Punti ewlenin
 

Punti Ewlenin 2007: Ħarsa ġenerali lejn x'seħħ fil-Parlament Ewropew

Istituzzjonijiet - 18-12-2007 - 13:07
Aqsam ma' ħaddieħor
Il-bidu tas-sena 2007 immarka nofs il-leġislatura tas-sitt mandat tal-Parlament Ewropew. Matul is-seduta plenarja ta' Jannar fi Strasburgu, il-MPE għażlu lil Hans-Gert Pöttering bħala President tal-Parlament Ewropew ġdid, kif ukoll 14-il Viċi-Presidenti ġodda li għandhom jibqgħu fil-kariga sa l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009. Issa li wasalna fl-aħħar ta' 2007, qed nieħdu l-opportunita' biex nagħtu ħarsa lejn x'ġara fil-leġislatura din is-sena.
 
Mill-1 ta' Jannar 2007, bis-sħubija tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew ra żieda ta' 35 deputat parlamentari Rumen u 18-il deputat parlamentari Bulgaru. B'hekk, in-numru ta' MPE kiber temporanjament għal 785. Bir-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona, dan in-numru għandu jinżel għal 751 wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2009. Mill-1 ta' Jannar kien hemm ukoll bidla fl-ammont ta' lingwi uffiċjali, li telgħu minn 20 għal 23 minħabba ż-żieda tar-Rumen, il-Bulgaru u l-Irlandiż.
 
Dan id-dokument huwa ġabra ta' punti li juru li l-Parlament jieħu azzjoni billi jeżerċita l-poteri superviżorji, leġislattivi u baġitarji tiegħu waqt is-seduti plenarji ta' Strasburgu u Brussell. Dawn il-punti juru avvenimenti importanti bħal ma huma l-proklamazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-ħolqien ta' timijiet esperti ta' intervent rapidu meta numru kbir ta' immigranti llegali jippruvaw jaqsmu l-fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea, il-bidu ta' ħidma konġunta sabiex l-Istati Membri jibdew jimmaniġjaw ir-riskju ta' l-għargħar flimkien, tariffi Ewropej għar-roaming, kif ukoll it-tkabbir taż-żona ta' Schengen.
 
Ref.: 20071217TMN15631

Istituzzjonijiet

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmiss
 
 Elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew għat-tieni nofs tal-leġislatura
(16-01-2007)
 
Matul l-ewwel seduta plenarja tagħhom tas-sena 2007, il-Membri tal-Parlament Ewropew għażlu President ġdid għat-tieni nofs tal-leġislatura, sa Lulju 2009. B'65.31% tal-voti validi mitfugħa, Hans-Gert Pöttering huwa it-tnax-il President elett tal-Parlament Ewropew. Huwa ħa post Josep Borrell.
 
 
Proklamazzjoni solenni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
(12-12-2007)
 
Il-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering, flimkien mal-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew José Sócrates ipproklamaw solennement il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan sar ġurnata qabel l-iffirmar tat-Trattat il-ġdid ta' Liżbona mill-mexxejja Ewropej. L-għan ta' din il-proklamazzjoni kien li tiżdied il-viżibilita' tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali fost iċ-ċittadini Ewropej u li din tingħata bażi legali.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmiss

Trasport

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Mirja li jnaqqsu l-'blind spots' fi trakkijiet tqal tat-tagħbija
(10-05-2007)
 
Skond il-Parlament Ewropew, it-trakkijiet tqal li jġorru tagħbija u li ilhom joperaw mis-sena 2000, għandhom ikunu mgħammra b'mirja li jnaqqsu l-blind spots - dik il-parti li min ikun qiegħed isuq ma jarahiex. Dan għandu jsir sa l-31 ta' Marzu 2009, u għandu jiswa bejn 100 u 150 ewro kull trakk. Madankollu, sa l-2020, dawn il-mirja għandhom isalvaw sa 1,200 ruħ fl-Ewropa.
 
 
Adottat it-tielet pakkett ta' regolamenti dwar il-ferroviji
(25-09-2007)
 
Il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw t-testi konġunti mħejjija mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar it-tielet pakkett ferrovjarju sabiex dan ikun jista' jidħol fis-seħħ. Dan għandu jagħti spinta ġdida għall-ivvjaġġar bil-ferrovija billi s-suq jinfetaħ għall-kompetizzjoni mill-2010, waqt li jsaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri u jipprovdi għal liċenzja Ewrpea għas-sewwieqa tal-ferrovija.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Drittijiet tan-Nisa / Opportunitajiet Ugwali

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Il-Parlament Ewropew jadotta l-programm Daphne III
(22-05-2007)
 
Il-MPE adottaw rapport fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, li japprova l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar il-programm Daphne II mingħajr emendi. Għalhekk issa, Daphne III, li huwa l-programm speċifiku ta' l-UE bl-għan li jiġġieled il-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, għandu jidħol fis-seħħ. Wara laqgħat li saru bejn ir-rappreżentanti tat-tliet istituzzjonijiet, il-Kunsill inkluda fit-test tiegħu ħafna mill-emendi li l-Parlament ressaq fl-ewwel qari tal-proċedura.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Ġustizzja u Affarijiet Interni

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
 Il-Kunsill għandu jinsisti biex jirċievi iktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-CIA mill-Istati Membri
(14-2-2007)
 
Bejn l-2001 u l-2005 iktar minn elf titjira operati mis-CIA wżaw l-ispazju ta' l-ajru Ewropew u li faċilitajiet għad-detenzjoni sigrieti u temporanji "setgħu ġew lokalizzati fil-bażijiet militari Amerikani" fil-pajjiżi Ewropej. Il-Parlament adotta r-rapport finali dwar l-attivitajiet illegali tas-CIA, li fost affarijiet oħra, jiddeplora l-fatt li ċerti Stati Membri għamlu ta' bir-ruħhom li ma jindunawx u ppermettew titjiriet imħaddma mis-CIA. Il-MPE stennew li l-Kunsill "jagħmel pressjoni fuq il-gvernijiet kollha" biex dawn jipprovdu iktar informazzjoni sħiħa u dettaljata.
 
 
Immigrazzjoni llegali: timijiet ta' intervent rapidu fil-fruntieri
(26-04-2007)
 
Il-Parlament adotta rapport li għandu jwassal biex jinħolqu timijiet esperti ta' intervent rapidu sabiex jipprovdu għajnuna teknika u operazzjonali f'każijiet meta numru kbir ta' immigranti llegali jkunu jridu jaqsmu l-fruntieri ta' kwalunkwe Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn it-timijiet għandhom jieħdu mir-riżorsi finanzjarji u umani ta' l-Istati Membri kollha, skond il-prinċipju ta' solidarjeta' mandatorja.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Ambjent

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
 Il-Parlament iwaqqaf Kumitat Temporanju għall-Bidla Klimatika
(25-4-2007)
 
Il-Parlament Ewropew irid ikollu rwol ewlieni biex titqajjem kuxjenza rigward il-bidla fil-klima u biex din il-kwistjoni tingħata l-importanza li jistħoqqilha fl-aġenda internazzjonali. Għalhekk, il-MPE iddeċiedew li jwaqqfu Kumitat Temporanju għall-Bilda Klimatika, li għandu jkun magħmul minn 60 Deputat.
 
 
Strateġija Ewropea għall-immaniġjar tar-riskju ta' l-għargħar
(25-04-2007)
 
Ix-xmajjar m'għandhomx fruntieri, u lanqas l-għargħar. Għalhekk, wara d-diżastri kkważati mill-għargħar fl-Ewropa fl-2002 u fl-2005, l-Istati Membri qablu li jaħdmu flimkien biex jimmaniġjaw ir-riskju ta' l-għargħar, permezz ta' proposta mill-Kummissjoni għal direttiva f'dan il-qasam. Il-Parlament saħħaħ il-miżuri proposti mill-Kummissjoni u approva ftehim milħuq mal-Kunsill. L-Istati Membri ser ikollhom sentejn ċans biex jimplimentawha.
 
 
Projbizzjoni tal-bejgħ ta' tagħmir tal-kejl ġdid li jkun fih il-merkurju
(10-07-2007)
 
Il-Parlament approva projbizzjoni fuq il-bejgħ ġenerali lill-pubbliku ta' termometri tal-merkurju mhux elettroniċi u tagħmir ieħor li jkun fih il-merkurju mill-2009. Ser ikun hemm deroga ta' sentejn għall-manifatturi tal-barometri, kif ukoll ċerti eċċezzjonijiet għall-użu mediku. Prodotti li diġa' jkunu nxtraw, ser ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw.
 
 
Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent tal-Baħar
(11-12-2007)
 
Il-MPE adottaw test ta' kompromess li ntlaħaq bejn il-Kumitat għall-Ambjent u l-Kunsill għal direttiva qafas għal strateġija marina. B'hekk L-Istati Membri ser ikollhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiksbu jew iżommu "status ambjentali tajjeb" fl-ambjent tal-baħar sas-sena 2020. Ser ikollhom jiġu żiviluppati "strateġiji marini" bl-għan li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar, jevitaw id-deterjorament tiegħu u jirrestawraw l-ekosistemi marini, waqt li jevitaw u jnaqqsu t-tniġġis
 
 
Lejn kwalita' ta' l-arja aħjar fl-Ewropa
(11-12-2007)
 
Il-MPE approvaw direttiva ġdida dwar il-kwalita' ta' l-arja, li dwarha ntlaħaq ftehim bejn il-Kumitat għall-Ambjent u l-Kunsill, fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni. Din id-direttiva l-ġdida tiddetermina għall-ewwel darba l-ogħla valuri ta' konċentrazzjoni ta' dawk il-partiċelli żgħar ħafna jew trab atmosferiku l-iktar ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem: l-hekk imsejħa PM2,5.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Konsumatur

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Projbizzjoni totali tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb fl-UE
(19-06-2007)
 
Il-Parlament adotta rapport li japprova projbizzjoni komprensiva fuq il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb, madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Madankollu, il-Membri m'aċċettawx eċċezzjoni proposta mill-Kummissjoni li kienet tippermetti dan it-tip ta' kummerċ fil-każ li l-klieb jew qtates ma jkunux trabbew jew inqatlu għall-pil tagħhom. Din il-projbizzjoni għandha tapplika mill-aħħar ta' l-2008.
 
 
Regoli iktar stretti dwar il-pussess ta' l-armi
(30-11-2007)
 
Il-MPE adottaw rapport li jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex taġġorna d-direttiva ta' l-UE ta' l-1991 fuq l-akkwist u l-pussess ta' l-armi. B'hekk din għandha tkun adattata skond il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-manifattura u t-traffikar illegali ta' l-armi tan-nar. Id-direttiva l-ġdida tkopri l-użu illegali ta’ l-armi tan-nar u għandha tintroduċi regoli li jżidu s-sikurezza fil-qasam tal-pussess ta’ l-armi tan-nar mingħajr ma toħloq inkonvenjenti għal kaċċaturi, fil-każ ta’ sparar sportiv jew għal pussessuri legali ta’ armi tan-nar.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Soċjeta' ta' l-Informazzjoni

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Roaming: il-Parlament jadotta l-kompromess għal Tariffa Ewropea dan is-sajf
(23-05-2007)
 
Wara negozjati intensi, il-Parlament adotta b'maġġoranza kbira ftehim milħuq bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-proposta għal regolament dwar ir-roaming fuq netwerks pubbliċi mobbli. B'hekk, u peress li l-Parlament insista li r-regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, il-konsumaturi għandhom jibdew jibbenefikaw minn roaming irħas mis-sajf stess - mhux iktar minn 49 ewro cents (mingħajr VAT) għal telefonati li jsiru u 24 ewro cents għal telefonati rċevuti meta wieħed ikun jinsab barra minn pajjiżu.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Sigurta' ta' l-Ikel

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Regoli ġodda dwar id-definizzjoni tax-xarbiet ta' l-ispirtu
(19-06-2007)
 
Il-Parlament adotta ftehim ta' kompromess mal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta' xarbiet ta' l-ispirtu. Għalhekk it-test adottat għandu jsir leġislazzjoni mingħajr tibdil ieħor. Vodka tradizzjonali għandha tkun magħmula biss minn ċereali jew patata (u mhux mill-ġulepp), u prodotti oħra għandhom ikunu permessi biss jekk ikunu msemmija b'mod ċar fuq it-tiketta.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Kultura

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
 Ir-rebbieħ tal-Premju Lux għaċ-ċinema: Auf der anderen Seite
(24-10-2007)
 
Il-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering ħabbar li r-rebbieħ tal-Premju tal-Parlament Ewropew għaċ-ċinema, l-hekk imsejjaħ Premju Lux huwa l-film "Auf der anderen Seite" (Tarf il-Ġenna), ta' Fatih Akin. L-attriċi Ġermaniża Hanna Schygulla rċeviet it-trofew fil-preżenza tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tar-rappreżentanti taż-żewġ films kandidati l-oħra, fi Strasburgu.
 
 
Il-Parlament jadotta regoli ġodda dwar ix-xandir tar-reklami
(30-11-2007)
 
Ir-regoli l-ġodda ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-reklami mxandra fuq it-televiżjoni u meta prodotti kummerċjali jintwerew matul ix-xandir barra l-waqfa pubbliċitarja, għandhom jidħlu fis-seħħ qabel l-aħħar tas-sena, wara li l-Parlament approva l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill. Ir-regoli l-ġodda jaġġornaw ir-regoli attwali tad-direttiva 'Televiżjoni mingħajr Fruntieri' (1997) skond l-iżviluppi fit-teknoloġija awdjoviżiva. Wara li din id-direttiva tidħol fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom ikollhom sentejn ċans biex jadattaw ir-regoli nazzjonali tagħhom għad-dispożizzjoni tad-direttiva.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Drittijiet tal-Bniedem

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Il-Premju Sakharov għal-Liberta' tal-Ħsieb jingħata lil Salih Mahmoud Osman
(11-12-2007)
 
Matul is-seduta plenarja ta' Diċembru saret iċ-ċerimonja ta' l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Liberta' tal-Ħsieb lil Salih Mahmoud Osman, prokuratur Sudaniż għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Premju ngħata mill-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering. Is-Sur Osman tkellem dwar l-orruri li qed iseħħu fid-Darfur u dwar il-bżonn li l-komunita' internazzjonali tintervjeni, anke jekk dan ikun kontra x-xewqa tal-gvern Sudaniż.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Schengen

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
 Iż-żona ta' Schengen: jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri
(15-11-2007)
 
Wara l-istqarrija tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen mir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u r-Repubblika Slovakka mill-21 ta' Diċembru 2007, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li permezz tagħha "jilqa' b’sodisfazzjon id-dħul ta’ l-Istati Membri ġodda fiż-żona ta’ Schengen, filwaqt li jisħaq l-importanza storika ta’ dan l-avveniment bl-għan li jintemmu d-diviżjonijiet ta’ qabel fl-Ewropa."
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Agrikoltura

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Ir-riforma fis-settur ta' l-inbid
(12-12-2007)
 
Il-MPE adottaw rapport imħejji fi ħdan il-Kumitat għall-Agrikoltura dwar ir-riforma tas-settur ta' l-inbid. Dan jirrifjuta l-liberalizzazzjoni awtomatika tad-drittijiet tat-taħwil fl-2014 kif ukoll it-trasferiment ta' fondi lejn l-iżvilupp rurali. Iżda l-Parlament ivvota favur skema għall-qlugħ tad-dwieli limitata għal tliet snin, iż-żamma tal-prattika ta' l-użu ta' zokkor xott, għajnuna għall-most ta' l-għeneb, kif ukoll regoli iktar stretti għad-denominazzjoni u għat-tikkettar.
 

Għal aktar informazzjoni :

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Baġit

Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti
 
Adottat il-Baġit ta' l-Unjoni Ewropea għall-2008
(13-12-2007)
 
Il-Parlament Ewropew adotta r-rapport fit-tieni qari tal-proċedura baġitarja għas-sena 2008. Il-Membri approvaw kompromess li ntlaħaq mal-Kunsill dwar il-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena d-dieħla. Dan ser ikun ta' 120,346,758,612 ewro f'approprjazzjonijiet ta' ħlas (5.7 % ogħla mill-2007), jiġifieri kważi 0.96% tad-Dħul Gross Nazzjonali totali ta' l-Istati Membri. Il-proċedura baġitarja tintemm hawn.
 
Parti ta’ fuq tal-paġnaLi jmissPreċedenti

Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Parti ta’ fuq tal-paġnaPreċedenti
 
Pagamenti transkonfinali iktar sempliċi
(26-04-2007)
 
Il-Parlament adotta qafas legali sabiex il-pagamenti mingħajr flus kontanti jibdew isiru b'mod iktar sempliċi u jkunu jinvolvu inqas spejjeż. Dawn il-pagamenti jinkludu tranżazzjonijiet bil-karti ta' kreditu, trasferimenti bankarji u debiti diretti. Peress li ntlaħaq ftehim mal-Kunsill, il-proċedura leġislattiva tieqaf hawn u b'hekk l-industrija bankarja għandha jkollha biżżejjed ċans biex timplementa d-dispożizzjonijiet neċessarji u tinħoloq żona unika ta' pagamenti fis-suq intern sa l-2010.
 

Għal aktar informazzjoni :

Parti ta’ fuq tal-paġnaPreċedenti