Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0326/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0326/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

29.8.2007

biex tagħlaq id-dibattitu fuq l-istqarrija tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Elisabeth Schroedter, Carl Schlyter
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar in-nirien fil-foresti tal-Greċja u l-konsegwenzi tagħhom u l-konklużjonijiet li joħorġu għal miżuri ta' prevenzjoni u ta' twissija

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0326/2007
Testi mressqa :
B6-0326/2007
Testi adottati :

B6‑0000/0000

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar the forest fires in Greece and their consequences and the conclusions to draw for prevention and alert measures

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Barnier bl-isem ta' "Għal Korp Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili: għajnuna mill-Ewropa”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 73 persuna tilfu ħajjithom, u billi skond is-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tan-Nirien fil-Foresti l-figura provviżorja tal-foresti li nħarqu fil-Greċja dan is-sajf hija ta' 268.834 ettaru, inklużi zoni naturali importanti protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea,

B.  billi numru ta' Stati Membri offrew l-appoġġ tagħhom biex jgħinu lill-Greċja tiġġieled kontra l-emerġenza tan-nirien fil-foresti,

C.  billi qed issir pressjoni sabiex jinbidel l-użu ta' zoni forestali u biex jinbnew u jiġu tollerati kostruzzjonijiet illegali kkontribwixxa għad-deterjorament tal-protezzjoni tal-foresti fil-Greċja inklużi f'xi reġjuni, nirien ikkawżati minn atti kriminali,

D.  billi l-problemi tan-nirien fil-foresti u tan-nixfa se jsiru aktar akuti minħabba li s-sjuf estremament niexfa qed isiru aktar komuni, billi l-investiment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huwa għaldaqstant investiment fil-prevenzjoni ta' katastrofi ta' nixfa jew ta' nirien fil-foresti,

1.  Jiddispjaċih għall-vittmi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' l-abitanti taz-zoni tal-Greċja li ġew meqruda min-nirien tal-foresti;

2.  Jilqa' l-koperazzjoni u l-appoġġ li offrew l-Istati Membri l-oħra liz-zoni li ġew effettwati, skond il-qafas tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi r-rapport ta' Barnier dwar Korp Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili bi proposti konkreti għal kapaċità ta' koperazzjoni Ewropea aktar mgħaġġla fid-diżastri naturali;

3.  Jinnota li d-danni kkawżati min-nirien tal-foresti u minn diżastri naturali oħra setgħu jiġu parzjalment evitati u għandhom ikunu ta' inċentiv għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jridu jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw politiki ta' prevenzjoni aktar effiċjenti u leġiżlazzjoni aktar xierqa dwar il-konservazzjoni u l-użu tajjeb ta' l-art, inklużi dwar biedja sostenibbli u prattiki forestali, l-immaniġġjar ta' l-ilma u l-ġestjoni effiċjenti tar-riskji;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw miżuri, inklużi miżuri biex titqanqal il-kuxjenza pubblika, biex ikun hemm użu ta' l-ilma, tal-ħamrija u tar-riżorsi bijoloġiċi aktar sostenibbli u maniġġjar ta' l-iskart aħjar għaliex ħafna drabi n-nuqqas ta' dan jikkawża n-nirien;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni effettwati sabiex iħejju pjanijiet ta' ristorazzjoni u rijabilitazzjoni għaz-zoni effettwati inklużi l-kundizzjonijiet obbligatorji li jiggarantixxu l-implimentazzjoni ta' kull miżura ta' prevenzjoni kontra n-nar u t-tifi mgħaġġel tiegħu f'dawk ir-reġjuni;

6.  Jitlob li l-kofinanzjament mill-fondi Komunitarji ta' l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet, partikolarment mill-Fondi Strutturali, l-EAFDR, il-Fondi ta' Koeżjoni u il-Fond Ewropew għas-Solidarjetà, għandhom jingħataw bil-kundizzjoni ta' riforestazzjoni ġenwina taz- zona kollha li ġiet effettwata bl-istess varjetà tas-siġar lokali li jieħdu post il-foresta ta' qabel u ta' miżuri mmirati biex ikun hemm prevenzjoni biex diżastri bħal dawn ma jirrepetux ruħhom;

7.  Jemmen li m'għandux ikun hemm bidla fl-użu ta' l-art wara n-nirien fil-foresta u jitlob is-sanzjoni tar-radd lura tal-pagament ta' għajnuna tal-Komunità mill-Istat Membru jekk dan ma jagħmilx riforestazzjoni kompleta fiz-zoni effettwati jew jippermetti bidla fl-użu ta' l-art għal kwalunkwe ħsieb ta' urbanizzazzjoni u proġetti turisitċi;

8.  Jikkundanna l-prattika tal-legalizzazzjoni ta' kostruzzjonijiet illegali fuq zoni protetti jew mhux awtorizzati, u barra minn hekk it-tentattivi kollha biex tonqos il-protezzjoni tal-foresta permezz ta' tibdil fil-Kostituzzjoni Griega (Art.24), għandhom jitwaqqfu immedjatament;

9.  Jemmen li prekundizzjoni għal protezzjoni għal żmien twil taz-zoni forestali huwa l-ippjanar sostenibbli u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet għal żvilupp reġjonali u rurali bil-għan li jipprevjenu li l-popolazzjoni rurali titlaq iz-zoni rurali, joħloq dħul finanzjarju ġdid u ddiversifikat speċjalment għall-ġenerazzjoni żagħżugħa u jistabbilixxi l-modernizzar ta' l-infrastruttura neċessarja li tiġbed lejha turisti sostenibbli u servizzi f'zoni rurali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu inizjattivi għall-bdiewa, għall-imprendituri rurali u għas-sidien biex jadottaw prattiki tal-biedja u prattiki forestali li bihom jista' effettivament jitkejjel tnaqqis fir-riskji relatati ma' kundizzjonijet klimatiċi estremi u nirien fil-foresti;

11.  Jemmen li attenzjoni speċjali għal miżuri biex titjieb l-aċċessibilità tal-komunitajiet rurali Griegi, sistemi effettivi ta' twissija bikrija kontra n-nar, forzi professjonali u volontarji għall-prevenzjoni kontra n-nar aħjar kif ukoll immaniġġjar aħjar ta' l-ilma għandhom ikunu parti mill-politiki għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti u jirrappreżentaw kundizzjoni għall-appoġġ futur mill-Unjoni Ewropea;

12.  Jistieden lill-gvern Grieg biex jabbozza immedjatament reġistru ta' l-art għall-foresti u biex jorganizza kif xieraq l-istaff tal-foresti u s-servizzi ta' protezzjoni kontra n-nar;

13.  Jemmen li minbarra l-irwol tal-politiki pubbliċi effettivi u ħielsa mill-ambigwità, għandhom jiġu introdotti miżuri li jżidu l-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li flimkien għandhom iżidu r-responsabilità personali sabiex jiġu evitati inċidenti ripetuti ta' nirien fir-reġjun tal-Mediterran, u dawn għandhom jiġu mwettqa minn amministraturi nazzjonali responsabbli bħala parti mill-programmi ta' żvilupp rurali u reġjonali għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern tal-Greċja.