terzi jew li jużaw servers tal-ħżin li jinsabu f’pajjiżi terzi, u dwar l-aċċess dirett mill-bogħod għad-data u l-informazzjoni personali pproċessati minn awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi u servizzi tal-intelligence ta' pajjiżi terzi;

67.  Jiddispjaċih li dan l-aċċess ħafna drabi jsir permezz tal-eżekuzzjoni diretta ta’ regoli tal-liġi minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi mingħajr ma jintużaw strumenti internazzjonali stabbiliti għal kooperazzjoni legali bħalma huma l-ftehimiet tal-assistenza legali reċiproka (MLA) jew forom oħrajn ta' kooperazzjoni ġudizzjarja;

68.  Jisħaq li prattiki bħal dawn iqanqlu mistoqsijiet ta' fiduċja f'dak li għandu x'jaqsam mal-fornituri tas-servizzi ta' cloud u servizzi onlajn li jinsabu barra mill-UE, u f'dak li għandu x'jaqsam ma' pajjiżi terzi li ma joqogħdux fuq l-istrumenti internazzjonali għall-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja;

69.  Jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji biex tissolva din is-sitwazzjoni u biex tkun żgurata l-osservanza tal-jeddijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE;

70.  Ifakkar li l-kumpaniji kollha li jagħtu servizzi fl-UE jridu jottemperaw ruħhom mingħajr eċċezzjoni mad-dritt tal-UE u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

71.  Jisħaq li s-servizzi tal-cloud li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jagħtu lill-utenti li jinsabu fl-UE twissija ċara u distingwibbli dwar il-possibiltà li d-data personali tagħhom tkun soġġetta għal sorveljanza mill-intelligence u mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni ta’ pajjiżi terzi, segwita, fejn ikun applikabbli, mit-talba għall-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, hi u tinnegozja l-ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, li tieħu nota b'mod partikolari tar-riskji u l-isfidi li l-cloud computing iressaq għall-jeddijiet fundamentali, b'mod partikolari - imma mhux esklussivament - għall-jedd għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tieħu nota tar-regoli domestiċi tas-sħab tagħha fl-innegozjar li jirregolaw l-aċċess għall-eżekuzzjoni tal-liġi għad-data personali proċessata permezz ta’ servizzi ta’ cloud computing, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-aċċess għall-awtoritajiet għall-eżekuzzjoni tal-liġi u l-awtoritajiet tal-intelligence jista’ jingħata biss bl-osservanza sħiħa ta' proċess xieraq tal-liġi u li għandu jkun hemm bażi ġuridika li ma tkunx ambigwa, kif ukoll ir-rekwiżit biex ikunu speċifikati l-kundizzjonijiet eżatti tal-aċċess, l-iskop tal-ksib ta' tali aċċess, il-miżuri ta’ sigurtà stabbiliti meta tiġi konsenjata d-data u l-jeddijiet tal-individwi, kif ukoll ir-regoli għas-superviżjoni u għal mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv;

73.  Jissottolinja t-tħassib gravi tiegħu dwar ix-xogħol li sar fil-Kunsill tal-Ewropa mill-Kumitat għall-Konvenzjoni taċ-Ċiberkriminalità bil-ħsieb li jiġi żviluppat protokoll addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta’ Novembru 2001 dwar “l-aċċess bejn il-fruntieri għal data maħżuna f’kompjuters bil-kunsens jew fejn pubblikament disponibbli”(8) sabiex ikun “iffaċilitat l-użu effettiv tiegħu u l-implimentazzjoni fid-dawl ta’ żviluppi legali, politiki u teknoloġiċi”; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb tal-kunsiderazzjoni li daqt se ssir mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jiżguraw il-kompatibilità tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, u l-interpretazzjoni tagħha fl-Istati Membri, mal-jeddijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-fluss transkonfinali ta' data personali, kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ('Konvenzjoni 108'), li jivvinkolaw lill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrespinġu b'saħħa kull miżura li tpoġġi l-applikazzjoni ta' dawn il-jeddijiet f'sogru; hu allarmat bil-fatt illi kieku kellu jkun approvat tali protokoll addizzjonali, l-implementazzjoni tiegħu tista' twassal f'aċċess mill-bogħod mingħajr xkiel mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi fuq servers u sistemi tal-kompjuter li jkunu jinsabu f'ġurisdizzjonijiet oħrajn, mingħajr ma jkun hemm riferiment għall-ftehimiet tal-MLA u strumenti oħrajn ta' kooperazzjoni ġudizzjarja intiżi li jiggarantixxu l-jeddijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u s-smigħ xieraq;

74.  Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs li qed jiddependu dejjem aktar mit-teknoloġija tal-cloud computing meta jipproċessaw data personali, u li mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi jew l-għarfien espert sabiex jindirizzaw l-isfidi ta’ sigurtà b’mod adegwat;

75.  Jissottolinja li l-kwalifika tal-kontrollur jew proċessur tad-data jeħtieġ tiġi riflessa kif xieraq mil-livell ta’ kontroll veru li jkollha fuq il-mezzi ta’ proċessar sabiex jiġu allokati b’mod ċar ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni ta’ data personali bl-użu tal-cloud computing;

76.  Jenfasizza li l-prinċipji kollha stabbiliti fil-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data, bħall-fier u l-legalità, il-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, il-preċiżjoni u l-perjodi limitati għaż-żamma tad-data, iridu jitqiesu sew għall-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing;

77.  Jissottolinja l-importanza ta’ sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi li jkunu jistgħu jiġu imposti fuq servizzi tal-cloud computing li ma jkunux ikkonformaw mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE;

78.  Jenfasizza li l-impatt tal-protezzjoni tad-data ta’ kull servizz ta’ cloud computing għandu attwalment ikun ivvalutat fuq bażi ad hoc sabiex jiġu definiti l-aktar salvagwardji xierqa li għandhom ikunu implimentati;

79.  Jenfasizza li fornitur Ewropew ta’ servizz tal-cloud għandu jaġixxi dejjem f’konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE, anki jekk din tmur kontra l-istruzzjonijiet ta’ klijent jew kontrollur stabbilit f’pajjiż terz jew meta s-suġġetti tad-data kkonċernati jkunu (biss) residenti ta’ pajjiżi terzi;

80.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi li tqajmu mill-cloud computing f'livell internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza mill-intelligence tal-gvern u s-salvagwardji neċessarji;

81.  Jenfasizza li ċ-ċittadini tal-UE suġġetti għal sorveljanza mill-intelligence ta' awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi għandhom igawdu minn tal-anqas mill-istess salvagwardji u rimedji bħaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat;

82.  Jiddispjaċih għall-approċċ muri fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li fiha ma ssemmewx ir-riskji u l-isfidi marbutin mal-cloud computing, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta b'ħidmietha fuq il-cloud computing billi tiżviluppa komunikazzjoni aktar ħolistika fuq il-cloud computing li tkun tqis l-interess tal-istakeholders kollha u li jkun fiha, barra mir-riferiment standard għall-protezzjoni tal-jeddijiet fundamentali u l-ottemperanza mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, mill-anqas dan li ġej:

   linji gwida biex tiġi żgurata l-konformità l-aktar stretta mal-obbligi tal-UE fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data;
   kundizzjonijiet limitattivi li taħthom jista’ jsir jew jista' ma jsirx aċċess għad-data tal-cloud għal finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-liġi, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mad-dritt tal-UE;
   salvagwardji kontra l-aċċess illegali minn entitajiet barranin u domestiċi, pereżempju billi jiġu emendati r-rekwiżiti tal-akkwist u jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96(9) biex jirribatti liġijiet barranin li jistgħu jirriżultaw fi trasferimenti illegali massiċċi tad-data tal-cloud taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;
   proposti dwar kif jiġi definit ‘trasferiment’ ta’ data personali u dwar kif jiġu aġġornati klawżoli kuntrattwali standard li jkunu mfassla skont l-ambjent cloud peress li l-cloud computing ħafna drabi jinvolvi flussi kbar ta’ data mill-klijenti tal-cloud għas-servers tal-fornituri tal-cloud u ċentri tad-data u jinvolvi ħafna partijiet differenti u qsim tal-fruntieri bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-adegwatezza ta’ rieżami tal-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex tadattah għall-iżviluppi teknoloġiċi, speċjalment fir-rigward tal-aspetti konnessi mal-cloud computing;

o
o   o

84.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
(2) ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12.
(3) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(4) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(5) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(6) B’mod partikolari f’każ ta’ konsumaturi u SMEs li jużaw is-servizzi tal-cloud.
(7) L-Opinjoni 5/2012, WP 196, hija disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm#h2-1.
(8) http://www.coe.int/t/dghl/cooperation/economiccrime/Source/Cybercrime/TCY/TCY%202013/T CY(2013)14transb_elements_protocol_V2.pdf http://www.coe.int/t/DGHL/cooperation/economiccrime/cybercrime/default_en.asp
(9) ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Lulju 2016Avviż legali