Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2004(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0159/2014

Testi mressqa :

A7-0159/2014

Dibattiti :

PV 13/03/2014 - 10
CRE 13/03/2014 - 10

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.11

Testi adottati :

P7_TA(2014)0247

Testi adottati
PDF 530kWORD 61k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2015, Taqsima III – Kummissjoni
P7_TA(2014)0247A7-0159/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2015, Taqsima III – Kummissjoni (2014/2004(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2) ,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(3) u l-erba' dikjarazzjonijiet konġunti relatati miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u l-Kummissjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta’ pagament,

–  wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 7, tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0159/2014),

Il-baġit tal-UE – l-għoti ta’ strumenti liċ-ċittadini biex isibu mod kif joħorġu mill-kriżi

1.  Jemmen li minkejja xi ftit pressjonijiet li fadal, l-ekonomija Ewropea qed turi xi sinjali ta’ rkupru u jqis li, waqt li jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet ekonomiċi u baġitarji persistenti fil-livell nazzjonali u l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali li qed isiru mill-Istati Membri, il-baġit Ewropew għandu jħeġġeġ din it-tendenza billi jsaħħaħ l-investiment strateġiku f’azzjonijiet b’valur miżjud Ewropew sabiex jgħin biex l-ekonomija Ewropea terġa’ lura fuq saqajha, jiġġenera t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi waqt li jimmira li jrawwem il-kompetittività u jżid il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE kollha;

2.  Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li jifformaw wieħed mill-ikbar blokki ta’ nefqa fil-baġit tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE kienet strumentali fis-sostenn tal-investiment pubbliku f’oqsma ekonomiċi indispensabbli u kisbet riżultati tanġibbli fuq il-bażi li tista' tagħti s-setgħa lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jegħlbu l-kriżi attwali u jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-bżonn li ċ-ċittadini jingħataw l-istrumenti biex isibu mod kif joħorġu mill-kriżi; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa speċjali li jsir investiment f’oqsma bħall-edukazzjoni u l-mobilitá, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u l-imprenditorjat, sabiex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE u jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi - b'mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ u għal dawk li għandhom 'il fuq minn 50 sena;

3.  Iqis importanti wkoll li jsir investiment f’oqsma oħra bħall-enerġija rinnovabbli, l-aġenda diġitali, l-infrastrutturi, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-konnettività transkonfinali kif ukoll użu aktar qawwi u msaħħaħ ta’ ‘strumenti finanzjarji innovattivi’, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investimenti fit-tul; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ l-industrija tal-UE bħala mutur ċentrali tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir; iħeġġeġ li, bil-għan li l-industrija tal-UE ssir aktar b’saħħitha, kompetittiva u indipendenti, il-fokus ewlieni għandu jkun fuq l-investiment fl-innovazzjoni;

4.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed riżorsi għall-azzjonijiet esterni tal-UE; ifakkar l-impenn internazzjonali li sar mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżidu l-infiq tagħhom fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għal 0,7 % tal-ING u biex jiksbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

5.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-aqwa koordinazzjoni possibbli bejn il-fondi differenti tal-UE minn naħa, u bejn il-fondi tal-UE u n-nefqa fil-livell nazzjonali min-naħa l-oħra, sabiex il-flus pubbliċi jintużaw bl-aħjar mod possibbli;

6.  Ifakkar il-ftehim reċenti dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, li jiddefinixxi l-parametri ewlenin għall-baġit annwali sal-2020; jenfasizza l-fatt li kull baġit annwali għandu jkun konformi mar-Regolament QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali u ma għandux jitqies bħala skuża biex il-QFP jiġi nnegozjat mill-ġdid; jistenna li l-Kunsill ma jippruvax jimponi interpretazzjonijiet ristretti ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, speċjalment rigward in-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strumenti speċjali; itenni l-intenzjoni tiegħu li jisfrutta kompletament il-mezzi kollha disponibbli għall-awtorità baġitarja fi ħdan il-qafas tal-proċedura baġitarja annwali sabiex il-baġit tal-UE jkollu l-flessibbiltá meħtieġa;

7.  Jenfasizza li, bħala t-tieni sena tal-QFP l-ġdid, l-2015 se tkun sena importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi pluriennali 2014-2020 ġodda; jenfasizza l-fatt li, sabiex ma jfixklux l-implimentazzjoni tal-politiki ewlenin tal-UE, il-programmi kollha jeħtieġ ikunu operattivi u għaddejjin b’ritmu tajjeb kemm jista’ jkun malajr; jinnota li l-baġit 2015 se jkun inqas f’termini reali mill-baġit 2013; iħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw l-adozzjoni fil-pront tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi kollha fl-2014, sabiex ma jitilfu ebda ħin addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ investiment il-ġodda; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni lill-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-istadji kollha tal-proċess;

8.  Ifakkar il-ftehim fi ħdan il-QFP, li qed ikun implimentat għall-ewwel darba fil-baġit 2014, biex l-approprjazzjonijiet jiġu kkonċentrati fil-bidu tal-perjodu għal objettivi ta’ politika speċifikati li jirrigwardaw iż-żgħażagħ, l-impjiegi, ir-riċerka, Erasmus+ (b’mod partikolari għall-apprendisti) u l-SMEs; jenfasizza li, bħala parti mill-ftehim QFP, jeħtieġ li jittieħed approċċ simili għall-baġit 2015 billi l-approprjazzjonijiet għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (EUR 871,4 miljun fi prezzijiet tal-2011)kif ukoll għal Erasmus+ u COSME (EUR 20 miljun kull wieħed fi prezzijiet tal-2011) jiġu kkonċentrati fil-bidu tal-perjodu tiegħu ; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ wara l-2015 u jitlob li l-possibbiltajiet kollha ta’ finanzjament, inkluż il-marġni globali tal-QFP għall-impenji, jitqiesu għal dan l-għan;

9.  Jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar l-effetti negattivi possibbli ta' konċentrazzjoni addizzjonali fi tmiem il-perjodu tal-programmtal-enerġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fl-2015 u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni adegwata dwar kif tali deċiżjoni se taffettwa t-tnedija b’suċċess ta’ dan il-programm ġdid;

10.  Jenfasizza l-valur miżjud li jiġu antiċipati l-investimenti f’dawn il-programmi, sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu megħjuna biex joħorġu mill-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tidentifika programmi possibbli oħra li jistgħu jibbenefikaw minn konċentrazzjoni fil-bidu , ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan u jkunu jistgħu jassorbu kompletament din il-konċentrazzjoni fil-bidu;

11.  Jenfasizza li, għal darb’oħra, l-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (id-19 u l-20 ta’ Diċembru 2013) dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni kif ukoll il-flussi migratorji se jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE; itenni l-pożizzjoni tiegħu li kull proġett addizzjonali li jaqbel miegħu l-Kunsill Ewropew jeħtieġ ikun iffinanzjat b’riżorsi addizzjonali u mhux permezz ta’ qtugħ fi programmi u strumenti eżistenti, jew billi jingħataw kompiti addizzjonali lil istituzzjonijiet jew kopri tal-UE oħra li diġà waslu fil-limitu tal-kapaċitajiet tagħhom;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-aġenziji deċentralizzati, li huma vitali għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE; jinnota li dawn jippermettu li jsiru ekonomiji ta’ skala permezz tal-ġbir flimkien tan-nefqa li kieku xorta waħda ssir in-nefqa minn kull Stat Membru separatament biex jintlaħaq l-istess riżultat; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji kollha jiġu vvalutati individwalment f’termini tar-riżorsi baġitarji u umani, u li fil-baġit 2015 u fis-snin ta’ wara jkunu pprovduti bil-mezzi finanzjarji u l-persunal xierqa sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva; jenfasizza, għalhekk, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘L-ipprogrammar ta’ riżorsi umani u finanzjarji għall-aġenziji deċentralizzati 2014-2020’ (COM(2013)0519) ma tridx tifforma l-bażi tal-abbozz ta' baġit fir-rigward tal-aġenziji; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol importanti tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali l-ġdid dwar l-aġenziji deċentralizzati, li għandu jwettaq skrutinju aktar mill-qrib u iżjed permanenti tal-iżvilupp ta’ aġenziji bil-għan li jiżgura approċċ koerenti; jistenna li dan il-grupp ta’ ħidma jressaq l-ewwel riżultat tiegħu f’ħin xieraq għall-qari tal-baġit tal-Parlament;

13.  Ifakkar id-Dikjarazzjoni konġunta dwar ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, li fiha l-Parlament u l-Kunsill ftiehmu li jeżaminaw it-trasferiment tal-approprjazzjonijiet għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE mill-baġit tal-Kummissjoni (it-Taqsima III) għall-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (it-Taqsima X) fil-kuntest tal-proċedura baġitarja 2015;

Approprjazzjonijiet ta’ pagament – l-UE trid taqdi l-impenji legali u politiċi tagħha

14.  Ifakkar li l-livell ġenerali tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament miftiehma għall-baġit 2014 jibqgħu inqas mil-livell meqjus neċessarju u propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit oriġinali tagħha; jinnota li, kif previst fir-Regolament QFP il-ġdid u fil-marġni globali l-ġdid għall-pagamenti, il-Kummissjoni għandha twettaq aġġustament ’il fuq fil-limitu massimu ta’ pagamenti għas-sena 2015 bl-ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti eżegwiti fl-2014 u l-limitu massimu ta’ pagamenti QFP għas-sena 2014; jinsab imħasseb profondament li l-livell bla preċedent ta' kontijiet pendenti fi tmiem l-2013, li jammontaw għal EUR 23,4 biljun taħt l-Intestatura Ib biss, ma jistax ikun kopert mil-limiti massimi tal-2014; jitlob għall-mobilizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà xierqa għal pagamenti fl-2014 u jenfasizza li anki din mhux mistennija tkun biżżejjed biex tevita defiċit ta' implimentazzjoni kbir fi tmiem l-2014; jenfasizza l-fatt li n-nuqqasijiet rikorrenti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament kienu l-kawża ewlenija tal-livell għoli bla preċedent ta’ impenji pendenti (RALs), speċjalment f’dawn l-aħħar ftit snin;

15.  Ifakkar li skont it-Trattat(4) ‘il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-mezzi finanzjarji jkunu disponibbli sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi’; jistenna li l-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit tagħha tipproponi livell adegwat ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet reali u mhux immexxija minn kunsiderazzjonijiet politiċi;

16.  Jinsisti fuq l-użu tal-mezzi kollha disponibbli taħt ir-Regolament QFP, inkluż rikors għall-marġini ta' kontinġenza u, jekk jinstab li jkun għadu neċessarju u meta ma jkunx fadal alternattiva oħra, reviżjoni tal-limiti massimi ta' pagament, sabiex jintlaħqu l-obbligi legali tal-Unjoni u jkun evitat li jiġu pperikolati jew jittardjaw il-pagamenti lill-partijiet interessati kollha, bħar-riċerkaturi, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja, l-awtoritajiet lokali u l-SMEs, u fl-istess ħin jitnaqqas l-ammont ta’ pagamenti pendenti fi tmiem is-sena;

17.  Jinsisti li l-użu tal-istrumenti speċjali ta’ pagament kollha (l-Istrument ta’ Flessibbiltà, il-marġini ta’ kontinġenza, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) għandu jiddaħħal fil-baġit oltre il-limitu massimu tal-QFP;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni allarmanti marbuta mal-approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-qasam tal-għajnuna umanitarja lejn il-bidu nett tal-2014, b’mod partikolari l-EUR 160 miljun b’lura f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-għajnuna umanitarja riportati mill-2013 għall-2014, biex tieħu l-miżuri neċessarji u tirreaġixxi kemm jista’ jkun malajr biex tiżgura t-twassil xieraq tal-għajnuna umanitarja tal-UE fl-2014; jenfasizza li l-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-għajnuna umanitarja għandu jlaħħaq mat-tkabbir probabbli tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, li għandu jiġi kkunsidrat fl-abbozz ta' baġit għall-2015;

19.  Ifakkar id-dikjarazzjoni konġunta fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament u d-dikjarazzjoni bilaterali mill-Parlament u l-Kummissjoni fil-qafas tal-ftehim dwar il-baġit 2014; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-awtoritá baġitarja kompletament infurmata bl-iżvilupp tal-pagamenti u l-evoluzzjoni tal-RALs matul is-sena attwali u jinsisti li għandhom isiru laqgħat interistituzzjonali regolari biex tkun issorveljata s-sitwazzjoni tal-pagamenti;

o
o   o

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 51, 20.2.2014.
(4) Artikolu 323 TFUE.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Settembru 2017Avviż legali