Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2600(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0207/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.13

Testi adottati :

P7_TA(2014)0176

Testi adottati
PDF 210kWORD 50k
Il-Ħamis, 27 ta' Frar 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
P7_TA(2014)0176B7-0207, 0212, 0217 u 0218/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2014/2600(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, jiġifieri dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ dwar l-istazzjon televiżiv Radio Caracas(1) , dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi(2) , dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales(3) , dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela(4) , dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' Maria Lourdes Afiuni(5) u dik tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar eventwali mill-Venezwela tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(6) ;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Frar 2014 mill-kelliem ta' Catherine Ashton, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Frar 2014 mill-VP / RGħ Catherine Ashton dwar il-kunflitti fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi parti tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi titqies il-gravità tas-sitwazzjoni attwali fil-Venezwela; billi mit-12 ta' Frar 2014 saru parati paċifiċi mmexxija minn studenti fil-Venezwela kollha u dawn spiċċaw fi vjolenza fatali, fejn inqatlu minn tal-anqas 13-il ruħ, indarbu aktar minn 70 ruħ u mijiet oħra ġew arrestati; billi t-talbiet tal-istudenti jirreferu għan-nuqqas, min-naħa tal-gvern tal-President Maduro, li jsolvi l-problema tal-inflazzjoni għolja, ir-rata ta' kraminilità għolja u l-iskarsezza ta' xi prodotti tal-ikel ta' kuljum kif ukoll il-korruzzjoni li kull ma tmur qed tiżdied, u l-intimidazzjoni tal-midja u tal-oppożizzjoni demokratika; billi l-gvern qiegħed iwaħħal "f'saboteurs" u "negozjanti korrotti għatxana għall-profitti" għal dawn in-nuqqasijiet; billi l-Venezwela hija l-pajjiż li għandu l-akbar riservi tal-enerġija fl-Amerika Latina;

B.  billi f'dawn l-aħħar jiem, l-għadd ta' protesti ma nasaqx, anzi baqa' jiżdied, u b'hekk żdied l-għadd ta' mejtin, midruba u detenuti, bħala konsegwenza tar-ripressjoni brutali min-naħa tal-awtoritajiet governattivi u mill-gruppi armati illegali;

C.  billi t-tensjoni politika u l-polarizzazzjoni fil-Venezwela qegħdin jiżdiedu; billi, minflok ma kkontribwew għaż-żamma tal-paċi u l-kalma, l-awtoritajiet tal-Venezwela heddew li se jmexxu "rivoluzzjoni armata";

D.  billi titqies ir-ripressjoni eżerċitata b'mod partikolari kontra l-istudenti, il-ġurnalisti, il-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-attivisti paċifiċi tas-soċjetà ċivili, li ġew ippersegwitati u li tilfu l-libertà tagħhom;

E.  billi gruppi armati favur il-gvern vjolenti u mhux ikkontrollati kienu qed jaġixxu b'impunità fil-Venezwela għal żmien twil; billi l-oppożizzjoni akkużat lil dawn il-gruppi li qed jistigaw il-vjolenza waqt id-dimostrazzjonijiet paċifiċi, u jikkaġunaw imwiet u diversi korrimenti; billi l-Gvern tal-Venezwela għadu ma tax spegazzjoni ċara dwar dak li ġara;

F.  billi l-midja hija soġġetta għal ċensura u intimidazzjoni, u bosta ġurnalisti issawtu jew ġew detenuti jew ġie meqrud it-tagħmir professjonali tagħhom;

G.  billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-parteċipazzjoni fi protesti paċifiċi jikkostitwixxu elementi bażiċi tad-demokrazija, u l-ugwaljanza u l-ġustizzja għal kulħadd mhumiex possibbli mingħajr l-eżistenza tal-libertajiet fundamentali u r-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha; billi l-kostituzzjoni Venezwelana tiggarantixxi d-dritt għall-assemblea, l-assoċjazzjoni u l-protesta ċivika b'mezzi paċifiċi; billi s-setgħat pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom u jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u ħajjithom, mingħajr ma jillimitaw dawn id-drittijiet;

H.  billi huma biss ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, djalogu kostruttiv u rispettuż u tolleranza li jistgħu jgħinu lill-pajjiż sabiex joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;

1.  Jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u t-telf traġiku tal-ħajja matul id-dimostrazzjonijiet paċifiċi tat-12 ta' Frar 2014 u l-ġranet ta' wara, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri lill-familji tal-vittmi;

2.  Jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu tal-Venezwela u t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità li protesti ġodda jistgħu jwasslu għal aktar atti ta' vjolenza li se jservu biss biex japprofondixxu d-distakk bejn il-pożizzjoni tal-gvern u dik tal-oppożizzjoni u jippolarizzaw sa punt saħansitra akbar l-iżviluppi politiċi sensittivi li qed iseħħu fil-Venezwela; jistieden lir-rappreżentanti tal-partijiet u s-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà tal-Venezwela biex jibqgħu kalmi kemm fl-azzjonijiet tagħhom u kif ukoll fi kliemhom;

3.  Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela li l-libertà tal-espressjoni u d-dritt li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma drittijiet fundamentali tal-bniedem f'demokrazija, kif rikonoxxut fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u jitlob lill-President Maduro jirrispetta t-trattati internazzjonali li l-Venezwela hi parti minnhom, b'mod partikolari l-Karta Demokratika Inter-Amerikana;

4.  Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fl-obbligu tiegħu li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, irrispettivament mill-fehmiet u affiljazzjonijiet politiċi tagħhom; jesprimi tħassib profond dwar l-arresti ta' studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni u jitlob ir-rilaxx immedjat tagħhom;

5.  Ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali għad-demokrazija u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni u ripressjoni politika tal-oppożizzjoni demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi u l-mandati ta' arrest bla bażi maħruġa kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex immedjatament jikkonfiskaw l-armi tal-gruppi armati mhux ikkontrollati li jiffavorixxu lill-gvern u jtemmu l-impunità tagħhom; jitlob kjarifika rigward l-imwiet li seħħew biex dawk ħatja jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet tal-Venezwela, isegwu djalogu paċifiku, li jilħaq is-setturi kollha tas-soċjetà Venezweljana sabiex jiddefinixxu punti ta' konverġenza u jippermettu lill-atturi politiċi jiddiskutu l-problemi l-aktar serji li qed jaffronta l-pajjiż;

8.  Jenfasizza li r-rispett tal-libertà tal-istampa, tal-informazzjoni u tal-opinjoni kif ukoll tal-pluraliżmu politiku jikkostitwixxu bażi fundamentali tad-demokrazija. Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ċensura tal-midja u l-internet u għall-fatt li l-aċċess għal xi blogs u netwerks soċjali huwa limitat; jikkundanna l-persekuzzjoni li sfaw vittmi tagħha bosta gazzetti u midja awdjoviżivi oħra bħall-istazzjon NTN24, u s-CNN bl-Ispanjol, u jqis li dawn il-prattiki jmorru kontra l-kostituzzjoni Venezwelana u l-impenji li ħadet ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;

9.  Jitlob li tintbagħat delegazzjoni ad hoc ta' dan il-Parlament biex tevalwa s-sitwazzjoni fil-pajjiż mill-iktar fis;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 484.
(2) ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 85.
(3) ĠU C 212 E, 5.8.2010. p. 113.
(4) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 69.
(5) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 130.
(6) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 88.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ġunju 2017Avviż legali