Proċedura : 2007/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0167/2007

Testi mressqa :

B6-0167/2007

Dibattiti :

PV 25/04/2007 - 17
CRE 25/04/2007 - 17

Votazzjonijiet :

PV 26/04/2007 - 8.11
CRE 26/04/2007 - 8.11

Testi adottati :

P6_TA(2007)0167

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 112kDOC 66k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0167/2007
23 t'April 2007
PE 389.433v01-00
 
B6‑0167/2007
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Sophia in ‘t Veld, Alexander Alvaro, Sarah Ludford u Jeanine Hennis-Plasschaert
f'isem il-Grupp ALDE
dwar l-omofobija fl-Ewropa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omofobija fl-Ewropa 
B6‑0167/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, fosthom notevolment il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u biex jipprovdu mezzi Ewropej għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, speċjalment l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali u l-omofobija, b’mod partikulari d-Direttiva 2000/78/KE dwar l-antidiskriminazzjoni li twaqqaf qafas ġenerali għat-trattament indaqs fl-impjieg u x-xogħol u s-Sena għall-Opportunitajiet Indaqs 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki dwar l-antidiskriminazzjoni, u notevolment ir-riżoluzzjonijiet dwar l-omofobija fl-Ewropa, kif ukoll dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament Ewropew innota proliferazzjoni ta' diskors ta' mibegħda kontra l-komunità LGBT f’numru ta’ pajjiżi inklużi l-Belġju, ir-Russja, il-Latvja u l-Kroazja,

B.  billi l-omosesswali huma attakkati regolarment minn mexxejja reliġjużi b’diskors diskriminatorju, bħal dak ta' l-Isqof ta' Namur li fl-4 ta' April ta' din is-sena ddeskriva l-omosesswalità bħala “anornali” u ddikjara li l-“omosesswalità hija stadju tas-sesswalità tal-bniedem żviluppat b’mod imperfett”, jew dak tal-Kap tal-Konferenza ta’ l-Isqfijiet Taljani, li qabbel abbozz ta’ liġi biex jingħataw drittijiet limitati lil koppji ta’ l-istess sess ma’ li jkunu permessi l-inċest u l-pedofilija,

C.  billi din ir-riżoluzzjoni, bħar-riżoluzzjoni dwar l-omofobija fl-Ewropa, saret minħabba dawn l-avvenimenti u diversi avvenimenti inkwetanti oħra, bħall-projbizzjoni imposta minn awtoritajiet lokali biex isiru dimostrazzjonijiet ta' ugwaljanza u ta' l-omosesswali, l-użu minn politiċi importanti u minn mexxejja reliġjużi ta' kliem xewwiexi jew ta' theddid jew ta' diskors ta' mibegħda, in-nuqqas tal-pulizija li jagħtu protezzjoni xierqa kontra dimostrazzjonijiet vjolenti minn gruppi omofobiċi, filwaqt li jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi wkoll,

D.  billi dimostrazzjonijiet ta’ l-ugwaljanza u avvenimenti ta’ l-omosesswali huma ppjanati madwar l-Ewropa u d-dinja fix-xhur li ġejjin, filwaqt li hemm il-possibiltà ta’ vjolenza fiżika kontra parteċipanti u organizzaturi, minkejja d-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-assemblea, kif imsemmi inter alia mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa,

E.  billi l-Parlament Ewropew talab kemm-il darba biex jitlesta l-pakkett leġiżlattiv kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat KE, u jitlob lill-Kummissjoni regolarment biex tniedi direttiva li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali fit-taqsimiet kollha,

F.  billi l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa, diġà esprima l-preokkupazzjoni serja tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa u notevolment fil-Polonja, filwaqt li jikkundanna d-dikjarazzjonijiet ta’ tixwix għall-vjolenza mill-mexxejja tal-Partit tal-Lega tal-Familji Pollakki u notevolment mill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni,

G.  billi f’Marzu l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni tal-Gvern Pollakk ħabbar abbozz ta’ liġi li tikkastiga l-‘propaganda omosesswali’ fl-iskejjel, u wera l-kontenut ta’ tali abbozz ta’ liġi li kellha ddaħħal it-tkeċċija, il-multi jew il-ħabs għad-diretturi, l-għalliema u l-istudenti ta’ l-iskejjel, fil-każ ta’ ‘attiviżmu’ għad-drittijiet ta’ l-LGBT fl-iskejjel,

H.  billi l-Viċi Ministru għall-Edukazzjoni tal-Gvern Pollakk ikkonferma li l-amministrazzjoni qed tfassal liġi bħal din u ddikjara li ‘l-għalliema li juru l-omosesswalità tagħhom jitkeċċew mix-xogħol’,

I.  billi l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni tal-Gvern Pollakk esprima x-xewqa li jippromwovi l-adozzjoni ta’ liġijiet simili fil-livell Ewropew,

J.  billi l-leġiżlazzjoni proposta kellha l-appoġġ tal-Prim Ministru tal-Gvern Pollakk, li ddikjara li ‘huwa żżejjed li jkun promoss fl-iskejjel stil ta’ ħajja omosesswali għaż-żgħażagħ bħala alternattiva għall-ħajja normali, u li dan it-tip ta’ inizjattivi fl-iskejjel għandhom jitwaqqfu’,

K.  billi l-Ombudsman Pollakk għat-Tfal stqarret li qiegħda tħejji lista ta' xogħlijiet li l-omosesswali m'humiex adattati għalihom,

L.  billi l-President tar-Repubblika Pollakka ddikjara fl-20 ta’ Frar, waqt żjara fl-Irlanda, li ‘jekk dak it-tip ta' approċċ għall-ħajja sesswali kellu jkun promoss fuq skala kbira, ir-razza umana tisparixxi’,

M.  billi l-implimentazzjoni tas-‘Sena għall-Opportunitajiet Indaqs 2007’ ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Polonja qed tkun posposta ħafna drabi minħabba l-indeċiżjoni tal-Gvern Pollakk u ta’ l-amministrazzjoni Pollakka dwar il-proġetti li għandhom ikunu promossi, li fosthom hemm dawk proposti mill-organizzazzjonijiet LGBT, li fil-verità twassal għall-imblukkar ta’ dan il-proġett fil-Polonja,

N.  billi f’Ġunju 2006 l-uffiċċju tal-Prosekutur ta’ l-Istat ordna kontrolli fuq l-iffinanzjar ta’ organizzazzjonijiet LGBT b’rabta ma’ ‘movimenti kriminali’, kif ukoll dwar il-preżenza tagħhom fl-iskejjel, sabiex jinstabu traċċi ta’ attivitajiet kriminali, mingħajr ebda riżultat,

O.  billi fit-8 ta’ Ġunju 2006 l-Gvern Pollakk keċċa l-kap taċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Għalliema u pprojbixxa t-tqassim ta’ manwal uffiċjali dwar l-antidiskriminazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, u billi l-kap il-ġdid taċ-Ċentru ddikjara fid-9 ta’ Ottubru 2006 li ‘tendenzi mhux xierqa m’għandhomx ikunu preżenti fl-iskejjel, għaliex l-objettiv ta’ l-iskola huwa li tkun spjegata d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, is-sabiħ u l-ikrah (...) l-iskola għandha tispjega li prattiki omosesswali jwasslu għat-traġedja, għal sens ta’ vojt u għad-deġenerazzjoni’,

P.  billi l-Gvern Pollakk ma ppermettiex ukoll l-iffinanzjar ta’ proġetti sponserjati minn organizzazzjonijiet LGBT fil-qafas tal-Programm Ewropew għaż-Żgħażagħ, u wera din id-deċiżjoni f’ittra lil dawk l-organizzazzjonijiet billi ddikjara li ‘l-politika tal-Ministeru ma tappoġġjax azzjonijiet bil-għan li tinxtered imġiba omosesswali u attitudnijiet simili fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, l-irwol tal-Ministeru m'huwiex li jappoġġja l-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet omosesswali’,

Q.  billi f’Diċembru 2006 l-Kummissjoni Ewropea, fi tweġiba għal mistoqsijiet parlamentari magħmula dwar din il-kwistjoni, iddikjarat li l-Gvern Pollakk eżerċita preġudizzju nazzjonali u uża l-Programm Ewropew għaż-Żgħażagħ għal għanijiet nazzjonali, u ħeġġet lil uffiċjali u lil organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm biex fil-ġejjieni jiżguraw id-dħul indaqs fil-programm għaż-żgħażagħ kollha,

R.  billi Terry Davis, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, irreaġixxa għal dawn l-avvenimenti billi ddikjara li ‘l-Gvern Pollakk huwa liberu li jiddeċiedi jekk jixtieqx juża materjal tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, iżda jekk il-materjal għat-tagħlim huwa għażla, il-valuri u l-prinċipji f’dan il-materjal żgur li m’humiex’ u esprima tħassib dwar ‘ċerti politiki li jippromwovu l-omofobija (...) u li imġiba omofobika qed tkun aċċettata mill-gvern’,

S.  billi jidhru wkoll numru ta’ żviluppi pożittivi, bħad-dimostrazzjoni omosesswali li rnexxiet f’Varsavja f’Ġunju 2006, id-dimostrazzjoni massiva għat-tolleranza u d-demokrazija f’Varsavja f’Novembru 2006, wara l-projbizzjoni ta’ dimostrazzjoni għat-tolleranza f’Poznan u l-fatt li dimostrazzjonijiet omosesswali m’humiex ipprojbiti aktar b’mod sistematiku,

T.  billi l-Parlament Ewropew inkariga liċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għar-Razziżmu u l-Ksenofobija biex imexxi inkjesta dwar l-ambjent ta' intolleranza razzista, ksenofobika u omofobika fil-Polonja, u talab lill-Kummissjoni biex tivverifika jekk l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk humiex konsistenti ma’ l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, filwaqt li jfakkar is-sanzjonijiet imposti minħabba l-ksur ta’ l-Artikolu, liema talba ma ntlaqgħatx,

1.  Jenfasizza li qabel kollox l-Unjoni Ewropea hija komunità ta’ valuri, fejn ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni huma fost il-valuri l-aktar għeżież tagħha;

2.  Jafferma li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ta’ l-UE għandhom dmir jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jkunu rispettati, imħarsa u promossi, kif stipulat mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, mill-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mid-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE;

3.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ l-orjentament sesswali fit-taqsimiet kollha tkun ipprojbita billi jitlesta l-pakkett leġiżlattiv kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat, mingħajr liema pakkett il-lesbjani, l-omosesswali, il-bisesswali u individwi oħrajn li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jibqgħu bir-riskju ta’ diskriminazzjoni; jitlob dekriminilizzazzjoni dinjija ta’ l-omosesswalità;

4.  Se jfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija fis-17 ta’ Mejju ta’ kull sena;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħaġġel ir-reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-antidiskriminazzjoni u biex ittellla’ l-Istati Membri l-qorti fil-każ ta’ ksur ta’ obbligi ta’ l-UE;

6.  Ifakkar lill-Istati Membri kollha li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qatgħet sentenza li l-projbizzjoni ta’ dimostrazzjonijiet ta’ l-ugwaljanza u ta’ l-omosesswali kif ukoll in-nuqqas ta' protezzjoni xierqa għal min qed jieħu sehem huma ksur tal-libertà ta’ l-espressjoni, ta’ l-assemblea u tad-dimostrazzjoni, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti kollha, b’mod partikulari, lill-awtoritajiet lokali, biex jawtorizzaw tali dimostrazzjonijiet u jipproteġu lill-parteċipanti kif suppost;

7.  Jikkundanna r-rimarki diskriminatorji minn mexxejja politiċi u reliġjużi kontra l-omosesswali, peress li jżidu l-mibegħda u l-vjolenza, u jitlob li l-ġerarkiji ta' l-organizzazzjonijiet rispettivi jikkundannawhom;

8.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jipproponu leġiżlazzjoni biex tingħeleb d-diskriminazzjoni li jgħixu ta’ kuljum koppji ta’ l-istess sess, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel proposti biex ikun żgurat li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jkun applikat ukoll f’dan il-qasam, sabiex ikun żgurat il-moviment ħieles tal-persuni kollha fl-UE mingħajr diskriminazzjoni;

9.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu għal attivisti tad-drittijiet fundamentali u għal difensuri tad-drittijiet indaqs għall-persuni omosesswali;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki biex iżommu lura milli jipproponu jew jadottaw liġi kif deskritta mill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk u milli jimplimentaw miżuri ta’ intimidazzjoni kontra organizzazzjonijiet LGBT;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki biex jikkundannaw pubblikament u jieħdu miżuri kontra dikjarazzjonijiet minn mexxejja pubbliċi li jinċitaw id-diskriminazzjoni u l-mibegħda bbażati fuq l-orjentament sesswali; jemmen li kwalunkwe imġiba oħra tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat UE;

12.  Jitlob lill-awtoritajiet Pollakki biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tas-Sena għall-Opportunitajiet Indaqs 2007, u jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-implimentazzjoni tas-Sena għall-Opportunitajiet Indaqs 2007, biex tiżgura li jiġu indirizzati r-raġunijiet kollha għad-diskriminazzjoni fl-Istati Membri, biex twaqqaf il-proġetti fil-każ li dan ma jseħħx u biex tirrapporta lill-PE dwar is-sitwazzjoni fi żmien xahar;

13.  Bi ħsiebu jibgħat delegazzjoni l-Polonja fuq missjoni biex ikunu magħrufa l-fatti, bil-għan li jkollu stampa ċara tas-sitwazzjoni u jibda djalogu mal-partijiet konċernati kollha;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, lill-pajjiżi ta’ adeżjoni u lill-pajjiżi kandidati, u lill-Kunsill ta’ l-Ewropa.

Aġġornata l-aħħar: 24 t'April 2007Avviż legali