imressqa skond l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
mill- Kumitat għall-Baġit
dwar l-iffinanzjar tal-programm Ewropew ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (Galileo) fi ħdan il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u l-programm ta' qafas finanzjarju plurijennali 2007-2013 (C6‑0000)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar abozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 u l-programm ta' qafas plurijennali 2007-2013 u dwar l-iffinanzjar tal-programm Ewropew għar-radjunavigazzjoni bis-satellita (Galileo) (C6‑0000)
B6‑0238/07
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2004)0477/2),
–
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-fażi operazzjonali tal-bidu (deployment) u dik kummerċjali tal-programm Ewropew tar-radjunavigazzjoni permezz tas-satellita (P6_TA(2005) 0313),
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 April 2007 (P6_TA (2007)0164) dwar in-negozjati ta' kuntratti ta' konċessjonijiet,
–
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ((COM (2007)261) 'Galileo f'salib it-toroq: l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej tal-GNSS',
–
wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1.
Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li l-qafas finanzjarju plurijennali fih ammont ta' madwar biljun euro previst għall-ispiża operazzjonali ta' Galileo għall-perjodu 2007-2013 u li l-ammont ta' r-referenza finanzjarju fi ħdan il-proposta emendata għal Regolament dwar l-implimentazzjoni tal-fażi operazzjonali tal-bidu u dik ta' kummerċjalizzazzjoni tal-programm Ewropew ta' radjunavigazzjoni bis-satellita huwa ta' EUR 1.005 fi prezzijiet attwali;
2.
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità li l-finanzi addizzjonali meħtieġa sabiex jimtela' l-vojt wara l-falliment tas-Sħubija Pubblika-Privata (PPP) jista' jsir qbil dwaru fuq livell intergovernattiv;
3.
Ser jopponi kull soluzzjoni li tikkumbina l-iffinanzjar Komunitarju ma' l-iffinanzjar intergovernattiv addizzjonali;
4.
Jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta riveduta għal regolament għall-iffinanzjar tal-Programm Galileo, li jrid ikun hemm qbil dwarha mill-Parlament u mill-Kunsill f'kodeċiżjoni;
5.
Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm Galileo li għandu valur miżjud Ewropew kbir, u jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkomplija tal-programm taħt ir-responsabilità ta' l-Unjoni Ewropea;
6.
Iqis li taħt dawn iċ-ċirkustanzi l-programm Galileo għandu jkun iffinanzjat kompletament mill-baġit ta' l-Unjoni;
7.
Huwa ta' l-opinjoni li jekk is-settur pubbliku jerfa' l-iffinanzjar kollu tal-proġett, kif ukoll jieħu xi ftit mir-riskji u l-obbligazzjonijiet jew jeħodhom kollha, dan il-fattur għandu jitqies f'kuntratt dwar il-konċessjoni rivedut fil-futur speċjalment fir-rigward tal-mekkaniżmu ta' rimborż ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u l-prezz tas-servizzi;
8.
Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizzjattiva li tipproponi reviżjoni tal-qafas finanzjarju kif previst fil-punt 22 tat-IIA jew b'mezzi oħrajn previsti minn IIA;
9.
Jistieden lill-Kunsill sabiex jiftaħ negozjati mal-Parlament hekk kif il-Kummissjoni tippreżenta l-proposta;
10.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.