Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
Perspettiva nazzjonali - Background
 

Punti Ewlenin - Ġunju 2004 sa Diċembru 2006: Ħarsa ġenerali lejn x'seħħ fil-Parlament Ewropew sa nofs il-leġislatura

Istituzzjonijiet - Malta - 11-01-2007 - 11:11
Aqsam ma' ħaddieħor

Jannar 2007 jimmarka nofs il-leġislatura tas-sitt mandat tal-Parlament Ewropew. Matul is-seduta plenarja ta' Jannar fi Strasburgu, il-MPE ser jeleġġu President u Viċi-Presidenti ġodda għas-sentejn u nofs li għad fadal. Issa li l-mandat parlamentari wasal f'nofs il-perjodu tiegħu, għandna l-opportunità li nagħtu ħarsa ġenerali lejn il-leġislatura s'issa.

Il-Parlament Ewropew ra tibdil kbir fl-2004. It-tkabbir ta' l-1 ta' Mejju 2004, li permezz tiegħu n-numru ta' Stati Membri żdied minn 15 għal 25 kien wieħed storiku. Wara, saru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-25 pajjiż. Minħabba f'hekk in-numru ta' deputati parlamentari kiber minn 626 għal 732, u n-numru ta' lingwi uffiċjali żdiedu minn 11 għal 20 - li jwassal għal 380 possibilitajiet lingwistiċi fl-interpretazzjoni. Mill-ewwel ta' Jannar 2007, biż-żieda ta' 35 deputat parlamentari Rumen u 18-il deputat parlamentari Bulgaru, in-numru ta' MPE kiber temporanjament għal 785. Wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2009 dan in-numru għandu jinżel għal 736 MPE. Mill-ewwel ta' Jannar kien hemm ukoll bidla fl-ammont ta' lingwi uffiċjali, li telgħu minn 20 għal 23 minħabba ż-żieda tar-Rumen, il-Bulgaru u l-Irlandiż.
 
Dan id-dokument hu ġabra ta' punti magħżulin li juru l-Parlament jieħu azzjoni billi jeżerċita l-poteri superviżorji, leġislattivi u baġitarji tiegħu waqt is-seduti plenarji ta' Strasburgu u Brussell. Dawn il-punti juru avvemimenti importanti bħal ma huma l-votazzjoni tal-Kunsill il-ġdid, l-adozzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, ir-regolament il-ġdid dwar sustanzi kimiċi (REACH) u l-vot dwar il-perspettivi finanzjarji 2007-2013.
 
Ref.: 20061221BKG01704

Suq intern, industrija, enerġija

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmiss
 
Il-Parlament Ewropew jadotta d-direttiva dwar is-Servizzi
15-11-2006
 
Il-Parlament Ewropew approva l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar id-direttiva dwar is-servizzi, li tirrifletti t-test adottat mill-MPE matul l-ewwel qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni. B'hekk instab bilanċ bejn il-kompetizzjoni u l-protezzjoni soċjali. Id-direttiva ser tħaffef il-provvista ta' servizzi li taqsam il-fruntieri bejn l-Istati Membri billi tneħħi l-ostakoli għall-moviment liberu ta' servizzi fis-suq intern. L-Istati Membri għandhom tliet snin ċans biex jimplimentaw id-direttiva.
 
 
Mhux ser ikun hemm direttiva dwar privattivi għal invenzjonijiet kompjuterizzati    
4-07-2005
 
Il-proposta dwar id-direttiva biex issir privattiva għal invenzjonijiet kompjuterizzati ma ġietx adottata. Din il-proposta kienet waslet fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni u l-Parlament iddeċieda li ma jaċċettax il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill b'maġġoranza kbira. Għalhekk mhux ser ikun hemm leġiżlazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea dwar dawn il-privattivi.
 
 
Aġġornament tar-regoli dwar ix-xandir tar-reklami
13-12-2006
 
Il-Parlament approva xi tibdil fir-regoli dwar ir-reklami mxandra fuq it-televiżjoni fl-Ewropa, u approċċ ġdid f'każijiet meta prodotti kummerċjali jintwerew matul i x-xandir barra l-ħin tar-reklami. Ir-rapport adottat ikabbar l-ambitu tad-'Direttiva mingħajr Fruntieri' ta' l-1997 sabiex din tkun tapplika għas-servizzi awdjoviżivi kollha, inkluż mezzi ta' xandir ġdid. Il-Membri qablu li kull 30 minuta għandu jkun hemm waqfa għar-riklami matul films u xi programmi televiżi oħrajn.
 
 
Bżonn ta' azzjoni għal iktar effiċjenza ta' enerġija u diversita' fil-proviżjoni
03-10-2005
 
Il-MPE għamlu sejħa biex l-UE tiddiversifika s-sorsi ta' enerġija tagħha u tippromovi miżuri ta' konservazzjoni ta' l-enerġija u sorsi ta' enerġija li tiġġedded. Dan minħabba ż-żjieda kontinwa fil-prezzijiet taż-żejt u l-effett ta' din iż-żjieda kemm fuq il-kummerċ kif ukoll fuq il-pubbliku ġenerali. Il-Membri jridu li sa l-2020 l-ekonomija ta' l-UE tkun l-inqas dipendenti fuq il-kombustibbli magħmul mill-fossili u l-iktar effiċjenti fl-użu ta' enerġija fid-dinja.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmiss

Ambjent

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Adottat il-ftehim dwar REACH
13-12-2006
 
Il-Parlament adotta il-kompromess li ntlaħaq f'negozjati mal-Kunsill dwar REACH, ir-regolament il-ġdid dwar is-sustanzi kimiċi b'maġġoranza kbira. Meta dan jidħol fis-seħħ, il-produtturi ser ikollhom jirreġistraw dawk is-sustanzi kimiċi kollha li kull sena jiġu prodotti jew importati fi kwantitajiet akbar minn tunnellata. F'każ ta' sustanzi iktar perikolużi, il-produtturi ser ikollhom jagħmlu pjan ta' sostituzzjoni biex jibdew jużaw alternattivi iktar siguri.
 
 
Ftehim dwar il-ġbir tal-batteriji għar-riċiklaġġ
04-07-2006
 
Wara sentejn ta' negozjati, il-MPE approvaw direttiva li tiżgura li sas-sena 2008 jibdew japplikaw skemi għall-ġbir ta' batteriji u akkumulaturi wżati madwar l-Ewropa kollha. Wara li jinġabru, il-batteriji għandhom ikunu riċiklati. Ġew adottati wkoll limiti stretti għall-kontenut ta' kadmju u ta' merkurju fil-batteriji minħabba li dawn is-sustanzi huma ta' ħsara għas-saħħa u għall-ambjent.
 
 
Ftehim dwar l-ilma f'żoni ta' l-għawm
18-01-2006
 
Mill-2013 'l quddiem, iċ-ċittadini ser ikunu jistgħu jiċċekkjaw il-livelli ta' sigurta' fiż-żoni ta' l-għawm ta' l-Unjoni Ewropea kemm fuq l-internet kif ukoll fil-post qabel imorru jgħumu. L-UE ilha snin tipprova tibdel id-direttiva eżistenti dwar l-ilma f'żoni ta' l-għawm ta' l-1976. Issa l-Parlament adotta l-ftehim ta' konċiljazzjoni għal leġiżlazzjoni ġdida li ntlaħaq bejn il-MPE u r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill.
 
 
Il-ħarsien ta' l-ilma ta' taħt l-art: ftehim dwar standards iktar stretti
12-12-2006
 
Il-Parlament Ewropew adotta ftehim ta' konċiljazzjoni li ntlaħaq bejn ir-rappreżentanti tiegħu u tal-Kunsill dwar id-Direttiva fuq il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt. Il-Parlament irnexxilu jintroduċi dispożizzjonijiet sabiex l-Istati Membri jieħdu miżuri iktar stretti li jevitaw li sustanzi perikolużi jikkontaminaw l-ilma ta' taħt l-art - sors primarju ta' ilma tax-xorb f'ħafna postijiet fl-Ewropa.
 
 
Inqas gassijiet flworinati fl-atmosfera Ewropea
05-04-2006
 
Il-gassijiet flworinati ilhom jintużaw mis-snin 90 minflok gassijiet CFC li jeqirdu s-saff ta' l-ożonu, u jinsabu l-iktar f'sistemi ta' refriġerazzjoni u ta' arja kondizzjonata. Jinsabu wkoll fit-twieqi, fl-estinturi tan-nar, fowm li jservi għall-iżolament kif ukoll fiż-żraben li jintlibsu għall-isport. Biss, jidher li l-gassijiet flworinati wkoll iwasslu għal żieda fis-sħana globali. Il-Parlament adotta żewġ leġiżlazzjonijiet ġodda biex jitnaqqas jew ikun ipprojbit l-użu ta' dawn il-gassijiet.
 
 
Arja iktar nadifa permezz ta' objettivi iktar ambizzjużi u iktar flessibilita'
26-09-2006
 
Kull sena, iktar minn 360,000 persuna fl-UE titlef ħajjitha b'mod prematur minħabba mard relatat mat-tniġġis ta' l-arja, b'mod speċjali fl-agglomerazzjonijiet kbar u fiż-żoni industrijali. Il-Parlament irid objettivi iktar ambizzjużi għall-kwalita' ta' l-arja fl-Ewropa. Fl-istess ħin, il-Membri insistew li jkun hemm ukoll iktar flessibilita' sabiex l-Istati Membri jingħataw aktar ċans biex jadattaw għal leġiżlazzjoni iktar stretta.
 
 
Koordinazzjoni aħjar għandha tnaqqas ir-riskju ta' għargħar
13-06-2006
 
Kważi 80% tax-xmajjar Ewropej jaqsmu l-fruntieri ta' pajjiżi differenti, u l-linji tal-kosta huma komuni għal ħafna Stati Membri. Il-MPE għamlu sejħa sabiex il-pajjiżi ta' l-UE jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' mmaniġjar u evalwazzjoni tar-riskju ta' l-għargħar. Huma ta' l-opinjoni li l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni u fuq l-impatt ambjentali ta' l-għargħar. Għalhekk ħeġġew l-Istati Membri biex jagħmlu mapep ta' żoni f'riskju ta' għargħar u jiżviluppaw miżuri speċifiċi għal dawn iż-żoni.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Trasport

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Liċenzji tas-sewqan ġodda mill-2013 fil-format ta' karta ta' kreditu
14-12-2006
 
Mill-2013, il-liċenzji tas-sewqan ġodda jew dawk li jkunu ġew sostitwiti għandhom jibdew jinħarġu f'format wieħed ta' karta ta' kreditu madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Il-Parlament adotta rapport fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni u mħejji fi ħdan il-Kumitat għat-Trasport li għandu jwassal biex dan il-format jissostittwixxi iktar minn 110 mudelli differenti ta' liċenzji tas-sewqan li jeżistu fl-Istati Membri.
 
 
Miċħuda l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi portwarji
18-01-2006
 
Il-PE reġa' għat-tieni darba, irrifjuta l-proposta tal-Kummisjoni dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi portwarji b'maġġoranza kbira. Ħafna mill-MPE talbu li minflok issir leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta bejn il-portijiet. Uħud minnhom ikkritikaw il-fatt li r-rikjesti tal-Parlament dwar is-"self-handling" u l-pilotaġġ ma ngħatawx każ, avolja dawn kienu kwistjonijiet li kienu qajmu ħafna kontroversja.
 
 
Lista sewda komuni ta' linji ta' l-ajru perikolużi
17-11-2005
 
Il-PE qabel li fl-Unjoni għandha tkun introdotta lista sewda ta' linji ta' l-ajru li ma jikkonformawx ma' l-istandards ta' sigurta'. Linji ta' l-ajru li ma jkunux konformi ser ikunu projbiti milli jaħdmu fl-UE. Barra dan, id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jissaħħu billi jingħataw informazzjoni dwar l-identita' ta' l-ajruplan li jkunu se jivvjaġġaw bih. Dawn ser ikollhom ukoll id-dritt li jingħataw kumpens jekk l-ajruplan jitpoġġa fil-lista sewda wara li jkunu għamlu il-prenotazzjoni.
 
 
Is-sigurta' fl-avjazzjoni ċivili
15-06-2006
 
Il-Membri adottaw rapport dwar it-twaqqif ta' regoli komuni ta' l-UE fil-qasam tas-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili. Il-Parlament irid li jkun hemm regoli iktar stretti dwar l-użu ta' uffiċjali ta' sigurta' matul it-titjira. L-għan huwa li jitniedu miżuri li jipproteġu kontra "atti ta' interferenza illegali ma' inġenji ta' l-ajru ċivili, li jipperikolaw is-sigurta' ta' l-avjazzjoni ċivili."
 
 
Vjaġġar bl-ajru iktar faċli għal persuni b'diżabilita'
16-12-2005
 
Il-PE adotta regolament sabiex jissaħħu d-drittijiet ta' persuni b'diżabilita' u persuni b'mobilita' mnaqqsa li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw bl-ajru. Il-fatt li persuna jkollha xi diżabilita' ma jistax jintuża biex din ma titħalliex tivjaġġa bl-ajruplan. Barra minn hekk, dawn il-persuni għandhom jingħataw għajnuna fl-ajruport biex per eżempju jmorru mill-bank taċ-"check-in" għall-ajruplan, jimbarkaw jew jilħqu xi titjiera oħra. Din l-għajnuna għandha tingħata mingħajr ħlas addizzjonali.
 
 
€ 154 miljun kontra t-tniġġis marittimu
01-09-2006
 
Il-MPE laqgħu l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett finanzjarju ta' €154 miljun biex l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA) tkun tista' tieħu azzjoni kontra t-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti. L-EMSA, għandha tkun tista' tipprovdi l-Istati Membri b'bastimenti speċjali kontra t-tniġġis sabiex dawn ikunu jistgħu jirkupraw iż-żejt minn fuq il-baħar. Barra minn hekk, l-EMSA għandha tiżviluppa sistema sabiex it-tniġġis jinstab malajr permezz ta' immaġni tas-satellita.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Saħħa pubblika u ħarsien tal-konsumatur

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Stqarrijiet dwar il-vantaġġi għas-saħħa jew nutrittivi ta' l-ikel
16-05-2006
 
Il-MPE approvaw regoli iktar stretti għal prodotti ta' l-ikel li fuqhom ikun hemm stqarrija ta' vantaġġ nutrittiv jew li jkunu tajbin għas-saħħa. Huma jridu li tingħata definizzjoni ċara għal dawk l-istqarrijiet li jgħidu li l-prodott ikun "low energy", "low fat", "high fibre" jew li jnaqqas il-kolesterol. Il-Parlament ikkunsidra wkoll l-armonizzazzjoni ta' regoli nazzjonali għal meta il-vitamini u l-minerali jkunu miżjuda fl-ikel.
 
 
Il-vot tal-PE għandu jwassal għall-iżvilipp ta' mediċini apposta għat-tfal
01-06-2006
 
L-intrapriżi farmaċewtiċi se jsibuha eħfef li jiżviluppaw mediċini għat-tfal. Il-Parlament adotta rapport ħalli t-tfal ma jkollhomx ikomplu jieħdu dożi baxxi ta' mediċini magħmula għall-adulti - dawn jistgħu ma jkunux jaqblu mal-metaboliżmu tagħhom u jagħmlulhom il-ħsara. L-intrapriżi li jiżviluppaw testijiet effettivi u siguri għal mediċina pedjatrika għandhom jirċievu estensjoni tal-brevett ta' sitt xhur. Biex ibiegħu mediċini għat-tfal iridu jikkonformaw ma' standards stretti ħafna.
 
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Programmi ta' Qafas u Programmi ta' Azzjoni

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Il-Ftehim interistituzzjonali dwar il-Perspettivi Finanzjarji
29-05-2006
 
Il-PE approva l-baġit ta' l-UE għas-seba' snin li ġejjin, iżda enfasizza l-fatt li matul ir-reviżjoni tal-baġit fl-2009, irid jinstab rimedju għal ċertu nuqqasijiet. Il-ftehim interisituzzjonali ġie ffirmat mir-rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u b'hekk sar liġi. Il-MPE laqgħu iż-żieda ta' €4 biljun għall-prijoritajiet tal-PE iżda qalu wkoll li l-figuri iktar għolja li kienu approvaw f'Ġunju biex jiffinanzjaw l-oqsma ta' politika ta' l-UE, kienu jkunu aħjar.
 
 
Ftehim dwar is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka Xjentifika, 2007-2013
30-11-2006
 
Il-Parlament Ewropew adotta l-emendi ta' kompromess dwar is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka Xjentifika, li ġew miftiehma mal-Kunsill fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni. Għalhekk, il-programm ewlieni ta' l-UE għall-finanzjament tar-riċerka xjentifika jista' jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-programm għandu baġit ta' iktar minn €50 biljun fuq perjodu ta' seba' snin, bejn l-2007 u l-2013.
 
 
Approvazzjoni ta' €308 biljun għall-fondi strutturali għall-perjodu 2007-13
04-07-2006
 
Il-Parlament adotta erba' rapporti imħejjin fi ħdan il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali dwar il-fondi strutturali għall-perjodu 2007-2013, kif ukoll rapport imħejji fi ħdan il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar il-Fond Soċjali Ewropew, li japprova l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill mingħajr emendi. Dan ifisser li mill-1 ta' Jannar 2007, ser ikun hemm allokazzjoni ta' €308 biljun, jew 35.7% mill-baġit ta' l-UE għal dawn il-fondi, bl-għan li tiżdied is-solidarjeta' bejn ir-reġjuni.
 
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Kultura

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Il-Programmi għall-Kultura u l-Edukazzjoni sa l-2013
24-10-2006
 
Matul din is-seduta plenarja, il-MPE ikkunsidraw ħames rapporti dwar il-programmi ta' l-UE għall-kultura u l-edukazzjoni fil-perjodu 2007-2013, li jiffokaw fuq dawn l-azzjonijiet: Żgħażagħ fl-Azzjoni, Media 2007, Kultura 2007, L-Ewropa għaċ-Ċittadini u azzjoni integrata fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja. Wara l-adozzjoni ta' dawn ir-rapporti fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, il-programmi ser ikunu jistgħu jibdew joperaw minn Jannar tas-sena d-dieħla.
 
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Ġustizzja u ċittadinanza

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
L-investigazzjoni tal-każ dwar id-detenzjoni illegali ta' priġunieri mis-CIA fl-Ewropa
19-01-2006
 
Jeżistu ċentri ta' detenzjoni tas-CIA fl-Ewropa? Is-CIA kienet qiegħda tuża ajruporti Ewropej biex tieħu terroristi ssuspettati f'postijiet fejn setgħu jiġu ttorturati? Dawn huma żewġ kwistjonijiet fundamentali li għandhom jiġu investigati minn kumitat temporanju ġdid imwaqqaf mill-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, dan il-kumitat għandu wkoll jara jekk kienx hemm gvernijiet jew ċittadini Ewropej involuti f'dawn l-attivitajiet li qed jingħad li saru.
 
 
Is-CIA f'ċerti każijiet "responsabbli b'mod dirett" għall-attivitajiet illegali fl-Ewropa - PE
06-07-2006
 
Skond rapport intermedjarju adottat mill-Parlament Ewropew, f'ċerti każijiet is-CIA kienet responsabbli b'mod dirett "għall-qbid, it-tneħħija, il-ħtif u d-detenzjoni illegali ta' terroristi suspetti" fl-Ewropa. Ir-rapport jikkritika wkoll l-involviment u l-kompliċita' ta' ċerti Stati Membri ta' l-UE. Il-MPE approvaw li l-Kumitat Temporanju responsabbli jkompli bil-ħidma tiegħu għal sitt xhur oħra.
 
 
Il-Parlament irid politika Ewropea koerenti dwar l-immigrazzjoni
28-09-2006
 
Permezz ta' l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar il-politika komuni ta' l-UE għall-immigrazzjoni, il-Parlament iddeplora "t-telf umanitarju sostanzjali", inkluż it-telf ta' ħajjiet ta' immigranti, u fakkar li l-Unjoni għad "m'għandhiex politika koerenti dwar l-immigrazzjoni". Iż-żieda fl-immigrazzjoni teħtieġ "approċċ bilanċjat, globali u koerenti" u l-qsim tar-responsabbiltajiet u l-piż finanzjarju bejn l-Istati Membri għandu jkun "parti integrali ta' politika Ewropea għall-immigrazzjoni".
 
 
Strateġija għall-integrazzjoni ta' l-immigranti: il-MPE Maltin jerġgħu jagħmlu sejħa għall-għajnuna
28-06-2006
 
Il-MPE adottaw żewġ rapporti li għandhom x'jaqsmu mas-suġġett ta' l-immigrazzjoni legali fl-Ewropa. L-ewwel rapport jitkellem dwar proċedura għal informazzjoni reċiproka dwar il-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri fil-qasam ta' l-ażil u l-immigrazzjoni, waqt li t-tieni rapport jittrata miżuri ta' integrazzjoni ta' l-immigranti fl-Unjoni Ewropea. Matul id-dibattitu, MPE Maltin reġgħu għamlu sejħa sabiex l-UE tieħu azzjoni konkreta sabiex tgħin fis-sitwazzjoni ta' immigranti illegali f'Malta.
 
 
Fond biex jiġu masquma l-ispejjeż relatati mar-ritorn tal-migranti
14-12-2006 
 
Il-Parlament Ewropew adotta rapport li japprova l-proposta għal Fond Ewropew għar-Ritorn, bl-għan li tittejjeb il-ġestjoni tar-ritorn ta' immigranti llegali lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom billi tingħata għajnuna lill-Istati Membri. Il-Parlament adotta wkoll rapporti dwar tliet fondi oħra relatati. L-erba fondi kollha kemm huma ġew stabbiliti fi ħdan il-programm 'Solidarjeta' u l-Ġestjoni tal-Flussi Migratorji' li beda s-sena l-oħra.
 
 
Is-sitwazzjoni tar-refuġjati f'Malta: "Ir-responsabbiltajiet għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b'mod ekwitabbli"
06-04-2006
 
Wara li delegazzjoni mill-PE mmexxija żaret ċentri ta' detenzjoni għar-refuġjati u immigranti llegali f'Malta, il-MPE adottaw riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva li fiha saħqu dwar il-bżonn li Malta u l-Istati Membri ta' l-UE jirrispettaw l-obbligi tagħhom skond il-liġi internazzjonali dwar it-talba ta' kenn politiku. Huma fakkru l-importanza ta' politika Komunitarja ta' immigrazzjoni u ta' ażil li tħares id-drittijiet fundamentali ta' l-immigranti u ta' min jitlob ażil fl-Unjoni Ewropea kollha.
 
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Affarijiet soċjali u ekonomiċi

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Id-direttiva dwar il-ħin ta' xogħol: Tmiem għall-opt-out; ħin on-call ikkunsidrat bħala ħin ta' xogħol   
09-05-2005
 
Il-MPE adottaw riżoluzzjoni leġiżlattiva li tgħid li għandu jitneħħa d-dritt ta' "opt-outs" għal ħaddiema individwali li jagħżlu li ma jaqgħux taħt is-sistema ta' 48 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Barra minn hekk, siegħat "on-call" għandhom ikunu jgħoddu bħala ħin ta' xogħol fil-maġġoranza ta' każijiet.
 
 
Inqas siegħat ta' sewqan sabiex ikun hemm inqas aċċidenti tat-traffiku
01-02-2006
 
L-aċċidenti tat-traffiku għandhom jonqsu wara li l-Parlament approva l-miżuri li għandhom jobbligaw l-installazzjoni ta' takografi diġitali fi trakkijiet ġodda mill-1 ta' Mejju 2006. B'hekk ser ikun hemm monitoraġġ preċiż tas-siegħat li vettura tkun misjuqa. Dawn il-miżuri jagħmlu parti minn pakkett leġiżlattiv dwar is-sigurta' fit-toroq li l-Parlament approva u li għall-ewwel darba jinkludi lista' komuni ta' każijiet serji ta' ksur tal-liġi f'dan il-qasam.
 
 
Mergers tal-banek transkonfinali: tneħħija ta' l-ostakoli, protezzjoni tal-konsumatur
04-07-2006
 
Il-MPE adottaw rapport mhux leġiżlattiv dwar l-implikazzjonijiet ta' mergers fis-settur bankarju u dak tas-servizzi finanzjarji għal konsumaturi, kumpaniji, impjegati u regolaturi. Huma ta' l-opinjoni li li l-konsolidazzjoni tas-swieq finanzjarji hija biss waħda mill-mezzi biex is-settur ikun jista' jirrispondi għal kompetizzjoni li qed tikber fil-livell ta' l-UE u dak globali.
 
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Affarijiet Instituzzjonali u Tkabbir

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Riżoluzzjoni dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni   
18-11-2004
 
Sabiex jingħalaq id-dibattitu dwar il-Kulleġġ tal-Kummissjoni, l-Parlament approva riżoluzzjoni dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-MPE laqgħu l-passi li ħa Barroso meta ppreżenta t-tim tiegħu u esprimew tħassib dwar il-fatt li ma nstabietx soluzjoni għall-problemi potenzjali li jikkonċernaw konflitti ta' interess. F'dan ir-rigward, ir-riżoluzzjoni titlob li jittieħdu passi urġenti sabiex ikunu definiti l-proċeduri li permezz tagħhom ser ikun implimentat il-Kodoċi tal-Kondotta.
 
 
IVA għall-Kostituzzjoni
12-01-2005
 
Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni b'maġġoranza kbira li jilqa' t-Trattat għal Kostituzzjoni Ewropea. Skond il-MPE, il-Kostituzzjoni hija kompromess tajjeb u fiha titjieb konsiderevoli fir-rigward taċ-ċarezza, l-effettivita', ir-responsabbilta' demokratika u ċ-ċittadinanza. Għalhekk, meta tiġi implimentata, għandha twassal għal benefiċċji li wieħed ikun jista' jara b'għajnejh u għal funzjonament iktar effettiv ta' l-Istituzzjonijiet u ta' l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
 
 
Il-perjodu ta' riflessjoni dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa: il-passi li jmiss
14-06-2006
 
Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-passi li jmiss fir-rigward tal-perjodu ta' riflessjoni dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa. Il-Membri għamlu sejħa sabiex il-Kunsill Ewropew joħroġ proposta ċara dwar kif se jkomplu mexjin l-affarijiet rigward it-Trattat Kostituzzjonali sa mhux aktar tard mit-tieni nofs ta' l-2007. Il-Membri kkonfermaw li l-perjodu ta' riflessjoni għandu jkun estiż sa nofs l-2007 sabiex jinstab ftehim qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fis-sena 2009.
 
 
Iva għal ftuħ tan-negozjati mat-Turkija iżda mingħajr garanzija ta' sħubija   
15-12-2004
 
L-UE għandha tibda n-negozjati tas-sħubija mat-Turkija "mingħajr dewmien żejjed". Jumejn qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, il-MPE adottaw riżoluzzjoni li tgħid li t-Turkija għamlet progress impressjonanti fir-rigward tar-rispett tal-kriterji politiċi, li hu suffiċjenti sabiex in-negozjati għas-sħubija fil-UE jkunu jistgħu jinbdew.
 
 
Il-Parlament jikkritika t-tnaqqis fil-pass ta' riformi tat-Turkija
26-09-2006
 
Il-MPE adottaw rapport li jikkritika l-fatt fit-Turkija kien hemm "tnaqqis fil-proċess tar-riforma". Ir-rapport adottat jiffoka fuq ir-relazzjonijiet ma' Ċipru u ma' l-Armenja, fejn jingħad li r-rikonoxximent tal-ġenoċidju Armen mhuwiex kundizzjoni minn qabel għall-adeżjoni - iżda xorta indispensabbli. Waqt li għad hemm restrizzjonijiet għal-liberta' ta' l-espressjoni u tar-reliġjon, sar progress fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-tortura u l-korruzzjoni, u t-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa.
 
 
Il-Parlament Ewropew japprova l-Istatut ta' l-MPE b'maġġoranza kbira    
22-06-2005
 
Il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni dwar l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'maġġoranza kbira. It-test jaqbel mal-kompromess li ġie propost mill-Kunsill. Il-ftehim jgħid li l-MPE kollha ser jibda jkollhom salarju ta' € 7,000 fix-xahar. L-għan huwa li ma jibqax ikun hemm differenzi ta' salarju bejn il-Membri, li bħalissa jirċievu l-istess salarji bħal membri tal-parlamenti nazzjonali ta' pajjiżhom. Is-salarji tal-Membri jibdew jiġu mħallsa mill-UE.
 
 
Approvata l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-UE    
13-04-2005
 
Il-Parlament Ewropew approva l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Parlament ġiegħel lill-Kunsill irodd lura lill-Parlament id-drittijiet baġitarji tiegħu dwar il-fondi li għandhom jiġu allokati lill-Bulgarija u lir-Rumanija sa' l-2009. Dawn is-sommi kienu diġa ġew miktuba fit-Trattat ta' Adeżjoni għaż-żewġ pajjiżi wara deċiżjoni unilaterali minn naħa tal-Kunsill.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Relazzjonijiet esterni

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Il-MPE adottaw riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri fil-Guantanamo
13-06-2006
 
Il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri fil-Guantanamo. Waqt li fakkru li s-suwiċidji li seħħew riċentement fil-faċilitajiet ta' detenzjoni minn tliet priġunieri qed ikomplu jqajmu iktar tħassib fuq skala internazzjonali, il-MPE qed jerġgħu jitolbu lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex tagħlaq il-faċilita' għad-detenzjoni fil-Bajja ta' Guantanamo.
 
 
 
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
13-12-2006
 
Il-MPE adottaw riżoluzzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja wara s-Summit li sar f'Novembru f'Ħelsinki. Huma għarfu l-importanza tar-Russja bħala msieħba strateġika għall-koperazzjoni ekonomika, kummerċjali, u internazzjonali, iżda insistew li r-Russja għandha turi r-rieda tagħha biex tgħin fl-investigazzjonijiet sabiex jinstabu l-qattiela ta' avversarji prominenti tal-Gvern Russu. Fl-istess ħin, huma ddeploraw t-tilwim dwar l-esportazzjoni ta' prodotti mill-UE lejn ir-Russja.
 
 
Il-MPE approvaw riżoluzzjoni dwar l-għajnuna għall-iżvilupp u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
06-04-2006
 
Il-MPE iridu li jitniedu miżuri iktar stretti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u sabiex l-għajnuna ta' l-UE issir iktar effettiva. Peress li kull sena 25% tal-GDP ta' l-Afrika jintilef għal korruzzjoni, ir-rapport għamel sejħa biex l-UE - li hija l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja - issir iktar responsabbli u tħaddem il-programi ta' għajnuna tagħha iktar bil-miftuħ.
 
 
Il-gvern Palestinjan għandu jirrinunzja l-vjolenza u jagħraf lill-Iżrael
02-02-2006
 
Il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw riżoluzzjoni dwar ir-riżultat ta' l-elezzjoni fil-Palestina u s-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ġerusalem. Huma qed jagħmlu sejħa sabiex il-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u l-gvern il-ġdid jagħrfu d-dritt ta' l-Istat ta' Iżrael li jeżisti, jirrinunzjaw kwalunkwe tip ta' terroriżmu u jikkommettu ruħhom għall-prinċipju ta' negozjati paċifiċi sabiex tinstab soluzzjoni għall-koeżistenza taż-żewġ stati.
 
 
L-Iran għandu jwaqqaf l-attivitajiet ta' bidla ta' uranju
15-02-2006
 
It-tensjoni bejn l-Iran u l-komunita' internazzjonli qed tikber. Dan minħabba d-deċiżjoni tal-pajjiż li jkompli l-programm ta' riċerka nukleari tiegħu u għaliex hemm sfiduċja dwar il-fatt li dan il-programm nukleari għandu għanijiet paċifiċi biss. Permezz ta' riżoluzzjoni adottata mill-Parlament, il-MPE iddikjaraw li din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta skond ir-regoli tad-dritt internazzjonali. Huma ta' l-opinjoni li l-involviment tal-Kunsill ta' Sigurta' tal-Ġnus Magħquda huwa neċessarju.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Premju Sakharov

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Il-Premju Sakharov għal-Liberta' tal-Ħsieb
 
Kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil individwi jew organizzazzjonijiet eċċezzjonali li jiġġieldu kontra l-oppressjoni, l-intolleranza u l-inġustizzja. Il-premju huwa wieħed mill-modi kif il-MPE jfittxu li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Drittijiet tan-nisa/Opportunitajiet indaqs

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Istitut Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi
09-03-2006
 
Il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw rapport dwar il-pjanijiet li jiġi mwaqqaf Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Permezz ta' dan ir-rapport il-MPE qed juru li jaqblu mat-twaqqif ta' dan l-Istitut iżda qed jisħqu dwar l-importanza li xogħolu jkun effettiv.
 
 
Il-kanser tas-sider f'Unjoni Ewropea ikbar
25-10-2006
 
Il-kanser tas-sider huwa l-kawża ewlenija tal-mewt fost in-nisa bejn 35 u 59 sena fl-UE. Kull sena 275,000 mara jaqbadha dan it-tip ta' kanser, waqt li jmutu 88,000 mara u madwar 1,000 raġel. Il-Parlament għamel appell biex l-Istati Membri jintroduċu eżaminar tas-sider mal-pajjiż kollu permezz ta' ċentri ta' kura interdixxiplinarji, integrazzjoni mill-ġdid tal-pazjenti fis-suq tax-xogħol, u riċerka dwar il-prevenzjoni u t-trattament ta' dan it-tip ta' kanser.
 
 
Daphne III għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa
05-09-2006
 
Il-Parlament adotta rapport dwar il-programm Daphne li kiseb suċċess sostanzjali fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal. Skond il-MPE, it-tielet fażi tal-programm għandha tinkludi bħala objettivi, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, u l-protezzjoni tal-vittmi. Il-Membri jridu wkoll li l-baġit tal-programm ikun ta' €125 miljun.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Agrikoltura u sajd

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Bżonn ta' miżuri iktar stretti kontra l-influwenza tat-tjur
01-12-2005
 
Il-PE qed jeżiġi miżuri iktar stretti għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur: sistemi ta' twissija bikrija għandhom jittejbu sabiex l-awtoritajiet ikunu infurmati immedjatament fil-każ ta' tifqigħa tal-vajrus. Dan għandu jsir anke jekk il-vajrus ikun tat-tip b'livell patoġeniku baxx għax jista' jinbidel f'dak b'livell patoġeniku għoli, li jikkaġuna l-mewt. Hemm bżonn ukoll ta' pjan ta' emerġenza koordinat fil-każ ta' kontaminazzjoni fost il-bnedmin u ta' vaċċini għat-tjur mhux għaljin.
 
 
Il-ħarsien u l-benesseri ta' l-annimali
12-10-2006
 
Il-MPE adottaw rapport li jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunita' għall-Ħarsien u l-Benesseri ta' l-Annimali, iżda juri tħassib dwar il-fatt li l-Kummissjoni pproponiet biss li "tistinka" biex tiżgura li jiġi mħares il-benesseri ta' l-annimali f'oqsma ta' politika relatati. Huma jfakkru li hemm konnessjoni bejn il-ħarsien ta' l-annimali, saħħithom u s-sigurta' tal-prodotti, għalhekk din il-protezzjoni għandha tkun obligazzjoni permanenti tal-Komunita'.
 
 
L-impatt tar-riformi dwar l-għajnuna finanzjara għas-sajjieda m'għandux jiġi injorat   
05-07-2005
 
Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tbiddel il-pjanijiet tagħha dwar ir-riforma tas-sistema ta' għajnuna finanzjarja lis-sajjieda. Il-Membri aċċettaw il-prinċipju ta' din ir-riforma biex jiġu konservati r-riżorsi tas-sajd, iżda saħqu li għandu wkoll jiġi kkunsidrat l-impatt soċjo-ekonomiku ta' dawn ir-riformi. Għalhekk talbu l-irtirar permanenti ta' ċertu dgħajjes mis-sajd, finanzjament ta' tagħmir għas-sajd u investiment fl-akwakultura.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

X'imiss?

Parti ta’ fuq tal-paġnaPreċedenti
 
Fost is-suġġetti li għandhom jiġu ttrattati fis-sentejn u nofs li ġejjin, matul it-tieni nofs tal-mandat tal-Parlament Ewropew, hemm:
 
- kwistjonijiet relatati ma' l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-politika Ewropea dwar l-enerġija;
 
- il-ġejjieni ta' l-Ewropa, inkluż il-possibilta' ta' reviżjoni tas-sistema finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea;
 
- ir-relazzjonijiet internazzjonali, fosthom dawk mar-Russja u mad-Dinja Għarbija;
 
- il-moviment liberu tal-pazjenti u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa;
 
- il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-posta;
 
- is-servizzi ta' trasport bil-ferrovija;
 
- is-sigurta' fl-ajruporti u s-sigurta' marittima;
 
- kwistjonijiet relatati ma' l-immigrazzjoni illegali, speċjalment fil-qasam tar-ritorn u Frontex;
 
- it-tariffi tar-roaming.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaPreċedenti