Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2169(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0100/2014

Testi mressqa :

A7-0100/2014

Dibattiti :

PV 10/03/2014 - 20
CRE 10/03/2014 - 19

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2014 - 9.28

Testi adottati :

P7_TA(2014)0206

Testi adottati
PDF 382kWORD 147k
It-Tlieta, 11 ta' Marzu 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-qerda tat-tortura fid-dinja
P7_TA(2014)0206A7-0100/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja (2013/2169(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati u l-istrumenti l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Kollha Mit-Tortura u t-Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1975(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (CAT) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha (OPCAT),

–  wara li kkunsidra r-Regoli Minimi Standard tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri u standards rilevanti oħra tan-NU applikabbli universalment,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(2) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-tortura,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija adottata mill-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura tat-22 ta' Novembru 2001 b'rabta mal-avvenimenti tal-11 ta' Settembru 2001, fejn irrimarka li l-projbizzjoni kontra t-tortura hija dmir assolut u inderogabbli skont id-dritt internazzjonali, u esprima l-fiduċja tiegħu li irrispettivament mil-liema reazzjoni għat-theddida ta' terroriżmu internazzjonali tiġi adottata mill-Istati li huma parti mill-Konvenzjoni, dawn ir-reazzjonijiet għandhom ikunu f'konformità mal-obbligi meħuda minnhom fir-ratifika tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar moratorja fuq l-użu tal-piena kapitali(3) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal, l-aktar reċenti r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Diċembru 2012(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, li skontha “ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti”,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, adottata min-NU fit-28 ta' Lulju 1951(5) ,

–  wara li kkunsidra t-23 Rapport Ġenerali tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u ta' Trattament jew Kastig Inuman jew Degradanti tal-Kunsill tal-Ewropa ppubblikat fis-6 ta' Novembru 2013(6) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u ż-żewġ Protokolli Fakultattivi tagħha dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija(7) , u dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati(8) , rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll Addizzjonali magħhom(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tat-Tortura, li daħlet fis-seħħ fl-1997(10) ,

–  wara li kkunsidra l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Manwal dwar l-Investigazzjoni Effettiva u d-Dokumentazzjoni ta' Tortura u ta' Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (Protokoll ta' Istanbul)(11) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija(12) , kif adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif aġġornati fl-2012(13) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt tas-16 ta' Ġunju 2008(14) ,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali(15) ,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2012, adottat mill-Kunsill fis-6 ta' Ġunju 2013(16) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(17) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(18) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasport u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA (19) ,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Marzu 2007 intitolat ‟The Implementation of the EU Guidelines on torture and other cruel, inhuman or degrading treatment or punishment” (L-Implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u t-trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra)(20) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(21) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(22) ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(23)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7‑0100/2014),

A.  billi, minkejja li l-projbizzjoni assoluta tat-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra hija norma internazzjonali ewlenija, stabbilita fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll f'konvenzjonijiet reġjonali, it-tortura għadha tippersisti mad-dinja kollha;

B.  billi f'din ir-riżoluzzjoni, it-terminu ‟tortura” għandu jinftiehem skont id-definizzjoni tan-NU u jinkludi wkoll trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti;

C.  billi l-CAT u l-OPCAT ħolqu qafas internazzjonali b'potenzjal reali li jsir progress fl-eradikazzjoni tat-tortura, speċjalment permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmi nazzjonali ta' prevenzjoni (NPMs) indipendenti u effikaċi;

D.  billi l-UE saħħet l-impenn li ħadet fil-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex tkompli tagħmel kampanja vigoruża kontra t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;

E.  billi l-eradikazzjoni tat-tortura, trattament ħażin u trattament jew pieni inumani jew degradanti hija parti integrali tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, interkonnessa mill-qrib ma' oqsma u strumenti oħra tal-azzjoni tal-UE;

F.  billi l-Linji Gwida tal-UE ġew aġġornati fl-2012, filwaqt li l-aħħar rendikont pubbliku komprensiv u r-rieżami tal-miżuri ta' implimentazzjoni saru fl-2008;

G.  billi, skont il-Linji Gwida aġġornati tal-UE, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu l-Istati Membri huma ddeterminati li jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi internazzjonali li jipprojbixxu t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;

H.  billi t-tortura tista' tkun kemm fiżika kif ukoll psikoloġika; billi hemm numru ta' każijiet li dejjem qiegħed jiżdied fejn il-psikjatrija ntużat bħala għodda ta' koerċizzjoni fuq id-difensuri u d-dissidenti tad-drittijiet tal-bniedem, li jitpoġġew f'istituti psikjatriċi sabiex jitwaqqfu milli jwettqu l-attivitajiet politiċi u tal-komunità tagħhom;

I.  billi l-ġudikaturi tal-Istati Membri għandu jkollhom l-għodda biex iħarrku lil dawk li wettqu t-tortura u li qatt ma għaddew ġuri, u billi attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-każijiet ta' tortura taħt dittatorjati fl-Ewropa, għaliex ħafna minn dawn ir-reati ma ġewx ikkastigati;

J.  billi l-erożjoni tal-projbizzjoni assoluta tat-tortura tibqa' sfida persistenti fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu f'ħafna pajjiżi;

K.  billi hemm sfidi politiċi sinifikanti rigward il-ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, partikolarment it-tfal;

L.  billi l-pulizija ta' ċerti pajjiżi jużaw it-tortura bħala metodu preferut ta' interrogazzjoni; billi t-tortura ma tistax titqies bħala mezz aċċettabbli għas-soluzzjoni ta' reati;

1.  Jenfasizza li l-projbizzjoni tat-tortura hija assoluta skont id-dritt internazzjonali u umanitarju u skont il-CAT; jenfasizza li t-tortura tikkostitwixxi wieħed mill-agħar tipi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, tikkawża ħerba terribbli fil-ħajjiet ta' miljuni ta' individwi u tal-familji tagħhom, u fl-ebda ċirkostanza ma tista' tiġi ġġustifikata;

2.  Jilqa' l-inklużjoni ta' tliet azzjonijiet relatati mal-eradikazzjoni tat-tortura fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal parametri ta' riferiment speċifiċi u miżurabbli biex jivvalutaw l-implimentazzjoni f'waqtha tagħhom, bi sħubija mas-soċjetà ċivili;

3.  Ifaħħar lil dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-NPMs u l-individwi kollha li jistinkaw sabiex jipprovdu rimedju u riparazzjoni lill-vittmi, jiġġieldu l-impunità u jipprevjenu b'mod attiv il-pjaga tat-tortura u t-trattament ħażin madwar id-dinja;

4.  Jinnota li, skont il-CAT, it-terminu "tortura" tfisser kull att li li bih "weġgħat jew tbatijiet severi, kemm jekk fiżiċi jew mentali, jiġu kkawżati intenzjonalment fuq persuna ... bl-istigazzjoni jew bil-kunsens ta' uffiċjal pubbliku jew persuna oħra li taġixxi f'kapaċità uffiċjali"; iqis, madankollu, li sitwazzjonijiet fejn atti ta' tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra jseħħu bl-involviment ta' atturi li mhumiex uffiċjali tal-istat jew uffiċjali pubbliċi wkoll għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri ta' politika għall-prevenzjoni, ir-responsabbiltà u r-riabilitazzjoni;

5.  Jikkundanna l-prevalenza kontinwa tat-tortura u forom oħra ta' trattamenti ħżiena madwar id-dinja u jtenni l-kundanna assoluta tiegħu ta' atti bħal dawn, li huma u jridu jibqgħu pprojbiti fi kwalunkwe żmien u fi kwalunkwe post u li għalhekk m'għandhom qatt ikunu ġġustifikati; josserva li l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar it-Tortura tal-UE jibqgħu insuffiċjenti u mhumiex f'konformità mal-istqarrijiet u l-impenji tal-UE biex tindirizza t-tortura bħala kwistjoni ta' prijorità; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jagħtu spinta ġdida lill-implimentazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida, speċjalment billi jidentifikaw il-prijoritajiet, l-aqwa prattiki u opportunitajiet għal diplomazija pubblika, jikkonsultaw lil partijiet interessati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jirrieżaminaw l-implimentazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mat-tortura msemmija fil-Pjan ta' Azzjoni; Jitlob, f'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tat-tliet azzjonijiet marbuta mal-eradikazzjoni tat-tortura fil-Pjan ta' Azzjoni;

6.  Jirrakkomanda li r-reviżjoni li jmiss tal-Pjan ta' Azzjoni tiddefinixxi azzjonijiet aktar ambizzjużi u speċifiċi għall-eradikazzjoni tat-tortura, bħal pereżempju informazzjoni aktar effiċjenti u kondiviżjoni tal-piż, taħriġ u inizjattivi konġunti mal-uffiċċji lokali tan-NU u Rapporteurs Speċjali rilevanti tan-NU u atturi istituzzjonali oħra, bħal pereżempju l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kunsill tal-Ewropa, flimkien mal-appoġġ għall-istabbiliment u t-tisħiħ ta' mekkaniżmi reġjonli għall-prevenzjoni tat-tortura;

7.  Jilqa' l-aġġornament tal-2012 tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni effikaċi u orjentata lejn ir-riżultati ta' dawk il-Linji Gwida flimkien ma' linji gwida u inizjattivi politiċi oħra;

8.  Jilqa' l-fatt li l-linji gwida jirriflettu approċċ politiku olistiku, inklużi l-promozzjoni ta' qafas leġiżlattiv u ġudizzjarju adegwat għall-prevenzjoni u l-projbizzjoni effikaċi tat-tortura, il-monitoraġġ ta' postijiet ta' detenzjoni, sforzi biex jindirizzaw l-impunità, u r-riabilitazzjoni sħiħa u effikaċi tal-vittmi tat-tortura, appoġġjata minn azzjoni kredibbli, konsistenti u koerenti;

9.  Jistieden lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jieħdu passi iktar effikaċi ħalli jiżguraw li l-Parlament Ewropew u s-soċjetà ċivili jkunu involuti, għall-inqas, fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura.

10.  Itenni l-importanza vitali taċ-ċentri ta' riabilitazzjoni għal vittmi tat-tortura, kemm fl-UE kif ukoll barra, fl-indirizzar ta' mhux biss problemi fiżiċi, iżda anke problemi psikoloġiċi fit-tul esperjenzati minn vittmi tat-tortura; jilqa' l-provvediment tal-UE ta' għajnuna finanzjarja għaċ-ċentri ta' riabilitazzjoni għall-vittmi tat-tortura madwar id-dinja u jissuġġerixxi li dawn iċ-ċentri jadottaw approċċ multidixxiplinari fl-attivitajiet tagħhom, li jinkludi konsulenza psikoloġika, aċċess għal trattament mediku u appoġġ soċjali u legali; jibqa' konvint li l-finanzjament għal ċentri bħal dawn f'pajjiżi terzi pprovdut mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) ma għandux jiġi sospiż minkejja l-kriżi finanzjarja u ekonomika, peress li s-sistemi ta' kura tas-saħħa nazzjonali f'dawn il-pajjiżi ħafna drabi mhumiex f'pożizzjoni li jindirizzaw b'mod adegwat il-problemi speċifiċi tal-vittmi tat-tortura;

11.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda rendikont pubbliku komprensiv u rieżami tal-implimentazzjoni tal-linji gwida mill-2008 u jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni regolari u komprensiva tal-implimentazzjoni tagħhom;

12.  Jirrakkomanda li l-Linji Gwida jkunu akkumpanjati minn miżuri ta' implimentazzjoni dettaljati li għandhom jiġu ċċirkolati lill-kapijiet tal-missjonijiet tal-UE u r-rappreżentanzi tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi; jistieden lill-kapijiet tal-missjonijiet jinkludu każijiet individwali ta' tortura u trattament ħażin fir-rapporti tagħhom ta' implimentazzjoni u segwitu;

13.  Jenfasizza li l-politika tal-UE għandha tkun ibbażata fuq il-koordinament effiċjenti tal-inizjattivi u l-azzjonijiet fil-livell tal-UE u l-Istati Membri sabiex jużaw il-potenzjal kollu tal-istrumenti politiċi disponibbli u s-sinerġiji tagħhom ma' proġetti ffinanzjati mill-UE;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jwettqu rieżamijiet perjodiċi tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 li jipprojbixxi l-kummerċ ta' tagħmir tat-tortura u tal-piena kapitali, kif ukoll biex jippromwovu dan ir-regolament mad-dinja kollha bħala mudell vijabbli għall-infurzar tal-projbizzjoni effettiva tal-għodod tat-tortura;

15.  Jieħu nota tal-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (COM(2014)0001); jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tas-servizzi ta' senserija, l-assistenza teknika u t-tranżitu ta' oġġetti rilevanti; itenni t-talba preċedenti tal-Parlament biex idaħħal "klawsola onnikomprensiva għat-tmiem tat-tortura" fir-Regolament sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu, abbażi ta' informazzjoni preċedenti, joħorġu liċenzji għal jew jirrifjutaw l-esportazzjoni ta' kwalunkwe oġġett li jippreżenta riskju sostanzjali li jista' jintuża għat-tortura, it-trattament ħażin jew il-piena tal-mewt;

16.  Iqis li l-piena tal-mewt, bħala ksur tad-dritt għal integrità personali u dinjità umana, hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ta' piena krudili, inumana jew degradanti skont id-dritt internazzjonali u jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu formalment din l-inkompatibbiltà u jadattaw il-politika tal-UE dwar il-piena kapitali skont dan; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu interpretati b'mod wiesa' l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt u t-tortura; jiddeplora l-iżolament fiżiku u psikoloġiku tal-priġunieri kkundannati għall-mewt u l-pressjonijiet fuqhom; itenni l-ħtieġa għal studju ġuridiku komprensiv u diskussjonijiet fil-livell tan-NU dwar ir-rabtiet bejn l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt, inkluż il-fenomenu tal-piena tal-mewt ta' trawma mentali severa u d-deterjorament fiżiku, u l-projbizzjoni ta' tortura u trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti;

17.  Jappoġġja projbizzjoni immedjata tat-tħaġġir; jenfasizza li dan huwa xorta ta' eżekuzzjoni brutali;

18.  Iħeġġeġ it-tkomplija tat-task force tal-Kunsill dwar it-tortura, li għandu jagħti impetu mġedded lill-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE billi jidentifika l-prijoritajiet, l-aqwa prattiki u opportunitajiet tad-diplomazija pubblika, iwettaq konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll billi jikkontribwixxi għar-rieżami regolari tal-implimentazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mat-tortura fil-Pjan ta' Azzjoni;

19.  Huwa partikolarment imħasseb dwar it-tortura fil-ħabsijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi attivisti tal-komunità, ġurnalisti, avukati tad-drittijiet tal-bniedem u bloggers; jirrikonoxxi li ħafna drabi huma n-nies li huma l-aktar involuti fil-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija li jbatu l-aktar permezz ta' detenzjoni illegali, intimidazzjoni, tortura u espożizzjoni għall-periklu tal-familji tagħhom; jinsisti li kemm missjonijiet tal-UE fuq il-post kif ukoll uffiċjali għolja tal-UE għandhom iqajmu din il-kwistjoni sistematikament u b'mod konsistenti fil-laqgħat mal-kontropartijiet tagħhom minn pajjiżi terzi, fosthom billi jsemmu ismijiet speċifiċi ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin il-ħabs;

20.  Jinnota bi tħassib serju l-eżistenza ta' ċentri ta' detenzjoni sigrieti u l-prattika tad-detenzjoni f'iżolament u reklużjoni fit-tul f'diversi pajjiżi, li jirrappreżentaw uħud mill-aktar eżempji inkwetanti ta' tortura u trattament ħażin; jemmen li dawn il-każijiet għandhom jissemmew b'mod sistematiku fi stqarrijiet u inizjattivi u jiġu inklużi fil-lista tal-każijiet individwali diskussi matul id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u konsultazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi;

21.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar abbużi mifruxa u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK), partikolarment l-użu tat-tortura u l-kampijiet ta' xogħol għall-priġunieri politiċi u ċittadini rimpatrijati tar-RDPK; jistieden lill-awtoritajiet tar-RDPK, bħala l-ewwel pass, jippermettu li jsiru spezzjonijiet tat-tipi kollha ta' faċilitajiet ta' detenzjoni minn esperti internazzjonali indipendenti;

22.  Jenfasizza li ma tista' tiġi ġġustifikata l-ebda eċċezzjoni mill-projbizzjoni assoluta tat-tortura u prattiki li jinvolvu trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti, u li l-Istati għandhom obbligu li jimplimentaw salvagwardji biex jipprevjenu t-twettiq ta' tortura u trattament ħażin, u li jiżguraw ir-responsabilità u l-aċċess għal rimedji effettivi u kumpens f'kull ħin, inkluż fil-kuntest ta' tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali u l-miżuri ta' kontra t-terroriżmu; iqis li huwa inkwetanti li ċerti pajjiżi qed jagħtu kompiti ta' politika parallela lill-gruppi paramilitari biex jippruvaw jevitaw l-obbligi internazzjonali tagħhom; jenfasizza li l-projbizzjoni tapplika wkoll għat-trasferiment u l-użu tal-informazzjoni meta tinkiseb permezz tat-tortura jew li tista' twassal għat-tortura;; ifakkar li l-projbizzjoni tat-tortura hija norma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, li jfisser li hija valida kemm fi żmien ta' paċi kif ukoll fi żmien ta' gwerra;

23.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolenza mill-pulizija f'ċerti pajjiżi, u jqis li din il-kwistjoni hija ċentrali fil-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament degradanti, speċjalment fil-każijiet ta' repressjoni ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li skont id-definizzjonijiet internazzjonali din it-tip ta' vjolenza tikkostitwixxi tal-inqas trattament ħażin jekk mhux tortura;

24.  Jilqa' l-proġett konġunt tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tortura maħsub biex ifassal gwida prattika għall-parlamentari dwar żjarat f'ċentri ta' detenzjoni tal-immigranti;

25.  Jitlob l-adozzjoni ta' gwida prattika għall-parlamentari dwar iż-żjarat ta' postijiet ta' detenzjoni bħala parti minn żjarat regolari f'pajjiżi terzi minn delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew; iqis li l-gwida għandha tinkludi pariri speċifiċi dwar żjarat f'ċentri ta' detenzjoni u postijiet oħra fejn jistgħu jinżammu tfal u nisa, u għandha tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju "primum non nocere " skont il-Manwal ta' Taħriġ tan-NU dwar il-Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment bl-għan li jiġi evitat tpattija lill-priġunieri u l-familji tagħhom wara dawn it-tip ta' żjarat; jitlob li dawn iż-żjarat jitwettqu f'konsultazzjoni mad-delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż ikkonċernat, NĠOs u organizzazzjonijiet attivi fil-ħabsijiet;

26.  Jistieden lis-SEAE, lill-Grupp ta' Ħidma għad-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) u atturi rilevanti oħra jwettqu b'mod konġunt stħarriġ ta' appoġġ tal-UE għall-istabbiliment u l-funzjonament ta' NPMs, sabiex jidentifikaw l-aqwa prattiki kif spjegat fil-Pjan ta' Azzjoni;

27.  Jistieden lis-SEAE, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-istabbiliment u l-funzjonament tal-NPMs indipendenti u effikaċi, u partikolarment it-taħriġ professjonali tal-persunal tagħhom;

28.  Jistieden lill-COHOM, it-task force dwar it-tortura u d-DĠ HOME tal-Kummissjoni jiżviluppaw miżuri li jintegraw il-prevenzjoni tat-tortura fl-attivitajiet kollha ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

L-indirizzar ta' lakuni fil-protezzjoni, partikolarment rigward it-tortura fuq it-tfal

29.  Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu rigward atti ta' tortura u trattament ħażin imwettqa kontra membri ta' gruppi vulnerabbli, partikolarment it-tfal; jistieden lill-UE twettaq miżuri politiċi, diplomatiċi u finanzjarji biex tipprevjeni t-tortura fuq it-tfal;

30.  Jistieden lill-UE tindirizza tipi differenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwaw lit-tfal, speċjalment it-tortura marbuta mat-traffikar tat-tfal, il-pedopornografija, is-suldati tfal, it-tfal f'detenzjoni militari, it-tħaddim tat-tfal, l-akkużi ta' seħer li jinvolvi t-tfal u s-cyberbullying, fejn dawn jikkorrispondu għal tortura, inklużi fl-orfanotrofji, ċentri ta' detenzjoni u kampijiet ta' rifuġjati, u biex jimplimentaw salvagwardji effikaċi biex jipproteġu lit-tfal kull fejn l-awtoritajiet huma involuti bi kwalunkwe mod f'tortura li taffettwa lit-tfal;

31.  Jirrimarka li l-immigranti minuri mhux akkumpanjati m'għandhom qatt jintbagħtu lura f'pajjiż fejn ikunu fil-periklu li jiġu ttorturati jew li jbatu minn trattament inuman jew degradanti;

32.  Jinnota li l-privazzjoni abbużiva tal-libertà tat-tfal, speċjalment fil-kuntest tad-detenzjoni preventiva u d-detenzjoni ta' tfal migranti, wasslet biex iċ-ċentri ta' detenzjoni jkunu ffullati żżejjed, u żiedet it-tortura u t-trattament ħażin tat-tfal; jistieden lill-Istati jiżguraw li l-privazzjoni tal-libertà tat-tfal hija, kif mitlub minn standards universali tad-drittijiet tal-bniedem, ġenwinament użata biss bħala l-aħħar miżura, għall-perjodu minimu meħtieġ u dejjem b'kunsiderazzjoni tal-aħjar interess tat-tfal;

33.  Jistieden lill-Istati jiżviluppaw sistema ta' ġustizzja aktar adatta għat-tfal, li tinkludi mekkaniżmi ta' rappurtar adatti għat-tfal mingħajr ħlas u kunfidenzjali, inkluż f'ċentri ta' detenzjoni, li mhux biss jagħtu s-setgħa lit-tfal li jiddefendu d-drittijiet tagħhom, iżda anke li jirrappurtaw ksur;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tindirizza l-użu tal-internet mill-adulti u t-tfal għat-tortura psikoloġika tat-tfal u l-fastidju permezz tal-midja soċjali; jinnota li, minkejja l-eżistenza tal-Programm tal-UE Internet Aktar Sikur, ir-rispons tal-UE għall-fenomenu tas-cyberbullying ma kienx adegwat; jissottolinja s-sensiela ta' inċidenti reċenti ta' tfal ineħħu ħajjithom minħabba s-cyberbullying, u l-eżistenza persistenti ta' websajts ospitati fi Stati Membri li kienu implikati direttament jew indirettament f'dawn l-azzjonijiet; jenfasizza, għalhekk, l-urġenza għall-UE li tieħu azzjoni ċara u serja kontra l-bullying u l-fastidju onlajn u kontra s-siti li jiffaċilitawhom;

35.  Jirrakkomanda li l-isforzi politiċi tal-UE jiffukkaw fuq ir-riabilitazzjoni u ċ-ċentri tal-appoġġ psikoloġiku għat-tfal li huma vittmi tat-tortura, b'approċċ favur it-tfal filwaqt li jqisu l-valuri kulturali;

36.  Jirrakkomanda l-inklużjoni tat-tortura tat-tfal fil-kampanja ppjanata mmirata lejn id-drittijiet tat-tfal, kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni;

37.  Jirrakkomanda li s-SEAE u l-Kummissjoni jagħtu attenzjoni speċjali lit-tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti mmirati fil-konfront ta' artisti, ġurnalisti, difenduri tad-drittijiet tal-bniedem, mexxejja ta' studenti, professjonisti tas-saħħa u individwi li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli oħra, bħal pereżempju gruppi etniċi, lingwistiċi, reliġjużi u minoranzi oħra, speċjalment meta jinżammu f'detenzjoni jew ħabs;

38.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE jiddiskutu, fid-djalogu tagħhom mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, il-forom ta' tortura abbażi tal-ġeneru li jagħmlu lill-bniet grupp partikolarment vulnerabbli, b'mod partikolari l-mutilazzjoni ġenitali u ż-żwieġ bikri jew furzat, kif previst fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni;

39.  Jistieden lis-SEAE u lill-COHOM jindirizzaw speċifikament it-tortura tat-tfal fl-aġġornament li jmiss tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u l-Pjan ta' Azzjoni ;

40.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li hemm probabilità partikolari li n-nisa jkun vittmi ta' tortura u ta' trattamenti inumani jew degradanti speċifiċi (każi ta' stupru, mutilazzjoni sesswali, sterilizzazzjoni, abort, kontroll furzat tat-twelid, fekondazzjoni deliberata), speċjalment matul kunflitti armati, fejn dawn l-atti jintużaw bħala metodu ta' gwerra, anke kontra l-minuri;

41.  Jikkundanna bl-istess mod l-atti ta' tortura, vjolenza u abbuż fuq persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità sesswali tagħhom;

42.  Jirrimarka l-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-ħidma tal-NGOs involuti fil-prevenzjoni tal-vjolenza f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u għalhekk tat-tortura u tat-trattament ħażin ikkawżati lill-popolazzjoni ċivili f'dawn it-tip ta' sitwazzjonijiet, u għal dan l-għan biex jissensibilizzaw lil gruppi armati dwar il-ħtieġa li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali umanitarji, partikolarment fir-rigward tal-vjolenza bbażata fuq is-sess;

Il-ġlieda kontra t-tortura fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi

43.  Jistieden lis-SEAE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (EUSR) u lill-COHOM jiżguraw li l-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem (HRCSs) ikun fihom objettivi speċifiċi għall-pajjiż u parametri ta' riferiment relatati mal-ġlieda kontra t-tortura, inkluża l-identifikazzjoni tal-gruppi li jirrikjedu protezzjoni speċjali, bħat-tfal, nisa, persuni spostati, rifuġjati u migranti, u dawk li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni minħabba l-etniċità, il-kasta jew il-kultura, it-twemmin reliġjuż jew ieħor, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

44.  Jappella lill-UE u lill-komunità internazzjonali b'mod ġenerali jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement, fejn min ifittex ażil ma jistax jintbagħat lura f'pajjiż fejn dan jista' jkun f'periklu li jiġi ttorturat jew trattat b'mod inuman jew degradanti, kif definit mill-Konvenzjoni tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati;

45.  Jenfasizza l-fatt li l-HRCSs għandhom jidentifikaw il-lakuni fil-protezzjoni, interlokuturi adegwati u punti ta' dħul bħal pereżempju l-qafas tan-NU jew is-settur tas-sigurtà jew ir-riforma ġudizzjarja bl-għan li jiġi indirizzat it-tħassib relatat mat-tortura f'kull pajjiż;

46.  Jirrakkomanda li l-HRCSs jindirizzaw l-kawżi primarji ta' vjolenza u trattament ħażin mill-aġenziji tal-gvern u f'ambjenti privati u jiddefinixxu ħtiġijiet ta' assistenza bl-għan li joffru l-assistenza teknika tal-UE għall-bini tal-kapaċità, ir-riforma ġuridika u t-taħriġ, sabiex jgħinu lill-pajjiżi terzi jikkonformaw mal-obbligi u n-normi internazzjonali, partikolarment fil-kuntest tal-iffirmar u r-ratifika tal-CAT u tal-OPCAT, u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni (speċifikament l-istabbiliment ta' NPMs), il-ġlieda kontra l-impunità u r-riabilitazzjoni tal-vittmi;

47.  Jirrakkomanda wkoll li l-HRCSs jinkludu miżuri li jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-operat jew, fejn hu xieraq, it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet nazzjonali li jistgħu jindirizzaw b'mod effikaċi l-prevenzjoni ta' tortura u trattament ħażin, inkluż fejn meħtieġ il-possibbiltajiet għal assistenza finanzjarja u teknika;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa għas-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE biex jagħmlu disponibbli informazzjoni speċifika rigward appoġġ disponibbli u rimedji ġuridiċi possibbli għall-vittmi ta' tortura u trattament ħażin f'pajjiżi terzi;

49.  Jistieden lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE jagħmlu użu sħiħ, iżda mmirat bir-reqqa u speċifiku għall-pajjiżi, tal-istrumenti politiċi li huma għad-dispożizzjoni tagħhom kif spjegat fil-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura, inklużi dikjarazzjonijiet pubbliċi, inizjattivi lokali, djalogi u konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex jitqajmu każijiet individwali, riforma leġiżlattiva dwar il-prevenzjoni tat-tortura u r-ratifika u l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu l-prattiki tal-passat tagħhom li jwettqu kampanji globali mmirati dwar kwistjonijiet tematiċi relatati mat-tortura;

50.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fuq il-post jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura, u lis-SEAE u l-COHOM biex jimmonitorjaw regolarment l-implimentazzjoni tagħhom;

51.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri madwar id-dinja sabiex kull sena jfakkru l-Jum Internazzjonali ta' Appoġġ għall-Vittmi tat-Tortura fis-26 ta' Ġunju billi jorganizzaw seminars, wirjiet u avvenimenti oħra;

52.  Jistieden lis-SEAE u lill-RSUE jiddiskutu b'mod sistematiku l-kwistjoni tat-tortura u t-trattament ħażin fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE ma' pajjiżi terzi;

53.  Jirrakkomanda li l-kwistjonijiet relatati mat-tortura jitqiegħdu fil-qalba ta' forums u seminars tas-soċjetà ċivili lokali u reġjonali, bil-potenzjal ta' segwitu fil-konsultazzjonijiet u djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem;

54.  Jistieden lill-UE sabiex fid-djalogi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, tippromwovi l-implimentazzjoni tar-Regoli Minimi Standard tan-NU għat-Trattament tal-Priġunieri bl-għan li tiżgura r-rispett tad-dinjità inerenti tal-priġunieri u konformità mad-drittijiet fundamentali u mal-garanziji, u tiżgura wkoll li l-applikazzjoni tar-regoli tiġi estiża għall-postijiet kollha ta' privazzjoni tal-libertà, inklużi l-isptarijiet mentali u l-għases tal-pulizija;

55.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lid-delegazzjonijiet tal-Parlament iżuru l-ħabsijiet u postijiet oħra ta' detenzjoni, inklużi f'ċentri ta' detenzjoni għall-minorenni u postijiet fejn jista' jkun hemm detenuti t-tfal, biex josservaw il-proċessi meta jkun hemm raġuni għalfejn iqisu li l-imputati setgħu kienu soġġetti għal tortura jew trattament ħażin u jitolbu informazzjoni dwar każijiet individwali u jagħmlu investigazzjoni indipendenti tagħhom;

56.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jipprovdu appoġġ lill-membri tas-soċjetà ċivili meta dawn ma jitħallewx iżuru ħabsijiet u josservaw il-proċessi;

57.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom fil-Pjan ta' Azzjoni li jiffaċilitaw l-istabbiliment u l-funzjonament ta' NPMs indipendenti u effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw u janalizzaw b'diliġenza u trasparenza l-NPMs eżistenti u istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u f'pajjiżi terzi, u jidentifikaw l-aqwa prattiki fosthom, filwaqt li jiżguraw li għandhom perspettiva ffukata fuq id-drittijiet tat-tfal, bl-għan li jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti, isir tibdil għat-titjib tagħhom u jiġu promossi dawn l-eżempji lill-pajjiżi sħab;

58.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jappellaw biex id-detenzjoni tintuża bħala l-aħħar miżura, u sabiex ifittxu alternattivi, b'mod partikolari għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħal nisa, tfal, dawk li jfittxu ażil u migranti;

59.  Huwa mħasseb ħafna dwar ir-rapporti reċenti ta' kumpaniji bbażati fl-UE li jfornu sustanzi kimiċi użati għal drogi tal-injezzjoni letali fl-Istati Uniti tal-Amerika; jilqa', f'dan ir-rigward, l-iżvilupp minn numru ta' kumpaniji farmaċewtiċi Ewropej ta' sistema ta' esportazzjoni u kontroll kuntrattwali, bl-għan li tiżgura li l-prodott tagħhom Propofol ma jintużax għal injezzjonijiet letali f'pajjiżi li għadhom japplikaw il-piena tal-mewt, b'mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika;

L-azzjoni tal-UE f'fora internazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali

60.  Jilqa' l-isforzi persistenti mill-UE li tibda u tappoġġja l-adozzjoni regolari ta' riżoluzzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u li tindirizza din il-kwistjoni bħala prijorità taħt il-qafas tan-NU; jissuġġerixxi li l-VP/RGħ u r-RSUE iżommu kuntatt regolari mar-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-Tortura sabiex ikun hemm skambju ta' informazzjoni rilevanti għar-relazzjonijiet tal-politika barranija tal-UE ma' pajjiżi terzi; jissuġġerixxi wkoll li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jistiednu regolarment lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-Tortura sabiex jaġġorna lill-Parlament dwar kwistjonijiet marbuta ma' tortura f'pajjiżi speċifiċi;

61.  Jirrimarka li, kif previst fl-Artikoli 7 u 8 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), it-tortura mwettqa fuq bażi sistematika jew fuq skala kbira tista' tikkostitwixxi tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità; isostni li, l-prinċipju tar-responsabbiltà għall-protezzjoni jagħti lill-komunità internazzjonali d-dmir li tipproteġi lill-popli vittma ta' delitti bħal dawn u, għalhekk, jistieden biex jiġi rieżaminat il-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostakolu fil-każijiet li jinvolvu r-responsabbiltà li tingħata protezzjoni;

62.  Jistieden lill-pajjiżi terzi jikkooperaw bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali tan-NU, il-Kumitat kontra t-Tortura u korpi ta' kontra t-tortura reġjonali bħall-Kumitat għall-Prevenzjoni ta' Tortura fl-Afrika, il-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT), u r-Rapporteur tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għad-Drittijiet tal-Persuni mċaħħda mil-Libertà; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE iqisu sistematikament ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali u korpi oħra għas-segwitu tal-kuntatti mal-pajjiżi terzi, inkluż bħala parti mill-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU);

63.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-EUSR u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-CAT u l-OPCAT bħala prijorità u jżidu l-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw l-istabbiliment u l-funzjonament effikaċi u indipendenti tal-NPMs f'pajjiżi terzi;

64.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment u l-funzjonament ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni tat-tortura reġjonali, inkluż il-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura fl-Afrika u r-Rapporteur tal-OAS għal Persuni Mċaħħda mil-Libertà;

65.  Jistieden lis-SEAE, lir-RSUE u lill-Kummissjoni jtejbu l-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi terzi, biex b'hekk jippermettulhom li jimplimentaw b'mod effikaċi r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tat-trattat tan-NU rilevanti, inkluż il-Kumitat kontra t-Tortura u s-Sottokumitat dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura, il-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

66.  Jistieden lis-SEAE biex fi ħdan il-kapaċitajiet tiegħu jipprovdi assistenza teknika għar-riabilitazzjoni ta' vittmi tat-tortura u l-familji tagħhom sabiex ikollhom is-setgħa li jerġgħu jibnu ħajjithom;

67.  Jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Pjan ta' Azzjoni u li jipprovdu lis-SEAE b'aġġornamenti regolari dwar l-azzjonijiet meħuda minnhom f'dan ir-rigward;

68.  Jistieden lill-UE tikoopera b'mod aktar effiċjenti mas-CPT u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa;

Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)

69.  Jilqa' l-inizjattivi u l-proġetti eżistenti taħt l-EIDHR, li 7 % mill-fondi tagħhom ġew allokati għal proġetti marbuta mat-tortura, u jenfasizza l-ħtieġa li jibqa' jkun hemm fondi speċifiċi allokati għall-ġlieda kontra t-tortura u trattament jew pieni krudili jew degradanti, b'enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni, il-prevenzjoni, l-indirizzar tal-impunità, kif ukoll ir-riabilitazzjoni soċjali u psikoloġika tal-vittmi tat-tortura, bi prijorità mogħtija għal proġetti ta' natura olistika;

70.  Jenfasizza li l-fondi allokati għal proġetti taħt il-perjodu ta' programmazzjoni li ġej għandhom jikkunsidraw il-prijoritajiet tal-UE kif deskritti fil-Pjan ta' Azzjoni;

71.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu deskrizzjoni ġenerali tal-programmi ta' assistenza bilaterali fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tortura u r-riabilitazzjoni bil-ħsieb li jsir skambju tal-aqwa prattiki, jinkiseb qsim tal-piż effiċjenti u jinħolqu sinerġiji u komplementarjetà ma' proġetti tal-EIDHR;

Il-kredibilità, il-koerenza u l-konsistenza tal-politika tal-UE

72.  Jirrimarka l-ħtieġa għall-UE u l-Istati Membri li jagħtu eżempju sabiex jistabbilixxu l-kredibilità tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Belġju, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja u s-Slovakkja jirratifikaw l-OPCAT bħala kwistjoni ta' prijorità u jistabbilixxu NPMs indipendenti, b'riżorsi biżżejjed u effikaċi; jinnota l-importanza ta' komunikazzjonijiet individwali bħala strument għall-prevenzjoni tat-tortura u trattament ħażin u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċettaw ġurisdizzjonijiet individwali f'konformità mal-Artikolu 21 tal-CAT; jistiden lill-firmatarji tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jiffirmaw u jirratifikaw it-tielet Protokoll tiegħu; jistieden ukoll lill-21 Stat Membru, li għad jonqoshom jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għajbien Imġiegħel, biex jagħmlu dan b'urġenza;

73.  Jistieden lill-Istati Membri li ma għamlux dikjarazzjonijiet li jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni tal-Artikolu 22 tal-CAT jagħmlu dan bħala kwistjoni ta' prijorità;

74.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri kollha li għandhom NPMs jieħdu sehem fi djalogu kostruttiv bl-għan li jimplimentaw rakkomandazzjonijiet tal-NPM, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet tas-CPT, tal-CAT u tas-Sottokumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura, b'mod koerenti u komplimentari;

75.  Iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn il-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem u, għalhekk, jitlobha tuża l-politika tal-viċinat tagħha u l-prinċipju “agħti iktar biex tirċievi iktar” sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċin iwettqu riformi bl-għan li jsaħħu l-azzjoni tagħhom kontra t-tortura;

76.  Jiddispjaċih bl-appoġġ limitat ħafna ipprovdut mill-Istati Membri lill-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u l-Fond Speċjali tal-OPCAT; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw il-ħidma ta' dawn il-fondi permezz ta' kontributi volontarji sostanzjali u regolari, f'konformità mal-impenji tagħhom skont il-Pjan ta' Azzjoni;

77.  Isostni li l-UE għandha tieħu pożizzjoni aktar b'saħħitha u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn u r-rieda politika tagħhom biex jiżguraw moratorja fuq il-piena tal-mewt fid-dinja kollha;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni bil-ħsieb li toħloq mekkaniżmu li jelenka u jimponi sanzjonijiet immirati (projbizzjonijiet ta' vjaġġar, iffriżar ta' assi) kontra uffiċjali ta' pajjiżi terzi (fosthom uffiċjali tal-pulizija, prosekuturi u mħallfin) involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, bħal tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti; jenfasizza li l-kriterji għall-inklużjoni fil-lista għandhom ikunu bbażati fuq sorsi dokumentati tajjeb, konverġenti u indipendenti u fuq provi konvinċenti, biex b'hekk ikun hemm lok għal mekkaniżmi ta' rimedju għal dawk fil-mira;

79.  Ifakkar fl-obbligu tal-Istati kollha, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-UE, jaderixxu b'mod strett mal-prinċipju ta' non-refoulement, li skontu l-Istati ma għandhomx jiddeportaw jew jestradixxu persuna f'ġurisdizzjoni fejn hu jew hi għandha r-riskju ta' persekuzzjoni; jikkunsidra li l-prattika li tfittex assigurazzjonijiet diplomatiċi mill-Istat li qed jirċievi ma teżentax lill-Istat li qed jibgħat mill-obbligi tiegħu u jikkundanna prattiki bħal dawn li jfittxu li jevitaw il-projbizzjoni assoluta ta' tortura u refoulement;

80.  Jieħu nota tal-pożizzjoni vitali li l-UE għandha fuq livell dinji fil-ġlieda kontra t-tortura, f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU; jissottolinja l-fatt li t-tisħiħ tal-prinċipju ta' tolleranza żero għat-tortura jibqa' fil-qalba tal-politiki u tal-istrateġiji tal-UE fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kemm barra l-UE kif ukoll fi ħdanha stess; jiddispjaċih għall-fatt li mhux l-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 u li xi kumpaniji bbażati f'pajjiżi industrijalizzati setgħu biegħu lil pajjiżi terzi, b'mod illegali, xi apparat tal-pulizija u tas-sigurtà li jista' jintuża għat-tortura;

81.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jlestu r-rieżami attwali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, inklużi l-annessi tiegħu, bl-għan li l-implimentazzjoni tkun aktar effikaċi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament, partikolarment mal-obbligu tal-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 13 tiegħu, li jikkompilaw rapporti ta' attività annwali f'waqthom u jagħmluhom pubbliċi, u li jikkondividu l-informazzjoni mal-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet ta' liċenzjar;

Kunsiderazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-tortura u l-politika tal-iżvilupp

82.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi stabbilita strateġija integrata u komprensiva sabiex tiġġieled it-tortura billi tindirizza l-kawżi primarji tagħha; jemmen li din għandha tinkludi trasparenza ġenerali fl-istituzzjonijiet u rieda politika iktar b'saħħitha fil-livell statali biex dan jiġġieled it-trattament ħażin; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-faqar, l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza jiġu indirizzati permezz ta' NPMs u billi jissaħħu l-awtoritajiet lokali u l-NGOs; jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-istrumenti għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-vjolenza;

83.  Jenfasizza l-fatt li l-aċċess għall-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-impunità, investigazzjonijiet imparzjali, l-għoti tas-setgħa għas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-edukazzjoni kontra t-trattament ħażin huma essenzjali għall-ġlieda kontra t-tortura;

84.  Jenfasizza li l-użu tat-terminu "tortura", u għalhekk il-projbizzjoni assoluta, il-prosekuzzjoni u l-piena ta' din il-prattika, m'għandhomx jiġu esklużi meta atti bħal dawn isiru minn forzi armati irregolari jew minn gruppi tribali, reliġjużi jew ta' ribelli;

85.  Ifakkar fl-importanza u fl-ispeċifiċità tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala komponenti tad-djalogu politiku skont Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou; ifakkar ukoll li kull djalogu ma' pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jkollu komponent qawwi kontra t-tortura;

86.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab tagħhom jadottaw approċċ orjentat lejn il-vittmi fil-ġlieda kontra t-tortura u trattament ieħor krudili, inuman u degradanti, billi jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-vittmi fil-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' kundizzjonalità għall-għajnuna hi mod effikaċi ta' kif wieħed jindirizza din il-problema, iżda fi djalogi u negozjati f'livell għoli, l-involviment tas-soċjetà ċivili, it-tisħiħ ta' kapaċitajiet nazzjonali u l-konċentrazzjoni fuq l-inċentivi jistgħu jiksbu riżultati aħjar.

Kunsiderazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-tortura u d-drittijiet tan-nisa

87.  Iħeġġeġ lill-UE tiżgura, permezz ta' kundizzjonalità tal-għajnuna, li l-pajjiżi terzi jipproteġu lill-bnedmin kollha mit-tortura, speċjalment lin-nisa u lill-bniet; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tqis il-politika ta' għajnuniet tagħha fil-konfront tal-pajjiżi li jwettqu t-tortura u tgħaddi l-għajnuna biex jiġu appoġġjati l-vittmi;

88.  Jilqa' l-miżuri kkontemplati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" (COM(2013)0833), u jtenni l-bżonn ta' konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tal-Unjoni b'rabta ma' din il-problema; jtenni madankollu l-ħtieġa kontinwa għall-UE li taħdem ma' pajjiżi terzi sabiex teqred il-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jikkriminalizzaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jiżguraw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

89.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar każijiet ta' eżekuzzjoni ta' nisa li għandhom problemi mentali jew diffikultajiet ta' tagħlim;

90.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, b'mod partikolari l-qtil tal-unur, il-vjolenza motivata minn twemmin kulturali jew reliġjuż, iż-żwieġ furzat, iż-żwieġ ta' minorenni, il-ġeneriċidji u l-imwiet minħabba dota; jafferma li l-UE għandha tittrattahom bħala forom ta' tortura; jistieden lill-partijiet interessati kollha jaħdmu b'mod attiv permezz ta' miżuri edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni għall-prevenzjoni ta' prattiki tat-tortura;

91.  Jikkundanna l-forom kollha ta' tortura tan-nisa relatati ma' akkużi ta' seħer jew maġija, kif imwettqa f'bosta pajjiżi madwar id-dinja;

92.  Jilqa' l-approċċ progressista u innovattiv tal-Istatut ta' Ruma billi jirrikonoxxi l-vjolenza sesswali u bbażata fuq is-sess, fosthom l-istupri, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, it-tqala furzata, l-isterilizzazzjoni furzata u forom oħrajn ta' vjolenza sesswali ta' gravità paragunabbli, bħala forma ta' tortura u bħala delitt tal-gwerra u delitt kontra l-umanità; jilqa' wkoll l-implimentazzjoni, permezz tal-fond ta' sostenn għall-vittmi tal-QKI, ta' programmi li jimmiraw lejn ir-riabilitazzjoni tan-nisa li huma vittmi tat-tortura, partikolarment f'sitwazzjonijiet ta' wara l-kunflitti;

93.  Jistieden lill-UE tinkoraġġixxi lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx u implimentaw il-CAT u l-Istatut ta' Ruma biex jagħmlu dan, u biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

94.  Iħeġġeġ lill-Istati jikkundannaw bil-qawwa l-vjolenza u t-tortura kontra n-nisa u t-tfal li jitwettqu f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati u wara l-kunflitti; jirrikonoxxi li l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru taffettwa l-vittmi u s-superstiti wara din l-esperjenza, il-familjari, il-komunitajiet u s-soċjetajiet, u jappella għal miżuri effikaċi sabiex ikun hemm għoti ta' rendikont u korrezzjoni kif ukoll rimedji effikaċi;

95.  Iqis li huwa kruċjali li l-prosekuturi u l-imħallfin nazzjonali jkollhom il-kapaċità u l-għarfien espert biex iħarrku u jtellgħu l-qorti b'mod adegwat l-awturi ta' delitti bbażati fuq il-ġeneru;

96.  Iqis li n-nuqqas ta' separazzjoni ta' priġunieri nisa transġeneru mill-priġunieri rġiel fid-detenzjoni hija prattika krudili, inumana, degradanti u inaċċettabbli;

97.  Jistieden lill-UE, biex fid-djalogi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, tippromwovi l-implimentazzjoni tar-Regoli tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri Nisa u l-Miżuri Mingħajr Arrest Arrest għall-Awturi Nisa ta' Reati (Regoli ta' Bangkok) bl-għan li jissaħħu n-normi internazzjonali għat-trattament tal-priġunieri nisa b'kunsiderazzjoni tal-aspetti tas-saħħa, is-sensittività tal-ġeneru u l-kura tat-tfal.

o
o   o

98.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-gvernijiet tal-Istati Membri, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura.

(1) http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/DeclarationTorture.aspx
(2) http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/DeclarationTorture.aspx
(3) (A/RES/67/176).
(4) (A/RES/67/167).
(5) http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/DeclarationTorture.aspx
(6) http://www.cpt.coe.int/en/annual/rep-23.pdf
(7) http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/DeclarationTorture.aspx
(8) http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/DeclarationTorture.aspx
(9) http://www.icrc.org/eng/war-and-law/treaties-customary-law/geneva-conventions/
(10) http://www.cidh.oas.org/Basicos/English/Basic9.Torture.htm
(11) Ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ġinevra, http://www.ohchr.org/Documents/Publications/training8Rev1en.pdf
(12) Dokument tal-Kunsill 11855/2012.
(13) 3 http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/8590.en08.pdf
(14) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/10015.mt08.pdf
(15) http://eeas.europa.eu/human_rights/docs/guidelines_en.pdf
(16) http://register.consilium.europa.eu/pdf/de/13/st09/st09184.de10.pdf
(17) Testi adottati, P7_TA(2012)0503.
(18) Testi adottati, P7_TA(2012)0504.
(19) Testi adottati, P7_TA(2013)0418.
(20) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2007/348584/EXPO-DROI_ET(2007)348584_EN.pdf
(21) ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.
(22) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 107.
(23) Testi adottati, P7_TA(2013)0278.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Settembru 2017Avviż legali