Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2152(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0418/2013

Testi mressqa :

A7-0418/2013

Dibattiti :

PV 10/12/2013 - 19
CRE 10/12/2013 - 19

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2013 - 4.24
CRE 11/12/2013 - 4.24

Testi adottati :

P7_TA(2013)0575

Testi adottati
PDF 555kWORD 239k
L-Erbgħa, 11 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu Verżjoni finali
Id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2012 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni
P7_TA(2013)0575A7-0418/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2013/2152(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 (A/RES/55/2) u r-riżoluzzjonijiet relevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja adottat mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), kif adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fil-25 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2012 dwar ir-Rieżami tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25 ta’ Lulju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem(3) ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2012 dwar - "Inżidu l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla",

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2013 lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(5)

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali(6) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin, u r-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem adottati mill-Kunsill fit-13 ta' Diċembru 2001 u rieżaminati fid-19 ta' Jannar 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013, dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(7) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(8) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(9) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(10) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet Konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta' Marzu 2013 dwar "Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: Naħdmu lejn Sħubija Aktar b’Saħħitha" (JOIN(2013)4), u tal-25 ta' Mejju 2011 dwar "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni: Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (COM(2011)0303 ),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija għall-2011-2013 li jikkonċerna l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament finanzjarju ġdid għall-EIDHR 2014-2020 (COM(2011)0844),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-istabbiliment possibbli ta’ Fond Ewropew għad-Demokrazija(11) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(12) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni(13) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(14) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 67/176 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2008), 1888 (2009), 1889 (2009), 1960 (2010) u 2106 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-indikaturi tal-UE għall-Approċċ Komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, adottat mill-Kunsill tal-UE fit-13 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal, l-aktar waħda reċenti, dik tal-4 ta' April 2012 (66/141),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(15) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(16) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(17) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0418/2013),

A.  billi d-diversi proċessi tranżitorji, inklużi rewwixti popolari, sitwazzjonijiet ta’ kunflitti u ta’ wara l-kunflitti, kif ukoll tranżizzjonijiet maqbuda f’pajjiżi awtoritarji, ħolqu sfidi li dejjem jiżdiedu għall-politiki tal-UE f’appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi r-Rapport Annwali tal-UE tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja juri l-ħtieġa li l-UE li tkompli tiżviluppa reazzjonijiet ta’ politika flessibbli; billi l-għażla tal-politika l-aktar fundamentali għall-UE tikkonċerna r-reżiljenza u d-determinazzjoni politika sabiex tibqa’ fidila lejn il-valuri fundaturi tal-Unjoni Ewropea fi żminijiet ta’ sfida taħt il-pressjoni ta’ objettivi u interessi oħra ta’ politika;

B.  billi l-ġustizzja, l-istat tad-dritt, ir-responsabilità, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, il-ġlieda kontra l-impunità, il-proċessi ġusti, u l-ġudikatura indipendenti huma elementi indispensabbli fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi l-Artikolu 21 tat-TUE jsaħħaħ aktar l-impenn tal-UE biex taġixxi fix-xena internazzjonali ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt internazzjonali;

D.  billi l-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen dwar "l-istabilità tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-ħarsien ta’ minoritajiet" għadhom karatteristika fundamentali tal-proċess ta' tkabbir;

E.  billi r-rewwixti fid-dinja Għarbija wasslu lill-Unjoni Ewropea biex tirrikonoxxi l-falliment tal-politiki tal-passat u timpenja ruħha għal approċċ ta' "aktar għal aktar" fir-Rieżami tal-Politika tal-Viċinat, abbażi ta’ impenn sabiex "jiġu adattati livelli ta’ appoġġ tal-UE għas-sħab skont il-progress dwar riformi politiċi u l-bini ta’ demokrazija profonda", kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-libertà tal-assoċjazzjoni, l-espressjoni u l-għaqda, stampa u midja ħielsa, l-istat tad-dritt amministrat minn ġudikatura indipendenti, u l-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjoni jew it-twemmin;

F.  billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda għall-Bidla tal-Kummissjoni Ewropea fil-Politika tal-UE għall-Iżvilupp, adottati f’Mejju tal-2012, jiddikjaraw speċifikament li "l-appoġġ għas-sħab se jiġi adattat għas-sitwazzjoni tal-iżvilupp tagħhom u l-impenn u l-progress fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba"; billi l-Pożizzjoni Komuni tal-UE l-aktar riċenti fir-rigward tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna twiegħed li għandha ssir referenza sistematika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp għal "sjieda demokratika" fejn il-pajjiżi sħab ikunu responsabbli għall-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili u għat-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, l-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali u l-midja ħielsa;

G.  billi l-Kunsill tal-UE, f’Ġunju tal-2012, adotta Qafas Strateġiku u Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, fejn impenja lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiksbu diversi objettivi ta’ politika tanġibbli; billi l-Kunsill tal-UE, f’Lulju tal-2012, ħoloq il-kariga u semma l-ewwel Rappreżentant Speċjali tematiku tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-proċedura sabiex jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li se jidħol fis-seħħ f’Jannar tal-2015 meta jiskadi l-pjan ta’ azzjoni attwali, jeħtieġ li tibda fir-rebbiegħa tal-2014;

H.  billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija ġie stabbilit f’Ottubru tal-2012 bl-għan ewlieni li jsiru għotjiet diretti lill-attivisti favur id-demokrazija jew lill-organizzazzjonijiet li qed jitħabtu għat-tranżizzjoni demokratika fil-Viċinat Ewropew u lil hinn minnu;

I.  billi l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kien akkompanjat minn assigurazzjonijiet li l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija kellu jkun element kostanti fis-servizz diplomatiku l-ġdid tal-UE; billi n-netwerk tad-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja jipprovdi lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) b’kapaċità ġdida sabiex twettaq il-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE;

J.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapport Annwali preċedenti u dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem (li t-tnejn li huma ġew adottati f’Diċembru tal-2012), enfasizza l-ħtieġa ta' riforma tal-prattiki proprja sabiex jiġu integrati d-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tiegħu u jsir segwitu tar-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu li jikkundannaw il-ksur tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

K.  billi l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew, imwettaq fis-27 Stat Membru tal-UE f’Novembru u Diċembru 2012, juri għal darb’oħra li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha l-valur l-aktar importanti f’għajnejn l-Ewropej; billi l-implimentazzjoni kredibbli tal-impenji ddikjarati tal-UE li tappoġġa d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-politiki esterni tagħha hija kruċjali sabiex tinżamm il-kredibilità ġenerali tal-politika barranija tal-UE;

L.  billi, f’Diċembru tal-2012, l-Unjoni Ewropea rċeviet il-Premju Nobel għall-kontribut tagħha għall-avvanz tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

Kummenti ġenerali

1.  Jikkunsidra li d-drittijiet tal-bniedem huma fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha; jenfasizza li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem teħtieġ li tkun konsistenti fil-konformità mal-obbligi tat-Trattat, filwaqt li tiżgura l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni u tevita standards doppji fil-politiki esterni; jitlob, għalhekk, l-adozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sħab strateġiċi li jistabbilixxu livell limitu komuni għall-Istati Membri u għall-uffiċjali tal-UE f’termini tat-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem li jridu jqajmu, bħala minimu, mal-kontropartijiet sħab strateġiċi tagħhom;

2.  Jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-SEAE sabiex isegwu dawn l-impenji u jintegraw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab tagħha, inkluż fl-ogħla livell politiku, billi jagħmlu użu mill-istrumenti kollha rilevanti tal-politika esterna tal-UE;

3.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-VP/RGħ biex tiżgura kooperazzjoni u sħubija mill-qrib mas-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra wkoll li l-UE għandha tappoġġa bis-sħiħ lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-libertà u tat-trasparenza fid-dinja kollha;

4.  Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha għandu jkollhom approċċ sod u koerenti fil-konfront tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b’mod trasparenti u responsabbli; jikkunsidra li, meta tiġi ffaċċjata b’każijiet ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem persistenti, l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda sabiex tiżgura li l-messaġġ tagħha jinstema’ kemm minn gvernijiet abużivi kif ukoll mill-popli tagħhom; jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin sabiex jagħmel dibattitu pubbliku annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

5.  Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jkun assoċjat mill-qrib u kkonsultat dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

Ir-Rapport Annwali tal-UE 2012

6.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2012; jistenna impenn kontinwu mill-VP/RGħ, b’rapporti regolari lill-Parlament; jitlob diskussjonijiet attivi u kostruttivi fost l-istituzzjonijiet tal-UE fit-tħejjija ta’ rapporti futuri li se jżidu l-viżibbiltà tal-attivitajiet tal-UE f’dan il-qasam;

7.  Jemmen li r-Rapport Annwali għandu jsir għodda essenzjali għall-komunikazzjoni u d-diskussjoni ta’ attivitajiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jilqa’ għalhekk l-impenn tal-VP/RGħ u s-SEAE li jużaw ir-rapporti annwali tal-UE bħala rapporti ta’ implimentazzjoni dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

8.  Jinnota r-referenzi għal azzjonijiet mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Rapport Annwali u jħeġġeġ lill-VP/RGħ u s-SEAE sabiex jinkludu analiżi aktar profonda, b’mod speċjali f’dak li jirrigwardja r-rwol tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni, sabiex tiġi provduta deskrizzjoni adegwata tar-rwol u l-ħidma tiegħu;

9.  Jirrikonoxxi l-isforzi li ttieħdu sabiex jiġu elenkati d-diversi azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-rapporti tal-pajjiżi, li jipprovdu ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE madwar id-dinja; jiddispjaċih, madankollu, li jidher li r-rapporti tal-pajjiżi xorta waħda huma nieqsa minn qafas sistematiku, ċar u koerenti li jippermetti analiżi aktar rigoruża dwar l-impatt u l-effiċjenza tal-azzjoni tal-UE;

10.  Itenni l-opinjoni tiegħu li r-rapporti tal-pajjiżi għandhom ikomplu jissaħħu u għandhom jirriflettu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem u għaldaqstant għandhom jirreferu għal valuri referenzjarji speċifiċi bbażati fuq sett ta’ indikaturi sabiex jiġu vvalutati kemm ix-xejriet pożittivi kif ukoll dawk negattivi, tiġi evalwata l-effiċjenza tal-azzjonijiet tal-UE u jiġu provduti bażijiet għall-adattament tal-livelli tal-appoġġ tal-UE skont il-progress fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

11.  Jilqa' l-isforz sabiex jiġu inklużi l-attivitajiet imwettqa mill-Parlament Ewropew fir-Rapport Annwali, jitlob sabiex jintużaw il-kisbiet u l-potenzjal tal-Parlament, inkluż l-għadd kbir ta’ studji u analiżi mwettqa mill-Parlament, u jħeġġeġ b’mod qawwi lill-VP/RGħ u s-SEAE sabiex jirrapportaw dwar l-azzjonijiet tal-UE meħuda b' segwitu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, inkluż fir-rigward ta' riżoluzzjonijiet ta' urġenza relatati ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob fluss kostanti ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn il-Parlament u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

12.  Jilqa' r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2012, billi juri l-isforzi li qed tagħmel l-UE biex tippromwovi l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ugwaljanza tal-ġeneru, tad-demokrazija u tal-governanza tajba fl-istrumenti u l-politiki għall-iżvilupp;

Il-Qafas Politiku tal-UE

Il-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni

13.  Itenni l-apprezzament tiegħu tal-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija bħala pass importanti fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' kunsens ġenerali u koordinazzjoni msaħħa tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri; jistieden lis-SEAE biex iżid l-isforzi tiegħu sabiex jiżdied is-sens ta' sjieda ta' dan il-Pjan ta’ Azzjoni fost l-Istati Membri; jitlob l-inklużjoni ta’ taqsima dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni mill-Istati Membri fir-Rapport Annwali;

14.  Jenfasizza l-importanza kbira ta’ implimentazzjoni effiċjenti u kredibbli tal-impenji ddikjarati, kemm fil-Qafas Strateġiku kif ukoll fil-Pjan ta’ Azzjoni; jinnota li l-kredibilità teħtieġ riżorsi adegwati ta’ politiki dwar id-drittijiet tal-bniedem iddedikati u integrazzjoni konsistenti f’livell politiku għoli, bħal f’laqgħat ministerjali u samits ma’ pajjiżi terzi, inkluż mas-sħab strateġiċi;

15.  Jiddispjaċih mill-fatt li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom traskurati mill-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-kuntrarju tal-impenn iddikjarat tal-UE favur l-indiviżibilità u l-interdipendenza tad-drittijiet, u jitlob lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom f’din id-direzzjoni, inkluż fil-qasam tax-xogħol u tad-drittijiet soċjali;

16.  Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni attwali se jiġi konkluż fl-aħħar tal-2014; jistenna li l-VP/RGħ u s-SEAE jinvolvu ruħhom f'rieżami f'waqtu u konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, mal-Kummissjoni, mal-Parlament u mas-soċjetà ċivili, li jwasslu għall-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni ġdid li se jidħol fis-seħħ f'Jannar tal-2015;

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem

17.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-mandat mogħti lill-ewwel Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem; jinkoraġġixxi lir-RSUE sabiex itejjeb il-viżibiltà, l-integrazzjoni, il-koerenza, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-minoranzi kollha, u sabiex isib bilanċ tajjeb bejn diplomazija silenzjuża u dik pubblika fit-twettiq tal-mandat tiegħu; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li r-RSUE jipprovdi lill-Parlament b'rapport regolari tal-attivitajiet tiegħu bi kjarifika tal-prijoritajiet tematiċi u ġeografiċi tiegħu, u jiżgura segwitu għat-tħassib imqajjem mill-Parlament;

18.  Ifaħħar lir-RSUE għall-ftuħ tad-djalogu mwettaq mal-Parlament u mas-soċjetà ċivili, biex b'ehkk tiġi stabbilita prattika importanti li għandha titkompla u tiġi konsolidata sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u responsabilità dovuti; jilqa' l-kooperazzjoni tar-RSUE mal-korpi reġjonali u fil-fora multilaterali u jinkoraġġixxih sabiex ikompli jespandi dawn l-attivitajiet;

19.  Jilqa’ l-fatt li l-kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem ġiet inkluża fil-mandat tar-RSUE ġeografiku għas-Saħel, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ sabiex jadottaw ukoll din il-prattika, fir-rigward tal-mandati tar-RSUE ġeografiċi futuri;

Il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

20.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin, u dwar id-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI; ifakkar lis-SEAE, madankollu, biex jirrispetta l-prattika interistituzzjonali tajba u jinvolvi ruħu f'ħin propizju u mal-korpi politiċi xierqa fil-Parlament fl-iżvilupp ta' kwalunkwe għodda strateġika ġdida bħal linji gwida jew fir-rieżami ta' dawk eżistenti; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill dwar il-Linji Gwida dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin fejn il-Parlament ippropona sett ambizzjuż ta’ strumenti, li jipprovdu suġġerimenti għall-implimentazzjoni prattika tal-Linji Gwida sabiex jinkiseb progress sostanzjali fil-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ din il-libertà fundamentali u universali; ifaħħar il-prattika adottata mis-SEAE u l-Kunsill tar-rieżami u r-reviżjoni ta’ linji gwida aktar antiki; iħeġġeġ lis-SEAE sabiex jadotta proċess ta’ rieżami aktar rigoruż li jinvolvi konsultazzjoni profonda mal-partijiet interessati sabiex ikun jista’ jsir adattament għal ċirkostanzi li jinbidlu;

21.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill sabiex jagħtu attenzjoni partikolari għall-kwistjoni ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni xierqa għal-Linji Gwida; jirrakkomanda aktar taħriġ u sensibilizzazzjoni fost il-persunal tad-delegazzjonijiet tas-SEAE u tal-UE, kif ukoll fost id-diplomatiċi tal-Istati Membri; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar id-dritt umanitarju internazzjonali u l-Linji Gwida dwar it-tortura u trattamenti krudili, inumani jew degradanti oħra;

Id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi

22.  Jinnota d-diffikultajiet kontinwi fil-kisba ta' progress konkret f’diversi djalogi u konsultazzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-UE sabiex tfittex modi ġodda sabiex id-djalogi ma’ pajjiżi ta' tħassib isiru aktar sinifikanti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi segwita politika dwar id-drittijiet tal-bniedem determinata, ambizzjuża u trasparenti f’dawn id-djalogi; jitlob, għalhekk, lill-UE sabiex tislet konklużjonijiet politiċi ċari meta d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ma jkunx kostruttiv u, f’tali każijiet jew f'każijiet ta' ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem, tagħmel aktar enfasi fuq id-djalogu politiku, id-démarches u d-diplomazija pubblika; iwissi, madankollu, kontra d-diverġenza tad-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem lil hinn mid-djalogi politiċi ta’ livell għoli;

23.  Jemmen li d-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom isaħħu u jappoġġaw is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-trejdunjins, il-ġurnalisti, l-avukati u l-membri parlamentari li jieħdu pożizzjoni u jisfidaw l-abbużi f’pajjiżhom u jesiġu li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati; jitlob lill-UE tiżgura li d-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu ambizzjużi u jiġu akkumpanjati b'valuri referenzjarji pubbliċi ċari li abbażi tagħhom ikun jista’ jitkejjel b’mod oġġettiv is-suċċess tagħhom;

24.  Ifakkar fil-fatt li l-korruzzjoni fis-setturi pubbliċi u privati tipperpetwa u taggrava l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tad-drittijiet ċivili, politiċi jew soċjali u kulturali, u jenfasizza l-fatt li huwa pprovat li l-atti ta' korruzzjoni u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinvolvu l-użu ħażin tal-poter, nuqqas ta' responsabilità u forom varji ta' diskriminazzjoni; jitlob l-ogħla livell ta' responsabilità u trasparenza tal-għajnuna esterna u l-baġits pubbliċi fir-rigward tal-għajnuna esterna u l-baġit tal-UE;

L-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem

25.  Jinnota l-isforzi magħmula mis-SEAE sabiex jiġi finalizzat l-ewwel ċiklu tal-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv li tingħata sjieda tal-istrateġija tal-pajjiż lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fil-post, filwaqt li jiġi żgurat l-kontroll tal-kwalità fil-livell tal-kwartieri ġenerali; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-kontenut tal-istrateġiji tal-pajjiż; itenni t-talba tiegħu għal żvelar pubbliku, mill-inqas, tal-prijoritajiet ewlenin ta' kull strateġija tal-pajjiż, u sabiex il-Parlament ikollu aċċess għall-istrateġiji sabiex jingħata lok għal livell xieraq ta' skrutinju; iħeġġeġ lill-UE sabiex tipproduċi valutazzjoni pubblika tat-tagħlimiet meħuda matul l-ewwel ċiklu tal-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE u biex tidentifika l-aħjar prattiki għaċ-ċiklu li jmiss;

26.  Jilqa’ n-netwerk kważi komplut tal-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem fid-Delegazzjonijiet tal-UE; jitlob lill-VP/RGħ u s-SEAE sabiex jiżviluppaw pjan dwar kif dan in-netwerk jista’ jintuża sabiex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tiegħu; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE sabiex jippubblikaw id-dettalji ta’ kuntatt tal-punti fokali kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-Uffiċjali ta’ Kollegament tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

Id-drittijiet tal-bniedem fil-politika kummerċjali tal-UE

27.  Jappoġġa l-prattika li jiġu inkużi l-klawżoli legalment vinkolanti u mhux negozjabbli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali tal-UE li jiġu konklużi ma' pajjiżi terzi, u jikkunsidra li l-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu inklużi sistematikament ukoll fil-ftehimiet kummerċjali; jitlob monitoraġġ effikaċi tal-applikazzjoni tagħhom u rapportar lura lill-kumitat relevanti tal-Parlament dwar il-valutazzjoni tagħhom u r-reazzjoni suġġerita;

28.  Jinnota li l-Parlament m'għandux jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet internazzjonali meta jseħħ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

29.  Ifakkar li l-SPĠ riveduta se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014; jilqa' l-kontinwazzjoni tal-iskema SPĠ+ li permezz tagħha l-pajjiżi jistgħu jgawdu minn tariffi preferenzjali addizzjonali ladarba jkunu rratifikaw u implimentaw is-27 konvenzjoni fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; ifakkar fil-possibbiltà tas-sospensjoni tal-preferenzi tal-SPĠ, tal-SPĠ+ u ta’ Kollox ħlief Armi f’każ ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-valutazzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-SPĠ+, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u r- responsabilità;

30.  Jitlob, barra minn hekk, lill-UE sabiex tiddefinixxi u tadotta linji gwida ta' politika speċifiċi dwar l-inklużjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tagħha sabiex jinkisbu konsistenza metodoloġika u rigorożità fil-valutazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem;

Id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki tal-UE għall-Iżvilupp

31.  Jenfasizza l-fatt li s-Sħubija ta' Busan għal Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Effikaċi stiednet lill-komunità internazzjonali biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-isforzi għall-iżvilupp;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt estensivi tal-proġetti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, li għandhom jinkludu valutazzjoni tal-impatt ta' dawn il-proġetti fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex tiżgura li l-isforzi ta' żvilupp tal-UE ma jikkontribwixxux għal aktar emarġinazzjoni ta' gruppi vittmi ta' diskriminazzjoni u li l-fondi tal-UE jitqassmu b'mod ġust fost ir-reġjuni differenti f'pajjiż partikolari skont il-bżonn u l-livell ta' żvilupp tagħhom;

33.  Itenni l-fatt li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom ikunu responsabbli, fl-ambitu tal-eżerċizzju ta' programmazzjoni futur, mill-adozzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet;

34.  Huwa tal-fehma li l-parlamenti nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem b'mod effikaċi u jenfasizza li jeħtieġ ikunu stabbiliti kundizzjonijiet xierqa għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tiġi promossa s-sjieda awtentika tal-għażliet politiċi tal-istrateġiji ta' żvilupp;

Il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar proċessi ta’ tranżizzjoni

35.  Jinnota l-evidenza kbira minn snin riċenti li tindika l-importanza kruċjali li l-politika barranija tal-UE tindirizza b’mod adegwat proċessi ta’ tranżizzjoni dinamiċi f’pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi lill-UE tkompli titgħallem minn esperjenzi li tkun għaddiet minnhom, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, sabiex tiġi evitata ripetizzjoni ta' ċerti żbalji ta’ politika, u jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki sabiex jiġu influwenzati u konsolidati proċessi ta’ demokratizzazzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' flessibbiltà politika f’sitwazzjonijiet diverġenti, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ għodod ta’ politiki li jistgħu jiġu applikati f’xenarji differenti ta’ tranżizzjoni sabiex jiġu integrati miżuri ta’ appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-approċċ tal-UE b’mod flessibbli u kredibbli;

36.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni politika u d-demokratizzazzjoni jeħtieġ li jiġu marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-ġustizzja, it-trasparenza, is-sens ta’ responsabilità, ir-rikonċiljazzjoni, l-istat tad-dritt u l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġustizzja tal-minorenni; jenfasizza l-importanza tad-dritt ta' rimedju rigward abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn reġimi preċedenti; jenfasizza li l-UE għandha dejjem tappoġġja approċċ sensittiv għall-kuntest ta’ ġustizzja tranżizzjonali filwaqt li tħares b’mod strett il-prinċipju tar-responsabilità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

37.  Jenfasizza li l-UE għandha tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lil pajjiżi li jkunu qalgħu ’l barra reġimi awtoritarji u li għaddejjin minn tranżizzjoni lejn id-demokrazija billi tappoġġja s-soċjetà ċivili bħala attur kruċjali fil-promozzjoni tal-istat tad-dritt, is-sens ta’ responsabilità u t-trasparenza u fil-promozzjoni ta’ movimenti soċjali għal bidla u parteċipazzjoni politika; ifakkar li l-pulizija, il-forza militari u l-ġudikatura ħafna drabi jintużaw bħala mekkaniżmi sabiex jitwettaq ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, għalhekk, li jinħtieġ li r-riforma istituzzjonali ta’ dawn il-korpi tipprovdi għal sens akbar ta’ responsabilità u aktar trasparenza fi proċessi ta’ tranżizzjoni;

38.  Jikkunsidra l-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE bħala għodda importanti għall-promozzjoni u d-difiża tal-valuri tal-UE barra mill-pajjiż; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-impenn li d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt jitpoġġew fiċ-ċentru tal-azzjoni esterna tal-UE; jitlob titjib fil-koerenza u l-effikaċja ta’ strumenti tematiċi u ġeografiċi differenti sabiex jinkiseb dan l-objettiv strateġiku;

39.  Jinkoraġġixxi b’mod qawwi lill-UE sabiex tappoġġja soċjetà ċivili attiva u indipendenti fid-dinja kollha, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament, partikolarment permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); jissuġġerixxi li l-ftuħ ta’ programmi Ewropej ta’ skambju ta’ studenti għaż-żgħażagħ ta’ pajjiżi mhux tal-UE u l-ħolqien ta’ programmi ta’ taħriġ għal professjonisti żgħar iħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-bini tad-demokrazija u jsaħħaħ is-soċjetà ċivili; jiddispjaċih li l-libertà tal-għaqda, bħala kundizzjoni fundamentali għal kwalunkwe żvilupp demokratiku u bħala kwistjoni partikolarment sensittiva f’pajjiżi ta’ tranżizzjoni, tidher li ġiet injorata fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jitlob lis-SEAE u l-Istati Membri jfasslu Linji Gwida dwar il-Libertà tal-Għaqda;

40.  Jilqa’ l-istabbiliment tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (EED) u jistedinha timpenja lilha nnifisha biex tipprovdi appoġġ għal dawk li qed iħabirku għal bidla demokratika billi joffrulhom finanzjament flessibbli mfassal apposta għall-bżonnijiet tagħhom; jitlob biex ikun garantit appoġġ finanzjarju xieraq għall-EED u l-Istati Membri tagħha; ifakkar l-importanza kritika li jiġi evitat trikkib bejn il-mandat u l-attivitajiet tal-EED u dawk tal-istrumenti esterni tal-UE, speċjalment dawk fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

Il-politika tat-tkabbir, id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

41.  Jenfasizza l-importanza radikali tal-proċess tat-tkabbir bħala mezz ta’ appoġġ tad-demokratizzazzjoni u t-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

42.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tpoġġi l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess tat-tkabbir; iħeġġeġ lill-UE tibqa’ viġilanti matul il-proċessi tat-tkabbir u li titlob l-implimentazzjoni rigoruża tad-dispożizzjonijiet kritiċi għad-drittijiet tal-bniedem, bħall-protezzjoni attiva tad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoritajiet nazzjonali sabiex jiġi salvagwardjat it-trattament ugwali ta’ dawn il-minoritajiet fir-rigward tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u servizzi pubbliċi oħra, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt flimkien ma' azzjoni b'saħħitha fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ korruzzjoni, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u passi li jiggarantixxu l-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza sħiħa u effettiva bejn persuni li jappartjenu għal minorità nazzjonali u dawk li jappartjenu għall-maġġoranza nazzjonali, fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika, politika u kulturali;

43.   Jisħaq fuq il-bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni ġusta u dejjiema fir-rigward tal-kunflitt tal-Lvant Nofsani bil-għan li tinkiseb soluzzjoni ta’ żewġ stati, Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli, u l-Istat tal-Iżrael, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà abbażi tal-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti fl-1967;

44.  Jinnota bi tħassib li r-rispett tad-drittijiet tal-minoritajiet huwa wieħed mill-isfidi ewlenin identifikati fl-Istrateġija ta’ Tkabbir tal-Kummissjoni għall-2012-2013; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, kif ukoll lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha, sabiex iniedu dibattitu pubbliku ġenerali dwar l-aċċettazzjoni ta’ minoritajiet u l-inklużjoni tagħhom fis-sistema tal-edukazzjoni, l-involviment tas-soċjetà ċivili, kundizzjonijiet ta’ għajxien imtejba u s-sensibilizzazzjoni, b'mod ġenerali; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-komunità Rom hija partikolarment żvantaġġjata fil-Balkani tal-Punent, u li dan għandu effett avvers fuq il-proċessi ta’ sħubija; iħeġġeġ lill-pajjiżi kkonċernati sabiex jimplimentaw miżuri effettivi ħalli jindirizzaw problemi bħad-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni, u l-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa; jikkundanna l-provokazzjoni b’mod ġenerali ta’ mibegħda u preġudizzji, u l-atti negattivi u d-diskriminazzjoni bbażati fuq is-sessi, l-orjentazzjoni sesswali jew kontra gruppi vulnerabbli u persuni b’diżabbiltajiet; jenfasizza li din hija kwistjoni rikorrenti f’ħafna pajjiżi ta’ tkabbir, kif ukoll f'maġgoranza tal-Istati Membri;

45.  Jinnota li l-libertà tal-midja avvanzat b’mod ġenerali fil-pajjiżi li kienu parti mit-tkabbir; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas ta’ miżuri sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni f’ċerti pajjiżi fil-proċess ta’ tkabbir, li ħafna drabi jwassal għal awtoċensura, interferenza politika, pressjonijiet ekonomiċi, il-fastidju u l-użu ta’ vjolenza kontra ġurnalisti; jinsab imħasseb serjament, f’dan ir-rigward, dwar iż-żieda fil-każi ta' ksur tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa fit-Turkija;

L-isfida ta’ tranżizzjonijiet fil-Politika tal-Viċinat

46.  Jirrikonoxxi l-isfidi relatati mat-tranżizzjonijiet demokratiċi fil-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant; jinnota ż-żieda fid-diverġenza fir-riformi demokratiċi madwar il-viċinat tal-UE; itenni l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-drittijiet tal-bniedem fil-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika; iħeġġeġ, għalhekk, li jsir differenzjar bejn id-dimensjonijiet tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Politika tal-Viċinat sabiex jiġu indirizzati partikolarment u b'mod aktar effettiv il-proprjetajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull żona ġeografika;

47.  Jitlob lill-UE taġixxi b'mod konsistenti bħala msieħba li tixpruna r-riforma demokratika fil-viċinat tagħha; jappoġġa, f'dan il-kuntest, impenn ulterjuri fil-proċess ta' assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat; jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tas-Samit ta’ Vilnius u jitlob tisħiħ ulterjuri fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;jappoġġa l-proċessi demokratiċi u pro-Ewropej fl-Ukraina u jikkundanna l-użu reċenti tal-użu tal-forza kontra dimostrazzjonijiet pubbliċi paċifiċi fil-Kyiv bħala ksur tal-prinċipji fundamentali tal-libertá ta' assemblea u tal-espressjoni;

48.  Jinnota l-approċċ il-ġdid tal-UE immirat lejn it-tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi u s-soċjetajiet tal-Viċinat tagħha, abbażi ta’ responsabilità reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u l-istat tad-dritt;

49.  Jinnota bi tħassib l-istat fraġli ta’ proċessi demokratiċi u d-deterjorament fid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Viċinat; jenfasizza li l-governanza tajba, it-trasparenza, il-libertà tal-assoċjazzjoni, l-espressjoni, il-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon u l-għaqda, stampa u midja ħielsa, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti huma essenzjali għas-sostenn ta’ tranżizzjonijiet demokratiċi; itenni l-importanza li jiġu appoġġjati u promossi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, flimkien ma' żvilupp soċjali u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fil-bini ta’ appoġġ pubbliku għal riformi demokratiċi fil-pajjiżi tal-Viċinat;

50.  Jiddispjaċih għall-fatt li f’xi pajjiżi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jibqgħu jiffaċċjaw limitazzjonijiet serji bħal ostakoli għal-libertà tal-moviment, kawżi kontra mexxejja ta’ NGOs u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, proċeduri amministrattivi kkumplikati, l-użu aggressiv ta’ liġijiet ta’ malafama kriminali kontra NGOs jew projbizzjoni kompleta fuq l-operat tagħhom, regoli restrittivi li jikkontrollaw il-finanzjament barrani jew li l-aċċettazzjoni tal-appoġġ finanzjarju jsir soġġett għall-awtorizzazzjoni; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija bħala mezz flessibbli u diskret ta’ appoġġ għall-potenzjal prodemokratiku ta’ soċjetajiet f’pajjiżi qabel jew matul il-proċess ta’ trasformazzjoni demokratika;

51.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress fil-kisba ta’ soluzzjoni prattika sostenibbli fir-rigward ta’ “kunflitti ffriżati”; jenfasizza li d-djalogu politiku għandu jqis u jirrispetta b’mod sħiħ l-integrità territorjali u l-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tal-pajjiżi kkonċernati; iħeġġeġ lill-UE tinvolvi ruħha b’mod aktar attiv f’dan ir-rigward;

52.  Jenfasizza l-importanza ta’ Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI) fl-arkitettura tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali, inkluż f’termini tal-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-iżgurar ta’ rimedju għal ksur; iħeġġeġ lis-SEAE u l-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw politika li tappoġġja l-NHRIs, u sabiex jappoġġjaw l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ NHRIs f’konformità mal-Prinċipji ta’ Pariġi bħala prijorità fl-assistenza esterna, b’mod partikolari taħt l-ENPI;

53.  Jibqa’ mħasseb dwar in-nuqqas ta’ demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus;

54.  Jinnota bi tħassib każijiet ta’ ġustizzja selettiva f’ċerti pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant; ifakkar li l-UE talbet kontinwament il-ħelsien ta’ priġunieri politiċi bħal Yuliya Tymoshekno fl-Ukraina; itenni li r-responsabilità politika u kriminali għandhom jiġu separati b’mod ċar f’pajjiżi li huma impenjati favur valuri demokratiċi;

55.  Jappoġġja l-passi kollha li jwasslu għal djalogu politiku, li huwa essenzjali sabiex it-tranżizzjoni fl-Eġittu titmexxa ’l quddiem; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar kriżijiet riċenti u l-polarizzazzjoni politika fil-pajjiż, inkluż il-battalji fit-toroq bejn l-armata u dawk li jappoġġjaw il-Fratellanza Musulmana, it-terroriżmu u l-ġlied vjolenti fis-Sinaj; jikkundanna l-vjolenza estremista kontra minoritajiet, inklużi komunitajiet tal-Kristjani Kopti; jesprimi s-solidarjetà mal-poplu Eġizzjan fil-ġlieda għad-demokrazija, jilqa' l-isforzi mill-Unjoni Ewropea u mir-VP / RGħ biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi, u jirrimarka għal darba oħra l-ħtieġa urġenti għal djalogu politika kostruttiv u inklużiv sabiex jiġi stabbilit pjan ta' rotta ċar għal tranżizzjoni lejn demokrazija reali u sostenibbli; jitlob lill-mexxejja politiċi kollha fil-pajjiż sabiex isibu mod kif jiksru l-istaġnar perikoluż u jaqblu dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri tanġibbli ta’ bini tal-fiduċja sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ aktar tixrid ta’ demm u polarizzazzjoni fil-pajjiż; jitlob ir-ritorn rapidu għall-proċess demokratiku, inkluż iż-żamma ta’ elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali ħielsa u ġusti fi proċess inklużiv għal kollox; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex javvanzaw fil-ħidma tagħhom lejn kostituzzjoni inklużiva bi drittijiet ugwali għal kulħadd;

56.  Jitlob li jintemmu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, l-attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti kontra d-dimostranti nisa u l-attivisti għad-drittijiet tan-nisa u jitlob li jsiru investigazzjonijiet serji u imparzjali dwar il-każijiet kollha ta' dan it-tip u għal sens ta’ responsabilità sħiħa għal dawk responsabbli;

57.  Jibqa’ mħasseb profondament dwar is-sitwazzjoni kritika fis-Sirja; jiddeplora bl-aktar mod qawwi l-użu ta’ armi kimiċi u l-użu eċċessiv ta’ forza u vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u l-minoritajiet fil-pajjiż li ma jistgħux ikunu ġustifikati taħt l-ebda ċirkostanza, u jistmell l-iskala tal-abbużi tal-istat li jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; itenni l-approvazzjoni qawwija tiegħu għat-talba tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) għal investigazzjoni formali; jistieden lill-fazzjonijiet armati kollha biex itemmu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja li għaddejja, inkluża s-sitwazzjoni tar-refuġjati, u l-implikazzjonijiet għall-pajjiżi ġirien u l-istabbiltà fir-reġjun; jenfasizza għal darb’oħra li l-assistenza umanitarja għall-ħtiġijiet u s-servizzi bażiċi fis-Sirja u l-ġirien tagħha jridu jkunu prijorità immedjata għall-komunità internazzjonali u l-Unjoni Ewropea; jemmen li s-soluzzjoni sabiex jissolva l-kunflitt tinsab f’mekkaniżmi politiċi u fi proċessi diplomatiċi; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni stretta tal-Konvenzjoni dwar l-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom; jilqa’ r-riżoluzzjoni riċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-proposta tas-Segretarju Ġenerali sabiex tinżamm il-konferenza Geneva II f'Diċembru 2013; jikkundanna l-persekuzzjoni tal-Insara u minoritajiet reliġjużi oħra fil-Lvant Nofsani;

58.  Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent(18) , tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel(19) , u jsejjaħ għal garanzija tad-drittijiet tal-bniedem għall-poplu tas-Saharawi u jenfasizza l-ħtieġa li dawn id-drittijiet jiġu indirizzati fis-Saħara tal-Punent u fil-kampi Tindouf, inkluż li jiġu rispettati l-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u d-dritt li jipprotestaw; jitlob il-ħelsien tal-priġunieri politiċi tas-Saħara tal-Punent kollha; jitlob il-ftuħ tat-territorju għal osservaturi indipendenti, NGOs u l-m edia; jappoġġja soluzzjoni politika ġusta u aċċettabbli għal kulħadd dwar is-Saħara tal-Punent, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-N azzjonijiet Uniti, inklużi dawk li jippermettu l-awtodeterminazzjoni;

Il-Ġustizzja tranżitorja u l-isfida tal-bini tal-paċi wara l-kunflitti

59.  Jikkunsidra s-sens ta’ responsabilità għal vjolazzjonijiet fil-passat bħala element integrali fil-proċess tal-bini ta’ rikonċiljazzjoni sostenibbli; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa, filwaqt li jenfasizza l-importanza ta' din il-parteċipazzjoni, fil-proċessi ta' paċi u fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, inkluż fi tranżizzjoni demokratika u f'sitwazzjonijiet ta' riżoluzzjoni ta' konflitt; jitlob li l-kriminali tal-gwerra jitressqu quddiem il-QKI, u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-QKI f'dan ir-rigward; jilqa’ l-intenzjoni tas-SEAE li jiżviluppa politika speċjali dwar il-ġustizzja tranżitorja sabiex jgħin lis-soċjetajiet jittrattaw abbużi tal-passat u jiġġieldu kontra impunità u jħeġġeġ l-iżvilupp f’waqtu ta’ din il-politika; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġustizzja tranżitorja tiġi ttrattata b’mod li jkun konsistenti mal-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja kriminali internazzjonali b'mod ġenerali, u b’mod partikolari l-QKI; jiġbed l-attenzjoni partikolarment għall-esperjenza tal-UE fil-Balkani tal-Punent bħala sors ta’ ispirazzjoni; jitlob lill-UE tappoġġja b’mod attiv il-mandat il-ġdid tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-promozzjoni tal-verità, il-ġustizzja, ir-riparazzjoni u l-garanziji li ma jkunx hemm repetizzjoni;

60.  Jenfasizza li element ewlieni tal-approċċ tal-UE għall-ġustizzja tranżitorja għandu jkun appoġġ għar-riforma istituzzjonali tal-ġudikatura sabiex jittejjeb il-funzjonament tal-istat tad-dritt f’konformità mal-istandards internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li kriminali li r-reati tagħhom imorru lura żmien twil jiġu mħarrka permezz ta’ qrati nazzjonali jew internazzjonali; jenfasizza l-importanza ta’ djalogu pubbliku sabiex jiġi kkonfrontat il-passat u għal programmi xierqa ta’ konsultazzjoni u ta’ kumpens għall-vittmi, inklużi riparazzjonijiet; jikkunsidra li l-iskrutinju tal-kurrikulu personali ta’ persunal li qed jaħdem fl-istituzzjonijiet tranżitorji huwa test ta’ kredibilità għall-ġustizzja tranżitorja;

61.  Jinnota l-kumplessità partikolari tal-iżvilupp ta’ politiki konsistenti għal tranżizzjonijiet f’kuntesti ta’ wara l-kunflitti; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jissaħħu l-konformità u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u normi tad-dritt umanitarju f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati u jħeġġeġ lis-SEAE sabiex jappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jippromovu r-rispett tad-dritt umanitarju minn gruppi statali u mhux statali armati, b'attenzjoni partikolari fuq id-drittijiet tan-nisa u l-aħjar interessi tat-tfal;

62.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati fi kriżijiet riċenti u li għaddejjin bħalissa, bħas-Sirja, Mali, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, u b’mod partikolari eżekuzzjonijiet sommarji, stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali, atti ta’ tortura, arresti arbitrarji u detenzjonijiet, b’mod speċjali fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfal li huma partikolarment vulnerabbli; jitlob lill-UE tiġġieled kontra l-impunità f’dawn il-każijiet kollha u biex tappoġġja azzjoni minn ġudikaturi domestiċi u l-QKI sabiex dawk li jwettqu dawn l-atti jitressqu quddiem il-ġustizzja; jinkoraġġixxi lill-UE sabiex tintegra mekkaniżmi tal-prevenzjoni tat-tortura fl-attivitajiet kollha tar-relazzjonijiet esterni tal-UE;

63.  Jitlob lill-VP/RGħ u s-SEAE sabiex iwettqu rieżami tal-politika bir-reqqa tal-avveniment traġiċi fis-Sirja, fil-Libja u f’Mali u kunflitti riċenti oħrajn sabiex jiġu riveduti l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL), u sabiex ikun hemm implimentazzjoni aktar effettiva ta’ dawk il-linji gwida; jitlob lill-UE tappoġġja l-inizjattiva li għaddejja tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Gvern Svizzeru għar-riforma tal-qafas tal-governanza internazzjonali attwali fir-rigward tal-IHL; jappoġġja lill-UE sabiex tinvolvi ruħha f’riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), sabiex tkun tista’ twieġeb b’mod effettiv għall-kriżijiet kontemporanji;

64.  Jilqa’ t-tnedija, minn Jannar 2014, tal-inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE li se toħloq opportunitjiet sabiex aktar minn 8 000 ċittadin ta' pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE jiġu mħarrġa u jintbagħtu f’operazzjonijiet umanitarji madwar id-dinja u jinnota li 10 000 persuna oħra huma mistennija li jappoġġjaw lill-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE bħala ‘voluntiera online’ b’kompiti li jistgħu jitwettqu fuq kompjuter mid-dar;

65.  Jitlob lill-UE tiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar inġenji tal-ajru mingħajr pilota armati;

It-tranżizzjonijiet imblukkati u l-pajjiżi li jistgħu jqajmu tħassib

66.  Jiġbed l-attenzjoni wkoll għat-tranżizzjonijiet imblukkati f’pajjiżi u reġjuni fejn il-movimenti tar-riforma u l-proċessi tranżitorji twaqqfu jew tneħħew mir-reġim li jinsab fil-poter; jitlob lill-UE tkompli l-isforzi tagħha sabiex tipperswadi lill-gruppi diriġenti ta' dawn il-pajjiżi, kif ukoll ta’ pajjiżi oħra li jistgħu jqajmu tħassib u li għadhom taħt tmexxija awtoritarja, sabiex jibdew proċess ta’ riforma ħalli jiġu żviluppati demokraziji b’saħħithom u stabbli li fihom jiġu rispettati l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; huwa tal-fehma li din il-persważjoni trid isseħħ fid-djalogi mal-imsieħba kollha, inkluż fl-ogħla livell politiku, billi jsir użu mill-oqsma rilevanti kollha tal-politika esterna tal-UE, jiġifieri l-iżvilupp, il-kummerċ, eċċ.;

67.  Ifakkar li pajjiżi u reġjuni maqbuda fi tranżizzjoni għandhom nieqsa minn riformi demokratiċi u sens ta’ responsabbiltà politika; itenni li ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt li jipparteċipaw b’mod sħiħ u liberu fil-ħajja tal-politika li fiha jseħħu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u miftuħa b’aktar minn partit wieħed u b'sorsi tal-midja alternattivi u indipendenti differenti;

68.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-liġijiet repressivi reċenti u l-infurzar arbitrarju tagħhom mill-awtoritajiet Russi, li ta’ spiss wasslu għal fastidju ta’ NGOs, attivisti tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, minoritajiet u persuni LGBTI, u jitlob lill-UE tesprimi dan it-tħassib fil-livelli politiċi kollha; jitlob għall-ħelsien ta’ Mikhail Khodorkovsky u priġunieri politiċi oħra, u jiddeplora l-użu politiku tal-ġustizzja ; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex jinvestigaw b’mod imparzjali u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għall-imwiet ta’ Sergei Magnitsky, Natalia Estemirova, Anna Politkovskaya, Stanislav Markelov u Vasily Alexanian; jiddispjaċih għan-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jikkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar il-każ ta’ Magnitsky; jistieden għaldaqstant lill-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi lista komuni tal-UE tal-uffiċjali involuti fil-mewt ta’ Sergei Magnitsky; iżid li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha timponi sanzjonijiet immirati lejn dawk l-uffiċjali; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-attivitajiet ta' gruppi viġilanti tal-lemin estrem li jikkuntattjaw persuni LGBTI onlajn bil-ħsieb li jingannawhom u jħebbu għalihom filwaqt li jpoġġu mijiet ta' vidjos ta' dawn l-atti onlajn; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fir-Russja jżidu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida rilevanti;

69.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-repressjoni kontinwa ta’ ġurnalisti indipendenti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u t-trażżin tal-oppożizzjoni f'Kuba; jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni ta’ priġunieri ta’ kuxjenza f'Kuba li qed ikomplu jiġu kkundannati fuq akkużi foloz jew miżmuma f’detenzjoni qabel il-proċess; jitlob lis-SEAE u r-VP / RGħ tal-UE sabiex jippromwovu fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti kumitat ta' inkjesta internazzjonali u indipendenti bl-għan biex jinvestigaw iċ-ċirkostanzi li fihom mietu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-dissidenti paċifiċi Oswaldo Payá Sardiñas (Premju Sakharov 2002) u Harold Cepero f'Kuba f’Lulju 2012;

70.  Jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ internazzjonali tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jidħlu b’mod attiv fit-twaqqif ta’ dan il-monitoraġġ fid-dawl tad-djalogu tal-UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li ma rnexxilu jikseb l-ebda riżultat sinifikattiv u tanġibbli; jibqa’ mħasseb dwar ir-restrizzjonijiet li qed jiżdiedu li huma mmirati lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u l-bloggers; jappoġġja d-domanda interna tal-poplu Ċiniż għal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi tiegħu li għalihom huwa intitolat; ifakkar li l-UE tista’ sservi bħala faċilitatur f’dan ir-rigward billi toħloq aktar fiduċja, issib mezzi ġodda għal djalogu u ttejjeb strumenti diġà eżistenti;

71.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jinvolvu ruħhom b’mod serju mal-poplu Tibetjan sabiex jiġu vvalutati l-kawżi sottostanti tan-numru kbir ta’ persuni li jaħaqru lilhom infushom; jikkundanna r-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni ta’ nomadi Tibetjani li hija theddida għas-sopravvivenza tal mod ta' għajxien li huwa integrali għall-identità Tibetjana; iħeġġeġ lis-SEAE, f’konformità mal-Linji Gwida tal-UE reċentement adottati dwar il-Libertà tar-Reliġjon u t-Twemmin, sabiex jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tar-repressjoni reliġjuża fit-Tibet u jistieden liċ-Ċina sabiex ittemm il-politiki restrittivi tagħha dwar il-Buddiżmu Tibetjan; jenfasizza l-ħtieġa għal titjib fis-sistema tal-edukazzjoni b’mod speċjali fir-rigward tal-edukazzjoni b’żewġ lingwi fir-reġjun sabiex tiġi preservata l-identità u l-wirt nazzjonali u sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

72.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, ir-repressjoni kontinwa ta’ riformisti, in-numru dejjem jikber ta’ priġunieri politiċi u priġunieri tal-kuxjenza u tal-fidi, id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni kontra l-komunità Baha’i, in-numru kostantement għoli ta’ eżekuzzjonijiet, inkluż ta’ minorenni, il-prattika mifruxa tat-tortura, il-proċessi inġusti, is-somom ta’ flus eżorbitanti mitluba għal pleġġ, kif ukoll ir-restrizzjonijiet qawwija fuq il-libertà tal-informazzjoni, tal-espressjoni, tal-għaqda, tar-reliġjon, tal-edukazzjoni u tal-moviment; jilqa’ l-ħelsien ta’ diversi priġunieri tal-kuxjenza fl-Iran, inkluż l-avukat u r-rebbieħ tal-premju Sakharov Nasrin Sotoudeh; jitlob lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jeħilsu lit-tliet mexxejja tal-oppożizzjoni, Mehdi Karroubi, Zahra Rahnavard u Mir Hossein Mousavi, li nżammu taħt arrest domiċiljarju mingħajr akkużi għal aktar minn sentejn, sabiex jippermettu lir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran iżur il-pajjiż, jaħdmu għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, ineħħu ċ-ċensura tal-Internet u jippermettu espressjoni ħielsa fl-Iran; jinnota l-bidu mill-ġdid ta’ kuntatti diplomatiċi bejn l-Iran u l-komunità internazzjonali u jittama li dawn iwasslu għal konklużjoni sodisfaċenti u aċċettabbli reċiprokament ta' negozjati bejn l-E3+3 u l-Iran dwar il-programm nukleari tal-Iran;

73.  Jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu fir-rigward tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK), jenfasizza l-attenzjoni għar-riżoluzzjonijiet ta’ emerġenza (Artikolu 122) adottati mill-Parlament Ewropew u jitlob lir-RDPK sabiex tinvolvi ruħha fi djalogu sinifikattiv dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Unjoni Ewropea; jistieden lir-RDPK ittemm il-qtil extraġudizzjarju u l-għejbien imġiegħel, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jinnota li l-azzjonijiet provokatorji kollha tal-RDPK kif ukoll il-miżuri restrittivi imposti fuq iċ-ċittadini tagħha wasslu għal faqar mifrux u tiċħid materjali;

74.  Iqajjem tħassib profond fir-rigward ta’ Kashmir fejn kwalunkwe att ta’ vjolenza kontra ċ-ċittadini għandu jiġi kkundannat bil-qawwa; jinsab konxju li twettqu investigazzjonijiet fil-kwistjoni tal-oqbra mhux identifikati; iħeġġeġ, madankollu, li jitpoġġew mekkaniżmi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru ta’ kwalunkwe tentattiv li jidentifika responsabbiltà u jiżgura l-obbligu ta' rendikont għal abbużi kontra l-popolazzjoni ċivili;

75.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tinvolvi ruħha fi strateġija koordinata u inklużiva fis-Saħel, sabiex min-naħa r-reġjun ikun aktar sikur u min-naħa l-oħra jkunu promossi d-drittijiet tal-bniedem ħalli jintemmu l-każi ta' ksur bħat-tortura, l-arresti ta’ spiss arbitrarji ta' persuni tal-oppożizzjoni u ta' ġurnalisti, ir-ripressjoni tal-manifestazzjonijiet paċifiċi, il-vjolenzi fuq in-nisa bħall-istupru, iż-żwieġ sfurzat, il-mutilazzjonijiet ġenitali, id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-etniċità jew fuq il-kasta u sabiex jiġi stabbilit l-istat tad-dritt li jiggarantixxi drittijiet u libertajiet fundamentali;

76.  Jinsab imħasseb sew mix-xejra li qed tikber ta' vjolenza statali kontra l-persuni tal-LGBTI f'ħafna pajjiżi Sub-Saħarjani, speċjalment l-Uganda, in-Niġerja, il-Kamerun u s-Senegal; jikkundanna b'mod iebes l-isforzi biex jiddaħħlu liġijiet dejjem aktar ripressivi f'pajjiżi fejn l-omosesswalità hija diġà kriminalizzata; jistieden lill-parlamentari biex jieqfu jwieġbu għall-pressjoni popolista u konservattiva, inkluż minn mexxejja reliġjużi, u biex jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini kollha, inklużi persuni tal-LGBTI; jinnota li 76 pajjiż għadu jikkriminalizza l-omosesswalità, inklużi ħamsa li jagħti l-piena tal-mewt; jerġa' jiddispjaċih li l-Ftehim ta' Cotonou ġie ffirmat bl-ebda diskussjoni dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali bħala parti mid-djalogu politiku tiegħu, kif mitlub kemm-il darba minn dan il-Parlament; ifakkar lill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-intenzjoni soda tal-Parlament biex jinkludi dan l-aspett fir-reviżjoni li jmiss tal-Ftehim;

77.  Jitlob lill-UE tibni politika effiċjenti fil-qasam ta' sanzjonijiet effiċjenti għar-reġimi kollha li jeżerċitaw metodi ripressivi kontra l-popolazzjoni ċivili;

78.  Jitlob lill-UE tkompli tappoġġja b’mod attiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż bil-provvista f’waqtha ta’ kenn temporanju lil dawk li jinsabu f’riskju; jitlob lill-UE testendi l-politika tagħha ta’ appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal informaturi u ġurnalisti investigattivi, li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

L-osservazzjoni tal-elezzjoni u l-politiki ta’ appoġġ għad-demokrazija

79.  Jilqa’ l-appoġġ kontinwu tal-UE għall-proċessi elettorali madwar id-dinja bl-iżvilupp ta' Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali (EOMs) u Missjonijiet ta’ Esperti Elettorali (EEMs) u billi pprovdiet assistenza u appoġġ elettorali lill-osservaturi domestiċi; jinnota li dawn il-missjonijiet riċentement taw appoġġ għall-iżvilupp demokratiku fil-viċinat tal-UE, u raw it-trasferiment tas-setgħa lill-oppożizzjoni (Senegal) u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija wara l-kunflitt (Sierra Leone);

80.  Jenfasizza l-importanza ta' segwitu għar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali; jenfasizza l-inizjattiva tiegħu li jsaħħaħ is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE billi jintużaw bħala parti "mill-pjan direzzjonali għad-demokrazija" fil-pajjiż ikkonċernat, u sabiex l-Osservatur Ewlieni jkollu rwol speċjali li jiżgura s-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet bl-appoġġ tal-korpi permanenti tal-Parlament;

81.  Jenfasizza l-importanza li tittejjeb il-kapaċità operazzjonali tal-parlamenti bejn elezzjoni u oħra; ifakkar, f’dan il-kuntest, il-wegħda tal-UE fil-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li tibbaża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq ‘sjieda demokratika’, b’referenza partikolari għar-rwol imsaħħaħ tal-parlamenti; iħeġġeġ lill-UE taħdem favur approċċ ibbażat fuq id-drittijiet bl-għan li tintegra l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet operattivi tal-UE u biex tappoġġa l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-aġenda għall-iżvilupp globali, skont l-impenn li ttieħed fil-Pjan ta’ Azzjoni;

82.  Ifakkar fl-impenn tal-VP/RGħ li tiffoka fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-minoritajiet nazzjonali fl-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, kif ukoll tal-persuni b’diżabbiltà kemm bħala kandidati kif ukoll bħala votanti; jitlob li jitqiesu dejjem il-konklużjonijiet tal-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE (MOE) meta jkunu qegħdin jitfasslu programmi li jkollhom l-għan li jappoġġaw il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa fil-proċessi elettorali, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet;

Il-libertà ta’ espressjoni

83.  Jenfasizza l-importanza partikolari tal-libertà tal-espressjoni, inkluża l-midja ħielsa f’sitwazzjonijiet ta’ tranżizzjoni; jilqa’ l-impenn tal-UE li tipproduċi Linji Gwida dwar il-Libertà tal-Espressjoni (onlajn kif ukoll offlajn), u jirrakkomanda wkoll li l-UE tiżviluppa metodoloġija sabiex timmonitorja u tirreaġixxi għal tibdil fil-leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa f'pajjiżi terzi;

84.  Jesprimi tħassib serju u kontinwu rigward iċ-ċensura onlajn u l-prevalenza sfortunata tagħha f'ħafna pajjiżi; jenfasizza li fil-politiki tagħha l-UE għandha tagħti prijorità lill-implimentazzjoni tad-dritt għall-parteċipazzjoni u d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni bħala prinċipji ewlenin tad-demokrazija li għandhom jiġu realizzati wkoll onlajn, u tagħmel użu tal-mekkaniżmi disponibbli biex tittejjeb ir-responsabilità pubblika, bħal pereżempju l-prinċipji ta' dejta miftuħa; iqis li dan għandu jkun il-każ fil-livelli kollha ta' djalogu ma' pajjiżi terzi, inkluż fir-relazzjonijiet bilaterali u fl-ogħla livelli; jenfasizza l-importanza tal-midja onlajn għall-funzjonament u l-effettività tas-soċjetà ċivili, inkluż għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-trejdunjins u l-informaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu l-isforzi tagħhom biex jintegraw il-libertà diġitali fir-relazzjonijiet esterni tal-UE;

85.  Jieħu nota tax-xejra sfortunata li jiġu ppromulgati liġijiet li jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u ta' assemblea għal dawk li jappoġġaw id-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI; jinnota li tali liġijiet attwalment jeżistu fil-Litwanja u r-Russja, qegħdin jitqiesu mill-Ukraina u ġew proposti fil-Ġeorġja, l-Armenja u l-Kazakistan; ifaħħar lill-Moldova talli annullat liġi li tipprojbixxi 'il-propogazzjoni ta' relazzjonijiet oħrajn apparti dawk relatati maż-żwieġ jew il-familja'; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi rilevanti jesprimu t-tħassib partikolari li għandha l-UE b'rabta ma' dawn il-liġijiet;

L-appoġġ tal-UE għal drittijiet tal-bniedem universali

86.  Jappoġġa bis-sħiħ il-pożizzjoni affermattiva meħuda mill-UE fil-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kollha, kif ukoll il-wegħda li ‘ssemma' leħinha kontra kull tentattiv li jimmina r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem’; itenni l-appoġġ bis-sħiħ tiegħu għal u jistieden lill-UE ssostni l-indiviżibilità u l-universalitá tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, f'konformitá mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Titolu V, Kapitolu 1 – Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni);

Is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

87.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tas-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bħala fundamentali għall-avvanz ta’ drittijiet tal-bniedem universali; jirrikonoxxi l-isforzi tal-UE fir-Rieżami tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u jitlob lill-membri kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrispettaw l-ogħla standards tad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu l-wegħdiet li jkunu għamlu qabel ma ġew eletti; iqis l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU bħala prerekwiżit ewlieni għall-funzjonament effiċjenti tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament mhux allokat sabiex dan jiġi żgurat;

88.  Jilqa’ l-bidu tat-tieni ċiklu tal-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jitlob l-attenzjoni mill-qrib u kontinwa tal-UE għat-titjib tal-proċedura tal-EPU u l-livell tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU li l-pajjiżi aċċettaw u wegħdu li jwettqu;

89.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jibnu fuq l-impenn li għamlu fil-Qafas Strateġiku tal-UE li jirratifikaw u jimplimentaw it-trattati internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, billi jirratifikaw u jimplimentaw, b’mod partikolari, l-għaxar trattati ċentrali dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u l-protokolli fakultattivi għalihom, u li jagħmlu d-dikjarazzjonijiet rilevanti dwar l-iżgurar tal-aċċettazzjoni tal-ilmenti individwali u l-proċeduri ta’ inkjesta kollha; jenfasizza l-importanza ta’ dawn ir-ratifiki għall-kredibilità interna u esterna tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tħassib profond tiegħu li n-nuqqas persistenti ta’ ċerti Stati Membri tal-UE li jissottomettu r-rapporti perjodiċi tagħhom lill-korpi ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem relevanti tan-NU fil-ħin qed jimmina wkoll il-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' pajjiżi terzi;

90.  Jitlob lill-UE tinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi biex jikkooperaw bis-sħiħ mar-Rapporteurs Speċjali u l-Esperti Indipendenti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ stediniet permanenti u l-akkoljenza ta’ tali esperti;

91.  Jinkoraġġixxi lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jappoġġaw lill-Kummissjarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-implimentazzjoni tar-rapport tagħha tal-2012 dwar it-tisħiħ tal-Korpi ta’ Trattati tan-NU li għandhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni proprja tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem minn stati li huma partijiet għat-trattati tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;

92.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-riżoluzzjoni A/HRC/RES/21/3 dwar il-valuri tradizzjonali, li ddgħajjef il-prinċipju ta' drittijiet tal-bniedem universali u indiviżibbli, u jfaħħar lill-UE għall-oppożizzjoni tagħha; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' segwitu għar-riżoluzzjoni A/HRC/RES/17/19 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ojentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u jistieden lill-grupp ta' stati li qed jaħdmu fuq din il-kwistjoni, inkluża l-Afrika t'Isfel, ikomplu fuq din ir-riżoluzzjoni kemm jista' jkun malajr; ifaħħar il-ħidma ta' promozzjoni u protezzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja l-ġdida 'liberi u ugwali', bil-ħsieb li l-persuni LGBTI jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet kollha tal-bniedem; jistieden lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti jkompli b'din il-ħidma, u li jesprimi tħassib qawwi dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propoganda', li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assemblea;

93.  Jenfasizza, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali mfissra fir-Regolamenti tal-Aja tal-1907 (Artikoli 42-56) u r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra (KĠ IV, Artikoli 27-34 u 47-78) kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Addizzjonali I, il-ħtieġa li l-UE tiżgura li dawk is-sħab li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ forza ta' okkupazzjoni, iwettqu dmirijiethom fir-rigward tal-popolazzjoni fit-territorji okkupati; ifakkar li skont id-dritt umanitarju internazzjonali, l-istandards tas-saħħa pubbliċi, il-forniment tal-ikel u l-kura medika għall-popolazzjoni li qed tiġi okkupata għandhom jingħataw mill-forza ta' okkupazzjoni; itenni li kwalunkwe trasferiment ta’ popolazzjoni ċivili tal-forza ta' okkupazzjoni fit-territorju okkupat huwa projbit, u li dawk akkużati b’reati kriminali għandhom ikunu provduti bi proċedimenti li jirrispettaw il-garanziji ġudizzjarji rikonoxxuti internazzjonalment, bħal li jkunu infurmati bir-raġuni għall-arrest tagħhom, li jiġu akkużati b’reat speċifiku u mogħtija smigħ ġust malajr kemm jista’ jkun.

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali

94.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); iqis in-numru dejjem jikber tal-istati partijiet bħala żvilupp importanti fit-tisħiħ tal-universalità tal-Qorti; jilqa' r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma mill-Gwatamala f'April 2012 u mill-Côte d’Ivoire fi Frar 2013;

95.  Jitlob lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE jadottaw konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin li jaffermaw l-appoġġ qawwi tal-UE u l-Istati Membri tagħha għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, filwaqt illi jinnota l-isforzi tal-UE sabiex teżamina mill-ġdid, taġġorna u tespandi kontinwament l-istrumenti tagħha marbuta mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, u tesprimi impenn imġedded fil-ħidma favur l-universalità tal-Istatut ta’ Ruma sabiex jitwessa’ l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta’ reati serji skont id-dritt internazzjonali;

96.  Jiddispjaċih li l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għadu mhuwiex inkluż fil-lista ta’ konvenzjonijiet meħtieġa għall-istatus SPĠ+ tar-Regolament il-ġdid tal-SPĠ ; jinnota li numru ta’ applikanti tal-SPĠ+ mhumiex stati partijiet għall-Istatut jew għadhom ma rratifikawhx (eż. l-Armenja u l-Pakistan); itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Istatut ta’ Ruma jiżdied ma' lista futura ta’ konvenzjonijiet;

97.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jenfasizzaw il-ħtieġa ta' ratifika u implimentazzjoni tal-Istatut u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti (APIC) fin-negozjati u d-djalogi politiċi ma’ pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet reġjonali u gruppi reġjonali oħra, u biex jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-QKI u l-ġustizzja internazzjonali fil-ftehimijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi;

98.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE jiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE kollha jkunu infurmati bis-sħiħ dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-QKI, u s-sett ta’ għodda komplimentarja tal-UE u jippromwovi b’mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għar-reati lenkati fl-Istatut ta’ Ruma;

99.  Jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, b’mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jippromwovu b’mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha, u l-ġlieda kontra l-impunità għar-reati elenkati fl-Istatut ta’ Ruma, fid-djalogi u l-laqgħat politiċi ma' pajjiżi terzi; barra minn hekk, jissuġġerixxi t-tisħiħ tal-appoġġ finanzjarju provdut lill-QKI;

100.  Jilqa’ l-adozzjoni tas-Sett ta’ Għodda tal-UE dwar il-Komplimentaritá li Qiegħda Tavvanza u jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jieħdu passi addizzjonali għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu; jinkoraġġixxi lill-UE tiżgura li l-appoġġ għall-QKI huwa integrat b’mod xieraq fl-oqsma rilevanti kollha tal-politika barranija tal-UE;

101.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw għal kollox l-Istatut ta’ Ruma billi jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-obbligi kollha tal-Istatut u biex jikkonformaw mat-talbiet tal-QKI għall-assistenza u l-kooperazzjoni fl-istadji kollha tal-proċedimenti tal-Qorti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ eżami preliminari, investigazzjoni, arrest u konsenja, protezzjoni ta’ vittmi u xhieda, rilaxx interim u l-infurzar tas-sentenzi; jiddispjaċih li l-kontribuzzjonijiet lill-Fond Fiduċjarju għall-Vittmi għadhom insuffiċjenti u jitlob lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu r-riżorsi meħtieġa sabiex ikun jista' jissodisfa għal kollox il-mandat tiegħu;

102.  Jesprimi appoġġ għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni pubblika ffinanzjati b’mod xieraq permezz tal-baġit regolari tal-Qorti u jenfasizza li l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet fl-iżgurar li l-ġustizzja hija viżibbli;

103.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jirratifikaw l-Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma u jinkoraġġixxu r-ratifika tiegħu minn pajjiżi terzi;

104.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-impunitá fi ħdan il-fruntieri proprji tal-UE; iħeġġiġhom f'dan il-kuntest, jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tan-Netwerk Ewropew tal-punti ta' kuntatt fir-rigward tal-persuni responsabbli għal ġenoċidju, ir-reati kontra l-umanitá u r-reati tal-gwerra;

Il-piena tal-mewt u l-piena kapitali

105.  Itenni l-oppożizzjoni univokali tiegħu kontra l-piena kapitali u jqis l-implimentazzjoni ta’ moratorju universali bil-għan li titneħħa globalment il-piena tal-mewt, bħala objettiv ċentrali tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-fatt li l-piena tal-mewt qatt ma wriet li kienet deterrent effettiv għall-kriminalità u jenfasizza li skont id-dejta disponibbli, il-piena tal-mewt tolqot l-iktar lill-persuni żvantaġġjati; ifaħħar l-isforzi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti li wasslu għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali rigward il-moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt f’Diċembru 2012; madankollu, jinsab imħasseb dwar it-tkomplija tal-eżekuzzjonijiet f’numru ta’ pajjiżi; jitlob lill-UE tkompli twettaq kampanji mmirati dwar il-piena tal-mewt u tintensifika l-involviment ma’ pajjiżi li żammew il-piena tal-mewt; jistenna li jiġi kkonsultat b’mod xieraq matul ir-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali jew it-tortura, li kien ippjanat għall-2013;

106.  Jiddeplora l-fatt li l-Bjelorussja għadha l-uniku pajjiż fil-kontinent Ewropew li żamm il-piena tal-mewt; itenni għal darb’oħra li jiddispjaċih ħafna dwar l-eżekuzzjonijiet ta’ Dmitri Konovalov u Vladislav Kovalev; itenni t-talba tiegħu lill-Bjelorussja sabiex timplimenta moratorju dwar il-piena tal-mewt, li fl-aħħar mill-aħħar għandu jwassal għat-tneħħija tagħha;

In-negozju u drittijiet tal-bniedem

107.  Jaffirma mill-ġdid li l-kumpaniji Ewropej għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jirrispettaw l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż meta jkunu qegħdin joperaw barra mill-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-kooperazzjoni li ġiet rapportata ta' ċerti kumpaniji tal-UE ma' reġimi awtoritarji, speċjalment fejn il-kummerċ f'oġġetti sensittivi, eż. fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni, wassal għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

108.  Ifakkar l-importanza tal-promozzjoni tar-responsabbiltá soċjali koorporattiva (CSR), inkluż f'operazzjonijiet tan-negożju 'barra mill-UE, u l-iżgurar tas-CSR fil-katina tal-provvista kollha; huwa konvint li l-kumpaniji Ewropej u s-sussidjarji u s-sottokuntratturi tagħhom għandu jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni u t-tixrid tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jenfasizza l-importanza ta’ rapportar sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-impatt soċjali u ambjentali ta’ proġetti appoġġati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew mill-krediti ta’ esportazzjoni mogħtija minn aġenziji ta’ kreditu Ewropej; jenfasizza l-fatt li l-operazzjonijiet ta' finanzjament imwettqa minn dawn l-istituzzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 21 tat-TUE;

109.  Jistieden lis-SEAE jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-impenji li ttieħdu fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress min-naħa tal-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għat-talba tal-Parlament Ewropew li tipproponi leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-kumpaniji tal-UE jiżguraw li x-xirjiet tagħhom ma jappoġġaawx lil dawk li jwettqu kunflitti u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

110.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha f’Settembru 2010 li teżamina l-kwistjoni tax-xogħol furzat fil-ħabs fil-pajjiżi terzi u li teżamina mill-ġdid, għaldaqstant, ir-reazzjoni tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta lill-Parlament dwar l-eżitu ta’ dan il-proċess; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-importazzjoni fl-UE ta’ oġġetti mmanifatturati mix-xogħol furzat u fil-ħabs;

L-eradikazzjoni ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni

111.  Ifakkar fl-Artikoli tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem li tiddikjara li l-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u d-drittijiet u huma intitolati għad-drittijiet u l-libertajiet tagħha mingħajr distinzjoni ta’ kwalunkwe tip; jenfasizza l-importanza li jiġu miġġielda kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, inklużi dawk ibbażati fuq ir-razza, il-kulur tal-ġilda, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, il-lingwa, il-kasta, l-oriġini soċjali, l-etá, it-twelid, xi diżabbiltá jew status ieħor; itenni t-talba tiegħu sabiex l-UE tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u l-intolleranza bħala parti ewlenija mill-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex tibbaża din il-politika fuq definizzjoni inklużiva u komprensiva ta’ nondiskriminazzjoni; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-minoritajiet huwa element kruċjali għall-paċi, l-iżvilupp u d-demokrazija; jilqa’ u jinkoraġġixxi aktar l-involviment tal-UE man-Nazzjonijiet Uniti u ma' organizzazzjonijiet reġjonali għal dan il-fini;

112.  Jitlob lill-UE tagħti attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni bbażati fuq forom ta’ stratifikazzjoni soċjali, bħal sistemi kasta u analogi ta’ status li jintwiret, li għandhom impatt perikoluż u xi kultant distruttiv serju fuq il-prospetti għat-tgawdija ugwali tad-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra li dawk il-pajjiżi fejn għadha teżisti sistema kasta għandhom jitħeġġu li jipprojbixxuha u jiżguraw li jiġu implimentati b’mod ġenwin liġijiet kontra s-sistema kasta;

Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin

113.  Jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza, ir-reliġjon jew it-twemmin, kif inkluż fl-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, huwa dritt fundamentali tal-bniedem, interrelatat ma’ drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra, li jħaddan id-dritt li wieħed jemmen jew li ma jemminx, u l-libertà li wieħed jipprattika twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, fil-privat jew fil-pubbliku, waħdu jew f’komunità ma’ oħrajn, u d-dritt li wieħed jadotta, jbiddel u jabbanduna twemmin tal-għażla tiegħu; jitlob lill-UE tippromwovi d-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fi ħdan fora internazzjonali u reġjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi;

114.  Ifakkar li d-dritt għal oġġezzjoni ta’ kuxjenza għas-servizz militari jikkostitwixxi eżerċizzju leġittimu tad-dritt għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon, u jħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jitolbu lill-pajjiżi b’sistema ta’ servizz militari obbligatorju biex jippermettu servizz alternattiv ta’ natura mhux kombattenti jew ċivili, fl-interess pubbliku u mhux ta’ natura punittiva, u biex iżommu lura milli jikkastigaw, inkluż permezz ta’ sentenzi tal-ħabs, lil dawk li joġġezzjonaw għal raġunijiet ta’ kuxjenza milli jwettqu servizz militari;

115.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, il-vjolenza u l-qtil abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, kull fejn u lil kull min iseħħu; huwa partikolarment imħasseb dwar iż-żieda fl-attentati li jissolvew id-differenzi fi ħdan popli maqsumin abbażi tar-reliġjon billi jsir rikorriment għall-vjolenza u l-persekuzzjoni, minħabba li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu impediment għal paċi u rikonċiljazzjoni dejjiema; jinsab imħasseb ukoll dwar l-attitudnijiet dejjem aktar ostili tas-soċjetà tal-gvernijiet inġenerali f'ħafna pajjiżi li għadhom jiċħdu gruppi reliġjużi f'minoranza mil-libertà li jagħtu qima jew jesprimu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom pubblikament; jinnota li l-ostilità soċjali u l-attakki kontra gruppi reliġjużi jew ta' xi twemmin partikolari, li rriżultaw f'ħafna mwiet u korrimenti, qegħdin jiżdiedu u li l-impunità u n-nuqqas ta' protezzjoni għal komunitajiet reliġjużi jew ta' twemmin partikolari f'minoranza, jibqgħu elementi ta' tħassib;

116.  Jopponi kwalunkwe leġiżlazzjoni li tippenalizza lill-individwi talli jbiddlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom; jesprimi tħassib profond għall-fatt li, bħala riżultat ta’ tali leġiżlazzjoni, individwi f’ċerti pajjiżi jiffaċċjaw il-ħabs jew anke l-piena tal-mewt; jinsab preokkupat ukoll li dawk li telqu jew biddlu r-reliġjon tagħhom huma soġġetti għal ostilità soċjali bħal vjolenza u intimidazzjoni; jopponi liġijiet li jippenalizzaw espressjonijiet meqjusa bħala ereżiji, ta' malafama, jew li jinsultaw ir-reliġjon jew simboli, figuri jew sentimenti reliġjużi; jiddikjara li dawn il-liġijiet ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem aċċettati; jikkundanna d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-ereżiji fl-Afganistan, il-Bangladexx, l-Eġittu, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija li jippermettu l-ħabs u l-piena tal-mewt;

117.  Jilqa’ s-sejħiet riċenti tal-EIDHR għal proposti li jagħtu prijorità u jappoġġaw azzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-isforzi inklussivi lejn djalogu u kooperazzjoni interkulturali u interreliġjuż f'diversi livelli, li jinvolvu il-mexxejja tal-komunità, in-nisa, iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tal-minoranzi etniċi, u bil-għan li jiġi promoss it-tisħiħ tal-paċi u l-koeżjoni soċjali; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jiżviluppaw skemi ta' garanziji għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertá tar-reliġjon jew tat-twemmin

118.  Jilqa’ l-impenn tal-UE li tippromwovi d-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-fora internazzjonali u reġjonali inkluż in-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa (KtE) u mekkaniżmi reġjonali oħrajn; iħeġġeġ lill-UE tkompli tressaq ir-riżoluzzjoni annwali tagħha dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin;

Id-drittijiet u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u t-tfal

119.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tan-NU fl-iżgurar tad-drittijiet u l-għoti tas-setgħa lin-nisa; jinkoraġġixxi lill-UE twettaq kampanja mmirata dwar il-parteċipazzjoni politika u ekonomika tan-nisa u biex tappoġġa inizjattivi kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-qtil tan-nisa; jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE jintroduċu miżuri speċifiċi dwar ir-rwol tal-assistenza esterna u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-istrateġiji lokali tagħhom għall-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom, inklużi iż-żwiġijiet furzati; jenfasizza li r-rwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, f’dan il-qasam, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha, ma jistax jillimita ruħu għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fil-forom kollha tagħha, kemm jekk fiżika, psikoloġika, soċjali, jew ekonomika, u li jeħtieġ li tingħata prijorità lill-edukazzjoni mhux ibbażata fuq is-sessi minn etá żgħira kemm jista' jkun; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jinkoraġġixxu aktar lill-pajjiżi terzi jqisu d-drittijiet tan-nisa meta jkunu qed ifasslu l-leġiżlazzjoni nazzjonali u jiżguraw li ssir l-implementazzjoni rilevanti kollha;

120.  Jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu tal-abbuż u ta' kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra n-nisa inkluża l-vjolenza domestika; għalhekk, jistieden lill-istati membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u lill-UE tinvolvi ruħha fi proċess ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni sabiex tiżgura koerenza bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa; jisħaq fuq l-importanza tal-kampanji ta’ tagħrif u ta’ kuxjenza fil-komunitajiet fejn huma pprattikati l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), l-abbuż sesswali tal-bniet żgħar, iż-żwiġijiet bikrija u furzati, il-femminiċidji u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq is-sess, kif ukoll tal-inklużjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għalbiex jintemmu dawn il-prattiki fil-preparazzjoni u l-implementazzjoni ta' dawn il-kampanji; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jindirizzaw il-kwistjoni tal-MĠF fid-djalogi politiċi u tal-politika tagħhom mal-pajjiżi sħab fejn din il-prattika għada qed tiġi mwettqa;

121.  Jitlob lill-UE tkompli tipproteġi d-drittijiet riproduttivi u jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jitpoġġew fiċ-ċentru ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ pajjiżi terzi; jikkundanna b’mod qawwi l-prattika terribbli ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili f’ċerti partijiet tal-Afrika, il-qtil għall-unur, l-abort abbażi tal-ġeneru u ż-żwieġ furzat; ifakkar fil-konklużjonijiet importanti li ntlaħqu fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) fil-Kajr;

122.  Jappoġġa l-inizjattiva "Edukazzjoni l-Ewwel" tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, peress li l-aċċess għall-edukazzjoni isaħħaħ il-protezzjoni kontra theddid għall-futur tal-bniet, bħaż-żwieġ u t-tqala bikri, l-HIV, il-faqar, il-vjolenza domestika u sesswali, u jnaqqas ukoll il-moratlitá fost it-tfal u dik materna;

123.  Jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi ħalli jiġi żgurat l-isħaħ ilħiq possibbli, qabel ma jiskadu t-termini, tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa materna u l-aċċess għal sistemi adegwati tas-saħħa, id-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva, speċjalment għall-gruppi li huma l-aktar vulernabbli bħalma huma l-bniet u n-nisa żgħażagħ, fuq il-bażi ta' impenn solidu min-naħa tal-gvernijiet biex isaħħu l-mekkaniżmi ta’ responsabilità u monitoraġġ tal-obbligi eżistenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, jinkoraġġixxu l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u jiżguraw parteċipazzjoni effettiva għal kulħadd, inklużi dawk l-aktar emarġinati u żvantjaġġati, fl-iżvilupp, fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; jirrakkomanda b’mod qawwi li għan speċifiku favur id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi jiġi inkluż fil-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju ta’ wara l-2015, b’enfasi qawwija fuq is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi;

124.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċess tar-rieżami tal-ICPD+20 jirriżulta f’rieżami komprensiv tal-aspetti kollha relatati mat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet sesswali u riproduttivi u jaffermaw mill-ġdid approċċ qawwi u progressiv lejn il-kwistjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi għal kulħadd li jkun konsistenti mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u li jitlob responsabilità akbar fir-rigward tal-ilħuq tagħhom; jistedinhom ukoll, b’mod partikolari, jiżguraw li l-proċess ta’ rieżami jitmexxa b’mod parteċipattiv u jipprovdi opportunitajiet lill-partijiet interessati differenti, inklużi s-soċjetà ċivili kif ukoll in-nisa, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, biex jipparteċipaw b’mod sinifikanti; ifakkar li l-qafas għal tali rieżami għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u għandu jitfa’ enfasi speċifika fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi;

125.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-kwistjoni tal-istupru; jiddeplora l-grad għoli immens ta’ impunità lejn l-istupru f’pajjiżi bħall-Indja u l-Pakistan;

126.  Jikkundanna l-użu estiż tal-istupru bħala arma tal-gwerra, b’mod speċjali fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar; Jiġbed l-attenzjoni għall-inklużjoni ta’ reati relatati mal-ġeneru u reati ta’ vjolenza sesswali fl-Istatut ta’ Ruma bħala reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità, jew atti kostituttiv fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jilqa’, f’dan il-kuntest, ir-Riżoluzzjoni 2106 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-prevenzjoni ta’ vjolenza sesswali fil-kunflitti adottata fl-24 ta’ Ġunju 2013, li tafferma mill-ġdid li l-QKI għandha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti sesswali u bbażati fuq is-sessi; jitlob lill-UE tappoġġa għal kollox l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji; itenni wkoll l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-PSDK f’konformità mar-riżoluzzjonijiet monumentali 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà;

127.  Jitlob lill-UE tagħti prijorità lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati kemm l-aspetti interni u esterni fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva tal-UE (2011/36/UE) u l-Istrateġija għall-Qerda tal-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016;

128.  Jistieden ir-ratifika universali tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jieħdu azzjoni rigward id-drittijiet tat-tfal, b'fokus speċifiku fuq il-vjolenza kontra t-tfal, speċifikament dwar il-kwistjonijiet ta' xogħol furzat tat-tfal, iż-żwieġ tat-tfal, l-arrwolament tat-tfal fi gruppi armati, id-diżarm, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid sussegwenti tagħhom, kif ukoll li l-kwestjoni tal-maġija saħħara tat-tfal titqiegħed fuq l-aġenda ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tat-tfal jiġu pprijoritizzati fi ħdan il-politika esterna tal-UE;

129.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Riveduta tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati; jinkoraġġixxi lill-UE tapprofondixxi aktar il-kooperazzjoni tagħha mar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal Affettwati minn Kunflitti Armati; jilqa’ t-tnedija fl-2012 ta’ linja ta’ finanzjament ġdid sabiex jiġu appoġġati t-tfal affettwati minn kunflitti permezz tal-assistenza umanitarja li tipprovdi aċċess għall-edukazzjoni f’emerġenzi;

130.  Ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu sabiex jittejbu l-proċeduri tiegħu fir-rigward tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jżid l-isforzi tiegħu biex jintegra d-drittijiet tal-bniedem b’mod effettiv fl-istrutturi u l-proċessi tiegħu; jiddispjaċih li ma twettaq l-ebda titjib fir-rigward tad-dibattiti u r-riżoluzzjonijiet plenarji dwar każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u s-segwitu tagħhom; jilqa’ l-isforzi sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri;

o
o   o

131.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lis-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-gvernijiet tal-pajjiżi u t-territorji msemmija f’din ir-riżoluzzjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0503.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0504.
(3) ĠU L 200, 27.7.2012, p. 21.
(4) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 114.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0278.
(6) http://www.eeas.europa.eu/human_rights/docs/guidelines_en.pdf.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0394.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0055.
(9) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.
(10) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 26.
(11) ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 13.
(12) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 69.
(13) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 165.
(14) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(15) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(16) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.
(17) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(18) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 87.
(19) Testi adottati, P7_TA(2013)0431.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2016Avviż legali