Proċedura : 2007/2560(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0268/2007

Testi mressqa :

B6-0268/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 14
CRE 11/07/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.10

Testi adottati :

P6_TA(2007)0350

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 108kDOC 57k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0268/2007
4 ta' Lulju 2007
PE 391.147v01-00
 
B6‑0268/2007
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Joseph Daul, João de Deus Pinheiro, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Vito Bonsignore, Charles Tannock, Elmar Brok, Antonio Tajani, Bogdan Klich, Jana Hybášková, Tokia Saïfi, Robert Atkins, Gunnar Hökmark, Michael Gahler u Patrick Gaubert
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani 
B6‑0268/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-reżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-Reżoluzzjonijiet tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 242, 338, 1373 u 1397,

–  wara li kkunsidra l-"Pjan Direzzjonali għall-Paċi" tal-Kwartett tat-30 ta' April 2003,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta’ Viċinanza bejn l-UE u l-Iżrael u bejn l-UE u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kwartett tas-27 u tas-16 ta' Ġunju u tat-30 ta’ Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-18 ta' Ġunju tal-Presidenza ta' l-UE dwar is-sitwazzjoni fit-territorju Palestinjan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  wara li kkunsidra ż-żieda fil-vjolenza tal-fazzjonijiet fil-Gaża matul l-aħħar xhur, minkejja d-dħul fis-seħħ ta' waqfien mill-ġlied ġdid, li kkaġunat iktar minn mitt mewt u rriżultat f'li l-Al Fatah iddeċiedew b'mod unilaterali li jirtiraw mill-Gvern Nazzjonali Palestinjan ta' Unità u f'li l-President Abbas iddeċieda li jxolji l-kabinett u jifforma gvern ġdid mingħajr rappreżentanti tal-Ħamas,

B.  billi l-popolazzjoni li tgħix fit-Territorju Palestinjan qed tiffaċċja kriżi ta’ proporzjonijiet mingħajr preċedenti, f’dak li jikkonċerna l-faqar, il-qagħad, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà u l-libertà tal-moviment,

C.  billi, bħala riżultat tal-ġlied bejn il-grupp Iżlamiku Fatah al Islam u l-armata Lebaniża lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Tripoli, aktar minn 12,000 refuġjat dan l-aħħar ħarbu mill-kamp Nahr el Bared u, sussegwentament, mill-kamp tar-refuġjati Ain al Hilweh, bil-biċċa l-kbira minnhom issa jgħixu f'kamp tar-refuġjati ieħor f'Beddawi, fejn ħafna binjiet pubbliċi ġew provduti wkoll mill-awtoritajiet Lebaniżi u refuġjati oħra ntlaqgħu mill-popolazzjoni lokali, u filwaqt li madwar 15,000 refuġjat għadhom maqbudin fil-ġlied f'Nahr al Bared;

D.  billi r-Riżoluzzjoni Nru 1757 tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-NU twaqqaf qorti speċjali biex tinvestiga l-qtil tal-Prim Ministru Rafiq Hariri u qtil politiċi oħra fil-Libanu,

1.  Jikkundanna l-attakki multipli ta' missili Qassam sparati mingħajr diskriminazzjoni lejn it-territorju Iżraeljan mill-Medda ta’ Gaża u jistieden lill-Gvern Palestinjan, kif ukoll lill-mexxejja Palestinjani kollha, sabiex jagħmlu l-aħjar tagħhom biex itemmu dawn l-attakki, li fil-biċċa l-kbira tagħhom jkollhom iċ-ċivili fil-mira; jikkundanna l-vjolenza maħluqa mill-milizzji illegali tal-Ħamas fil-Medda ta' Gaża u l-qtil ta' ċivili innoċenti u membri tal-forza ta' sigurtà mwaqqfa legalment; jikkundanna bil-qawwi proċedimenti politiċi mibdija mill-Ħamas li jispiċċaw fi prosekuzzjonijiet brutali ta' dissidenti politiċi;

2.  Jesprimi l-fehim u l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni straordinarja tal-President Abbas, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi serji, u jirrikonoxxi l-bżonn għal, u l-leġittimità ta', dawn id-deċiżjonijiet li jittieħdu b'osservanza sħiħa tal-liġi Palestinjana u wkoll li jkollhom l-għan li jappoġġjaw l-istituzzjonijiet leġittimi Palestinjani l-oħra;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-effetti negattivi fil-forma ta' deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni umanitarja, ekonomika u finanzjarja fix-Xatt tal-Punent u fil-Gaża, u jitlob lin-naħat kollha biex jiffaċilitaw u jippremettu għajnuna umanitarja ta' emerġenza biex jintlaħqu nies li jgħixu fil-Medda ta' Gaża; jitlob lill-UE biex tniedi l-ippjanar ta' operazzjoni eventwali ta' għajnuna umanitarja fil-Medda ta' Gaża;

4.  Jitlob lill-EU, lill-Kwartett u lill-komunità internazzjonali biex jirrikonoxxu li l-konċentrazzjoni tikber ta' armi, speċjalment fil-Medda ta' Gaża, hi sors ta' tensjoni u ta' sitwazzjoni ta' sigurtà li qed issir agħar b'mod gravi; jitlob lill-fazzjonijiet politiċi kollha, għalhekk, biex josservaw il-Ftehima ta' Cairo ta' l-20 ta' Marzu 2005 u biex jibdew il-proċess ta' diżarmament;

5.  Jitlob lill-Gvern Palestinjan biex jaħdem pubblikament taħt il-premessa espliċita tar-rikonoxximent tad-dritt ta' l-Iżrael li jeżisti fil-paċi u fis-sigurtà u b'osservanza sħiħa tad-dritt internazzjonali, fuq il-bażi tal-prinċipji tal-Kwartett, u jafferma mill-ġdid ir-rieda tiegħu li jappoġġja gvern li josserva dawn it-termini, sabiex l-għajnuna internazzjonali għall-poplu Palestinjan tkun tista' terġa' tinbeda mill-ġdid, filwaqt li jkun żgurat li l-Mekkaniżmu Temporanju Internazzjonali ma jiġix estiż għal ħafna iktar, meta jitqiesu n-nuqqasijiet tiegħu;

6.  Jitlob lill-UE biex tirrikonoxxi l-involviment inevitabbli ta' l-Eġittu fil-ġejjieni fir-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-Gaża;

7.  Jiddispjaċih li l-Ftehimiet ta' Mekka li ġew konklużi bejn il-Fatah u l-Ħamas fil-bidu ta' Frar 2007 ma kinux kapaċi jtemmu l-problemi Palestinjani distruttivi reċiprokament; jinkoraġġixxi t-tkomplija mill-ġdid tad-djologu bejn il-President ta' l-Awtorità Palestinjana u l-awtoritajiet Iżraeljani; jispera li djalogu bħal dan jiġi stabbilit ukoll mal-gvern il-ġdid, li għandu jimpenja ruħu li jirrispetta d-dritt internazzjonali u l-ftehimiet vinkolanti li ġew adottati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu pressjoni fuq il-Kwartett u fuq il-partiti biex jiżguraw li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt li tkun negozjata, komprensiva, ġusta u ta' paċi li ddum;

8.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li ma hemm l-ebda post fil-politika għal gruppi jew individwi li jkunu favur il-vjolenza, u jħeġġeġ lill-gruppi armati Palestinjani sabiex iżommu mal-waqfien mill-ostilitajiet;

9.  Jistieden lill-Gvern Iżraeljan biex jieqaf milli jwettaq aktar attakki mill-ajru; jitlob għall-ħelsien immedjat tal-ministri preċedenti Palestinjai u tal- Membri Parlamentari miżmuma fl-Iżrael; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni ta' l-Iżrael li jeħles 350 priġunier ta' l-Al Fatah;

10.  Jitlob lill-Gvern il-ġdid Palestinjan, b’koperazzjoni mal-President Abbas u mal-partijiet reġjonali, sabiex jiżguraw li s-sigurtà tkun infurzata u garantitabis-sħiħ u li jsir kull sforz biex ikun żgurat il-ħelsien tas-suldat Iżraeljan il-Kapural Shalit u tal-ġurnalista tal-BBC Alan Johnston;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju li titlob lill-UE biex terġa' tibda relazzjonijiet normali ma' l-Awtoritajiet Palestinjani immedjatament u, għal dan il-għan, biex tiżviluppa kundizzjonijiet għal assistenza prattika u finanzjarja urġenti, inkluż appoġġ finanzjarju dirett għall-gvern il-ġdid, kif ukoll biex tiżgura l-forniment ta' għajnuna ta' emerġenza u umanitarja lill-poplazzjoni tal-Gaża;

12.  Jaqbel li, fid-dawl ta’ aktar appoġġ reġjonali għall-Palestinjani, issir reviżjoni ta’ fejn għandha tiġi kkonċentrata aktar assistenza mid-donaturi, b'kunsiderazzjoni partikulari għall-programmi ta' infrastruttura u ta' żvilupp li jistgħu jtejbu b'mod dirett il-ħajja ta' kuljum tal-Palestinjani, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirrakkomandaw proposti konkreti dwar appoġġ internazzjonali speċifiku li jista' jkun utli f'dan l-istadju;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' l-Iżrael li d-dħul mit-taxxi indiretti jiġu trasferiti lill-Awtorità Palestinjana sabiex l-impenji għal salarji li għandhom jitħallsu lill-impjegati ta' l-Awtorità Palestinjana jkunu jistgħu jitħallsu;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Kwartett li jagħmel il-laqgħa tiegħu konġuntament fir-reġjun u jesprimi appoġġ għall-ħatra ta' l-ex-Prim Ministru Ingliż Tony Blair bħala rappreżentant tal-Kwartett;

15.  Jikkundanna bil-qawwi l-attakki terroristiċi li sofrew it-truppi Spanjoli tal-FINUL, minħabba liema sitt suldati nqatlu u oħrajn weġġgħu, u jitlob lill-awtoritajiet Lebaniżi biex jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex iwettqu investigazzjoni ċara u fil-pront sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

16.  Jilqa’ b'sodisfazzjon ir-reazzjoni fil-pront tal-Kummissjoni Ewropea, li ddeċidiet li talloka €370,000 biex jingħata appoġġ umanitarju lir-refuġjati Palestinjani fil-Libanu sabiex wieħed jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet vitali ta’ madwar 30,000 refuġjat Palestinjan, li diġa' huma affettwati minn kundizzjonijiet ta’ għajxien estremament diffiċli, u li issa sabu ruħhom maqbuda f'kunflitt li ma jikkonċernahomx; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt sabiex jirrispettaw l-obbligi tagħhom skond il-liġi umanitarja internazzjonali u, b’mod partikulari, biex jiffaċilitaw it-twassil ta’ l-għajnuna u l-evakwazzjoni ta’ ċivili innoċenti;

17.  Jilqa’ b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li twaqqaf qorti speċjali biex tinvestiga l-qtil ta’ l-ex-Prim Ministru Rafik Hariri u qtil ieħor fil-Libanu mmotivat mil-politika, iqis li dan l-iżvilupp se jikkostitwixxi messaġġ importanti mill-komunità internazzjonali li jindika li attakki u qtil b'motivazzjoni politika li jsiru fil-Libanu mhux se jibqgħu mingħajr kastig; jitlob lill-pajjiżi kollha, kif ukoll lid-diversi partiti tal-Libanu, sabiex jgħinu biex il-qorti speċjali titwaqqaf kemm jista’ jkun u sabiex jikkooperaw magħha mingħajr restrizzjonijiet;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Gvern ta’ l-Iżrael, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Istati Uniti u lir-Rappreżentant Speċjali tal-Kwartett.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2007Avviż legali