Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2109(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0039/2014

Testi mressqa :

A7-0039/2014

Dibattiti :

PV 26/02/2014 - 17
CRE 26/02/2014 - 17

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0174

Testi adottati
PDF 640kWORD 90k
Il-Ħamis, 27 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Mandat ta' arrest Ewropew
P7_TA(2014)0174A7-0039/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (2013/2109(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri(COM(2005)0063 u SEC(2005)0267, COM(2006)0008 u SEC(2006)0079, COM(2007)0407 u SEC(2007)0979 u COM(2011)0175 u SEC(2011)0430),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2009 dwar ir-raba' ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi - l-applikazzjoni prattika tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (EAW) u l-proċeduri ta' konsenja korrispondenti bejn l-Istati Membri (8302/4/2009 - CRIMORG 55),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)(3),

–  wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Manwal Ewropew għall-ħruġ ta' Mandat ta' Arrest Ewropew (17195/1/10 REV 1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, "Inkattru l-Fiduċja f'Ġustizzja Ewropea - Dimensjoni Ġdida Għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew" (COM(2011)0551),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew tal-miżuri tal-Unjoni rigward il-Mandat ta' Arrest Ewropew, imwettqa mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2010(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0039/2014),

A.  Billi l-Unjoni Ewropea ffissat għaliha nnifisha l-għan li toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u billi, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod li tidħol għal obbligi pożittivi li trid tissodisfa biex tonora dak l-impenn; billi, sabiex ikun effettiv, il- prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jkun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka li tista’ tinkiseb biss jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati u akkużati u d-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali jiġu ggarantiti fl-Unjoni kollha; billi l-fiduċja reċiproka tissaħħaħ permezz tat-taħriġ, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-awtoritajiet ġuridiċi u l-professjonisti legali, biex b’hekk tinħoloq kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina;

B.  Billi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI fil-biċċa l-kbira kellha suċċess fl-ilħiq tal-għan tagħha li tħaffef il-proċeduri ta’ konsenja fl-Unjoni kollha kemm hi meta mqabbla mas-sistema ta’ estradizzjoni tradizzjonali fost l-Istati Membri u tikkostitwixxi l-bażi għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

C.  Billi, madankollu, nqalgħu xi problemi fl-operazzjoni tagħha, fejn xi wħud huma speċifiċi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u jirriżultaw mil-lakuni li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru bħalma hu n-nuqqas li jiġu espliċitament inklużi salvagwardji għad-drittijiet fundamentali jew verifika tal-proporzjonalità kif ukoll mill-implimentazzjoni inkompleta u inkonsistenti tagħha; billi hemm problemi oħra li għandhom x’jaqsmu wkoll mal-ġabra ta' strumenti għal rikonoxximent reċiproku minħabba l-iżvilupp inkomplet u żbilanċjat tal-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni;

D.  Billi strumenti ddefiniti b’mod ċar u effettivi għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ġudizzjarji huma ta’ importanza ewlenija għas-servizzi nazzjonali ta’ prosekuzzjoni f’rabta mal-investigazzjonijiet dwar reati serji transkonfinali u dawn l-istrumenti se jkunu importanti wkoll f’investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew la darba jkun ġie stabbilit;

E.  Billi l-Kumitat Speċjali għall-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil ta’ Flus (CRIM) fir-rapport tiegħu saħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat ir-rikonoxximent rapidu u reċiproku, b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-miżuri ġudizzjarji kollha, b’referenza partikolari għas-sentenzi kriminali, għall-ordnijiet ta’ konfiska u għall-Mandati ta’ Arrest Ewropej (EAWs);

F.  Billi hemm tħassib inter alia dwar:

   (i) in-nuqqas li hemm fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ raġuni espliċita għar-rifjut fejn hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżura tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("Il-Karta");
   (ii) in-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku dwar id-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju effettiv li jitħalla biex jiġi rregolat mid-dritt nazzjonali, li jwassal għal inċertezza u prattiki inkonsistenti bejn l-Istati Membri;
   (iii) in-nuqqas ta’ rieżami regolari tat-twissijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) u tat-twissijiet tal-Interpol kif ukoll in-nuqqas ta’ rabta awtomatika bejn l-irtirar ta’ EAW u t-tneħħija ta’ tali twissijiet, u l-inċertezza dwar l-effett li għandu rifjut li ssir eżekuzzjoni ta’ EAW fuq it-tkomplija tal-validità ta’ EAW u tat-twissijiet relatati bir-riżultat li persuni soġġetti għal EAWs ma jistgħux jiċċaqalqu b’mod ħieles fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr ir-riskju ta’ arrest u konsenja fil-futur;
   (iv) in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni ta’ lista ta’ reati serji relatati mal-EAW iżda wkoll ma’ strumenti oħra tal-Unjoni li jirreferu b’mod kostanti għal dik il-lista, u l-inklużjoni ta’ reati li s-serjetà tagħhom mhix prevista fil-kodiċijiet kriminali tal-Istati Membri kollha u li jistgħu ma jissodisfawx it-test tal-proporzjonalità;
   (v) l-użu sproporzjonat tal-EAW għal reati żgħar jew f’ċirkostanzi fejn jistgħu jintużaw alternattivi inqas invażivi, li jwasslu għal arresti mhux ġustifikati, perjodu ta’ żmien mhux ġustifikat u eċċessiv f’detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess u li b’hekk iwassal għal interferenza sproporzjonata fid-drittijiet fundamentali tal-persuni suspettati u akkużati kif ukoll għal piżijiet fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri;
   (vi) in-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu “awtorità ġudizzjarja” fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti għal rikonoxximent reċiproku oħrajn li wassal għal diverġenza fil-prattika bejn l-Istati Membri li kkawżat inċertezza, ħsara lill-fiduċja reċiproka, u litigazzjoni;
   (vii) in-nuqqas ta’ standards minimi biex tiġi żgurata sorveljanza ġudizzjarja effettiva tal-miżuri ta’ rikonoxximent reċiproku wassal għal prattiki inkonsistenti mill-Istati Membri fir-rigward ta’ salvagwardji u protezzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ żbalji ġudizzjarji bħalma huma l-identità żbaljata, li jmorru kontra l-istandards stabbiliti fil- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE);
   (viii) filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa tad-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess taħt ċerti kriterji, in-nuqqas ta’ standards minimi dwar tali detenzjoni inkluż rieżami regolari, l-użu tagħha bħala l-aħħar għażla u l-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi, flimkien ma’ nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa ta’ jekk il-kawża hijiex lesta biex titressaq għal smigħ ta’ proċess, jistgħu jwasslu biex persuni ssuspettati u akkużati jinżammu għal perjodu ta’ żmien mhux ġustifikat u eċċessiv f’detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess;
   (ix) il-kundizzjonijiet inaċċettabbli li hemm f’għadd ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni madwar l-Unjoni u l-impatt li dan għandu fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni kontra trattament jew kastig inuman jew degradanti skont l-Artikolu 3 tal-KEDB u fuq l-effettività u l-funzjonament tal-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku tal-Unjoni;
   (x) nuqqas ta’ rappreżentazzjoni legali pprovduta lil dawk il-persuni mfittxija taħt EAW fl-Istat Membru emittenti kif ukoll fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;
   (xi) in-nuqqas fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI ta’ skadenzi għat-trażmissjoni tal-EAWs tradotti, li jwassal għal prattiki varjabbli u inċertezza;
   (xii) in-nuqqas ta’ definizzjoni adegwata ta’ reati kriminali li għalihom m’għadux japplika t-test tal-kriminalità doppja;
   (xiii) in-nuqqas li jintużaw għodod oħra tal-Unjoni għall-koperazzjoni ġudizzjarja u għar- rikonoxximent reċiproku;

1.  B’kunsiderazzjoni tal-qafas ġuridiku l-ġdid mill-2014 skont it-Trattat ta’ Lisbona, iqis li din ir-riżoluzzjoni ma għandhiex tittratta problemi li jinqalgħu biss minn implimentazzjoni mhux korretta tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI peress li tali problemi jistgħu u għandhom jiġu rrimedjati permezz ta’ implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri u infurzar permezz ta’ proċedimenti tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw f'waqtu u b'mod effettiv il-korp kollu tal-miżuri ta’ ġustizzja kriminali tal-Unjoni peress li huma kumplementari inkluża l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja u l-miżuri tad-drittijiet proċedurali, u b’hekk jagħmlu disponibbli lill-awtoritajiet ġudizzjarji strumenti għal rikonoxximent reċiproku alternattivi u inqas intrużivi filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fil-proċedimenti kriminali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-implimentazzjoni korretta tagħhom kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tal-EAW u l-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom jesploraw il-possibilitajiet eżistenti kollha li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (bħalma hi l-Premessa 12) biex tiġi salvagwardjata l-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali; jeżawrixxu l-mekkaniżmi alternattivi possibbli kollha qabel ma joħorġu EAW; u jippreċessaw il-kawża mingħajr dewmien żejjed ladarba EAW jkun wassal għal arrest sabiex id-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess tinżamm l-iqsar possibbli;

4.  Jirrimarka li r-rikonoxximent sħiħ u l-infurzar rapidu tal-miżuri ġuridiċi huma pass lejn l-istabbiliment ta’ qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni, u jenfasizza kemm huwa importanti l-EAW bħala mezz effettiv kif tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali serja;

5.  Iqis li peress li l-problemi sottolinjati fil-premessa F jirriżultaw kemm mill-ispeċifiċitajiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u kemm min-natura inkompleta u żbilanċjata tal-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni, is-soluzzjonijiet leġiżlattivi jeħtieġu jindirizzaw iż-żewġ kwistjonijiet permezz ta’ ħidma kontinwa biex jiġu stabbiliti l-istandards minimi dwar inter alia d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati u miżura orizzontali li tistabbilixxi l-prinċipji li japplikaw għall-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku kollha, jew jekk din il-miżura orizzontali mhijiex fattibbli jew tonqos milli tirrimedja l-problemi identifikati f’din ir-riżoluzzjoni, emendi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI;

6.  Iqis li d-dgħufijiet identifikati mhux biss ifixklu l-fiduċja reċiproka iżda huma wkoll għaljin mil-lat soċjali u ekonomiku għall-individwi kkonċernati, il-familji tagħhom u s-soċjetà in ġenerali.

7.  Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tissottometti, fi żmien sena mill-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, abbażi tal-Artikolu 82 tat-TFUE, proposti leġiżlattivi b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness ta’ ma’ din ir-riżoluzzjoni u li jipprovdu għal:

   (a) proċedura li biha miżura ta' rikonoxximent reċiproku tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi vvalidata fl-Istat Membru emittenti minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew minn prosekutur pubbliku, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu “awtorità ġudizzjarja”;
   (b) verifika tal-proporzjonalità meta jkunu qed jinħarġu deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent reċiproku, abbażi tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha bħalma huma s-serjetà tar-reat, jekk il-kawża hijiex lesta biex titressaq għal smigħ ta’ proċess, l-impatt fuq id-drittijiet tal-persuna rekwiżita, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja privata u dik tal-familja, l-implikazzjonijiet ta’ spejjeż u d-disponibilità ta’ miżura alternattiva inqas intrużiva xierqa;
   (c) proċedura ta’ konsultazzjoni standardizzata li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bħalma hu dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u speċifikament fir-rigward tal-EAW sabiex jaċċertaw il-prontezza għal proċess;
   (d) raġuni ta’ rifjut mandatarju fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżuri tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta, b’mod notevoli l-Artikolu 52(1) tagħha bir-referenza li jagħmel għall-prinċipju ta’ proporzjonalità;
   (e) id-dritt għal rimedju ġuridiku effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta u l-Artikolu 13 tal-KEDB, bħalma hu d-dritt għall-appell fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kontra l-eżekuzzjoni mitluba ta’ strument ta’ rikonoxximent reċiproku u d-dritt li l-persuna rikjesta tisfida quddiem tribunal kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-Istat Membru emittenti li jirrispetta l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;
   (f) definizzjoni aħjar tar-reati fejn l-EAW għandu japplika sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tat-test tal-proporzjonalità;

8.  Jitlob għal applikazzjoni ċara u konsistenti mill-Istati Membri kollha tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali marbuta mal-użu tal-EAW; inklużi d-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali; id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrest; u d-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob mill-Istati Membri dejta komprensiva relatata mal-operazzjoni tal-mekkaniżmu tal-EAW u tinkludi din id-dejta fir-rapport ta’ implimentazzjoni li jmiss tagħha bil-ħsieb li tipproponi azzjoni xierqa jekk tinstab xi problema:

10.  Jitlob rieżami regolari ta’ EAWs mhux eżegwiti u li jitqies jekk dawn, flimkien mat-twissijiet korrispondenti tas-SIS II u tal-Interpol, għandhomx jiġu rtirati; jitlob ukoll l-irtirar ta’ EAWs u tat-twissijiet korrispondenti tas-SIS II u tal-Interpol, meta l-EAW ikun ġie rrifjutat abbażi ta’ raġunijiet mandatarji, bħalma huma raġuni ta’ ne bis in idem jew inkompatibilità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li ssir dispożizzjoni biex it-twissijiet tas-SIS II u tal-Interpol jiġu aġġornati b’mod mandatarju bl-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-EAW li jikkorrispondi mat-twissija u li jsir aġġornament xieraq tal-fajls tal-Europol;

11.  Filwaqt li jenfasizza l-importanza primarja ta’ proċeduri korretti inklużi d-drittijiet ta’ appell, jitlob lill-Istati Membri, jew bħala Stat Membru emittenti jew bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni, jipprovdu għal mekkaniżmi ġuridiċi biex jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw minn żbalji ġudizzjarji fir-rigward tal-operazzjoni tal-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku, bi qbil mal-istandards stipulati fil-KEDB u fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-QĠUE;

12.  Jistieden lill-Kunsill jinkludi fil-verżjoni riveduta tal-Manwal Ewropew dwar kif għandu jinħareġ Mandat tal-Arrest Ewropew (17195/1/10 REV 1) limitu ta’ żmien ta’ sitt ijiem għat-trażmissjoni tal-EAWs tradotti sabiex jiġu pprovduti iktar ċarezza u ċertezza;

13.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkooperaw fit-tisħiħ tan-netwerks ta’ kuntatt għall-imħallfin, prosekuturi u avukati ta’ difiża kriminali sabiex jiġu faċilitati proċedimenti ta’ EAW effikaċi u infurmati tajjeb, u joffru t-taħriġ rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għall-professjonisti ġudizzjarji u legali f’inter alia l-lingwi, l-użu xieraq tal-EAW u l-użu kkumbinat tal-istrumenti differenti għal rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza manwal prattiku tal-Unjoni li jkun iddisinjat għall-avukati difensuri li jkunu qed jaġixxu fil-proċedimenti tal-EAW u li jkun faċilment aċċessibbli fl-Unjoni kollha filwaqt li jieħu kont tax-xogħol kollu eżistenti tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Kriminali Ewropea dwar din il-materja u jiġi kkumplementat mill-manwali nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-istabbiliment ta’ Netwerk Ġudizzjarju tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew speċifiku u netwerk ta’ avukati difensuri li jaħdmu fuq il-ġustizzja kriminali Ewropea u fuq kwistjonjiet ta’ estradizzjoni u tipprovdi finanzjament adegwat kemm lilhom kif ukoll lin-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; jemmen li l-Kummissjoni tista’ tiżgura l-finanzjament xieraq permezz tal-programmi eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni.

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tagħmel aċċessibbli faċilment database tal-Unjoni li jiġbor fih il-ġurisprudenza nazzjonali kollha relatata mal-EAW u ma’ proċedimenti oħrajn ta’ rikonoxximent reċiproku biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-professjonisti u l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u l-problemi li jinqalgħu;

16.  Jenfasizza r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-miżuri tal-EAW u jfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu 3 tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) jimponu fuq l-Istati Membri mhux biss obbligi negattivi, billi jipprojbixxuhom milli jittrattaw lill-priġunieri b’mod inuman u degradanti, iżda anke obbligi pożittivi, billi jobbligawhom li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni huma konsistenti mad-dinjità umana, u li jitwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effettivi jekk dawn id-drittijiet jiġu miksura; jistieden lill-Istati Membri jieħdu kont partikolari tad-drittijiet tal-persuni vulnerabbli u b’mod ġenerali jeżaminaw bir-reqqa l-alternattivi għad-detenzjoni;

17.  Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-qafas tar-rikonoxximent reċiproku, jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi ġuridiċi u finanzjarji disponibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex jittejbu l-istandards ta’ detenzjoni inklużi proposti leġiżlattivi dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess;

18.  Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;

19.  Iqis li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-proposti rikjesti għall-baġit tal-Unjoni jenħtieġ tkun koperta mill-allokazzjonijiet baġitarji attwali; jenfasizza li kemm għall-Istati Membri kif ukoll għaċ-ċittadini, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proposti għandhom iwasslu għal iffrankar sostanzjali fl-ispejjeż u l-ħin, u b’hekk għandhom ikunu ta’ benefiċċju mil-lat ekonomiku u soċjali, kif indikat b’mod ċar fil-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew tal-miżuri tal-Unjoni dwar ir-rieżami tal-EAW.

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.
(2) ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(4) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73.
(5) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 82.
(6) ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 154.
(7) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR DWAR UĦUD MILL-PROPOSTI LEĠIŻLATTIVI PREVISTI

Proċedura ta’ validazzjoni għal strumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

—  “l-awtorità emittenti” fil-leġiżlazzjoni kriminali tal-Unjoni għandha tiġi definita bħala:

(i)  imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ konċernat; jew

(ii)  kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definit mill-Istat emittenti, sakemm l-att li għandu jiġi eżegwit ikun ivvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-istrument, minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti.

Kontroll tal-proporzjonalità għall-ħruġ tal-istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

—  Meta toħroġ deċiżjoni li għandha tiġi esegwita fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa bir-reqqa l-ħtieġa għall-miżura mitluba abbażi tal-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata u d-disponibbiltà ta’ miżura alternattiva inqas invażiva xierqa biex jinkisbu l-għanijiet maħsuba, u għandha tapplika l-miżura disponibbli l-inqas invażiva. Fejn l-awtorità ta' eżekuzzjoni għandha raġuni biex temmen li l-miżura hija sproporzjonata, l-awtorità ta' eżekuzzjoni tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku. Wara din il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista' tiddeċiedi li tirtira d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku.

Proċedura ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni li tintuża għal istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

—  Mingħajr ħsara għall-possibilità li l-awtorità eżekutriċi kompetenti tagħmel użu mir-raġunijiet għar-rifjut, jenħtieġ tiġi stabbilita proċedura standardizzata li biha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku rilevanti jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, bħall-valutazzjoni tal-proporzjonalità inkluż, fir-rigward ta’ EAW sabiex tkun ivverifikata l-prontezza għal proċess;

Bażi taċ-ċaħda tad-Drittijiet Fundamentali li għandha tiġi applikata għall-istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

—  Hemm raġunijiet sostanzjali li jikkonfermaw li l-eżekuzzjoni tal-miżura mhijiex kompatibbli mal-obbligi tal-Istati Membri li jesegwihom skont l- Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta.

Dispożizzjoni dwar ir-rimedji legali applikabbli għal strumenti tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:

—  L-Istati Membri għandhom jiżguraw f’konformitá mal-Karta, il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE u l-QEDB, li kull persuna li jkollha d-drittijiet u l-libertajiet tagħha miksura permezz ta' deċiżjoni, azzjoni jew ommissjoni fl-applikazzjoni ta’ strument għal rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Jekk tali rimedju jiġi eżerċitat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni u jkollu effett ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni finali fuq tali rimedju għandha tittieħed fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-istrument għal rikonoxximent reċiproku applikabbli jew, fin-nuqqas ta’ limiti ta’ żmien espliċiti, b’disponibilità suffiċjenti li tiżgura li l-għan tal-proċess ta’ rikonoxximent reċiproku ma jkunx ipperikolat.

Avviż legali - Politika tal-privatezza