Proċedura : 2012/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0135/2012

Testi mressqa :

RC-B7-0135/2012

Dibattiti :

OJ 14/03/2012 - 102

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.4
CRE 15/03/2012 - 11.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 154kWORD 102k
13.3.2012
PE483.186v01-00}
PE483.191v01-00}
PE483.192v01-00}
PE483.193v01-00}
PE483.195v01-00} RC1
 
B7-0135/2012}
B7-0140/2012}
B7-0141/2012}
B7-0142/2012}
B7-0143/2012} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B7‑0135/2012)

PPE (B7‑0140/2012)

ALDE (B7‑0141/2012)

S&D (B7‑0142/2012)

Verts/ALE (B7‑0143/2012)


dwar il-Kazakistan


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Elisabeth Jeggle, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Jacek Saryusz-Wolski, Paolo Bartolozzi, Krzysztof Lisek, Eduard Kukan, Ria Oomen-Ruijten, Paweł Zalewski, Francisco José Millán Mon, Marietta Giannakou, Jacek Protasiewicz, Andrzej Grzyb, Alf Svensson, Anna Ibrisagic, Kinga Gál, Elena Băsescu, Piotr Borys, Traian Ungureanu, Peter Šťastný, Inese Vaidere, Monica Luisa Macovei f'isem il-Grupp PPE-DE
Liisa Jaakonsaari, Ana Gomes, Vilija Blinkevičiūtė, Kristian Vigenin, Marek Siwiec, Emilio Menéndez del Valle f'isem il-Grupp S&D
Norica Nicolai, Leonidas Donskis, Marietje Schaake, Alexander Graf Lambsdorff, Graham Watson, Marielle de Sarnez, Sonia Alfano, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Nicole Kiil-Nielsen, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kazakistan  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali stipulata fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-KE u l-Kazakistan li daħal fis-seħħ fl-1999, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu (Taqsima dwar il-Prinċipji Ġenerali),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Ażja Ċentrali, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007, u r-rapporti ta' progress tagħha tal-24 ta' Ġunju 2008 u t-28 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Mejju 2011 dwar il-Kazakistan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-Kazakistan fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tat-3 ta' Novembru, tat-22 ta' Diċembru 2011, u tad-19 ta' Jannar, is-26 ta' Jannar u d-9 ta' Frar 2012, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-UE Catherine Ashton tas-17 ta' Diċembru 2011 dwar dak li seħħ fid-distrett ta' Zhanaozen u tas-17 ta' Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar 2012 fil-Kazakistan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar 2012, immexxija mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-midja fil-Kazakistan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE tal-1 ta' Frar 2012 dwar it-trażżin tal-oppożizzjoni fil-Kazakistan,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(1),

–   wara li kkunsidra l-paragrafu 23 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi kemm l-UE kif ukoll il-Kazakhstan jistgħu jgawdu benefiċċji importanti jekk jikkooperaw aktar mill-qrib, u l-Parlament jappoġġa dan l-objettiv filwaqt li jenfasizza li l-kooperazzjoni ekonomika trid tmur id f’id mal-kooperazzjoni politika u trid tkun ibbażata fuq ir-rieda politika li jiġu implimenti u mħaddna valuri komuni, meta jitqies ir-rwol ċentrali tal-Kazakhstan fl-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Ażja Ċentrali u l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun;

B.  billi n-negozjati dwar ftehim imsaħħaħ bejn l-UE u l-Kazakistan, li għandu jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li qiegħed fis-seħħ attwalment, tnedew f'Ġunju 2011;

C. billi fis-17 ta’ Frar 2012 il-President tal-Kazakistan iffirma bosta liġijiet bl-għan li titjieb il-bażi legali għar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura;

D. billi fis-16 ta’ Diċembru 2011 għadd kbir ta’ nies inqatlu u ħafna oħra kienu feruti fil-ġlied fil-belt ta’ Zhanaozen fil-Punent tal-Kazakhstan, fejn aktar minn 3000 ruħ inġabru paċifikament fil-pjazza ewlenija b’appoġġ għat-talbiet tal-ħaddiema tas-settur taż-żejt li ilhom fuq strajk minn Mejju għal salarji ogħla u kundizzjonijiet aħjar u d-dritt li jagħżlu r-rappreżentanti tal-junjin tagħhom;

E.  billi l-awtoritajiet irrapportaw li 17-il persuna mietu wara li, skont rapporti indipendenti u xhieda, il-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet attakkaw lid-dimostranti, fetħu n-nar fuq iċ-ċivili inklużi persuni mhux armati li kienu qed jistrajkjaw, flimkien mal-qraba tagħhom; billi wara l-ġlied l-awtoritajiet tal-Kazakistan iddikjaraw stat ta' emerġenza, u pprojbixxew l-aċċess tal-ġurnalisti u tal-osservaturi indipendenti għal Zhanaozen; billi l-istat ta’ emerġenza finalment ġie mitmum fil-31 ta’ Jannar 2012, iżda xi xhieda qalu li l-għadd ta’ persuni maqtula aktarx li hu ħafna ikbar; billi l-awtoritajiet reġjonali wiegħdu li jagħtu appoġġ finanzjarju lill-familji tal-vittmi li mietu f’dawn l-avvenimenti;

F.  billi l-istampa ta' dak li fil-fatt ġara f'Zhanaozen fis-16 ta' Diċembru 2011 għadha mhix ċara; billi l-linji ta' komunikazzjoni inizjalment inqatgħu mill-awtoritajiet u l-aċċess għall-belt imbagħad baqa' kkontrollat taħt stat ta' emerġenza li dam għaddej sal-31 ta' Jannar 2012; billi l-intimidazzjoni u l-attakki vjolenti kontra l-midja indipendenti, flimkien ma' klima ta' biża' fost iċ-ċittadini, qed ikomplu jxekklu l-iżvilupp ta' aktar ċarezza;

G. billi madwar 43 persuna ġew arrestati sa minn Diċembru 2012 u qed jiffaċċaw akkużi li jinvolvu sentenzi ta’ sa sitt snin priġunerija, fosthom mexxejja prominenti u attivisti mill-istrajk tal-ħaddiema taż-żejt, inkludi Talat Saktaganov, Roza Tuletaeva u Natalya Azhigalieva; billi numru ta' żgħażagħ akkużati b’attivitajiet Iżlamisti ġew arrestati fil-belt ta' Uralsk fit-3 ta' Frar 2012 fuq suspett li qed jorganizzaw diżordni tal-massa f'Zhanaozen;

H. billi l-President tal-Kazakistan sejjaħ għal investigazzjoni sħiħa tal-avvenimenti, billi waqqaf kummissjoni tal-gvern immexxija mill-Ewwel Viċi Prim Ministru u stieden esperti internazzjonali, fosthom min-NU, biex jipparteċipaw fil-proċess ta' investigazzjoni; billi bosta uffiċjali tal-pulizija qegħdin jiġu investigati minħabba użu mhux xieraq ta’ armi tan-nar, għalkemm s’issa l-ebda wieħed minnhom ma ġie akkużat;

I.   billi hemm diversi rapporti li d-detenuti ġew ittorturati u maltrattati; billi investigazzjoni kredibbli, segwita minn azzjoni legali xierqa, hija meħtieġa wkoll b'rabta ma' dan;

J.   billi l-elezzjonijiet ġenerali li saru fis-15 ta' Jannar 2012 kienu meqjusa mill-OSKE li ma kinux konformi mal-istandards tagħha, minħabba ħafna irregolaritajiet fil-votazzjoni kif ukoll l-użu ta’ riżorsi u slogans tal-istat biex isaħħu l-popolarità tal-partit fil-gvern, li ma pprovdiex il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ elezzjonijiet genwinament pluralistiċi, għalkemm hu meqjus li din id-darba l-elezzjonijiet kienu amministrati sew fil-livell tekniku;

K. billi fis-6 ta' Jannar il-President tal-Kazakistan iffirma l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li ssaħħaħ l-awtorità tas-servizzi tas-sigurtà u tafferma li persuni meqjusa li qed jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiz fuq livell dinji jistgħu jitqiesu 'distruttivi' u se jkollhom jiffaċċaw il-konsegwenzi;

L.  billi f’dawn l-aħħar ftit xhur is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan iddeterjorat, kif rifless fid-dikjarazzjonijiet tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE u f'dikjarazzjonijiet reċenti tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja u tad-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE;

M. billi f'Settembru 2011 l-awtoritajiet adottaw liġi dwar ir-reliġjon li tobbliga lill-gruppi reliġjużi kollha li jerġgħu jirreġistraw, u tinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jipprojbixxu ċittadini tal-Kazakistan milli jipprattikaw il-fidi tagħhom liberament; billi, barra minn dan, liġijiet adottati riċentement dwar il-midja tal-massa u s-sigurtà nazzjonali kollha jinkludu dispożizzjonijiet li jsaħħu l-elementi mhux liberali tas-sistema politika tal-Kazakistan u jikkontradixxu ambizzjonijiet dikjarati ta’ demokratizzazzjoni;

N. billi fit-8 ta' Awwissu 2011, il-Qorti tal-Belt ta' Aktau sabet lil Natalia Sokolova, l-avukat tal-ħaddiema tas-settur taż-żejt, ħatja li "inċitat id-diskordanza soċjali" u li "ħadet sehem attiv f'laqgħat illegali" u ngħatat sentenza ta' sitt snin ħabs;

O. billi fl-istennija li ttejjeb l-immaġni tagħha ta’ pajjiż rispettabbli f’livell internazzjonali, il-Kazakistan ħa r-rwol ta’ Chair tal-OSKE fl-2010, u impenja ruħu għal sensiela ta’ riformi demokratiċi u li jirrispetta l-prinċipji bażiċi ta’ dik l-organizzazzjoni;

P.  billi tul dawn l-aħħar xahrejn, il-partiti tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet Alga, Azat u l-Moviment Soċjalista tal-Kazakistan, midja indipendenti inklużi l-ġurnali Vzglyad, Golos Republik u Respublika u l-istazzjon televiżiv bis-satellita STAN TV, u trejdjunjins indipendenti inkluża l-junjin Zhanartu u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili kienu fil-mira ta’ repressjoni intensifikata, filwaqt li ġew detenuti, inter alia, il-mexxej tal-partit Alga Vladimir Kozlov u l-editur kap tal-ġurnal Vzgyad, Igor Vinyavski; billi fit-28 ta' Jannar madwar 1000 persuna f'Almaty ħadu sehem fi protesta mhux awtorizzata kontra r-repressjoni, u talbu lill-awtoritajiet biex itemmu l-persekuzzjoni politika;

Q. billi l-partiti tal-oppożizzjoni ddikjaraw pjanijiet għal protesta fl-24 ta' Marzu f'Almaty sabiex jikkommemoraw il-100 jum mill-massakru ta' Zhanaozen;

R.  billi l-fatt li s-Sur Kozlov ġie arrestat u nżamm incommunicado ftit wara li rritorna mil-laqgħat tiegħu mal-Parlament Ewropew u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jagħti lill-UE raġuni addizzjonali ta' tħassib, u jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja tal-ħila tal-istituzzjonijiet tagħna li jmexxu djalogi ma' firxa wiesgħa ta' atturi fil-pajjiżi sħab tal-UE mingħajr ma dan ikollu konsegwenzi negattivi għall-interlokuturi tagħna;

1.  Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika u ekonomika, li tinkludi oqsma strateġiċi bħalma huma d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, l-enerġija, il-kummerċ u t-trasport kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi; jenfasizza li s-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata minn kooperazzjoni ikbar, laqgħat ta’ livell għoli frekwenti u l-bidu tan-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni ġdid;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu kif ukoll il-kondoljanzi tiegħu fir-rigward tal-avvenimenti li seħħew fis-16 ta’ Diċembru 2011 fid-distrett ta’ Zhanaozen tal-Kazakistan, fejn 17-il persuna tilfu ħajjithom u 110 oħra ndarbu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa t-trażżin vjolenti min-naħa tal-forzi tal-pulizija ta' dimostranti f'Zhanaozen, u jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti u kredibbli tal-ġrajjiet, b’komponent internazzjonali;

4.  Jistqarr l-intenzjoni tiegħu li jibqa' jmexxi djalogi mal-atturi tas-soċjetà ċivili, bħala parti mir-relazzjonijiet tiegħu mal-Kazakistan, u skont il-prattiki tar-relazzjonijiet tiegħu ma' pajjiżi terzi oħra; jistenna rispett lejn dawn id-djalogi, u jenfasizza li mhux insensittiv għall-benessri tal-interlokuturi tiegħu;

5.  Jemmen li l-ġestjoni ħażina tat-tilwima tal-ħaddiema fis-settur taż-żejt fil-Punent tal-Kazakistan kienet il-kawża ewlenija tal-iskuntentizza popolari dejjem tikber qabel l-avvenimenti ta' nofs Diċembru 2011; jinsab konvint li r-rikonoxximent, kemm bil-kliem kif ukoll bil-fatti, tad-dritt tal-ħaddiema li jorganizzaw djalogu b'rispett reċiproku bejn ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins, min iħaddem u l-awtoritajiet, l-impjegar mill-ġdid ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja jew impjiegi ġodda għalihom, l-appoġġ għall-familji li qed ibatu ħafna minħabba l-konsegwenzi tal-avvenimenti reċenti u l-bini tal-fiduċja fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huma fundamentali biex jinkisbu l-paċi soċjali u stabbiltà sostenibbli;

6.  Jistieden lis-SEAE jsegwi mill-qrib il-proċess ta' dawk akkużati li organizzaw id-dimostrazzjonijiet, u jirrapporta lura lill-Parlament;

7.  Jilqa’ l-ħelsien riċenti tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Evgeny Zhovtis, direttur tal-Bureau Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt tal-Kazakistan u tal-ġurnalist ta’ ‘Vremya’ Tokhniyaz Kuchukov, li ngħataw amnestija b’deċiżjoni tal-qorti fit-2 ta’ Frar 2012 wara li kienu ġew ikkundannati għal erba’ snin f’kamp tax-xogħol f’Settembru 2009;

8.  Jiddispjaċih li jeżistu ftit wisq eċċezzjonijiet għax-xejra negattiva fl-iżviluppi relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Kazakistan li ilha għaddejja tul ta’ żmien konsiderevoli u dan l-aħħar ġiet rinfurzata, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jipprovdu assigurazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-familji ta' attivisti arrestati;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan biex jagħmlu kull sforz biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżhom; jissottolinja li progress fin-negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid u mtejjeb bejn l-UE u l-Kazakistan għandu jiddependi mill-progress tar-riformi politiċi; iħeġġeġ lill-Kazakistan iżomm l-impenn mistqarr tiegħu favur riformi ulterjuri, sabiex tinbena soċjetà miftuħa u demokratika li tkun tinkludi oppożizzjoni u soċjetà ċivili indipendenti, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

10. Jilqa’ t-tibdil legali ta’ dawn l-aħħar xhur bl-għan li jkabbru l-firmxa ta’ partiti li jistgħu jippreżentaw kandidati parlamentari; jinnota li sa mill-aħħar elezzjonijiet leġiżlattivi, tliet partiti ġew rappreżentati fil-parlament il-ġdid; jiddispjaċih għall-fatt li għadd ta’ partiti tal-oppożizzjoni mhux qed jitħallew jirreġistraw, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iwettqu r-riformi ulterjuri meħtieġa biex ikunu żgurati elezzjonijiet ġenwinament pluralistiċi u sabiex ikunu appoġġati l-funzjonament tal-midja indipendenti u l-attivitajiet tal-NGOs;

11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jindirizzaw is-sejbiet tal-ODHIR tal-OSKE bħala kwistjoni ta’ prijorità ħalli l-oppożizzjoni tal-pajjiż tkun tista’ tieħu l-irwol li jistħoqqilha f’soċjetà demokratika, u jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tal-elezzjonijiet; jistieden lill-SEAE jappoġġa l-Kazakistan fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet;

12. Jieħu nota tal-pjan direzzjonali għall-adeżjoni tal-Kazakistan fid-WTO, li se tgħin sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat, u se tiffaċilita u tilliberalizza l-kummerċ, u tibgħat messaġġ ta’ kooperazzjoni u ftuħ; jenfasizza li bl-adeżjoni, il-kazakistan għandu l-obbligu li jikkonforma mar-regoli kollha tad-WTO, fosthom li jelimina miżuri protezzjonisti;

13. Jesprimi r-rabja tiegħu dwar il-fatt li mexxejja tal-oppożizzjoni u ġurnalisti ilhom miżmuma l-ħabs sa minn Jannar 2012, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan iwaqqfu t-trażżin tal-oppożizzjoni u tal-midja indipendenti fil-pajjiż, u jeħilsu lill-persuni kollha li ntbagħtu l-ħabs għal raġunijiet politiċi, inkluż il-mexxej tal-partit Alga, Vladimir Kozlov, l-editur kap tal-gazzetta Vzglyad, Igor Vinyavskiy, u l-avukat tal-ħaddiema tas-settur taż-żejt li qed jistrajkjaw, Natalia Sokolova, kif ukoll il-persuni kollha msemmija f'dikjarazzjonijiet reċenti tal-UE fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE li għadhom detenuti; jitlob li s-Sur Kozlov jingħata aċċess għall-familja immedjata tiegħu, inkluża martu, u għal valutazzjoni indipendenti tal-kundizzjoni medika tiegħu;

14. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan itejbu fis ir-rispett għal-libertajiet tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tar-reliġjon, skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rappreżentanti u tal-korpi tal-OSKE, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-impenji internazzjonali meħuda mill-Kazakistan, kif ukoll lill-wegħdiet li saru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni biex il-Kazakistan jingħata l-Presidenza tal-OSKE fl-2010; jiġbed l-attenzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem imħejji sew li ġie adottat fl-2009, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kazakistan jimplimentawh bis-sħiħ;

15. Jinsab konvint li l-awtoritajiet u s-soċjetà tal-Kazakistan jibbenefikaw bil-kbir jekk tittieħed azzjoni bħal din, anke f'termini ta' stabbiltà u sigurtà u ritorn l-iżvilupp stabbli ta’ qabel fil-pożizzjoni internazzjonali tal-pajjiż;

16. Jenfasizza l-importanza ta’ djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-awtoritajiet tal-Kazakistan fejn il-kwistjonijiet kollha jistgħu jiġu indirizzati b’mod miftuħ; jitlob li jissaħħu dawn id-djalogi sabiex isiru iktar effettivi u orjentati lejn il-kisba tar-riżultati u   sabiex jiġi permess l-involviment ta’ atturi tas-soċjetà ċivili;

17. Jistieden lill-UE, u b’mod partikolari lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tissorvelja l-iżviluppi mill-qrib, tqajjem il-kwistjonijiet kollha li joħolqu tħassib mal-awtoritajiet tal-Kazakistan, toffri assistenza u tirrapporta regolarment lill-Parlament;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Kazakistan u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

 

(1)

P7_TA-PROV(2011)0588

(2)

P7_TA-PROV(2012)0058

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2012Avviż legali