Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa (2013/2177(INI)))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tat-Titolu XVII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li kien l-Artikolu 157 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea), li jkopri l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar, bit-titolu "Pjan ta’ Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa" (COM(2013)0407),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta’ Ġunju 2013, ikkummissjonat mill-Kummissjoni miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, bit-titolu "Stima ta’ impatt tal-ispiża kumulattiva għall-industrija tal-azzar"(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu "Green Paper - Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030" (COM(2013)0169),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-12 ta’ Frar 2013 tar-Round Table ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-Industrija Ewropea tal-Azzar(3),
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tal-4 ta’ Frar 2013, b’segwitu għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, dwar l-irkupru tal-industrija Ewropea fid-dawl tad-diffikultajiet attwali (2013/2538(RSP)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-industrija tal-azzar tal-UE(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku – Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali" (COM(2012)0582),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku: Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir"(5),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2012 bit-titolu "Azzjoni għall-Istabbiltà, għat-Tkabbir u għall-Impjiegi" (COM(2012)0299),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu "Politika Industrijali: Tissaħħaħ il-kompetittività" (COM(2011)0642),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar Politika Industrijali għall-Era Globalizzata(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2010 dwar l-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju (SET-Plan)(7),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Frar 2012 bit-titolu "Il-materja prima ssir disponibbli għall-benesseri tal-Ewropa fil-ġejjieni; proposta għal Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni dwar il-materja prima" (COM(2012)0082),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Materjali li Jippermetti Teknoloġiji b’Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju" (SEC(2011)1609),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013(8),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013(9),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Eurofund dwar l-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali: l-industrija tal-azzar,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0028/2014),
A. billi, wara tmiem it-Trattat KEFA, is-setturi Ewropej tal-faħam u tal-azzar huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-UE;
B. billi s-setturi Ewropej tal-faħam u l-azzar kellhom rwol storiku sinifikanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jirrappreżentaw il-bażi tal-valur miżjud industrijali fl-Ewropa;
C. billi l-industrija Ewropea tal-azzar hija t-tieni l-akbar produttur tal-azzar fid-dinja u għandha importanza strateġika għal diversi industriji Ewropej ewlenin, bħat-trasport terrestri u navali, il-kostruzzjoni, il-makkinarju, l-apparat elettrodomestiku, l-enerġija u d-difiża;
D. billi s-sehem tal-UE fil-produzzjoni tal-azzar globali naqas bin-nofs matul l-aħħar għaxar snin, biċ-Ċina issa tirrappreżenta kważi 50 % tal-produzzjoni dinjija;
E. billi d-domanda globali għall-azzar mistennija li tiżdied fuq żmien twil u l-azzar se jibqa’ materjal ewlieni għall-katini tal-valur industrijali tal-Ewropa, u billi għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li żżomm il-produzzjoni domestika tagħha;
F. billi l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi politika tal-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali fl-Istati Membri kollha, sabiex jitħarsu l-impjiegi fl-UE u jiġi żgurat li s-sehem attwali ta’ 15.2 % tal-PDG jitla’ għal mill-inqas 20 % sal-2020;
G. billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija importanti fost min iħaddem, peress li tipprovdi 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni oħra f’industriji relatati, inkluża l-katina tal-provvista tar-riċiklaġġ; billi kwalunkwe forma ta' ristrutturar ikollha impatt kbir fiż-żona ġeografika kkonċernata;
H. billi, meta mqabbla ma' setturi oħra, ir-relazzjonijiet industrijali huma organizzati tejjeb ferm fl-industrija tal-azzar; billi din il-karatteristika tiġi manifestata mil-livell għoli ta' ħaddiema organizzati fi trade unions, il-preżenza qawwija tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, li għandhom ukoll densità għolja, u l-livell għoli ta' kopertura tan-negozjar kollettiv; billi dan huwa rifless fil-livell Ewropew, fejn l-industrija tal-azzar kienet minn ta' quddiem fir-rigward tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn is-sħab soċjali(10);
I. billi minkejja l-isforzi kontinwi tal-industrija Ewropea tal-azzar fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u l-investimenti tagħha bl-għan li jitnaqqsu l-impatti ambjentali u li tiġi ottimizzata l-effiċjenza fir-riżorsi, il-kompetittività globali tagħha tinsab f’riskju b'riżultat ta’ diversi fatturi:
—
id-domanda għall-azzar naqset sostanzjalment minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika u bidliet strutturali li jaffettwaw ċerti setturi li jużaw l-azzar;
—
l-ispejjeż operattivi tagħha huma sostanzjalment ogħla minn dawk tal-kompetituri;
—
hemm kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi terzi fejn il-kumpaniji ma joperawx bl-istess tip ta' standards regolatorji sodi bħal dawk fl-UE;
J. billi r-riżultati tal-valutazzjoni tal-ispiża kumulattiva tas-settur tal-azzar juru li l-konformità mar-regolamenti tal-UE tikkundizzjona parti sinifikanti mill-qligħ tal-produtturi tal-azzar tal-UE;
K. billi naraw li l-politika tal-UE dwar l-ambjent u l-enerġija toħloq ambjent kummerċjali diffiċli għall-industrija tal-ħadid u tal-azzar, u b’mod partikolari tgħolli l-prezz tal-enerġija u twassal biex il-manifattura tal-UE ma tkunx kompetittiva fis-suq globali;
L. billi l-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw sa 40 % mit-total tal-ispejjeż operattivi u billi l-prezzijiet tal-enerġija elettrika għall-konsumaturi finali industrijali tal-UE jillimitaw il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej f’suq globalizzat;
M. billi l-industrija tal-azzar, speċjalment is-settur tal-azzar speċjali, hija kompletament globali u l-Ewropa qed tiffaċċja kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi terzi filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni fl-UE huma ogħla minħabba piżijiet unilaterali tal-ispejjeż fl-UE kkawżati prinċipalment mill-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima li jwasslu għal sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tal-gass fl-UE huma minn tlieta sa erba’ darbiet aktar minn dawk fl-Istati Uniti u l-prezzijiet tal-elettriku huma d-doppju;
N. billi aktar skart tal-azzar qed ikun esportat mill-UE milli importat fiha, u għalhekk l-UE titlef volum sostanzjali ta’ materja prima sekondarja ta’ valur, spiss għall-benefiċċju tal-produzzjoni tal-azzar fil-pajjiżi li l-leġiżlazzjoni ambjentali tagħhom għadha lura meta mqabbla ma’ dik tal-UE; billi l-industrija tal-azzar tal-UE tiddependi mill-importazzjoni ta’ materja prima, filwaqt li 40 % tal-materja prima industrijali dinjija qed taffronta restrizzjonijiet tal-esportazzjoni, u l-Ewropa qed tesporta volumi kbar ta' skart tal-azzar fl-istess żmien li ħafna pajjiżi qed jirrestrinġu l-esportazzjoni tiegħu;
O. billi l-prospetti għall-impjieg fis-settur tal-azzar qed jagħtu lok għal tħassib serju, peress li ntilfu aktar minn 65 000 impjieg fl-Ewropa matul l-aħħar ftit snin minħabba l-kapaċità mnaqqsa jew l-għeluq ta’ impjanti;
P. billi l-kriżi attwali qed toħloq sfidi soċjali enormi għall-ħaddiema u r-reġjuni affettwati, u billi dawk il-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b’mod soċjalment responsabbli, peress li l-esperjenza wrietna li r-ristrutturar b’suċċess inkiseb biss permezz ta’ djalogu soċjali adegwat;
Q. billi l-kriżi attwali rriżultat fi produzzjoni żejda globali tal-azzar; billi, madankollu, huwa mistenni li fl-2050 l-użu tal-azzar u ta' metalli bażiċi oħrajn ikun darbtejn jew tliet darbiet daqs kemm hu bħalissa, u jeħtieġ li l-industrija Ewropea tal-azzar tibqa' għaddejja minkejja dan il-"wied tal-mewet" fis-snin li ġejjin, biex tinvesti u ttejjeb il-kompetittività tagħha;
R. billi, biex ir-ristrutturar ikollu suċċess mil-lat ekonomiku u jkun soċjalment responsabbli, jeħtieġ li jiġi integrat fi strateġija fuq perjodu ta’ żmien twil bl-għan li jiġu żgurati u msaħħa s-sostenibbiltà u l-kompetittività fit-tul tal-kumpanija;
1. Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għall-industrija tal-azzar fl-Ewropa bħala element importanti biex jipprevjeni r-rilokazzjoni ulterjuri tal-produzzjoni tal-azzar barra mill-Ewropa;
2. Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li tkompli d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-kapijiet eżekuttivi tal-industrija u t-trade unions fil-forma ta’ Round Table ta’ Livell Għoli permanenti dwar l-azzar kif ukoll kif ukoll il-Kumitati Settorjali Ewropej għad-Djalogu Soċjali;
3. Jilqa’ t-twaqqif tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-azzar, filwaqt li jiddispjaċih dwar il-frekwenza baxxa tal-laqgħat tiegħu, li jsiru biss darba fis-sena; iqis li huwa essenzjali li l-entitajiet reġjonali u lokali jipparteċipaw mill-qrib fil-proċess, filwaqt li jiffaċilitaw u jħeġġu l-parteċipazzjoni tar-reġjuni Ewropej, fejn huma bbażati l-kumpaniji tal-azzar, fil-ħidmiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-azzar sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki fost il-partijiet interessati ewlenin tal-Istati Membri;
4. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat tiggarantixxi kundizzjonijiet stabbli għas-settur tal-azzar; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi b’mod determinanti u tippenalizza distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;
I.Titjib tal-kundizzjonijiet qafas
I.1. Żieda fid-domanda
5. Jenfasizza l-fatt li t-tkabbir sostenibbli jiddependi minn industrija Ewropea b'saħħitha, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp strateġiku ta' setturi ewlenin li jużaw l-azzar, biex b'hekk jiġu stimolati kundizzjonijiet għal investiment, fosthom għar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-iżvilupp ta' ħiliet, jinħolqu inċentivi għal proċessi ta' produzzjoni effiċjenti u ġusti (eż. bl-użu tal-istandardizzazzjoni u l-politiki ta' akkwist pubbliku), jissaħħaħ is-suq intern u jsir avvanz fil-proġetti ta' żvilupp tal-infrastruttura Ewropea b'kooperazzjoni mal-atturi rilevanti kollha;
6. Iqis li l-industrija tal-kostruzzjoni hija settur ewlieni f'termini ta' domanda għall-azzar, u jeħtieġ li jsir studju bir-reqqa fil-livell tal-UE dwar modi kif tiġi stimolata b'żieda fix-xogħlijiet pubbliċi, għall-iżvilupp mhux biss tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni u t-trasport iżda anke ta' setturi bħall-edukazzjoni, il-kultura u l-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-bini sostenibbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;
7. Jenfasizza l-importanza u l-opportunità ta’ sħubija transatlantika ta’ kummerċ u ta’ investiment biex jissaħħu l-iskambji u d-domanda fis-setturi prinċipali li jirrikorru għall-azzar, u għaldaqstant jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn in-negozjati jseħħu mingħajr xkiel għall-kompetittività industrijali tal-UE fi kwalunkwe wieħed minn dawn is-setturi;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi strument ta’ analiżi bir-reqqa tas-suq tal-azzar li jista’ jipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-bilanċ tal-provvista tal-azzar u d-domanda għalih kemm globali kif ukoll Ewropew, li jiddistingwi bejn il-komponenti strutturali u ċikliċi tal-iżvilupp ta’ dan is-suq; jemmen li l-monitoraġġ tas-suq tal-azzar jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-trasparenza tas-swieq tal-azzar u tal-iskart u jipprovdi inputs importanti għall-miżuri korrettivi u proattivi li huma inevitabbli minħabba n-natura ċiklika tal-industrija tal-azzar;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tuża dan l-istrument ta' analiżi tas-suq biex tantiċipa r-riskji u tinvestiga kif l-għeluq tal-impjanti jaffettwa l-irkupru tas-settur;
I.2. Impjiegi
10. Jemmen li l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija u t-trade unions għandhom jaġixxu b’mod konġunt biex iżommu u jattiraw ħaddiema kwalifikati, xjentisti b’talent u b’ħiliet għolja u amministraturi tas-settur tal-azzar, kif ukoll it-talent żagħżugħ permezz ta’ skemi ta’ apprendistat, u b’hekk jiżguraw forza tax-xogħol dinamika u innovattiva; ifakkar fir-rwol tal-universitajiet reġjonali u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka industrijali, li l-eċċellenza tagħhom tagħmel ħafna biex toħloq il-prekundizzjonijiet reġjonali għal industrija kompetittiva tal-azzar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw azzjonijiet immedjati biex jiġi evitat it-telf ta’ kompetenza u jitnaqqas kemm jista' jkun it-telf ta’ impjiegi; jitlob li jittejbu l-ippjanar u l-ġestjoni tal-bidla permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ, it-titjib fil-ħiliet u l-appoġġ għat-taħriġ mill-ġdid; huwa preokkupat dwar in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet sistematiċi għat-tibdil ġenerazzjonali u n-nuqqas ta’ ħiliet futuri, u dwar it-telf ta’ għarfien u ta’ kompetenzi, u jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu u jiġu żviluppati l-forza tax-xogħol u l-ħiliet essenzjali għall-kompetittività futura tas-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi, permezz tal-programmi Erasmus għal Kulħadd u Erasmus għall-Imprendituri, Alleanzi Settorjali għall-Ħiliet li, abbażi ta' data dwar rekwiżiti ta' ħiliet u l-evoluzzjoni tagħhom, ikollhom l-għan li jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' taħriġ u metodi komuni, inkluż tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol; jitlob li jittieħdu passi biex jissaħħu l-istrumenti biex jassistu lill-ħaddimea u jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat u appoġġat ir-rikollokament tal-persunal impjegat fis-settur wara ristrutturar tal-kumpaniji;
11. Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ politika industrijali xierqa qed twassal biex l-industrija Ewropea titlef il-kompetittività tagħha fit-tul minħabba l-ispejjeż tal-enerġija eċċezzjonalment għolja; jinnota li l-ispejjeż għoljin tal-enerġija u tal-materja prima huma konsegwenza mhux biss tal-ħtieġa li dawn il-prodotti jiġu importati minn pajjiżi terzi, iżda anke ta’ fatturi interni; jaqbel mal-Kummissjoni li r-ristrutturar attwali tal-industrija tal-azzar wassal għal problemi soċjali minħabba t-tnaqqis fin-numru ta’ impjiegi;
12. Jappella biex, fl-istrateġija Ewropea ġdida għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u fid-dokumenti ta' politika dwar il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali l-oħra, titqies in-natura diffiċli u stressanti tax-xogħol l-impjegati u s-sottokuntratturi fis-settur tal-azzar, li tiddependi fuq il-proċess ta' produzzjoni(11); jisħaq fuq il-fatt li l-ħaddiema fis-settur tal-azzar għandhom riskju akbar li jesperjenzaw tensjoni fuq il-post tax-xogħol – peress li huma esposti għal riskji fiżiċi u jesperjenzaw problemi ta' saħħa b'riżultat tal-attività ta' xogħolhom – meta mqabbla mal-ħaddiem medju fl-UE28;
13. Jilqa’ d-djalogu soċjali kontinwu mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-eżistenza ta’ strutturi addizzjonali ta’ djalogu soċjali (formali u informali) bħal pereżempju gruppi ta’ ħidma, kumitati ta’ tmexxija, eċċ. li joffru post għal skambju akbar bejn il-ħaddiema u min iħaddem;
14. Jenfasizza li, biex jiġi promoss aktar djalogu soċjali fis-settur Ewropew tal-azzar, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ispeċifiċitajiet tas-settur, filwaqt li jiġu identifikati l-kawżi speċifiċi bħal pereżempju n-natura diffiċli tax-xogħol involut fil-produzzjoni tal-azzar, il-karatteristiċi tal-forza tax-xogħol, it-tħassib ambjentali, il-proliferazzjoni ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi, u r-ristrutturar sostanzjali li għaddej fl-industrija Ewropea tal-azzar;
15. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għandha tiffoka wkoll fuq l-impatt fi żmien qasir tal-kriżi ekonomika fuq il-forza tax-xogħol u l-kompetittività tas-settur, u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-tnaqqis fil-kapaċità u l-għeluq ta’ impjanti fl-Ewropa; huwa tal-opinjoni li l-fondi tal-UE m’għandhomx jintużaw biex jinżammu l-attivitajiet kummerċjali ta’ ċerti installazzjonijiet billi dan jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-azzar fl-UE, iżda għandhom jintużaw biss biex jittaffa l-impatt fuq il-ħaddiema milquta tal-għeluq jew it-tnaqqis sinifikanti fin-numru tal-impjegati u għall-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ fis-settur;
16. Jenfasizza li t-tnaqqis fid-domanda m'għandux iwassal għal kompetizzjoni inġusta għall-impjiegi bejn l-Istati Membri; jitlob, f’dan ir-rigward, li tinstab soluzzjoni pan-Ewropea;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri maħsuba biex iżommu l-produzzjoni tal-azzar fl-Ewropa, filwaqt li jkunu ggarantiti l-livelli ta’ impjieg relatati u jkunu promossi inizjattivi xierqa biex jipprevjenu u jevitaw l-għeluq ta’ impjanti fl-Ewropa;
18. Jitlob lill-Kummissjoni tuża fondi tal-UE minnufih u bis-sħiħ biex jitnaqqas l-impatt soċjali tar-ristrutturar industrijali; jitlob, b’mod partikolari, li jintuża bis-sħiħ il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);
19. Jinsab konvint li l-parteċipazzjoni tal-impjegati fit-twettiq ta’ miżuri marbuta mal-innovazzjoni u r-ristrutturar hija l-aqwa garanzija biex jinkiseb suċċess ekonomiku;
20. Jenfasizza l-ħtieġa ta' persuni kwalifikati u kompetenti biex wieħed ilaħħaq mat-tranżizzjoni lejn proċessi ta’ produzzjoni u prodotti iktar sostenibbli, u jitlob strateġija Ewropea għat-taħriġ u l-edukazzjoni; jilqa’ l-proġett Edukazzjoni Vokazzjonali Teknika u Taħriġ b’Approċċ aktar Ekoloġiku għas-settur tal-azzar(12), fejn il-kumpaniji tal-azzar, l-istituti ta’ riċerka u s-sħab soċjali investigaw b’mod konġunt il-ħtiġijiet ta’ ħiliet għas-sostenibilità ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa ulterjorment l-implimentazzjoni tar-riżultati tiegħu;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta’ ristrutturar li jissalvagwardja u joħloq impjiegi tajbin u attività industrijali fir-reġjuni tal-Ewropa;
II.Azzjonijiet li jtejbu l-kompetittività tal-Industrija Ewropea tal-Azzar
II.1. Provvisti tal-enerġija sikuri bi prezzijiet affordjabbli
22. Jinnota li, minħabba l-fatt li l-Ewropa hija kontinent limitat fir-rigward ta' riżorsi, il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE żdiedu b'mod sostanzjali fis-snin riċenti, u dan irriżulta f'deterjorament notevoli fil-kompetittività globali tal-industrija fl-UE; jirrikonoxxi l-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija huma l-fatturi l-aktar importanti li jiddeterminaw il-kostijiet għall-industrija tal-azzar u industriji oħra li jużaw ħafna enerġija; jemmen li l-funzjonament effikaċi tas-suq uniku tal-enerġija, ibbażat b’mod partikolari fuq it-trasparenza tal-prezzijiet, huwa prekundizzjoni meħtieġa biex l-industrija tal-azzar tkun ipprovduta b’enerġija sikura u sostenibbli bi prezzijiet affordjabbli; jenfasizza l-fatt li r-rabtiet transfruntieri neqsin għandhom jiġu kompletati u li l-leġiżlazzjoni attwali għandha tiġi implimentata bis-sħiħ sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji tas-suq Ewropew uniku tal-enerġija; jappoġġ l-wegħda tal-Kummissjoni li żżid l-isforzi biex jitnaqqas id-distakk tal-kostijiet u l-prezz tal-enerġija bejn l-industrija tal-UE u l-kompetituri ewlenin tagħha, filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji tal-Istati Membri individwali u filwaqt li jkunu f'pożizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi tagħhom; iqis li fi żmien 12-il xahar il-Kummisjsoni għandha tippreżenta proposti konkreti għal dan il-għan;
23. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tindirizza l-kwistjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju b'mod aktar konkret u fid-dettall, li l-miri tal-politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 għandhom ikunu teknikament u ekonomikament fattibbli għall-industriji tal-UE u li dawk bl-aħjar prestazzjoni m'għandu jkollhom l-ebda spiża addizzjonali diretta jew indiretta li tirriżulta mill-politiki dwar il-klima; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju għandhom jipprovdu allokazzjoni kompletament b'xejn ta' benchmarks li teknikament jistgħu jinkisbu, mingħajr fattur ta' tnaqqis għal setturi ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-użu tal-enerġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju sabiex tippromwovi l-integrazzjoni rapida tagħhom fis-suq tal-elettriku;
25. Jemmen għandu jingħata appoġġ biex isir investiment fit-teknoloġiji li jimmassimizzaw l-utilizzazzjoni tal-input tal-enerġija u l-irkupru tal-enerġija, pereżempju billi jiġi ottimizzat l-użu tal-gassijiet tal-proċess u s-sħana mitlufa li tista’ tintuża għall-produzzjoni tal-fwar u tal-elettriku;
26. Iqis neċessarju li jiġu mtejba l-kuntratti fit-tul bejn dawk tal-elettriku u l-konsumaturi industrijali, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija, u jiġu mtejba l-interkonnessjonijiet internazzjonali, li huma ewlenin għar-reġjuni periferiċi fl-UE; dan jipprevjeni wkoll ir-rilokazzjonijiet lejn pajjiżi terzi u bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ enerġija fit-tul tista’ timmitiga r-riskju ta’ prezzijiet tal-enerġija volatili u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar l-aspetti tal-kompetizzjoni ta’ ftehimiet fit-tul dwar il-provvista tal-enerġija;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-użu ta’ enerġiji b’livell baxx ta' karbonju b’mod kosteffikaċi u tnaqqas is-sussidji gradwalment, sabiex tħeġġeġ l-integrazzjoni rapida ta' tali forom ta' enerġija fis-suq tal-elettriku; iqis li, sadattant, għandu jkun possibbli l-kumpens tas-surcharges ġenerali tal-elettriku għall-industriji li jużaw ħafna enerġija jekk dawn huma spejjeż li l-kompetituri li jinsabu barra l-UE mhumiex obbligati jġarrbu;
28. Jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija prerekwiżit importanti għall-industrija tal-azzar; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod sħiħ it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw provvisti tal-enerġija sikuri billi jiżviluppaw il-proġetti neċessarji ta’ infrastruttura tal-enerġija u jipprovdu inċentivi xierqa għall-investituri biex jiżguraw dipendenza aktar baxxa fuq il-fjuwils fossili impurtati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi d-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-gass naturali u tkun minn ta' quddiem fil-koordinazzjoni u l-appoġġ ta' miżuri ta' sikurezza għar-rotot ta’ provvista tal-gass naturali likwifikat; jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tipprovdi gwida dwar kif għandha tinżamm il-flessibbiltà tan-netwerks tal-elettriku;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi rapport li jimmonitorja l-iżviluppi fi stabbilimenti li l-integrità tagħhom qiegħda f’riskju, kif mitlub mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Diċembru 2012 dwar l-industrija tal-azzar tal-UE;
II.2. Protezzjoni tal-klima, effiċjenza fir-riżorsi u impatt ambjentali
30. Ifakkar li l-industrija Ewropea tal-azzar naqqset l-emissjonijiet totali tagħha b’madwar 25 % mill-1990; jinnota li l-azzar huwa kompletament riċiklabbli mingħajr ma tintilef il-kwalità; jirrikonoxxi li l-prodotti tal-azzar għandhom rwol importanti biex tkun tista' ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, b’użu baxx ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi; jenfasizza l-importanza tal-isforzi biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet totali tal-industrija tal-azzar;
31. Jemmen li l-produzzjoni tal-azzar Ewropea għandha tinżamm minn mudell sostenibbli ta’ produzzjoni tal-azzar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal u tippromwovi standards Ewropej ta’ sostenibilità, bħall-Marka tal-Prodotti tal-Kostruzzjoni magħmulin mill-Azzar (SustSteel);
33. Iqis li l-UE għandha tiddiversifika l-postijiet ta’ wasla u distribuzzjoni tal-materja prima, peress li huwa vitali għall-industrija Ewropea tal-azzar li tevita d-dipendenza fuq port uniku għall-materja prima; iqis li konsegwentement għandha tinħoloq hub għad-distribuzzjoni ta’ minerali fl-Ewropea tan-Nofsinhar u tal-Lvant;
34. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-produzzjoni primarja tal-azzar fl-UE fid-dawl tal-produzzjoni globali tal-azzar li qed tiżdied u għall-produzzjoni ta’ livelli ta' kwalità speċifiċi meħtieġa f’bosta katini tal-valur Ewropej; jenfasizza li l-produzzjoni tal-azzar mill-iskart tnaqqas l-inputs tal-enerġija b’75 % u l-inputs tal-materja prima bi 80 %; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura l-operat effiċjenti tas-suq Ewropew tal-iskart tal-azzar billi ttejjeb il-funzjonament aħjar tas-swieq għall-metall sekondarju, tiġġieled kontra l-esportazzjonijiet illegali tal-iskart li qed iwasslu għal telf ta’ materja prima ta’ valur meħtieġa mill-ekonomija Ewropea u billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jwetqqu spezzjonijiet fuq vjeġġi ta' skart skont ir-regolament; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tar-riċiklaġġ tal-iskart permezz tal-ġbir u l-użu massimi tal-iskart u t-titjib tal-kwalità tiegħu bħala mod kif jiġi żgurat l-aċċess għall-materja prima, titnaqqas id-dipendenza enerġetika, jitnaqqsu l-emissjonijiet u tiġi promossa ekonomija ċirkolari; jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta’ spezzjoni u kontroll tal-vjeġġi ta' skart biex tiġi evitata l-esportazzjoni illegali tal-iskart, sikwit lejn pajjiżi li fihom il-leġiżlazzjoni ambjentali ma tistax titqabbel ma' dik tal-UE;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku għat-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-enerġija u l-politika dwar il-kompetittività filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet settorjali; iqis li, meta tilleġiżla, il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji li jippermettu li jintlaħqu l-miri rigward il-klima u l-enerġija filwaqt li tappoġġa l-għanijiet rigward il-kompetizzjoni u l-impjieg u filwaqt li timminimizza r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;
36. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq ir-reviżjoni li jmiss tal-lista ta’ tnixxija tal-karbonju bl-użu ta’ metodoloġija miftuħa u trasparenti, filwaqt li tqis ir-rwol tal-azzar prodott fl-Ewropa fil-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-impatt indirett tal-prezzijiet tal-elettriku fuq il-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju jibqgħu effettivi billi l-industrija tal-azzar tinżamm fuq il-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet;
37. Jenfasizza li l-qafas dwar il-klima tal-2030 għandu jqis id-differenzi settorjali, il-fattibilità teknoloġika u l-vijabilità ekonomika u, bħala prinċipju bażiku, m’għandux jirriżulta fi spejjeż addizzjonali għal impjanti industrijali aktar effiċjenti;
38. Huwa mħasseb dwar l-impatt li jista’ jkollha fuq l-industrija d-Deċiżjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali (NIMs) tal-Istati Membri għat-tielet perjodu ta’ negozjar tal-emissjonijiet permezz tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transsettorjali, li juri li l-mira ma tistax tintlaħaq mill-industrija anke bl-aħjar teknoloġiji disponibbli applikati bħalissa fl-Ewropa, bir-riżultat li anke l-iktar installazzjonijiet effiċjenti fl-Ewropa jista' jkollhom spejjeż addizzjonali;
39. Jenfasizza l-importanza ta’ infrastruttura effettiva u affidabbli għall-iżvilupp tal-industrija tal-azzar u jfakkar li 65 % tal-produzzjoni dinjija tal-azzar għadha bbażata fuq il-minerali, sabiex l-investiment f’infrastruttura adattata li tkopri l-katina sħiħa mill-estrazzjoni sax-xogħol tal-azzar u aktar u s-swieq ta’ esportazzjoni, ikollu impatt kbir fuq il-kompetittività, b’mod partikolari għal pajjiżi bi ftit popolazzjoni;
II.3. Kundizzjonijiet ekwi internazzjonali
40. Iqis li n-negozjati kummerċjali għandhom jippromwovu l-interessi ekonomiċi u strateġiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u għandhom isegwu approċċ reċiproku li bih jitqiesu kunsiderazzjonijiet bħall-aċċess għal swieq ġodda, l-aċċess għall-materja prima, ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju, il-kundizzjonijiet ekwi u l-kxif ta' kompetenzi kunfidenzjali; iqis li l-istrateġiji għandhom jirriflettu d-differenzi bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi żviluppati, ta' dawk emerġenti u ta' dak l-anqas żviluppati; jenfasizza li l-aċċess għal swieq ġodda ta’ esportazzjoni f’ekonomiji li qed jikbru fejn l-azzar Ewropew jista’ jinbiegħ mingħajr ma jiltaqa’ ma’ ostakoli kummerċjali se jkun ta’ sinifikat deċiżiv għall-potenzjal tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-industrija Ewropea tal-azzar; jiddeplora l-fatt li xi wħud mis-sħab kummerċjali jużaw miżuri żleali u restrittivi, bħal limitazzjoni fuq l-investiment u preferenzi fl-akkwist pubbliku li jipproteġu lill-industriji tal-azzar domestiċi, u b'konsegwenza joħolqu xkiel eċċessiv fuq l-esportazzjoni tal-azzar tal-UE; jiddepplora wkoll il-fatt li, sa minn meta bdiet il-kriżi globali fl-2008, kien hemm intensifikazzjoni dejjem tiżdied tal-miżuri protezzjonisti minn ħafna pajjiżi terzi biex jappoġġaw l-industriji tal-azzar tagħhom;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ftehimiet kummerċjali futuri jinkludu dispożizzjonijiet li jtejbu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet ta' esportazzjoni u l-aċċess għas-suq għal prodotti Ewropej tal-azzar u bbażati fuq l-azzar;
42. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għal valutazzjoni tal-impatt, fosthom dwar l-azzar, li għandha titwettaq qabel l-iffirmar ta' ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, b’kunsiderazzjoni tal-katina ta’ valur tal-manifattura tal-UE u tal-industrija Ewropea fil-kuntest globali; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta regolarment l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet, kemm dawk fis-seħħ attwalemt kif ukoll dawk li qed jiġu nnegozjati, abbażi ta' kriterji speċifiċi u definiti, fosthom dwar il-mod li bih jiġu involuti l-partijiet interessati;
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-impenji kollha li jsiru fin-negozjati u fi ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri jiġu ssodisfati effettivament; jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi, bl-użu tal-miżuri xierqa għad-dispożizzjoni tagħha, bħall-istrumenti għad-difiża tan-negozju jew, jekk meħtieġ, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, b'mod proprzjonat, rapidu u effettiv; jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-prattiki protezzjonisti minn pajjiżi terzi biex tiżgura l-aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej kif ukoll l-aċċess għall-materja prima;
44. Jirrimarka li l-industrija tal-azzar hija l-iżjed utent frekwenti tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-tul taż-żmien – medja ta' sentejn – li l-Kummissjoni teħtieġ biex tinstiga miżuri tal-antidumping mentri, fil-każ tal-Istati Uniti, dan il-perjodu huwa ta' sitt xhur biss; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-UE jkollha strumenti effikaċi għad-difiża tan-negozju li jistgħu jintużaw rapidament u li jippermettulha taħdem aktar malajr biex tindirizza l-każijiet ta' dumping, kif meħtieġ minħabba l-kompetizzjoni ħarxa li l-industrija Ewropea tiffaċċaja fi ħdan ekonomija globalizzata;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċekkja li s-sistema “Sorveljanza 2” tiżgura mill-inqas l-istess garanziji ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ kontra sussidji inġusti u dumping bħas-sistema ta' sorveljanza minn qabel ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u tal-azzar stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1241/2009;
46. Jenfasizza li kummerċ ġust fi prodotti tal-azzar jista’ jiffunzjona biss abbażi ta' konformità mad-drittijiet fundamentali tal-impjieg u l-istandards ambjentali;
47. Huwa tal-fehma li l-istandards tal-UE fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandhom jiġu implimentati minn kumpaniji Ewropej f’pajjiżi terzi, u li l-iżvilupp reġjonali għandu jiġi promoss;
48. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri proposti biex ikun żgurat l-aċċess għall-kokk;
49. Jitlob lill-Kummissjoni tavvanza r-riforma tal-qafas regolatorju għas-swieq finanzjarji, sabiex tiġi evitata volatilità fil-prezz spekulattiva, tiġi żgurata t-trasparenza fil-prezzijiet u titjieb is-sigurtà tal-provvista tal-azzar kif ukoll tal-materja prima;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproteġi l-azzar Ewropew bi strumenti leġiżlattivi biex jiċċertifikaw l-użu aħħari tal-azzar inossidabbli u l-kompożizzjoni kimikofiżika tiegħu, inter alia bl-introduzzjoni ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità għall-prodotti assoċjati mal-azzar li kapaċi tipproteġi l-produzzjoni tal-UE minn prodotti mhux iċċertifikati;
51. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għal azzjoni li tikkumbatti swieq illegali fil-prodotti tal-azzar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw miżuri possibbli biex tiġi miġġielda l-evażjoni tal-VAT;
II.4. Riċerka, żvilupp u innovazzjoni
52. Jinnota li t-tixrid mifrux tat-teknoloġiji innovattivi huwa fundamentali għall-konformità mal-perkors ta’ tnaqqis tas-CO2 previst fil-Pjan direzzjonali 2050; jilqa' l-objettiv tal-programm ULCOS, partikolarment li jiġu identifikati u żviluppati teknoloġiji innovattivi tal-produzzjoni tal-azzar li jipproduċu ammont żgħir ħafna ta' karbonju kif ukoll ta' SPIRE u programmi oħrajn biex jiġu żviluppati gradi ġodda ta' azzar, proċessi ta' produzzjoni u riċiklaġġ u mudelli kummerċjali li jtejbu l-valur, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà li jippromwovu l-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-azzar;
53. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta politika tal-innovazzjoni ambizzjuża li twitti t-triq għall-iżvilupp ta' prodotti ta’ kwalità għolja, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u innovattivi u li tippermetti lill-UE tibqa' kompetittiva fid-dawl ta' kompetizzjoni globali dejjem aktar ħarxa;
54. Jilqa’ r-riżultati miksuba mill-istrumenti speċifiċi għall-karbonju u l-azzar bħall-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-iskema li ilha fis-seħħ mill-2002;
55. Iqis li jeħtieġ li l-appoġġ għall-innovazzjoni jiġi estiż għall-attivitajiet kollha relatati mal-industrija tal-azzar u, għalhekk, fil-qafas ta’ Orizzont 2020, li jiġu implimentati faċilitajiet tal-BEI biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bejn il-kumpaniji tal-azzar u r-reġjuni li jinsabu fihom, bl-għan li tiġi promossa attività ekonomika sostenibbli;
56. Jaqbel mal-Kummissjoni li fil-qafas ta' Orizzont 2020 l-enfażi għandha ssir fuq proġetti pilota ta’ dimostrazzjoni għal teknoloġiji ġodda u teknoloġiji aktar nodfa u aktar effiċjenti fir-riżorsi u l-enerġija;
57. Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ inċentivi bl-għan li jħajru lil gruppi multinazzjonali kbar jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp fir-reġjuni li fihom jwettqu l-operazzjonijiet industrijali tagħhom, b-għan li jiġu appoġġati l-impjieg u d-dinamiżmu tar-reġjuni konċernati;
58. Jirrikonoxxi r-riskji finanzjarji kbar assoċjati mal-iżvilupp, it-tkabbir, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi; jappoġġa l-istabbiliment ta’ raggruppamenti, il-kooperazzjoni fir-riċerka u s-sħubijiet pubbliċi-privati bħal SPIRE u EMIRI; jinkoraġġixxi l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi bħall-faċilitajiet għall-kondiviżjoni tar-riskji li jagħtu aċċess prijoritarju lill-industriji tal-azzar fi kriżi; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex ifasslu qafas ta’ finanzjament fit-tul għall-proġetti tal-azzar;
59. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli timplimenta s-Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima, li tikkonċerna l-industrija tal-azzar u tul il-katina tal-valur tal-materja prima, speċjalment il-metodi ta’ riċiklaġġ u mudelli kummerċjali ġodda;
o o o
60. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.