Proċedura : 2007/2603(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0289/2007

Testi mressqa :

B6-0289/2007

Dibattiti :

PV 11/07/2007 - 15
CRE 11/07/2007 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 6.11
CRE 12/07/2007 - 6.11

Testi adottati :

P6_TA(2007)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 104kDOC 61k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0279/2007
9 ta' Lulju 2007
PE 393.004v01-00
 
B6‑0289/2007
b'talba biex tkun inkluża fl-aġenda tad-dibattitu fuq każi ta' ksur tad-drittijiet u ta' l-istat tad-dritt
skond l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cem Özdemir, Jean Lambert u Gisela Kallenbach
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Pakistan

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan 
B6‑0289/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni ta' l-24 ta' Novembru 2001 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, (imsemmija wkoll bħala l-Ftehima ta' Koperazzjoni tat-tielet ġenerazzjoni), b'mod partikulari l-Artikolu 1 tal-Ftehima li jistipula li 'r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi...jikkostitwixxi element essenzjali ta' din il-ftehima',

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-UE u l-Pakistan tat-8 ta' Frar 2007 dwar il-Ftehima ta' Koperazzjoni ta' l-2004, fejn iż-żewġ naħat impenjaw ruħhom favur l-iżvilupp ta' djalogu politiku wiesa' formalizzat li jinkludi, fost ħwejjeġ oħra, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-non-proliferazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari, provinċjali u presidenzjali għandhom isiru aktar tard din is-sena,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b’mod partikulari dawk ta’ l-10 ta’ Frar 2004 u tat-22 ta’ April 2004,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sensiela ta' emendi kostituzzjonali taħt l-amministrazzjoni ta' Musharraf biddlet is-sistema politika tal-Pakistan b'mod sostanzjali, u billi dawn l-emendi rnexxielhom jittrasformaw is-sistema ta' governanza minn sistema parlamentari għal sistema presidenzjali, fejn il-President għandu s-setgħa li jmur kontra jew li jxolji l-parlament

B.  billi fl-1999 il-Ġeneral Musharraf iddikjara stat ta' emerġenza u xolja l-parlament permezz ta' kolp militari,

C.  billi f'April 2002, permezz ta' referendum mhux kostituzzjonali, Musharraf ġie elett president u mbagħad saru elezzjonijiet nazzjonal b'nuqqasijiet serji,

D.  billi l-awtorizzazzjoni speċjali li l-parlament attwali ta lill-President Musharraf, bi ksur tal-Kostituzzjoni ta' l-1973 u li tagħtih il-poter li jkollu l-kariga ta' kap ta' l-armata, tiskadi f'Diċembru 2007,

E.  billi s-servizz militari u s-servizz sigriet għad għandhom influwenza qawwija fl-politika, fil-gvern u fl-ekonomija tal-Pakistan, sitwazzjoni li hija kontra l-prinċipju tal-pjan direzzjonali għar-restawr tad-demokrazija, fejn kien maħsub li l-poter għandu jiġi trasferit mingħand il-militar lura għal amministrazzjoni ċivili,

F.  billi l-ġrajjiet reċenti, fosthom is-sospensjoni tal-Prim Imħallef tal-Pakistan fid-9 ta' Marzu fuq akkużi ta' kondotta ħażina li għadhom sa issa mhux ippruvati u l-protesti popolari li għadhom qed isiru u li bdew b'riżultat ta' din l-azzjoni, żiedu l-urġenza sabiex jiġu indirizzati il-kwistjonijiet tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fil-Pakistan,

G.  billi l-aħħar okkupazzjoni tal-Moskea l-Ħamra f'Karachi, fejn jidher li l-estremisti reliġjużi qed iżommu bosta mijiet ta' studenti tal-madrassa, ħafna minnhom nisa, bħala ostaġġi diġà wasslet għal għadd kbir ta' mwiet u hija turija ċara tal-poter tal-moviment radikali Islamiku, u billi l-President Musharraf ma rreaġixxiex b'mod mgħaġġel jew deċiżiv kontra dan il-poter; jenfasizza l-influwenza tal-Madrassas, li kibru b'rati mgħaġġla ferm f'dawn l-aħħar snin, u dan għamel ħsara lis-sistema pubblika ta' l-edukazzjoni;

H.  billi bi ksur tas-sentenza tal-Qorti Suprema ta' l-1999 li ddeċidiet li d-drittijiet bażiċi u l-libertajiet politiċi għandhom jiġu estiżi għaz-zoni tat-Tramuntana, dawn għadhom immexxija b'ordni eżekuttiva minn Islamabad minn uffiċjali eżekuttiv mhux elett, u billi l-alleanza bejn il-militar u l-Islamisti Sunni kompliet dgħajfet l-forzi moderati fir-reġjun,

I.  billi bi qbil mal-militanti lokali favur it-Taliban, il-gvern Pakistani qabel, f'April 2004 u f'Settembru 2006 rispettivament, li jneħħi l-armata tiegħu miz-zona u li Waziristan tgħaddi fil-kontroll ta' estremisti u militanti lokali,

J.  billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi ffinanzjar sostanzjali lill-Pakistan biex jitnaqqas il-faqar u għall-iżvilupp tas-settur soċjali,

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar l-okkupazzjoni tal-Moskea l-Ħamra li għadha għaddejja, jitlob lill-awtoritajiet biex jagħmlu mill-aħjar sabiex isalvaw il-ħajja ta' l-ostaġġi u jħeġġeġ lill-gvern Pakistani biex sa fl-aħħar jagħmel l-aktar riforma radikali meħtieġa tas-sistema edukattiva tiegħu sabiex jiggarantixxi edukazzjoni sekulari bla ħlas u kwalifikata għaż-żgħażagħ Pakistani;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex imur lura għas-sistema demokratika billi jsejjaħ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi sa l-aħħar tas-sena u jwissi kontra l-impożizzjoni ta' l-istat ta' emerġenza jew ta' miżuri oħra li joħonqu l-libertà tal-kelma, ta' l-assoċjazzjoni, ta' l-għaqda u tal-moviment;

3.  Iħeġġeġ lill-President Musharraf biex jirrispetta l-kostituzzjoni billi jħalli l-assemblej il-ġodda jsejħu elezzjonijiet presidenzjali u billi ma jżommx il-kariga ta' kap ta' l-armata;

4.  Iħeġġeġ lill-armata Pakistana biex tippermetti ritorn lejn id-demokrazija permezz ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, inkluża l-possibiltà li mexxejja politiċi eżiljati jerġgħu lura l-Pakistan; jitlob li jittieħdu miżuri bil-għan li jillimitaw l-influwenza tal-gruppi militari u gruppi armati oħra fuq il-proċess politiku;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE se tkun qed tagħmel monitoraġġ ta’ l-elezzjonijiet ġenerali fil-Pakistan u li l-PE se jipparteċipa fil-missjoni ta’ osservaturi; huwa mħasseb, minkejja dan, dwar għadd ta' aspetti fit-tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet, b'mod partikulari dwar:

-  in-newtralità tal-gvern proviżorju li se jiġi ffurmat tliet xhur qabel l-elezzjonijiet u se jiġi maħtur mill-President Musharraf;

-  il-fatt li l-baċillerat huwa rekwiżit sabiex persuna toħroġ għall-elezzjoni; dan jeskludi 70% tan-nisa Pakistani milli joħorġu għall-elezzjoni. Barra minn hekk, mhuwiex aċċettabli li l-lawrja tal-Madrasa titqies ekwivalenti għal baċillerat;

-  in-nuqqas ta' leġittimità tal-President futur tal-Pakistan jekk dan se jiġi elett mill-Assemblea li se jispiċċalha l-mandat;

6.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu messaġġ ċar lill-President Musharraf li trażizzjoni għas-sistema demokratika hija l-unika mod aċċettabli biex il-pajjiż joħroġ mill-kriżi preżenti;

7.   Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu pożizzjoni soda fit-tħaris tal-klawsola dwar id-demokrazija u d-drittiijiet tal-bniedem fil-ftehimiet mal-Pakistan u jitlob li jkun hemm djalogu politiku intensiv dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

8.  Jitlob lill-gvern Pakistani biex jaqbel li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' l-għajnuna mill-UE għandu jkun it-titijib tas-sistema ta' l-edukazzjoni pubblika u ta' l-investimenti ekonomiċi fir-reġjuni tribali tal-Pakistan;

9.  Jitlob li jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u li l-Pakistan jerġa' lura għal gvern ċivili, b'konformità ma' l-impenji li kien għamel il-President Musharraf qabel;

10.  Huwa mħasseb sewwa dwar is-sospensjoni tal-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema fuq akkużi ta' mġiba ħażina allegata, li ġiet meqjusa minn bosta bħala tentattiv tal-gvern li jżomm kontroll fuq il-ġudikatura fis-sena ta' l-elezzjoni; jitlob għar-rispett ta' l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat tal-liġi, iħeġġeġ il-gvern tal-Pakistan biex jieħu passi xierqa biex ireġġa' lura t-tendenza negattiva attwali fir-rigward ta' dan u biex iżomm lura minn kull interferenza politika fil-każ li bħalissa qed jinstema' fil-Qorti Suprema;

11.   Jiddeplora l-mewt ta' 41 persuna ċivili waqt dimostrazzjonijiet politiċi f'Karachi fit-12 ta' Mejju, jikkundanna l-użu tal-forza biex jinkisbu għanijiet politiċi, kemm jekk min-naħa tal-forzi alleati tal-gvern kif ukoll mill-membri tal-partiti politiċi ta' l-oppożizzjoni;

12.   Jikkundanna kull attentat min-naħa tal-gvern biex jikkontrolla l-libertà tal-midja billi jintroduċi emendi għal-liċenzji tax-xandir, jirrestrinġi x-xandir live ta' avvenimenti fil-miftuħ u joħroġ direttivi tal-gvern għal assoċjazzjonijiet tal-midja u tax-xandir; jikkundanna kull forma ta' theddid, sfurzar u intimidazzjoni ta' ġurnalisti u ta' xandara;

13.  Huwa mħasseb dwar l-għadd ta' każijiet dokumentati tajjeb ta' persuni li jisparixxu, li kienu jinvolvu persuni suspettati minn terroriżmu, ġurnalisti, studenti, membri tal-movimenti nazzjonalisti Baluch u attivisti politiċi oħra u jisħaq li l-ħtif, il-qtil extraġudizzjarju u t-tfigħ fil-ħabs mingħajr ma persuna titressaq il-qorti jmorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali, fosthom id-dritt għall-ħajja u d-drittijiet għal proċess tal-liġi xieraq;

14.  Jinnota bi tħassib ir-rapporti kontinwi dwar ir-ripressjoni tal-minoranzi reliġjużi, bħat-tkeċċija sfurzata ta' bdiewa Nsara mill-Punjab;

15.  Huwa mħasseb li filwaqt li l-President Musharraf impenja ruħu li jaffronta t-terroriżmu u l-estremiżmu f'livell internazzjonali, l-alleanzi politiċi domestiċi li jeżistu bejn il-gvern, il-militar u l-fundamentalisti reliġjużi jistgħu jxekklu l-kapaċità tal-gvern li jindirizza l-kwistjoni ta' l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu;

16.   Huwa mħasseb dwar l-instabilità dejjem tiżdied u l-proliferazzjoni tal-vjolenza marbura mar-rewwixti f'zoni tribali, partikolarment fil-Waziristan, u jinnota b'mod partikolari n-numru ta' bombi suwiċidi, inkluż l-attentat fuq il-ħajja tal-Ministru ta' l-Intern f'Peshawar fit-28 ta' April;

17.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-ftehimiet tal-Waziristan se jkomplu jippromwovu l-istrutturi ripressivi u l-militanza u jitlob lill-gvernijiet tal-Pakistan futuri biex jagħmlu kull ma huwa possibbli sabiex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni billi jrawmu l-istat tad-dritt u l-estensjoni tad-drittijiet ċivili u politiċi fir-reġjun;

18.  Jitlob għal aktar djalogu ma' mexxejja provinċjali u lokali dwar il-possibilità ta' aktar awtonomija fil-provinċji jew għal rappreżentanza akbar ta' l-interessi tal-provinċji fil-livell nazzjonali; jikkundanna l-politiki ripressivi tal-gvern fil-Baluchistan, fejn hemm talbiet kontinwi għal aktar awtonomija tal-provinċja u kontroll reġjonali akbar fuq ir-riżorsi naturali sostanzjali f'din iz-zona;

19.  Jitlob lill-gvern sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Suprema tal-Pakistan u jestendi d-drittijiet bażiċi u l-libertajiet politiċi lejn iz-zoni tat-Tramuntana;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Gvern tal-Pakistan.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Lulju 2007Avviż legali