Proċedura : 2007/2636(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0375/2007

Testi mressqa :

B6-0375/2007

Dibattiti :

PV 10/10/2007 - 18
CRE 10/10/2007 - 18

Votazzjonijiet :

PV 11/10/2007 - 8.1
CRE 11/10/2007 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0430

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 102kDOC 54k
4 t'Ottubru 2007
PE 396.008v01-00
 
B6‑0375/2007
biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni
b’konformità ma' l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura, mressqa minn
   José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, João de Deus Pinheiro, Edward McMillan-Scott u Jana Hybášková, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Pasqualina Napoletano, Thijs Berman u Véronique De Keyser, f'isem il-Grupp PSE
   Annemie Neyts-Uyttebroeck, Thierry Cornillet u Elizabeth Lynne, f'isem il-Grupp ALDE
   Marek Aleksander Czarnecki, Adam Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka u Roberta Angelilli, f'isem il-Grupp UEN
   Margrete Auken, Hélène Flautre, Caroline Lucas, David Hammerstein, Johannes Voggenhuber u Daniel Cohn-Bendit, f'isem il-Grupp Verts/ALE
   Luisa Morgantini, f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża 
B6‑0375/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u b'mod partikulari dawk tat-2 ta' Frar 2006 dwar ir-riżultat ta' l-elezzjonijiet leġiżlattivi fil-Palestina u s-sitwazzjoni f'Ġerusalemm tal-Lvant, ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006 dwar il-kriżi umanitarja fit-Territorji tal-Palestina u l-irwol ta' l-UE, tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża, tal-21 ta’ Ġunju 2007 dwar il-programm MEDA u l-appoġġ finanzjarju lill-Palestina: evalwazzjoni, implimentazzjoni u kontroll, u tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nri 242 (1967) u 338 (1973),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kwartett tat-23 ta’ Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tat-23 ta’ Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li għamel il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-21 ta’ Settembru 2007 dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, bħala riżultat ta’ l-imblokk tal-moviment ħieles ta’ persuni u prodotti, id-devastazzjoni massiva ta’ faċilitajiet pubbliċi u ta’ djar privati, id-diżordni ta’ sptarijiet, kliniċi u skejjel, ir-rifjut parzjali ta’ aċċess xieraq għall-ilma tax-xorb, għall-ikel u għall-elettriku, u l-qerda ta’ art agrikola, il-kriżi umanitarja fil-Medda ta’ Gaża laħqet livell katastrofiku,

B.  billi l-passaġġi konfinali ta' Karni u ta’ Rafah ilhom magħluqin xhur u billi l-imblokk tal-moviment ta’ persuni u ta’ prodotti, ipparalizza aktar l-ekonomija u kkontribwixxa b’mod sinifikanti għar-rata estremament għolja ta’ qgħad fil-Medda ta’ Gaża,

C.  billi s-settur ta’ l-ilma u tar-rimi ta' l-ilma jinsab f’kundizzjoni kritika, u billi din is-sitwazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ ilma u l-possibilità li jfur id-drenaġġ, tista' twassal għal aktar kriżijiet ambjentali u umanitarji,

D.  billi s-sistema tas-saħħa tinsab taħt pressjoni kbira ħafna u proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni qed isofri minn nuqqas ta’ kura u mediċini li huma meħtieġa b’mod urġenti,

E.  billi s-sistema edukattiva qed tiffaċċja nuqqasijiet serji minħabba nuqqas ta' materjali bażiċi meħtieġa għall-iffunzjonar tagħha, u billi l-kwalità ta’ l-edukazzjoni qed tonqos; billi din is-sitwazzjoni għandha konsegwenzi serji għall-futur tal-ġenerazzjoni żgħażugħa tal-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża,

F.  billi l-Unjoni Ewropea pprovdiet appoġġ finanzjarju konsiderevoli għall-Palestinjani fis-snin li għaddew; billi sa mill-2006, il-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju u l-iffinanzjar tal-proġetti pprovdut mill-UE kellhom u għad għandhom l-irwol importanti li jevitaw li jkun hemm katastrofi umanitarji fil-Medda ta’ Gaża u fix-Xatt tal-Punent,

G.  billi l-imblokk dwar il-moviment ta’ persuni u ta’ prodotti u n-nuqqas ta’ sigurtà interna qegħdin jostakolaw b'mod konsiderevoli l-ħidmiet ta' l-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja tal-Komunitajiet Ewropej (ECHO), ta’ l-aġenziji tan-NU, ta’ l-organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, u ta’ organizzjazzjonijiet umanitarji oħra li jipprovdu għajnuna u assistenza lin-nies li jgħixu fil-Medda ta’ Gaża; billi l-Kummissjoni, il-UNDP, il-UNRWA u l-Bank Dinji ssosspendew diversi proġetti ta' infrastruttura minħabba n-nuqqas ta' abilità ta' importazzjoni ta' materja prima; billi dawn l-uffiċċji, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet umanitarji qed ikomplu bl-attivitajiet tagħhom minkejja l-ostakli kollha; jenfasizza l-bżonn li jkunu rrispettati l-impenji finanzjarji marbuta ma' dawn l-attivitajiet magħmula mill-UE u l-Istati Membri tagħha,

H.  billi, fid-Dikjarazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2007, il-Kwartett esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-Medda ta' Gaża, qabel dwar l-importanza tat-tkomplija ta' l-assistenza ta' emerġenza u umanitarja mingħajr tfixkil, u talab li jibqa' jkun hemm provvista ta' servizzi essenzjali,

I.  billi t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta’ Gaża u fix-Xatt tal-Punent, flimkien mal-qawmien mill-ġdid tal-proċess ta’ paċi u ma’ l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet Palestinjani li jiffunzjonaw, huma aspett ewlieni fl-isforzi biex tintlaħaq paċi ġusta u li tibqa' bejn l-Iżraeljani u l-Palestinajani,

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kriżi umanitarja fil-Medda ta’ Gaża u l-konsegwenzi gravi possibbli tagħha; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ fl-inħawi; itenni l-appell tiegħu lin-naħat kollha sabiex ma jirrikorrux għall-vjolenza;

2.  Jistieden lill-Iżrael sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjoni tiegħu skond il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra sabiex jiggarantixxi l-fluss ta’ l-għajnuna umanitarja, ta’ l-assistenza umanitarja u tas-servizzi essenzjali bħall-elettriku u l-fjuwil, lejn il-Medda ta’ Gaża; jappella sabiex jitneħħa l-imblokk tal-Medda ta’ Gaża; jistieden lill-Iżrael biex jiżgura l-moviment tal-persuni u tal-prodotti f'Rafah, b'konformità mal-Ftehima dwar il-Moviment u l-Aċċess u mal-Missjoni ta' Assistenza tal-Fruntiera ta' l-UE, kif ukoll il-moviment tal-prodotti f'Karni; jistieden lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni ta' l-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà u lill-Kummissjoni sabiex jieħdu r-responsabilità kollha tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta' din il-Ftehima; jistieden lill-Iżrael biex jiggarantixxi l-fluss ta’ assi finanzjarji lejn il-Medda ta’ Gaża, li ilu sospiż mill-25 ta’ Settembru 2007, u sabiex jikkunsidra li n-nuqqas ta’ aċċess għal kwalunkwe ass finanzjarju għandu impatt serju fuq il-ħajja ekonomika, soċjali u ta' kuljum tal-Palestinjani;

3.  Jistieden lill-Awtorità Palestinjana u lill-Ħamas sabiex, minkejja l-istaġnar politiku, jiffaċilitaw l-iffunzjonar ta’ l-istituzzjonijiet pubbliċi li jipprovdu servizzi essenzjali u biex jiffaċilitaw il-ħidmiet ta' l-uffiċċji, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali li qed jippruvaw itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-Palestinjani kollha li jgħixu fl-inħawi;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, flimkien mal-komunità internazzjonali, ikomplu jiggarantixxu għajnuna umanitarja essenzjali lill-popolazzjoni Palestinjana, billi b'mod speċjali jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi partikolarment vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b’konformità mal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma’ l-Iżrael u ma’ l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, jiżguraw li l-liġi umanitarja internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem huma rrispettati b’mod sħiħ fl-inħawi, anke minn atturi mhux ta' l-istat, sabiex jinżamm l-ispazju umanitarju neċessarju;

5.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li l-isforzi biex tissejjaħ konferenza internazzjonali dwar il-paċi għandhom jikkontribwixxu sabiex tintlaħaq paċi ġusta u li tibqa' bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, liema konferenza għandha tkun ibbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq id-dritt ta' l-Iżrael li jgħix bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u fuq id-dritt għal stat vijabbli għall-Palestinjani;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din r-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Aġent President ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-President ta’ l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern ta’ l-Iżrael u lill-Knesset, u lill-Gvern u lill-Parlament ta’ l-Eġittu.

Aġġornata l-aħħar: 8 t'Ottubru 2007Avviż legali