biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Monica Frassoni, Kathalijne Maria Buitenweg u Raül Romeva i Rueda,
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Giusto Catania, Mary Lou McDonald, Eva-Britt Svensson, Miguel Portas, Gabriele Zimmer, Vittorio Agnoletto u André Brie
f’isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-omofobija fl-Ewropa
ABBOZZ ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Omofobija fl-Ewropa
B6‑0171/2007
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, notevolment il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu mezzi Ewropej għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u kontra l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali u l-omofobija, b’mod partikulari d-Direttiva 2000/78.KE dwar l-antidiskriminazzjoni li twaqqaf qafas ġenerali għat-trattament indaqs fl-impjieg u x-xogħol u s-Sena ta’ l-Opportunitajiet Indaqs 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki dwar l-antidiskriminazzjoni, u notevolment dawk -dwar l-omofobija fl-Ewropa, kif ukoll dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.
billi f’Marzu l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni tal-Gvern Pollakk ħabbar abbozz ta’ liġi li tikkastiga l-“propaganda omosesswali” fl-iskejjel, u wera l-kontenut ta’ tali abbozz ta’ liġi li għandha ddaħħal it-tkeċċija, il-multi jew il-ħabs għal diretturi, għalliema u studenti ta’ skejjel, f’każijiet ta’ “attiviżmu” għad-drittijiet tal-GLBT fl-iskejjel;
B.
billi l-Viċi Prim Ministru għall-Edukazzjoni tal-Gvern Pollakk ikkonferma li l-amministrazzjoni qed tfassal liġi bħal din u ddikjara li "għalliema li jikxfu l-omosesswalità tagħhom jitkeċċew mix-xogħol”;
C.
billi l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni tal-Gvern Pollakk esprima x-xewqa li jippromwovi l-adozzjoni ta’ liġijiet simili fil-livell Ewropew;
D.
billi l-leġiżlazzjoni proposta kellha l-appoġġ tal-Prim Ministru Pollakk li ddikjara li “huwa żżejjed li jkun promoss stil ta’ ħajja omosesswali maż-żgħażagħ fl-iskejjel bħala alternattiva għall-ħajja normali, u li dawn it-tipi ta’ inizjattivi fl-iskejjel għandhom jitwaqqfu”;
E.
billi diversi membri tal-Gvern irreaġixxew b’modi differenti u b’hekk ħallewha diffiċli li wieħed jara jekk il-leġiżlazzjoni hix fil-fatt se tiġi proposta;
F.
billi, madanakollu, il-proposti minn politikanti prominenti jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti għall-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tad-diskriminazzjoni mill-pubbliku ġenerali;
G.
billi l-Ombudsman Pollakk għat-Tfal stqarret li qed tħejji lista ta' xogħlijiet li għalihom l-omosesswali m'humiex adattati;
H.
billi l-President tar-Repubblika Pollakka ddikjara fl-20 ta’ Frar, waqt żjara fl-Irlanda, li “jekk dak it-tip ta' approċċ għall-ħajja sesswali kellu jkun promoss fuq skala kbira, ir-razza umana tisparixxi";
I.
billi l-implimentazzjoni tas-“Sena ta’ l-Opportunitajiet Indaqs 2007” ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Polonja qed tiġi posposta serjament peress li l-gvern u l-amministrazzjoni Pollakki għadhom ma ddeċidewx dwar il-proġetti li għandhom kunu promossi, li fosthom hemm dawk proposti mill-organizzazzjonijiet LGBT, li fil-verità jammonta għall-imblukkar ta’ dan il-proġett fil-Polonja;
J.
billi f’Ġunju 2006 l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ l-Istat ordna li ssir inkjesta dwar l-iffinanzjar ta’ organizzazzjonijiet LGBT bil-ħsieb li jkunu identifikati rabtiet potenzjali ma’ “movimenti kriminali” kif ukoll il-preżenza tagħhom fl-iskejjel, u sabiex jinstabu traċċi ta’ attivitajiet kriminali, mingħajr riżultat;
K.
billi fit-8 ta’ Ġunju 2006 il-Gvern Pollakk keċċa mix-xogħol lill-kap taċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ l-Għalliema u pprojbixxa t-tqassim ta’ manwal uffiċċjali ta’ kontra d-diskriminazzjoni maħruġ mill-Kunsill ta’ l-Ewropa, u billi l-kap il-ġdid taċ-Ċentru stqarr fid-9 ta’ Ottubru 2006 li “mudelli mhux xierqa m’għandhomx ikunu ppreżentati fl-iskejjel, għax l-objettiv ta’ l-iskola huwa li tispjega d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, is-sbuħija u l-kruha (...) l-iskola trid tispjega li l-prattiki omosesswali jwasslu għal esperjenza drammatika, vojt u deġenerazzjoni”;
L.
billi l-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa, diġà esprima t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa u notevolment fil-Polonja, filwaqt li jikkundanna d-dikjarazzjonijiet ta’ tixwix għall-mibegħda u għall-vjolenza mill-mexxejja tal-Partit tal-Lega tal-Familji Pollakki u notevolment dawk tal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Edukazzjoni;
M.
billi l-Gvern Pollakk ma ppermettiex ukoll l-iffinanzjar ta’ proġetti sponserjati minn organizzazzjonijiet LGBT fil-qafas tal-Programm Ewropew għaż-Żgħażagħ, u wera din id-deċiżjoni f’ittra lil dawk l-organizzazzjonijiet billi ddikjara li "l-politika tal-Ministeru ma tappoġġjax azzjonijiet li għandhom il-għan li jxerrdu imġiba omosesswali u attitudni simili fost iż-żgħażagħ; Barra minn hekk, l-irwol tal-Ministeru m'huwiex li jappoġġja l-koperazzjoni ta' organizzazzjonijiet omosesswali";
N.
billi f’Diċembru 2006 l-Kummissjoni Ewropea, fi tweġiba għall-Mistoqsijiet Parlamentari magħmula dwar din il-kwistjoni ddikjarat li l-Gvern Pollakk eżerċita preġudizzju nazzjonali u uża l-Programm Ewropew għaż-Żgħażagħ għal finijiet nazzjonali u ħeġġet lill-uffiċjali u lill-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm biex fil-ġejjieni jiżguraw id-dħul indaqs taż-żgħażagħ kollha fil-programm;
O.
billi Terry Davis, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, irreaġixxa għal dawn il-ġrajjiet billi ddikjara li “l-Gvern Pollakk huwa liberu li jiddeċiedi jekk jixtieqx juża materjal tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, iżda jekk il-materjal għat-tagħlim jista’ jintgħażel, il-valuri u l-prinċipji li jinsabu f’dan il-materjal żgur li ma jistgħux jintgħażlu" u esprima tħassib dwar “xi politiki li jippromwovu l-omofobija (...) u mġiba omofobika li qed tkun aċċettata mill-Gvern";
P.
billi l-Parlament Ewropew inkariga liċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għar-Razziżmu u l-Ksenofobija biex imexxi inkjesta dwar il-klima ta' intolleranza razzista, ksenofobika u omofobika li qed titfaċċa fil-Polonja, u talab lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk humiex konsistenti ma’ l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, filwaqt li jfakkar fis-sanzjonijiet mogħtija għall-ksur ta’ l-Artikolu, talbiet li għadhom ma ġewx issodisfati;
Q.
billi l-Parlament Ewropew immonitorja proliferazzjoni ta' diskors ta' mibegħda mmirat għall-komunità LGBT f’numru ta’ pajjiżi inklużi l-Belġju, ir-Russja, il-Latvja u l-Kroazja;
R.
billi l-omosesswali huma regolarment il-mira ta’ mexxejja reliġjużi madwar l-Ewropa kollha b’diskors diskriminatorju, bħal dawk ta' l-Isqof ta' Namur li fl-4 ta' April ta' din is-senaddeskriva l-omosesswalità bħala “anormali” u ddikjara li “l-omosesswalità hija stadju tas-sesswalità tal-bniedem żviluppat b’mod imperfett”, jew dawk tal-Kap tal-Konferenza ta’ l-Isqfijiet Taljani li qabbel abbozz ta’ liġi biex jingħataw drittijiet limitati lill-koppji ta’ l-istess sess ma’ li jkunu permessi l-inċest u l-pedofilija;
S.
billi din ir-Riżoluzzjoni, bħar-Riżoluzzjoni dwar l-omofobija fl-Ewropa, inħolqot minħabba dawn l-avvenimenti u minħabba sensiliet oħra ta’ ġrajjiet inkwetanti, bħal m’huma l-projbizzjoni imposta minn awtoritajiet lokali fuq li jsiru marċijiet ta' l-ugwaljanza u dimostrazzjonijiet ta' l-omosesswali, l-użu ta' kliem xewwiexi jew ta' theddid jew ta' diskors ta' mibegħda minn politikanti prominenti u minn mexxejja reliġjużi , in-nuqqas tal-pulizija li jagħtu ħarsien adegwat jew kontra dimostrazzjonijiet vjolenti minn gruppi omofobiċi, saħansitra anke filwaqt li jkunu jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi;
T.
billi dimostrazzjonijiet ta’ l-ugwaljanza u ta’ l-omosesswali huma ppjanati madwar l-Ewropa kollha u fid-dinja fix-xhur li ġejjin, bil-possibilità li parteċipanti u organizzaturi jiffaċċjaw vjolenza fiżika mmirata kontrihom, minkejja d-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ta’ l-espressjoni u li jiltaqgħu, kif imfakkar inter alia mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta’ l-Ewropa;
U.
billi diversi bliet f’pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u ta’ l-Ewropa tal-Lvant bħal m’huma l-Moldova u r-Russja diġà taw sinjal ta’ l-intenzjoni tagħhom li jipprojbixxu avvenimenti bħal dawn jew diġà ħadu azzjoni skond din l-intenzjoni;
V.
billi fil-Moldova projbizzjoni bħal din ħarġet b’digriet minkejja ordni tal-Qorti li ddeċidiet li projbizzjonijiet bħal dawn huma vjolazzjoni tal-liġi tal-Moldova u ta’ dik internazzjonali;
W.
billi l-midja Taljana jirrapurtaw li żagħżugħ vittma ta' l-omofobija kkommetta suwiċidju minħabba l-ibbulljar li ffaċċja, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Renju Unit urew li hemm żieda fil-każijiet ta’ bbuljar omofobiku;
X.
billi l-Parlament Ewrpew talab ripetutament li jitlesta l-pakkett leġiżlattiv ta’ kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, u regolarment talab lill-Kummissjoni toħroġ direttiva li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali fis-setturi kollha;
1.
Jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox l-Unjoni Ewropea hija komunità ta’ valuri, bir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni fost il-valuri l-aktar għeżież tagħha;
2.
Jafferma li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ta’ l-UE għandhom dmir li jiżguraw li fl-Unjoni Ewropea d-drittijiet tal-bniedem ikunu rrispettati, imħarsa u promossi, kif inhu pprovdut mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, mill-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, mill-Artikolu 6 tat-Trattat UE u mid-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE;
3.
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki jżommu lura milli jipproponu jew jadottaw liġi kif deskritta mill-Viċi President u Ministru għall-Edukazzjoni Pollakk, jew milli jimplimentaw miżuri ta’ intimidazzjoni kontra organizzazzjonijiet LGBT;
4.
Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Pollakki jikkundannaw pubblikament u jieħdu passi kontra dikjarazzjonijiet magħmula minn mexxejja pubbliċi li jinċitaw id-diskriminazzjoni u l-mibegħda bbażati fuq l-orjentament sesswali; jemmen li kull imġiba oħra tkun tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat UE;
5.
Jitlob lill-awtoritajiet Pollakki jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tas-Sena ta’ l-Opportunitajiet Indaqs 2007, u jitlob lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tas-Sena ta’ l-Opportunitajiet Indaqs 2007, biex tiżgura li jiġu indirizzati r-raġunijiet kollha għad-diskriminazzjoni fl-Istati Membri u biex tirrapporta lill-PE dwar is-sitwazzjoni fi żmien xahar; jistaqsi lill-Kummissjoni jekk in-non-konformità mar-regoli ta’ l-UE jistax ikollha konsegwenzi finanzjarji għall-proġetti;
6.
Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ l-orjentament sesswali fis-setturi kollha tkun ipprojbita billi jitlesta l-pakkett ta’ kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 13 tat-Trattat, mingħajr liema pakkett il-lesbjani, l-omosesswali, il-bisesswali kif ukoll individwi oħra li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jibqgħu jġarrbu r-riskju tad-diskriminazzjoni;
7.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tgħaġġel ir-reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-direttivi ta’ kontra d-diskriminazzjoni u ttella’ lill-Istati Membri l-Qorti fil-każ ta’ ksur ta’ l-obbligi ta’ l-UE;
Ifakkar lill-Istati Membri kollha li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat is-sentenza li l-projbizzjoni ta’ marċijiet ta’ l-ugwaljanza u ta’ l-omosesswali, kif ukoll in-nuqqas ta' l-awtoritajiet li jipprovdu ħarsien xieraq għal dawk li jieħdu sehem fihom, huma ksur tal-libertà ta’ l-espressjoni, ta’ l-assemblea u tad-dimostrazzjoni, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti kollha, b’mod partikolari lill-awtoritajiet lokali, jawtorizzaw marċijiet bħal dawn u jipproteġu lill-parteċipanti kif suppost;
8.
Jikkundanna r-rimarki diskriminatorji magħmula minn mexxejja politiċi u reliġjużi mmirati lejn l-omosesswali, peress li jħeġġu l-mibegħda u l-vjolenza, u jitlob lill-ġerarkiji ta' l-organizzazzjonijiet rispettivi jikkundannawhom;
9.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, tal-pajjiżi li se jaderixxu u ta’ dawk kandidati u lill-Kunsill ta’ l-Ewropa.