Proċedura : 2007/2560(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0270/2007

Testi mressqa :

B6-0270/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 14
CRE 11/07/2007 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.10

Testi adottati :

P6_TA(2007)0350

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 102kDOC 56k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0268/2007
4 ta' Lulju 2007
PE 391.150v01-00
 
B6‑0270/2007
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
imressqa minn Annemie Neyts-Uyttebroeck
f’isem il-Grupp ALDE
dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani 
B6‑0270/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikulari dik tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u dik tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Barranin tat-23 ta' April 2007 u ta' l-24 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kwartett tat-30 ta’ Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ħamas iddeċieda li jieħu s-setgħa f’Gaża peremzz ta’ mezzi militari, u li wettaq il-qtil ta’ membri tal-forzi tas-sigurtà tal-Fataħ u ta’ l-Awtorità Palestinjana minkejja l-formazzjoni riċenti tal-Kunsill u tal-Presidenza Leġiżlattiva Palestinjana – it-tnejn entitajiet eletti b’mod demokratiku – ta’ gvern ta’ unità fuq il-bażi ta’ l-Istqarrija ta’ Mecca,

B.  billi dan l-iżvilupp drammatiku huwa dovut prinċipalment għall-instabilità politika u l-qasma li qegħda tikber fuq in-naħa Palestinjana, u wkoll għan-nuqqas ta’ perspettiva għal proċess ta’ paċi ġenwin għall-poplu Palestinjan li għadu suġġett għall-okkupazzjoni u għan-nuqqas mill-Kwartett, fosthom l-UE, li jirrikonoxxu kif jixraq ir-riżultati demokratiċi ta' l-elezzjonijiet fil-Palestina,

C.  billi wara li Gaża ġiet f’idejn il-Ħamas, il-President Abbas ħatar gvern ta’ emerġenza mmexxi mill-Prim Ministru Fayyad, u billi l-Gvern Iżraeljan huwa lest li jikkopera u jinvolvu ruħu ma’ dan il-Gvern ta’ emerġenza,

D.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Palestina, u b'mod partikulari f'Gaża, qed toqrob lejn kollass totali, u li qegħda teħżien aktar wara l-iżviluppi riċenti, b’faqar mifrux, nuqqas ta' servizzi bażiċi, salarji friżati għal ħafna ħaddiema maċ-ċivil u sens ġenerali ta' umiljazzjoni fost il-popolazzjoni,

E.  billi din is-sitwazzjoni issa hija aggravata minħabba li kiber il-kunflitt intern Palestinjan,

F.  jikkundanna kemm l-isparar ta' rokits fl-inħawi ta' Sderot fl-Iżrael minn gruppi radikali Palestinjani, li riċentement qatlu żewġ persuni ċivili u ferew lil ħafna oħrajn, u kemm ir-ritaljazzjoni mill-qawwiet Iżraeljani, li wasslet għall-qtil ta’ aktar minn 100 persuna Palestinjana, li l-maġġoranza tagħhom kienu ċivili,

G.  billi l-Kwartett għadu kemm ħatar lill-eks-Prim Ministru Ingliż Tony Blair bħala l-Mibgħut il-ġdid għal-Lvant Nofsani, fi sforz sabiex jerġa’ jafferma l-inizjattiva politika tiegħu fil-kunflitt,

H.  billi t-tnedija mill-ġdid ta’ l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi waqt is-samit ta' Riyadh tal-Lega Għarbija fid-29 ta' Marzu 2007 toffri opportunità ġdida u kredibbli għal ftehim komprensiv fir-reġjun;

I.  billi l-prospett ta’ Stat Palestinjan vijabbli qed ikun kostantement imxekkel kemm min-nuqqas ta' għaqda min-naħa Palestinjana, u kemm minħabba li s-sitwazzjoni fil-post qed tinbidel kuljum, bl-espansjoni ta’ l-oqsma tad-djar u l-bini tal-ħajt Iżraeljan,

J.  billi l-Kapural Iżraeljan Shalit għandu qed jinżamm ostaġġ minn gruppi radikali f’Gaża, filwaqt li eluf ta’ Palestinjani, inklużi membri kemm tal-gvern u tal-Kunsill Leġiżlattiv ta’ qabel, għadhom qed jinżammu l-ħabs f’Iżrael,

1.  Jikkundanna bil-qawwa it-teħid militari ta’ Gaża li kien immexxi mill-Ħamas u r-reati mwettqa mill-milizji ta’ l-istess Ħamas, u jemmen li din l-għażla strateġika magħmula mill-Ħamas hija ta’ ħsara għall-interessi u għall-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan;

2.  Huwa tal-fehma li l-qasma li għaddejja bejn il-fazzjonijiet ewlenin Palestinjani iddgħajjef ħafna it-tamiet tal-poplu Palestinjan u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu, iżda madankollu jemmen li l-kriżi attwali mhix skuża sabiex jieqfu l-isforzi għall-paċi, u tista’ toffri pjattaforma ġdida għat-tnedija mill-ġdid ta' aġenda ċara sabiex jintlaħaq ftehim komprensiv bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Prim Ministru Olmert li jerġa’ jibda taħdidiet diretti mal-President Abbas;

4.  Jistieden lin-naħat kollha sabiex jaħdmu b’mod attiv għall-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-koperazzjoni paċifika fost il-gruppi Palestinjani billi jwaqqfu l-involviment militari u minflok, jiftħu pjattaforma ta’ djalogu mal-President Abbas;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni ir-reazzjoni pronta tal-President Abbas u l-ħolqien rapidu ta’ Gvern Palestinjan ġdid immexxi mill-Prim Ministru Fayyad, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-membri oħra tal-Kwartett, inkluż il-Mibgħut il-ġdid tagħha, sabiex joffri l-appoġġ politiku sħiħ tiegħu bil-għan li jiġi konsolidat l-irwol tagħhom;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kwartett li jerġa' jistabbilixxi assistenza diretta lill-Awtorità Palestinjana, u jisteiden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħaffef il-pagamenti diretti u tagħmel il-proċeduri aktar faċli; jilqa’ b’sodisfazzjoni ukoll id-Deċiżjoni Iżraeljana li jagħti lura l-pagamenti u l-ġbir tat-taxxi Palestinjani lill-PNA;

7.  Iqis li l-kriżi attwali tista’ tintrebaħ biss billi jerġgħu jinbdew it-taħdidiet diretti bejn l-Iżrael u l-Palestina, billi tieqaf kull vjolenza, isir titjib tanġibbli fil-kundizzjonijiet ta’ l-għixien għall-Palestinjani li huma effettwati kuljum mill-punti ta’ kontroll, il-ħajt diviżorju u l-oqsma tad-djar li dejjem qed jikbru, u tnedija ċara mill-ġdid tal-proċess ta’ paċi fuq il-bażi tal-proposta rijaffirmata mill-Lega Għarbija;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li l-Prim Ministru Ehud Olmert qed jesplora l-possibilità li jġedded it-taħdidiet ta’ paċi mas-Sirja, ir-risposta preliminari pożittiva tas-Sirja, u l-istqarrija tas-Sur Olmert li dalwaqt ser jinħelsu diversi priġunieri Palestinjani;

9.  Jistieden lill-Ħamas sabiex jiżgura l-ħelsien b’ħeffa tal-Kapural Shalit;

10.  Jerġa' jtenni l-kundanna tiegħu għall-qtil ta' ċivili minn operazzjonijiet militari, attakki terroristiċi inkluż l-isparar kontinwu ta' rokits Qassam fin-Nofsinhar ta' l-Iżrael, u l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, u jerġa jafferma l-fehma soda tiegħu li l-vjolenza tista' tiġġenera biss aktar biża' u mibegħda;

11.  Jerġa' jtenni l-kundanna tiegħa ta' l-estensjoni kontinwa tat-territorji okkupati, b'mod partikulari f’Ġerusalemm tal-Lvant u l-bini tal-ħajt lil hinn mill-fruntieri ta' l-1967, u jqis li dan il-kastig kollettiv inaċċettabbli lill-poplu Palestinjan mhux biss hu kontra l-liġi internazzjonali, imma huwa wkoll xkiel ewlieni għall-paċi;

12.  Huwa mħasseb dwar l-għeluq ta’ Gaża, li qed iwassal sabiex il-kriżi umanitarja kritika fl-Isrixxa qed tkompli teħżien, u jwissi li kwalunkwe iżolament ulterjuri ta’ Gaża jista’ jikkontribwixxi għall-iggravar tas-sitwazzjoni politika;

13.  Jappoġġa t-talba li għamel il-Kummissarju ta’ l-UE lill-Iżrael sabiex jiftaħ il-fruntiera ta’ Gaża bħala kwistjoni ta’ urġenza sabiex jippermetti li li jgħaddu ċ-ċivili kif ukoll l-għajnuna umanitarja;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinkludi fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kwartett, il-possibilità li tintbagħat forza ċivili u militari internazzjonali għaż-żamma tal-paċi fl-Istrixxa ta’ Gaza, sabiex tnaqqas it-tensjoni, ikun facilitat id-djalogu bejn il-partijiet kollha, u tiġi megħjuna u mħarsa l-popolazzjoni ċivili u ssir sorveljanza mill-qrib tas-sitwazzjoni, inkluża l-infiltrazzjoni tat-territorju minn terroristi radikali;

15.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-kunflitt intern fil-Palestina u l-qasam militari u politika bejn Gaża u x-Xatt tal-Punent ma tistax tpoġġi fid-dubju l-indiviżibilità tan-nazzjon Palestinjan jew ta’ l-Istat ġejjieni tiegħu;

16.  Jerġa' jtenni li minkejja l-kriżi attwali f’Gaża u x-Xatt tal-Punent, il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina ma jistax jissolva b'mezzi militari, u lanqas permezz ta' l-okkupazzjoni permanenti jew iċ-ċaħda permanenti tad-drittijiet u ta’ l-eżistenza tan-naħa l-oħra, u li din is-soluzzjoni hija possibbli biss permezz ta' ftehima finali bbażata fuq il-koeżistenza ta' żewġ stati demokratiċi, sovrani u vijabbli fi ħdan fruntieri rikonoxxuti b’mod reċiproku, inkluż l-istatus ta' Ġerusalemm;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern Iżraeljan u lill-Knesset, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tar-Russja u ta' l-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2007Avviż legali