Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0163/2014

Testi mressqa :

A7-0163/2014

Dibattiti :

PV 15/04/2014 - 7
CRE 15/04/2014 - 7

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2014 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0342

Testi adottati
PDF 300kWORD 69k
It-Tlieta, 15 ta' April 2014 - Strasburgu
Protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi ta' utilità
P7_TA(2014)0342A7-0163/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi – protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi ta' utilità (2013/2153(INI)) ,

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2013 li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta’ Novembru 2012 “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti” (COM(2012)0663),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE rigward it-twettiq sħiħ tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija” (COM(2007)0386),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inkorporata fit-Trattati permezz tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 (il-protezzjoni tad-dejta personali), l-Artikolu 11 (il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni), l-Artikolu 21 (in-nondiskriminazzjoni), l-Artikolu 23 (l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel), l-Artikolu 25 (id-drittijiet tal-anzjani), l-Artikolu 26 (l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli), l-Artikolu 34 (is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali), l-Artikolu 36 (l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali), l-Artikolu 37 (il-protezzjoni tal-ambjent) u l-Artikolu 38 (il-protezzjoni tal-konsumatur) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-TUE kif ukoll il-Protokoll Nru 26 mehmuż mat-Trattat,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0163/2014),

A.  billi t-titjib fl-informazzjoni għall-konsumaturi rigward is-servizzi ta' utilità għandu importanza partikolari u billi hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal tali servizzi filwaqt li l-Istati Membri jkollhom il-flessibilità meħtieġa biex jikkunsidraw il-konsumaturi vulnerabbli;

B.  billi hemm leġiżlazzjoni settorjali fis-seħħ u din diġà tejbet il-ħarsien tal-konsumaturi, iżda billi l-Istati Membri huma mfakkra li, għal dan il-għan, għad hemm il-ħtieġa ta' implimentazzjoni korretta u infurzar;

C.  billi, fil-każ tas-servizzi ta' utilità, is-setgħat nazzjonali u d-dritt għal awtonomija amministrattiva fil-livell tal-gvern lokali għandhom jiġu rispettati u billi r-regolamenti settorjali jikkostitwixxu qafas legali suffiċjenti għas-servizzi ta' utilità;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jinnota li xi aspetti tad-drittijiet bażiċi tal-konsumatur huma koperti mid-Direttiva 2011/83/UE u li l-karatteristiċi komuni tas-servizzi ta' utilità huma deskritti fil-qasir fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti;

2.   Ifakkar lill-Istati Membri li kien hemm il-ħtieġa li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur tiġi trasposta sa nofs Diċembru 2013 u li din tkun applikabbli għall-kuntratti kollha konklużi wara t-13 ta' Ġunju 2014;

3.  Jinnota li l-ħarsien tal-konsumatur ikun effettiv biss jekk id-drittijiet tal-konsumatur ikunu jistgħu jiġu infurzati; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE), id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv (2006/114/KE) u d-Direttiva dwar Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE); jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' sistemi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) bħala mekkaniżmi effiċjenti u ekonomiċi biex jissolvew il-kunflitti bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta' servizzi ta' utilità; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar l-ADR (2013/11/UE) li kien hemm qbil dwarha reċentement u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR);

4.  Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom għandha rwol ewlieni fil-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, iżda jenfasizza wkoll ir-rwol fundamentali tas-servizz għall-konsumaturi f’isem il-fornituri tas-servizzi ta' utilità; jenfasizza li l-individwi responsabbli għall-kuntatti mal-klijentela għandhom ikunu mħarrġa u konxji tad-drittijiet tal-konsumaturi; iħeġġeġ għalhekk lill-fornituri tas-servizzi ta' utilità biex iħarrġu lill-impjegati tagħhom u jiżguraw li l-klijenti kollha jkollhom aċċess faċli għal assistenza personalizzata f’kull ħin;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal provvista tas-servizzi affordjabbli u ta’ kwalità għolja fl-UE, peress li tali servizzi huma essenzjali biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali u territorjali filwaqt li jikkontribwixxu għall-kompetittività ekonomika Ewropea;

6.  Jappoġġja l-eżistenza ta' organizzazzjonijiet tal-konsumaturi b'saħħithom u indipendenti biex jiffaċilitaw il-ħarsien komprensiv tal-konsumaturi, madankollu jenfasizza l-importanza li jinstab bilanċ xieraq bejn il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u dawk tal-fornituri;

7.  Jenfasizza li l-aċċess għas-servizzi ta' utilità għandu jkun iffaċilitat għall-konsumaturi kollha, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom; jissuġġerixxi li, f'ċirkostanzi speċifiċi, l-Istati Membri jistgħu jqisu li l-'konsumaturi vulnerabbli' jistgħu jirrikjedu arranġamenti adegwati;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' servizzi ta' utilità, jagħtu iktar attenzjoni u jinvestu aktar fl-informazzjoni għall-konsumaturi u f'kampanji edukattivi li jindirizzaw messaġġi adatti għal kull settur ta' konsumaturi speċifiku;

L-enerġija

9.  Jemmen li jeħtieġ ikun hemm suq intern tal-enerġija miftuħ, trasparenti u integrat biex jinkisbu prezzijiet tal-enerġija kompetittivi, sigurtà tal-provvista, sostenibilità u użu effiċjenti fuq skala kbira tal-enerġija rinovabbli, u jistieden lill-Istati Membri jittrasponu, japplikaw u jissorveljaw aħjar u b'mod xieraq il-pakkett tas-suq intern tal-enerġija; jinnota l-ħtieġa għal titjib fl-informazzjoni għall-konsumaturi, partikolarment bil-ħsieb li jitjiebu s-servizzi offruti, u biex ikunu permessi l-komparabilità u t-trasparenza tat-tariffi, u b'hekk jinkiseb ipprezzar nondiskriminatorju;

10.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni f’waqtha, korretta u sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti, inkluż tax-xogħol regolatorju mitlub mit-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija, sabiex sal-2014 jinkiseb suq intern tal-enerġija Ewropew integrat u kompetittiv;

11.  Jilqa' x-xogħol tal-grupp ta' ħidma dwar il-Konsumaturi Vulnerabbli fil-qafas tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija, u jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa (COM(2014)0021) u r-rapport anness magħha, li janalizzaw l-impatt u r-relazzjoni tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Istati Membri; ifakkar li huwa wkoll kompitu tal-Istati Membri li jindirizzaw id-diversi fatturi u sitwazzjonijiet konnessi mal-enerġija u l-konsumaturi vulnerabbli;

12.  Jinnota li t-terminizzjoni tal-kuntratti tal-enerġija spiss tinvolvi kundizzjonijiet restrittivi u proċeduri kumplessi, li jagħmilha diffiċli li wieħed ibiddel il-fornitur; jitlob biex il-proċeduri għall-bidla tal-fornituri jkunu mħaffa u simplifikati; jinnota li l-kriterji ta' evalwazzjoni eżistenti tal-pakkett tas-suq intern tal-enerġija huma kkompletati fid-Direttivi rispettivi dwar l-Elettriku u dwar il-Gass tat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija; jenfasizza l-importanza ta' rapporti regolari tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tas-Suq Intern tal-Enerġija;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta l-konklużjoni tagħha dwar il-fatturar elettroniku peress li dan jagħmel parti mill-ġestjoni onlajn tal-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi;

14.  Jiddispjaċih li l-prezzijiet tal-enerġija attwali ma jqisux neċessarjament l-ispejjeż esterni, bħall-ħsarat ambjentali assoċjati ma’ sors ta’ enerġija jew ma' metodu ta’ produzzjoni partikolari, li jistgħu madankollu jiġu trażmessi lis-soċjetà sħiħa fuq perjodu fit-tul; jitlob miżuri li jinkoraġġixxu trasparenza akbar fil-prezzijiet għall-konsumaturi f’dan ir-rigward;

15.  Huwa tal-fehma li l-impriżi għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-prezzijiet, it-tibdil fil-prezzijiet u t-tibdil fil-kuntratti b’mod li jinftiehem faċilment; ifakkar lill-Istati Membri dwar il-fatt li t-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija diġà jobbligahom li jiżguraw dan; jistieden lill-Istati Membri u n-negozji kkonċernati jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni ċara, komprensibbli u komparabbli dwar tariffi, kundizzjonijiet u mezzi ta' rikors;

16.  Ifakkar li t-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija jissuġġerixxi lill-Istati Membri jwettqu analiżi kostijiet-benefiċċji qabel jibdew iniedu l-arloġġi intelliġenti; jenfasizza li n-netwerks intelliġenti tal-enerġija jippermettu lill-konsumaturi josservaw u jadattaw il-konsum tal-enerġija tagħhom, iżda jinnota li xi wħud mill-analiżijiet kostijiet-benefiċċji li twettqu mill-Istati Membri ma jagħtux indikazzjoni ta' ffrankar sostanzjali ta' spejjeż għall-konsumaturi; jenfasizza li kemm il-klijenti kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom ikunu rispettati, u jenfasizza li l-użu ta' arloġġi intelliġenti għandha tibqa' l-għażla tal-konsumatur;

It-telekomunikazzjoni

17.  Jenfasizza li l-aspett tal-konsumatur tas-suq uniku diġitali u tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika huwa ta' importanza kbira u jinnota t-titjib sinifikanti fil-ħarsien tal-konsumatur li ġie introdott wara l-implimentazzjoni tal-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni tal-2009 (id-Direttivi 2009/136/KE u 2009/140/KE); jenfasizza l-aġġornamenti u t-titjib importanti fil-ħarsien tal-konsumatur u l-għoti tas-setgħa li qed jiġi propost attwalment mill-Parlament; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-konsumaturi kollha ta' servizzi ta' komunikazzjoni ta' kwalità għolja, u l-importanza tal-użu ta' infrastrutturi ġodda sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali;

18.  Itenni l-proposti tiegħu biex tkun aktar faċli għall-konsumaturi li jibdlu l-fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika mingħajr ħlasijiet addizzjonijiet apparti l-kost tal-bidla attwali, mingħajr telf ta' dejta u b'ammont minimu ta' formalitajiet, u biex jinkoraġġihom jagħmlu dan; jappoġġja wkoll il-proposti biex jippromwovu informazzjoni indipendenti fuq l-ipprezzar, il-fatturar u l-kwalità tas-servizz, inklużi l-veloċitajiet tad-dejta;

Is-servizzi postali

19.  Jinnota li l-konsumaturi jibbenefikaw minn servizz aktar iffokat fuq il-kwalità fis-settur postali u minn iffrankar li jiġi mgħoddi lilhom permezz ta' tnaqqis fil-kostijiet; jenfasizza li aktar għażliet ta’ konsenja u aktar trasparenza, informazzjoni u prezzijiet aħjar huma prekundizzjonijiet biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq tal-konsenja; jinnota li d-Direttiva 97/67/KE, kif emendata mid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE, tiżgura li s-servizzi postali jipprovdu servizz universali; ifakkar lill-Kummissjoni teżamina, fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha, jekk din il-garanzija hijiex issodisfata mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-operaturi tas-servizzi postali jtejbu l-interoperabbiltà u jħaffu t-tnedija tal-proċessi ssimplifikati li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kostijiet u jżidu d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi ta’ konsenja;

20.  Jenfasizza l-importanza ta' servizz ta' konsenja ta' pakketti komprensiv fl-Unjoni kollha; jenfasizza li huwa kruċjali li servizzi ta' pakketti pprovduti minn servizzi postali u minn operaturi privati jkunu veloċi u affidabbli, mhux l-anqas sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi li jordnaw onlajn; itenni s-suġġerimenti li saru fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-konsenja tal-pakketti(6) dwar il-ħtieġa li jiġi megħjun it-titjib fis-servizzi u li jitnaqqsu l-kostijiet;

21.  Jilqa’ l-isforzi kollha li diġà saru mill-operaturi tas-suq tal-konsenji biex jintlaqgħu aħjar il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut onlajn bħall-introduzzjoni tal-konsenja flessibbli u l-alternattivi għar-ritorn; jenfasizza, fl-istess waqt, li jintlaqgħu inċentivi addizzjonali biex itejbu l-interoperabbiltà u l-kwalità tas-servizzi;

It-trasport pubbliku

22.  Jinnota li, f'dawn l-aħħar snin, id-drittijiet tal-konsumaturi li jagħmlu użu minn servizzi tat-trasport ġew imsaħħa permezz ta' miżuri settorjali;

23.  Jenfasizza li għandhom ikunu mmirati l-konsumaturi b'aċċess għal trasport pubbliku lokali effiċjenti, indipendentement mill-fatt jekk joqogħdux f'inħawi fejn tali servizz iħalli inqas qligħ; jirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward, u jistedinhom jieħdu azzjoni adegwata;

24.  Ifakkar li servizzi ta' trasport pubbliku effiċjenti se jkomplu jżidu fl-importanza tagħhom fil-futur, minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ, u huma meħtieġa wkoll biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-istrateġija Ewropa 2020; jitlob l-iżvilupp ta’ għodod komuni biex jiżguraw il-multimodalità ottimizzata f’servizzi tat-trasport pubbliku effiċjenti u ta’ kwalità għolja, bil-għan li jiżġuraw kemm il-moviment liberu tal-persuni, kif ukoll il-kompetittività ta’ dawn is-servizzi;

25.  Jitlob approċċ olistiku fir-rigward tal-persuni anzjani u l-persuni b’mobilità limitata; jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-katina kollha tat-trasport pubbliku, inkluż l-aċċess għan-nodi tat-trasport pubbliku; jixtieq li jindirizza l-ħtieġa għal sistema koerenti ta’ punti fokali biex jiġu megħjuna l-persuni b’mobilità limitata;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.
(2) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0239.
(4) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 51.
(5) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0067.

Avviż legali - Politika tal-privatezza