Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2612(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0234/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2014 - 14.16
CRE 13/03/2014 - 14.16

Testi adottati :

P7_TA(2014)0252

Testi adottati
PDF 466kWORD 153k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Prijoritajiet tal-UE għall-25 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
P7_TA(2014)0252RC-B7-0234/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (2014/2612(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi ta’ magħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Settembru 2000 u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwarha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif adottati fit-3179 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-25 ta’ Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), inklużi l-prijoritajiet tal-Parlament f’dan il-kuntest, u b’mod partikolari dik tas-7 ta’ Frar 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, adottati fl-10 ta’ Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sessjonijiet li jmiss tal-UNHRC fl-2014, b’mod partikolari l-25 sessjoni regolari, ta’ bejn it-3 u t-28 ta’ Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma fost il-pedamenti tal-għaqda u l-integrità Ewropej;

B.  billi l-kredibbiltà tal-UE fil-UNHRC tissaħħaħ billi tiżdied il-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iħabirku biex jitkellmu b’vuċi waħda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli, u f’dan il-kuntest għandhom ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni u jtejbu l-koordinament u l-arranġamenti organizzattivi fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE;

D.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-10 ta’ Frar 2014 stabbilixxa l-prijoritajiet tiegħu fid-dawl tal-25 sessjoni regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-laqgħa li jmiss tat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, li jinkludu s-sitwazzjoni fis-Sirja, fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, fl-Iran, fis-Sri Lanka, fil-Mjanmar/Burma, fil-Bjelorussja, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fis-Sudan t’Isfel, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fl-Eritrea, f’Mali u fis-Sudan; billi l-prijoritajiet tematiċi indikati mill-Kunsill Affarijiet Barranin jinkludu l-piena tal-mewt, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tan-nisa, l-aġenda globali għal wara l-2015, il-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u assoċjazzjoni, il-kooperazzjoni tal-NGOs mal-korpi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, it-tortura, il-kwistjonijiet tal-LGBTI, ir-razziżmu, il-popli indiġeni, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, id-drittijiet kummerċjali u tal-bniedem, u l-appoġġ għall-korpi u l-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

E.  billi fil-25 ta’ Lulju 2012 inħatar Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem, li r-rwol tiegħu hu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

F.  billi f’Ottubru 2013 ġew eletti 14-il membru ġdid fil-UNHRC, li bdew il-mandat tagħhom fl-1 ta’ Jannar 2014, u li huma l-Alġerija, iċ-Ċina, Kuba, Franza, il-Maldive, il-Messiku, il-Marokk, in-Namibja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t’Isfel, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Vjetnam, ir-Russja u r-Renju Unit; billi issa hemm disa’ Stati Membri tal-UE li huma membri fil-UNHRC;

G.  billi t-58 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa se jkollha bħala tema prijoritarja l-isfidi u l-kisbiet fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għan-nisa u l-bniet;

H.  billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f’dak privat toħloq u taggrava l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tgawdija ugwali tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, u billi huwa ppruvat li l-atti ta’ korruzzjoni u ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinvolvu l-użu ħażin tal-poter, nuqqas ta’ responsabbiltà u diversi forom ta’ diskriminazzjoni;

I.  billi r-ratifika taż-żewġ Emendi ta’ Kampala għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) min-naħa tal-Istati u l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq ir-reat tal-aggressjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti dan ir-reat;

1.  Jilqa’ l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kunsill fid-dawl tal-25 sessjoni regolari tal-UNHRC; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu meta jippromwovu l-prijoritajiet tal-UE fil-UNHRC;

Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

2.  Itenni l-fehma tiegħu li l-elezzjonijiet għall-UNHRC jeħtieġ ikunu kompetittivi, u jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal elezzjonijiet mhux ikkontestati miftiehma mill-gruppi reġjonali; itenni l-importanza ta’ standards għas-sħubija fil-UNHRC f’dak li għandu x’jaqsam mal-impenn u r-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinsistu fuq tali standards meta jiddeċiedu għal liema kandidati se jivvutaw; jenfasizza li l-membri tal-UNHRC għandhom l-obbligu li jżommu l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-importanza ta’ kriterji sodi u trasparenti għar-reintegrazzjoni ta’ membri sospiżi;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar abbużi relatati mad-drittijiet tal-bniedem f’għadd ta’ membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti, fosthom l-Alġerija, iċ-Ċina, Kuba, il-Marokk, ir-Russja, l-Arabja Sawdija u l-Vjetnam;

4.  billi bħalissa l-Kazakistan huwa wieħed mis-47 pajjiż membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem reġgħet iddeterjorat fil-pajjiż sa mir-repressjoni feroċi tal-forzi tal-ordni kontra d-dimostranti paċifiċi u l-ħaddiema fil-qasam taż-żejt u l-familji tagħhom u l-persuni li jappoġġawhom f'Zhanaozen fis-16 ta' Diċembru 2011, li skont iċ-ċifri uffiċjali wasslet għall-mewta ta' 15-il persuna u t-tiġrib ta' 'l fuq minn 100 persuna oħra; jitlob lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jimplimenta minnufih l-appell tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, billi jwettaq inkjesta internazzjonali indipendenti dwar il-qtil tal-ħaddiema fil-qasam taż-żejt; jitlob lill-Kazakistan biex, bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, jirrevoka l-Artikolu 164 tal-kodiċi penali tiegħu dwar il-bidu ta' kunflitti soċjali u jtemm it-trażżin u l-akkużi amministrattivi kontra l-midja indipendenti, jeħles lill-priġunieri politiċi, inklużi l-avukat tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Vadim Kuramshin, l-attivista trejdunjonistika Roza Tuletaeva, l-avversarju politiku Vladimir Kozlow u jwaqqaf kull talba ta' estradizzjoni għall-avversarji politiċi;

5.  Jibqa’ jopponi l-‘bloc voting’ fil-UNHRC; iħeġġeġ lill-pajjiżi li huma membri fil-UNHRC jibqgħu trasparenti fil-vot tagħhom;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qiegħed jiċkien u li l-NGOs qed jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f’dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għall-25 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr biża’ ta’ tpattija meta jmorru lura f’pajjiżhom; jikkundanna r-rapporti ta’ konsegwenzi simili, u jħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw li każijiet bħal dawn jiġu segwiti b’mod sistematiku;

7.  Ifaħħar lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, għall-isforzi kontinwi tagħha fil-proċessi tat-tisħiħ tal-korpi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tat-trattati; itenni bil-qawwa n-natura pluralistika – f’termini ta’ partijiet interessati – tal-korpi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tat-trattati u jenfasizza li s-soċjetà ċivili jeħtieġ tkun inkluża fuq bażi permanenti f’dawn il-proċessi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tat-trattati jeħtieġ jitħarsu u jissaħħu;

Kwistjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi individwali

Is-Sirja

8.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa tar-reġim Sirjan, inkluż kull att ta’ vjolenza, tortura sistematika u qtil ta’ priġunieri; jikkundanna kull abbuż relatat mad-drittijiet tal-bniedem u kull ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi armati li jopponu lir-reġim; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt gravi fuq il-popolazzjoni tal-kunflitt li dam sejjer tliet snin, u l-fatt li s-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż u fir-reġjun qed tkompli teħżien; jistieden lill-atturi armati kollha jtemmu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jappoġġja bis-sħiħ is-sensiela reċenti ta’ taħditiet mibdija abbażi tal-istqarrija ta’ Ġinevra, li għandha tkun l-ewwel pass fi proċess li jwassal għal soluzzjoni politika u demokratika għall-kunflitt, sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni demokratika mmexxija mis-Sirja li tilħaq l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan;

9.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b’mod partikolari r-reġim Sirjan, jiżguraw aċċess transkonfinali sħiħ u sigur għall-isforzi internazzjonali ta’ għajnuna umanitarja, u jżommu l-wegħda tagħhom li jħallu lin-nisa u t-tfal jaħarbu mill-ibliet assedjati bħal Ħoms u l-kamp ta’ Yarmouk; jilqa’ r-Riżoluzzjoni 2139 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-22 ta’ Frar 2014, li tappella biex il-konvojs tal-għajnuna umanitarja jingħataw aċċess madwar il-pajjiż sabiex itaffu t-tbatija tal-popolazzjoni ċivili, u jappella biex tiġi implimentata malajr; jappella biex jinħelsu l-attivisti paċifiċi li qegħdin fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-gvern u l-ostaġġi ċivili miżmumin mill-gruppi armati;

10.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-kobor mingħajr preċedent tal-kriżi, it-tafja tat-tbatija ta’ miljuni ta’ Sirjani li għandhom bżonn prodotti u servizzi bażiċi għandha tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi; ifakkar lill-Istati Membri tal-UE fir-responsabbiltà umanitarja tagħhom lejn ir-rifuġjati Sirjani, u jinnota li traġedji bħal dik f’Lampedusa m’għandhomx jergħu jseħħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kunflitt; jinnota li fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2013, il-Parlament ħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet akuti billi jipprovdu dħul sikur fl-UE biex persuni mis-Sirja jitħallew jidħlu temporanjament, u permezz tar-risistemazzjoni lil hinn mill-kwoti nazzjonali eżistenti, kif ukoll permezz tal-ammissjoni umanitarja;

11.  Itenni l-appell tiegħu lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-sitwazzjoni fis-Sirja tibqa’ tiġi ttrattata bl-ogħla prijorità fil-qafas tan-NU, partikolarment fil-UNHRC;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ikkawżar intenzjonat ta’ ġuħ fost il-popolazzjoni ċivili u l-attakki fuq il-faċilitajiet tas-saħħa huma pprojbiti bid-dritt internazzjonali u li dawn l-atti se jitqiesu bħala delitti tal-gwerra; itenni l-importanza li tiġi żgurata responsabbiltà fil-livelli kollha; ifaħħar, f’dan il-kuntest, il-ħidma tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta dwar is-Sirja, inkluż l-aħħar rapport tagħha, li se jiġi diskuss fil-UNHRC, u jistieden lill-Kummissjoni ta’ Inkjesta tinvestiga r-rapport reċenti, li jinkludi eluf ta’ ritratti ta’ każijiet ta’ tortura mwettqa mis-suldati Sirjani; itenni t-talba tiegħu biex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali għal investigazzjoni formali; jitlob lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tieħu azzjoni ċara f’din id-direzzjoni;

L-Eġittu

13.  Jikkundanna l-abbużi relatati mad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, fosthom il-fastidju u l-arrest ta’ ġurnalisti u attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni politika u l-użu eċċessiv tal-forza li diġà wassal għall-mewt ta’ għadd kbir ta’ persuni ċivili, bħalma ġara matul it-tielet anniversarju tar-rivoluzzjoni u fil-jiem tar-referendum f’Jannar 2013; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw li jitwettqu investigazzjonijiet kompluti, trasparenti u indipendenti dwar l-imwiet ta’ nies ċivili, sabiex dawk ħatja jinżammu responsabbli; jikkundanna l-fatt li għexieren ta’ eluf ta’ Eġizzjani qegħdin jinżammu l-ħabs u qed jiġu mrażżna, inklużi l-membri tal-Fratellanza Musulmana, deskritta bħala organizzazzjoni terroristika, u dan qed ixekkel il-possibbiltà ta’ proċess ta’ rikonċiljazzjoni inklużiv li huwa neċessarju għall-istabbiltà u l-iżvilupp tal-pajjiż; jistieden lill-UNHRC jikkundanna dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jissorvelja kwalunkwe investigazzjoni li ssir u jikkunsidra jibda investigazzjoni hu stess fin-nuqqas ta’ progress mill-awtoritajiet Eġizzjani; jenfasizza l-importanza li jinfetaħ malajr uffiċċju reġjonali tal-OHCHR fil-Kajr, kif maqbul mal-awtoritajiet Eġizzjani;

14.  Jieħu nota tal-kostituzzjoni Eġizzjana l-ġdida; jinnota r-riferiment għall-indipendenza tal-kwistjonijiet reliġjużi Nsara u Lhud, u jagħraf il-progress fir-rigward tal-libertà reliġjuża; jilqa’ r-riferiment li l-kostituzzjoni tagħmel għal gvern ċivili u għall-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha, inkluż it-titjib fid-drittijiet tan-nisa, id-dispożizzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, il-projbizzjoni tat-tortura fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tagħha, il-projbizzjoni u l-kriminalizzazzjoni ta’ kull forma ta’ skavitù u l-impenn li l-Eġittu joqgħod għat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li tagħhom l-Eġittu huwa firmatarju; jiddeplora bil-qawwa l-livell ta’ poter li l-kostituzzjoni tqiegħed f’idejn l-armata u l-qrati militari;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li eluf ta’ persuni, l-aktar rifuġjati mill-Eritrea u s-Somalja, fosthom ħafna nisa u tfal, qed jitilfu ħajjithom, jgħibu, jinħatfu jew jinżammu ostaġġi għall-ħlas ta’ riskatt, jiġu ttorturati, sfruttati sesswalment jew maqtula għall-kummerċ tal-organi minn traffikanti tal-persuni fis-Sinaj; ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 89 tal-kostituzzjoni l-ġdida jiddikjara li l-forom kollha ta’ skjavitù, oppressjoni, sfruttament sfurzat tal-persuni, il-kummerċ tas-sess, u forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin, huma pprojbiti u kkriminalizzati bil-liġi fl-Eġittu;

Il-Libja

16.  Jappella biex matul is-sessjoni li ġejja tal-UNHRC tiġi adottata riżoluzzjoni, li tibni fuq ir-rapport tal-OHCHR u ssaħħaħ il-mandat tal-OHCHR biex jissorvelja u jirrapporta lill-UNHRC dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi ffaċċjati fil-Libja; jinsab imħasseb dwar l-arresti illegali marbutin mal-kunflitt, u l-prattika tat-tortura u l-qtil extraġudizzjarju, u jilqa’ f’dan il-kuntest ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU dwar it-tortura; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li qegħdin fil-mira l-ħaddiema tal-midja u jappella biex jitħarsu l-pluraliżmu tax-xandir u l-libertà ta’ espressjoni; iħeġġeġ li jingħata appoġġ għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

It-Tuneżija

17.  Jilqa’ l-adozzjoni ta’ kostituzzjoni ġdida mit-Tuneżija fis-26 ta’ Jannar 2014, li tista’ sservi ta’ għejun ta’ ispirazzjoni għall-pajjiżi fir-reġjun u lil hinn minnu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tuneżini jorganizzaw elezzjonijiet inklużivi, trasparenti u kredibbli aktar tard din is-sena;

Il-Marokk

18.  Jitlob lill-Marokk, bħala membru ġdid tal-UNHRC, biex jibqa' jwettaq negozjati għal soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, u jafferma mill-ġdid id-dritt tal-poplu Saħrawi għall-awtodeterminazzjoin, li għandha tiġi deċiża permezz ta' referendum demokratiku, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU;

Il-Palestina

19.  Jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Palestina bħala stat osservatur mhux membru tan-NU sa minn Novembru 2012; itenni l-appoġġ tiegħu għal dan l-isforz; jinnota l-appoġġ espress mill-UE biex il-Palestina ssir membru sħiħ tan-NU bħala parti minn soluzzjoni politika għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina; jafferma mill-ġdid li l-UE mhi se taċċetta l-ebda bidla fil-fruntieri ta’ qabel l-1967, anke fir-rigward ta’ Ġerusalem, għajr dawk miftiehma mill-partijiet; iħaddan, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani tas-16 ta’ Diċembru 2013, li ddeploraw l-espansjoni kontinwa tal-insedjamenti Iżraeljani, li huma illegali skont il-liġi internazzjonali u jikkostitwixxu xkiel għall-paċi; jiddeplora l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Palestinjani kif ukoll l-isparar ta' missili mill-istrixxa ta' Gaża għal ġo Iżrael;

L-Iżrael

20.  Jilqa’ l-involviment mill-ġdid tal-Iżrael fil-UNHRC, u l-adozzjoni fil-qrib tar-rapport tat-tieni ċiklu tal-EPU dwar il-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jikkooperaw mal-Proċeduri Speċjali kollha, inkluż ir-Rapporteur Speċjali, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati; jappoġġja l-konklużjonijiet tar-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Iżrael u t-territorji Palestinjani okkupati, u jistieden lill-Iżrael jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni internazzjonali indipendenti għal ġbir ta’ informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-insedjamenti Iżraeljani għad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Palestinjan; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-każijiet li ġew rapportati ta’ arrest bi sfond politiku ta’ tfal li qed jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni Iżraeljani;

Il-Baħrejn

21.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-Baħrejn; jilqa’ d-dikjarazzjoni ta’ Settembru 2013 dwar il-Baħrejn fil-UNHRC, iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-UE; jappella biex jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet il-priġunieri li eżerċitaw il-libertà tal-kuxjenza, l-attivisti politiċi, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-dimostranti paċifiċi kollha; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex, fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC, jaħdmu lejn l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b’enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji li l-Baħrejn ħa matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet, fosthom dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu mir-Re tal-Baħrejn;

L-Arabja Sawdija

22.  Jistieden lill-Arabja Sawdija, bħala membru ġdid tal-UNHRC, tisma’ mir-rakkomandazzjonijiet tas-17-il sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Eżami Perjodiku Universali biex iġġib fi tmiemhom il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-leġiżlazzjoni u fil-prattika u tippermetti lin-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ u b’mod ugwali fis-soċjetà; tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tikkumbatti l-vjolenza domestika u tiżgura li l-vittmi jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta’ protezzjoni u rimedju; tgħaddi liġi li tipprojbixxi ż-żwieġ bikri u sfurzat kollu bejn it-tfal, u tistabbilixxi t-18-il sena bħala l-età legali minima taż-żwieġ; tadotta liġijiet biex tipproteġi l-libertajiet ta’ assoċjazzjoni, espressjoni, għaqda paċifika u reliġjon; timponi sospensjoni tal-piena tal-mewt bil-ħsieb li eventwalment titneħħa għalkollox; tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ NGOs attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; u tirratifika l-istrumenti ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem;

L-Iran

23.  Jilqa’ r-riżoluzzjoni adottata mill-UNHRC f’Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-kontinwazzjoni tal-mandat, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala pass kruċjali lejn il-ftuħ ta’ djalogu biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jikkundanna għal darb’oħra l-piena tal-mewt fl-Iran u ż-żieda sinifikanti fl-eżekuzzjonijiet, b’40 persuna mogħtija l-forka fl-ewwel ġimagħtejn tal-2014, u l-ksur persistenti tad-dritt għal-libertà tat-twemmin; jinnota s-sinjali bikrin ta’ progress li l-Gvern Iranjan wera fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-ħelsien tal-priġunieri politiċi; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan;

Ir-Russja

24.  Jikkundanna bil-qawwa l-liġijiet tal-‘Aġent Barrani’ fir-Russja, li qegħdin jintużaw biex l-NGOs jingħataw fastidju permezz ta’ rejds fl-uffiċini, multi u metodi intimidatorji oħrajn; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja, fi ħdan il-UNHRC u lil hinn minnu, biex jintemm dan il-ksur ċar tal-libertajiet ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni; jesprimi tħassib serju dwar abbużi persisenti oħrajn relatati mad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, bħat-trażżin tal-midja, il-liġijiet diskriminatorji kontra l-minoranzi sesswali, il-ksur tad-dritt ta’ għaqda u n-nuqqas ta’ indipendenza tal-ġudikatura;

Il-Bjelorussja

25.  Itenni l-appoġġ tiegħu għar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; jappella biex il-mandat tar-Rapporteur Speċjali jiġġedded għal sena oħra meta jiskadi f’Ġunju 2014; jilqa’ r-riżoluzzjoni dwar il-Bjelorussja adottata f’Ġunju 2013 u l-għarfien u l-attenzjoni li qed ikomplu jingħataw l-abbużi sinifikanti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu pressjoni fuq il-Bjelorussja dwar is-suġġett tad-drittijiet tal-bniedem;

L-Uzbekistan

26.  Jilqa’ l-eżitu tal-EPU tal-Uzbekistan; jiddispjaċih li l-Gvern tal-Uzbekistan qiegħed kontinwament jirrifjuta li jirrispondi favorevolment għal talbiet ta’ żjarat mill-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jħabirku għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ dedikat fil-UNHRC dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan;

Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana

27.  Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġja bħala kwistjoni urġenti l-appell umanitarju tan-NU, li għandu nuqqas kbir ta’ finanzi, u jappella għal titjib fis-sitwazzjoni tas-sigurtà bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess għall-assistenza umanitarja għall-popolazzjoni; jittama li l-iskjerament rapidu tal-missjoni tal-PSDK tal-UE jikkontribwixxi għal titjib fis-sitwazzjoni fuq il-post; jilqa’ r-riżoluzzjoni 2136 (2014) tal-KSNU, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, is-Sessjoni Speċjali tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u l-ħatra ta’ Espert Indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-President interim il-ġdid Samba-Panza tagħmel dak kollu li tista’ biex tintemm il-vjolenza u jikkalmaw it-tensjonijiet bejn fazzjonijiet differenti fil-pajjiż;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

28.  Jenfasizza t-talba tan-NU għal appoġġ kontinwu għall-parti tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), li hija maqbuda f’kunflitt, sabiex jiġi żgurat li ma ssirx kriżi minsija; jinsab imħasseb serjament dwar iċ-ċaqliq massiv reċenti tal-popolazzjoni fir-reġjun ta’ Katanga; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-forzi ribelli fil-Lvant tal-pajjiż fuq il-popolazzjoni ċivili, inklużi nisa u tfal; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-istupru bħala arma tal-gwerra; jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar l-użu kontinwu tat-tfal bħala suldati u jitlob li jitneħħewlhom l-armi, u jiġu riabilitati u reintegrati; iqis li l-Qafas tan-NU għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-Reġjun jibqa’ qafas fundamentali biex tintlaħaq paċi sostenibbli; jilqa’ r-riżoluzzjoni 2136 tal-KSNU tat-30 ta' Jannar 2014, li ġġedded l-embargo fuq l-armi impost fuq ir-RDK;

L-Eritrea

29.  Iħeġġeġ l-attenzjoni u l-viġilanza kontinwi min-naħa tal-UE u l-UNHRC fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, billi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem qed joħloq numri kbar ta’ rifuġjati u migranti; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea adottata unanimament f'Ġunju 2013; Ifaħħar l-ewwel rapport mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jitlob għat-tiġdid tal-mandat ta’ dan ir-Rapporteur Speċjali matul is-26 sessjoni tal-UNHRC;

Mali

30.  Jilqa’ l-ħatra ta’ Espert Indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Mali, il-monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta’ wara kunflitt, u r-rwol ta’ tmexxija b’saħħitha li għandhom l-istati Afrikani l-oħrajn fit-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jitlob għat-tiġdid tal-mandat tal-Espert Indipendenti;

Is-Sudan t’Isfel

31.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, inkluża l-ġlieda politika għat-tmexxija tal-pajjiż, li pprovokat aktar u aktar ġlied etniku u ċ-ċaqliq ta' 'l fuq minn 650 000 persuna; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jqajmu din il-kwistjoni fil-UNHRC sabiex jagħtu prijorità lill-kwistjoni tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel fl-aġenda internazzjonali; jilqa' l-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied iffirmat fl-23 ta' Jannar 2014, imma jenfasizza l-fatt li dan huwa biss l-ewwel pass lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni; jikkundanna l-ksur u l-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem li saru, u jenfasizza li dawk ħatja jeħtieġ jinżammu responsabbli; jilqa’ l-involviment tal-Unjoni Afrikana fil-ħolqien ta’ Kummissjoni ta’ Inkjesta biex isservi bħala bażi għall-ġustizzja u r-responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni futura;

Is-Sri Lanka

32.   Jikkundanna l-attakki li qed isiru fuq minoranzi reliġjużi, u l-fastidju u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-avukati u tal-ġurnalisti; jirrikonoxxi l-progress li sar fir-rikostruzzjoni u l-implimentazzjoni ta' ftit mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni għat-Tagħlimiet Miksuba u r-Rikonċiljazzjoni, imma jisgħobbih għall-fatt li l-Gvern tas-Sri Lanka għadu mhux qed jagħmel investigazzjonijiet indipendenti u kredibbli dwar il-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali fil-passat; jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' inkjesta internazzjonali li jikkontribwixxi biex toħroġ il-verità jekk ifallu l-mekkaniżmi ta' inkjesta domestiċi;

Burma/il-Mjanmar

33.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-UNHRC dwar Burma/il-Mjanmar u l-ħidma kontinwa tar-Rapporteur Speċjali; jistieden lill-UNHRC biex ma jwaqqafx jew jimmodifika l-mandat tar-Rapporteur Speċjali sakemm ma jiġix stabbilit fil-pajjiż uffiċċju OHCHR tal-pajjiż b'mandat sħiħ, u jistieden lil Burma/il-Mjanmar biex jiżgura li l-kumitat tar-rieżami tal-priġunieri jkompli l-ħidma tiegħu biex isolvi l-każijiet pendenti kollha u jirrevoka l-liġi kontroversjali li taffettwa l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni (b'mod partikolari l-Liġi tal-Assemblea Paċifika u tal-Proċessjonijiet tal-2011); jikkundanna l-vjolenza u l-abbużi kontinwi li saru kontra l-minoranza Rohingya fl-Istat Rakhine u l-attakki kontra l-Musulmani u minoranzi reliġjużi oħrajn, u jitlob għal investigazzjoni sħiħa, trasparenti u indipendenti dwar tali ksur;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

34.  Jilqa' l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK), ir-riżoluzzjoni adottata b'kunsens f'Marzu 2013 u l-preżentazzjoni tar-rapport mill-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar id-drittijiet tal-bniedem f'dak il-pajjiż; jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Gvern tar-RDPK biex jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jiffaċilita ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż; iħeġġeġ il-UNHRC biex jagħti kas ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta, b'fokus partikolari fuq il-bżonn li jiġu kkundannati r-reati internazzjonali magħmula fir-RDPK, biex tiżdied il-kapaċità tan-NU biex jiġi ddokumentat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u biex jitfasslu mekkaniżmi internazzjonali xierqa li jiżguraw ir-responsabilità għar-reati internazzjonali magħmula mir-RDPK;

Il-Kambodja, il-Côte d’Ivoire, Ħaiti, is-Somalja u s-Sudan

35.  Jilqa’ l-estensjoni tal-mandati tal-esperti indipendenti dwar il-Kambodja, il-Côte d’Ivoire, Ħaiti, is-Somalja u s-Sudan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jikkooperaw bis-sħiħ mad-detenturi tal-mandat;

Kwistjonijiet tematiċi

Id-Drittijiet tat-tfal

36.  Jilqa' l-ħidma tal-UNHRC dwar id-drittijiet tat-tfal, bħar-riżoluzzjoni ta' Settembru 2013 dwar il-mortalità u l-morbożità li jistgħu jiġu evitati tat-tfal taħt il-ħames snin bħala kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem, u l-ħidma tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-istati biex jirratifikaw it-Tielet Protokoll Fakultattiv tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li se jippermetti lit-tfal iressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-Kumitat; ifaħħar ir-riżoluzzjoni li ġejja tal-UNHRC dwar id-drittijiet tat-tfal bħala eżempju eċċellenti ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Grupp tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew fin-Nazzjonijiet Uniti (GRULAC); jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-każijiet ta' tortura u detenzjoni tat-tfal irrappurtati minn organizzazzjonijiet bħall-UNICEF u Amnesty International; jistieden lin-NU biex jesploraw aktar tali każijiet u biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet;

In-nisa u l-bniet

37.  Jitlob lill-UE biex tipparteċipa attivament fit-58 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa sabiex ma tmurx kontra l-acquis tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta' Bejġing tan-NU bħal aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala dritt bażiku tal-bniedem, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala tattika tal-gwerra, inkluż krimini bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni mġiegħla, il-persekuzzjonijiet fuq il-bażi tal-ġeneru, inkluż il-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri jew furzat, il-qtil għall-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jerġa' jistieden lill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

It-tortura

38.  Ifakkar fl-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin u l-prijorità li tagħti l-UE lil din il-kwistjoni, speċjalment fir-rigward tat-tfal; jistieden lill-UNHRC biex juża r-riżoluzzjoni annwali dwar it-tortura biex jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali għal tliet snin oħra, u biex jiżgura segwitu effettiv għar-riżoluzzjonijiet passati dwar it-tortura; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru l-impenn komuni tagħhom biex tiġi eradikata t-tortura u biex jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu jew, fejn ikun xieraq, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

Il-piena tal-mewt

39.  Jerġa' jafferma l-kundanna b'saħħitha tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġja b'mod b'saħħtu l-moratorju bħala pass favur it-tneħħija tagħha; jistieden lill-UE, l-Istati Membri tiegħu u l-UNHRC biex ikomplu jiġġieldu favur it-tneħħija tagħha mad-dinja kollha; iħeġġeġ b'mod b'saħħtu lill-pajjiżi li għadhom iwettqu l-piena kapitali biex jippubblikaw fiġuri ċari u preċiżi tan-numru ta' sentenzi u eżekuzzjonijiet;

Il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin

40.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin mad-dinja kollha; itenni l-importanza li tpoġġi l-UE fuq din il-kwistjoni; jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jaħdmu fuq dan; jilqa' t-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jerġa' jiddikjara għal darb'oħra li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li tibdel jew tabbanduna r-reliġjon jew twemmin, huma dritt fundamentali tal-bniedem; għalhekk jisħaq fuq il-bżonn li jiġu miġġielda b'mod effettiv il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi madwar id-dinja;

Id-drittijiet tal-LGBTI

41.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda reċenti fil-liġijiet u l-prattiki diskriminatorji u l-atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali tagħhom u l-identità tal-ġeneru; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni fin-Niġerja u l-Uganda, fejn liġijiet ġodda qed jheddu serjament il-libertà tal-minoranzi sesswali; jikkundanna l-introduzzjoni ta' liġijiet diskriminatorji u r-ripressjoni tal-libertà tal-kelma fir-Russja; jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għall-ħidma kontinwa mill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu miġġielda dawn il-liġijiet u l-prattiki diskriminatorji, u l-ħidma tan-NU b'mod aktar ġenerali fuq din il-kwistjoni; jirrakkomanda l-parteċipazzjoni attiva mill-Istati Membri tal-UE, il-Kunsill u s-SEAE fil-ġlieda kontra l-attentati biex jiġu mxekkla dawn id-drittijiet;

Id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasti

42.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta; jesprimi tħassib serju dwar il-ksur mifrux u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-kasta u l-atti ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali kontra n-nisa tal-komunitajiet ikkonċernati; jilqa' l-ħidma tal-OHCHR u d-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar il-ġlieda kontra din il-forma ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu l-ilqugħ tal-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU għall-Eliminazzjoni Effettiva tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol, u jistieden lill-UNHRC biex jadotta dan il-qafas;

Id-dritt għall-assemblea paċifika

43.  Jistieden lill-UE biex tappoġġja s-segwitu tar-rapport tal-OHCHR dwar miżuri effettivi u l-aħjar prattiki biex jiġu żgurati l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' protesti paċifiċi, b'mod partikolari billi jiġu appoġġjati l-isforzi biex jiġi żviluppat il-qafas legali internazzjonali rigward id-dritt tal-assemblea paċifika;

L-akkomodazzjoni

44.  Jerġa' jiddikjara li jilqa' l-importanza mitfugħa mill-UNHRC fuq id-dritt għall-akkomodazzjoni; itenni wkoll l-istedina tiegħu lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex iħeġġu l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata bħala dritt fundamentali;

L-ilma u l-faċilitajiet sanitarji

45.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata f'Settembru 2013 mill-UNHRC dwar id-dritt għal ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet sanitarji sikuri, u l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar din il-kwistjoni, b'mod speċifiku permezz tal-iżvilupp ta' manwal dwar kif jiġi implimentat id-dritt għal ilma tajjeb għax-xorb u faċilitajiet sanitarji sikuri; jistieden lis-SEAE, l-Istati Membri tal-UE u l-UNHRC biex iżommu l-attenzjoni tagħhom fuq dan id-dritt tal-bniedem importanti b'mod vitali imma ta' spiss traskurat għall-ilma u l-faċilitajiet sanitarji;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

46.  Jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-UE u l-Istati Membri biex ikollhom rwol attiv fis-7 sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn u biex jappoġġjaw sforzi biex jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrapporta sa tmiem l-2014 dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE; jinnota l-inizjattiva emerġenti biex ikun hemm talba għal strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem li jridu jiġu konklużi fi ħdan is-sistema tan-NU;

Il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem

47.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

L-isport

48.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata f'Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-isport u l-ideal Olimpiku; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti fil-Qatar, b'mod partikolari fit-triq lejn it-Tazza tad-Dinja 2022; jinnota l-inizjattiva tal-Qatar biex jiġi indirizzat dan it-tħassib. jistieden lill-awtoritajiet tal-Qatar biex jirriformaw il-liġi tax-xogħol tagħhom, biex jeliminaw il-liġi tal-isponserizzazzjoni ('is-sistema kafala') fis-seħħ mar-reġjun sħiħ u biex jiġu ratifikati l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti; iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura li l-kumpaniji tal-UE li jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni fil-Qatar ma jikkontribwixxux għall-abbużi fid-drittijiet tal-bniedem li jaffaċċjaw il-ħaddiema migranti; jenfasizza l-importanza li l-avvenimenti ewlenin kollha tal-isport u l-interazzjoni tagħhom mad-drittijiet tal-bniedem jgħaddu minn skrutinju, bħal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa ta' Frar 2014 f'Sochi fir-Russja u t-trażżin kontinwu tal-libertà ta' assemblea u d-drittijiet tal-minoranzi sesswali, u t-Tazza tad-Dinja li jmiss fi Brażil, fejn hemm rapporti ta' evizzjonijiet mid-djar u ċaqliq tal-popolazzjoni mal-pajjiż kollu;

L-użu ta' drones armati

49.  Jinsab imħasseb dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali li tirriżulta mill-qtil immirat mhux legali mid-drones armati, li wasslu għal numru mhux magħruf ta' ċivili maqtula, serjament midruba jew trawmatizzati barra minn żoni ta' kunflitti ddikjarati; jappoġġja l-isforzi skont il-Proċeduri Speċjali tan-NU biex iħeġġu l-użu trasparenti u responsabbli tad-drones armati minn stati f'konformità mal-qafas legali internazzjonali stabbilit; jistieden lill-UE, l-Istati Membri tagħha, u l-UNHRC biex ikomplu jappoġġjaw l-investigazzjonijiet dwar il-qtil immirat mhux legali u biex ikun hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem;

Qorti Kriminali Internazzjonali

50.   Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jibqa’ attent fir-rigward ta’ kwalunkwe tentattiv biex tiddgħajjef il-leġittimità tagħha; jitlob għall-iżvilupp attiv ta' pożizzjoni tal-UE dwar id-delitt ta' aggressjoni u l-emendi ta' Kampala;

L-Eżami Perjodiku Universali

51.  Jerġa' jafferma l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bil-għan li jasal għal fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-istati membri kollha tan-NU, u jtenni l-importanza kontinwa ta' dan it-tieni ċiklu ta' rieżami li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jerġa' jitlob, madankollu, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

52.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE li qed jipparteċipaw fid-djalogi interattivi tal-EPU biex iressqu rakkomandazzjonijiet li jkunu speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, sabiex itejbu l-kwalità tas-segwitu u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati; jisħaq fuq l-importanza tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE li jipprovdu għajnuna teknika sabiex jgħinu lill-istati li qed jiġu eżaminati biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ħalli jippreżentaw aġġornamenti ta' nofs it-terminu sabiex jiffaċilitaw it-titjib tal-implimentazzjoni;

53.  Jisħaq fuq il-bżonn li r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU jiġu inklużi sistematikament fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u fl-istrateġiji tal-pajjiżi tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem; itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li l-Parlament iqajjem dawn ir-rakkomandazzjonijiet matul iż-żjarat tad-delegazzjonijiet tiegħu stess f'pajjiżi terzi;

54.  Jilqa' l-passi kollha li jippermettu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inkluża s-soċjetà ċivili, biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tal-EPU; jisħaq fuq l-importanza tas-SEAE u l-Istati Membri biex jenfasizzaw, fil-UNHRC, il-kwistjoni inkwetanti tal-ispazju li qed jonqos tal-NGOs f'numru ta' pajjiżi madwar id-dinja;

Il-Proċeduri Speċjali

55.  Itenni l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-Proċeduri Speċjali; jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-indipendenza ta' dawn il-mandati u jħeġġeġ l-istati kollha tan-NU biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali, inkluż billi jilqgħu detenturi tal-mandati għal żjarat f'pajjiżhom, billi jwieġbu għat-talbiet urġenti tagħhom għal azzjoni u f'rabta mal-allegazzjonijiet ta' ksur u billi jiżguraw segwitu xieraq għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mid-detenturi tal-mandati; jappoġġja d-dikjarazzjoni maħruġa mit-72 espert tal-Proċeduri Speċjali fl-10 ta' Diċembru 2013 u jinsab imħasseb li n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-istati mal-Proċeduri Speċjali jfixkel il-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-mandat tagħhom;

56.  Jikkundanna ferm il-forom kollha ta' tpattija kontra d-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li jikkooperaw mal-proċess tal-EPU u l-Proċeduri Speċjali, partikolarment fil-każ taċ-Ċina; jistieden lill-UNHRC biex jinvestiga rapporti li jindikaw li l-attivist Ċiniż, Cao Shunli, li ġġieled favur l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-EPU, ilu arrestat sa mill-14 ta' Settembru 2013; iħeġġeġ b'mod attiv lill-President tal-UNHRC biex isegwi dan il-każ u każijiet simili oħrajn, u lill-istati kollha biex jipprovdu protezzjoni adegwata kontra tali atti ta' intimidazzjoni; jenfasizza li atti bħal dawn jikkompromettu s-sistema sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE;

L-involviment tal-UE

57.  Itenni l-importanza li l-UE tipparteċipa b'mod attiv fil-mekkaniżmi kollha tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż il-UNHRC; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu dan billi jikkosponserjaw u jmexxu riżoluzzjonijiet, billi jipparteċipaw attivament f'dibattiti u fi djalogi interattivi, u billi joħorġu stqarrijiet; jappoġġja bis-sħiħ il-prattika dejjem tikber min-naħa tal-UE tal-inizjattivi transreġjonali;

58.  Jerġa' jafferma l-importanza li tiġi integrata l-ħidma li qed issir f'Ġinevra fil-kuntest tal-UNHRC fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE, inklużi dawk tal-Parlament, bħad-delegazzjonijiet tal-kumitati u dawk interparlamentari, u l-kontributi tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU għal-laqgħat tal-kumitati;

59.  Iħeġġeġ lir-RSUE biex ikompli jżid l-effettività, il-koerenza u l-viżibilità tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE fil-kuntest tal-UNHRC u biex tiġi aktar żviluppata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-OHCHR u l-Proċeduri Speċjali, u jiddispjaċih dwar l-assenza tal-VP/ir-RGħ fis-Sezzjoni ta' Livell Għoli tal-UNHRC;

60.  Jerġa' jisħaq fuq l-importanza ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni effettivi bejn is-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE f'Ġinevra u fi New York, biex iżid il-koerenza permezz ta' konsultazzjoni sostantiva u f'waqtha u biex iwassal "messaġġ b'vuċi waħda";

61.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Istati Membri tal-UE li jappoġġjaw il-UNHRC, billi jaħdmu flimkien favur it-twettiq tal-indiviżibilità u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, billi jiġu ratifikati l-istrumenti internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem li stabbilixxa dan il-korp; itenni d-dispjaċir tiegħu li l-ebda Stat Membru tal-UE ma rratifika l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom; itenni l-fatt li diversi Stati Membri għadhom ma adottawx u/jew għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat jew il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħrajn jew il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri kollha jirratifikaw dawn il-konvenzjonijiet u l-protokolli; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jippreżentaw ir-rapporti perjodiċi tagħhom lill-korpi ta' monitoraġġ tan-NU fil-ħin; jistieden lill-UE biex tiżviluppa b'mod attiv il-pożizzjoni tal-UE dwar id-delitt ta' aggressjoni u l-emendi ta' Kampala;

62.  Itenni l-importanza ta' appoġġ kontinwu tal-UE biex tiddefendi l-indipendenza tal-OHCHR sabiex jiġi żgurat li jkun jista' jkompli jeżerċita l-ħidma tiegħu b'mod effettiv u imparzjali; jenfasizza li huwa essenzjali għall-imparzjalità u t-tħaddim tal-OHCHR biex jiġi żgurat li jkollu ffinanzjar suffiċjenti, speċjalment minħabba l-bżonn attwali li jinfetħu uffiċċji reġjonali ġodda tal-OHCHR bħala riżultat tas-sitwazzjonijiet emerġenti; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat iffinanzjar suffiċjenti li jkopri l-ammont ta' xogħol li dejjem qed jiżdied tal-korpi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tat-trattati; jistieden lill-UE tadotta rwol ta' tmexxija fl-iżgurar tal-funzjonament effikaċi tas-sistema tal-korpi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tat-trattati, inkluż fir-rigward ta' finanzjament adegwat;

63.  Jerġa' jafferma li l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija prijorità ewlenija tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; japprezza, għalhekk, l-appoġġ prattiku u finanzjarju allokat għall-protezzjoni urġenti u l-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tat-68 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

(1) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 114.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0055.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0575.

Avviż legali - Politika tal-privatezza