Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0428/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0428/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

22.10.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Daniel Cohn-Bendit, Bart Staes, Milan Horáček, Marie Anne Isler Béguin, Angelika Beer u Hélène Flautre
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar it-tħejjijiet għall-għaxar Samit ta' bejn l-UE u r-Russja, f'Mafra, fis-26 ta' Ottubru 2007

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0428/2007
Testi mressqa :
B6-0428/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0428/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjijiet għall-għaxar Samit ta' bejn l-UE u r-Russja, f'Mafra, fis-26 ta' Ottubru 2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa, l-aktar dawk tas-26 ta' April u ta' l-10 ta' Mejju ta' l-2007,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li jiskadi fl-aħħar ta' l-2007,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi minkejja n-nuqqas dejjem jikber ta' fehim u ta' fiduċja dwar kwistjonijiet politiċi fundamentali, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja qed jikbru b'ritmu kostanti,

B.  billi għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar kif jista' jingħeleb l-istaġnar tal-kwistjoni dwar il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni ta' laħam Pollakk lejn ir-Russja; billi dan għadu mhux qed iħalli lill-UE tibda negozjati dwar il-ftehim ġdid li jrid jissostitwixxi l-Ftehima attwali ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni, li waslet biex jiskadi,

C.  billi huwa importanti ħafna għall-UE li tadotta pożizzjoni komuni u li ma taċċettax l-offerti tar-Russja biex tintensifika r-relazzjonijiet bilaterali ma' dawk l-Istati Membri li huma l-aktar disposti; billi, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'responsabilità u b'mod ekwu, u jżommu lura milli jużaw is-setgħa tal-veto tagħhom,

D.  billi dan ix-xahar l-Istati Uniti formalment ippreżentat konċessjonijiet ġodda lin-NATO u lir-Russja sabiex tiġbed appoġġ għat-tarka kontra l-missili ballistiċi li l-Istati Uniti biħsiebha tqiegħed fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka; billi l-UE għandu jkollha leħen f'dawn it-taħditiet u għandha tagħmel kull sforz sabiex tilħaq pożizzjoni komuni f'din il-kwistjoni li tolqot is-sigurtà ġenerali tagħha u li tista' tipperikola l-politika barranija tagħha,

E.  billi l-elezzjonijiet ġenerali f'Diċembru u l-elezzjonijiet presidenzjali tar-rebbiegħa li ġejja huma test importanti għar-Russja, li b'hekk għandha l-possibilità li turi li l-proċess ta' tgħawwir tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet demokratiċi li seħħ matul l-aħħar snin u l-awto-ċensura u l-kontroll dejjem jikbru tal-midja mill-gvern jistgħu jitreġġgħu lura,

F.  billi l-investigazzjonijiet li jikkonċernaw is-sensiela ta' qtil ta' ġurnalisti - l-aktar fir-rigward tal-qtil ta' Anna Politkovskaya - ma taw l-ebda riżultat, u wrew l-inkapaċità tal-pulizija u ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji li jsibu u jressqu quddiem il-qorti 'l dawk responsabbli minn dawn ir-reati,

G.  billi, bħala membru ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha li tirrispetta l-libertà tal-kelma u tas-sħubija; billi l-UE suppost taqsam mar-Russja sħubija strateġika bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt,

H.  billi l-enerġija għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; billi d-dipendenza kbira ta' l-UE fuq il-fjuwils fossili tipperikola l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea bbilanċjata u koerenti fil-konfront tar-Russja,

I.  billi n-nuqqas ta' koerenza hija riflessa b'mod wiesgħa fil-kritika timida mlissna mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, kwistjoni li rarament tqajmet jew li tqajmet b'mod dgħajef waqt il-laqgħat bilaterali,

J.  billi l-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll ta' l-UE; billi nibtu tensjonijiet ġodda fl-Abkażja u fl-Ossettja tan-Nofsinhar u ma sar l-ebda progress fir-rigward ta' soluzzjoni għall-"kunflitti staġnati" l-oħra;

1.  Huwa ta' l-opinjoni li, f'dan l-istadju, is-sħubija mal-Federazzjoni Russa tista' tkun biss ta' natura prammatika; madankollu, jemmen li għandu jsir kull sforz sabiex ir-Russja tkun ikkonfrontata u sfidata b'mod kostruttiv u miftuħ bil-ħsieb li jinbdew negozjati dwar ftehima ġdida u ta' ambitu wiesa', ibbażata fuq valuri u interessi ġenwinament komuni;

2.  F'dan ir-rigward, jenfasizza għal darb'oħra li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe ftehima ġejjiena mal-Federazzjoni Russa, l-aktar fejn tidħol id-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawsola effettiva u li titħaddem dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-kwalità u l-profondità ta' relazzjonijiet fil-ġejjieni jridu jiddependu fuq ir-rispett u l-appoġġ għal dawn il-valuri;

3.  Itenni s-sejħa tiegħu għall-intensifikazzjoni tal-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex dawn isiru aktar effettivi, orjentati lejn ir-riżultati u miftuħa għall-NGOs, u bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fil-livelli kollha;

4.  Huwa mħasseb, f'dan ir-rigward, dwar l-eżitazzjonijiet murija mill-awtoritajiet Russi f'li jimpenjaw ruħhom fi djalogu ġenwin mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, u naqsu kemm milli jattendu għal-laqgħat tas-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li pprepara l-Konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll milli jospitaw delegazzjoni tas-Sottokumitat fl-2007;

5.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistiednu lill-Federazzjoni Russa sabiex tirratifika l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-libertà tal-kelma u tas-sħubija u l-libertajiet ta' l-istampa fiż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li ġejjin; jistieden lill-awtoritajiet Russi sabiex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jiggarantixxu u jiżguraw kampanja elettorali ħielsa u ġusta għall-forzi politiċi kollha, flimkien ma' aċċess bilanċjat għall-midja;

7.  Għal darb'oħra jenfasizza li soċjetà ċivili b'saħħitha u indipendenti hija element fundamentali u li ma jistax jiġi ssostitwit, ta' demokrazija reali u matura; f'dan ir-rigward huwa mħasseb ħafna dwar il-qagħda li qed tiħżien ta' dawk li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-NGOs li huma attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jirreġistraw ruħhom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom; huwa ferm imħasseb bil-leġiżlazzjoni li għadha kif ġiet emendata dwar l-estremiżmu, li tista' tħalli effett fuq il-mogħdija ħielsa ta' informazzjoni u tista' twassal sabiex l-awtoritajiet Russi jirrestrinġu aktar id-dritt ta' l-espressjoni ħielsa ta' ġurnalisti indipendenti u l-avversarji politiċi;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-adozzjoni tal-ftehima dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi li għandha titqies bħala l-ewwel pass lejn il-kisba ta' safar mingħajr ħtieġa ta' viżi bejn l-UE u r-Russja; f'dan ir-rigward, jiddeplora l-ostakoli min-naħa ta' l-awtoritajiet Russi u n-nuqqas ta' rieda tagħhom li jimplimentaw il-ftehima, minħabba raġunijiet politiċi;

9.  Jinnota l-intensifikazzjoni tad-djalogu dwar l-enerġija iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Istat Russu qed jerġa' jieħu l-kontroll mill-ġdid tar-riżorsi kollha, inklużi dawk ta' l-enerġija, filwaqt li naqas li jinvesti politikament fid-demokratizzazzjoni tar-relazzjonijiet industrijali u f'aktar trasparenza u f'responsabilità akbar fit-teħid industrijali ta' deċiżjonijiet, fin-nuqqas ta' objettivi politiċi ċari fir-rigward ta' żvilupp sostenibbli u effiċjenza tar-riżorsi; jistieden lir-Russja sabiex iddaħħal malajr l-aħjar prattika internazzjonali dwar it-trasparenza u r-responsabilità pubblika fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

10.  Jinkuraġġixxi bil-qawwa liż-żewġ sħab sabiex jaqblu fuq strateġija konġunta li tillimita l-bidla fil-klima għal żjieda fit-temperatura ta' mhux aktar minn 2°C meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali, permezz ta' kontributi ġusti għall-isforzi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn pajjiżi żviluppati u minn dawk li qed jiżviluppaw, skond ir-responsabilitajiet differenti, u l-kapaċitajiet rispettivi, tagħhom;

11.  Jirrikonoxxi li sa l-2050 l-emissjonijiet globali jridu jitnaqqsu talanqas b'50% meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990; jenfasizza, f'dan ir-rigward, dwar ir-responsabilità speċifika tal-pajjiżi żviluppati sabiex ikunu mexxejja fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, u jqis li, sa l-2020, jinħtieġ tnaqqis ta' madwar 30% mill-pajjiżi industrijalizzati; jistieden lir-Russja sabiex tieħu rwol attiv fin-negozjati internazzjonali ġejjiena u sabiex tiffaċilita ftehim imħaffef sa l-2008, jew mhux aktar tard mill-2009, sabiex tiżgura l-kontinwità tas-suq dinji tal-karbonju;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sigurtà tas-settur nukleari fil-federazzjoni Russa u dwar il-pjanijiet tar-Russja li tesporta teknoloġija u materjal nukleari lejn pajjiżi oħra, u t-theddidiet għas-sigurtà nukleari u ta' proliferazzjoni assoċjati miegħu li dan joħloq; jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex twaqqaf il-kunsinni ta' materjal nukleari kif ukoll l-iproċessar nukleari, peress li dawn l-attivitajiet jippreżentaw riksju potenzjali ta' proliferazzjoni;

13.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tinvesti bil-kbir f'miżuri ta' effiċjenza enerġetika, minħabba l-urġenza tal-bidla fil-klima, il-benefiċċji soċjali li jġib dan l-investiment u l-pressjoni fuq il-provvisti enerġetiċi; f'dan ir-rigward ifakkar li l-mekkaniżmu ta' flessibilità previst fil-Protokoll ta' Kyoto jista' jiġbed investimenti sabiex jimmodernizzaw is-settur Russu ta' l-enerġija u tal-prodotti enerġetiċi maħsuba għall-użu aħħari;

14.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta' l-industrija tagħha ta' enerġija li tiġġedded sabiex tagħmel użu mir-riżorsi ekosostenibbli kunsiderevoli disponibbli; jistieden lill-Federazzjoni Russa sabiex tiggarntixxi standards ambjentali avvanzati għall-proġetti kollha taż-żejt u tal-gass li qed jitwettqu jew li huma ppjanati fit-territorju tagħha;

15.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet ħżiena tad-detenzjoni fir-Russja, l-aktar fiċ-ċentri ta' rimandar u ta' detenzjoni mill-pulizija, li huma aggravati aktar minħabba l-provvisti mediċi ħżiena ħafna u l-istandards baxxi ta' saħħa;

16.  Jikkundanna b'mod partikulari l-ksur li qed jitkompla tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċeċnija, fejn għad hemm qtil extra-ġudizzjarju, postijiet illegali ta' detenzjoni obbligatorja, għejbien furzat u tortura; jenfasizza f'dan ir-rigward li f'Ottubru ta' l-2006 il-Gvern Russu rrifjuta l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura, li kien ippjana li jżur il-ħabsijiet fit-Tramuntana tal-Kawkasu, mingħajr l-ebda notifika minn qabel;

17.  Jenfasizza li l-Federazzjoni Russa ffirmat u rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Oħrajn li huma Krudili, Inumani jew Degradanti, ta' Diċembru 1984 u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattamenti jew Kastigi Inumani jew Degradanti ta' l-1987, u li, bħala membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ir-Russja hija wkoll obbligata li tirrispetta l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq;

18.  Jitlob lill-awtoritajiet Russi biex jiġġieldu kontra l-arbitrarjetà, biex jirrispettaw il-prinċipju ta' l-istat tad-dritt u biex ma jużawx il-qrati bħala għodda politika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-każ ta' l-ex sidien tal-Yukos Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev li nstabu ħatja ta' frodi u ta' evażjoni tat-taxxa iżda tqiesu bħala priġunieri politiċi mill-Parlament Ewropew, kif enfasizzat f'ittra miftuħa lill-President Putin f'Lulju 2006;

19.  Jibqa' totalment mhux konvint li l-Ewropa se jkollha l-ħtieġa, fil-ġejjieni prevedibbli, ta' sistema ta' missili biex tħares it-territorju tagħha kontra missili ballistiċi ostili fuq distanzi twal u bombi ta' qerda tal-massa sparati minn nazzjonijiet brikkuni jew atturi mhux statali; jieħu nota tal-preokkupazzjonijiet tar-Russja f'dan ir-rigward, iżda jitlob lil Moska biex tibqa' tirrispetta t-Trattat dwar l-Armi Konvenzjonali fl-Ewropa; iqis li, għall-indiviżibilità tas-sigurtà Ewropea, huwa inaċċettabbli li l-Istati Uniti qed jinnegozjaw it-twaqqif ta' sistema bħal din b'mod unilaterali ma' żewġ Stati Membri ta' l-UE; jinsab konvint li, bħala kumpens għal tlielaq ġodda għall-armamenti, theddid terrorista fuq żmien twil u theddid ieħor li qed ipoġġi s-sigurtà Ewropea u globali fil-periklu, jeħtieġ li jkun hemm investiment qawwi fil-politiki għall-prevenzjoni tal-kunflitti u fl-inizjattivi favur id-diżarm, u li jrid jinfetaħ djalogu urġenti u dirett ma' Moska sabiex jinstab ftehim komuni u li jkun ta' benefiċċju reċiproku;

20.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-pjanijiet tar-Russja, imħabbra mill-President Putin, li tibni ġenerazzjoni ġdida ta' armamenti nukleari; jitlob lill-Kunsill biex iqajjem din il-kwistjoni u biex jagħmel l-isforzi kollha biex ma jħallix li jkun hemm tellieq ġdida għall-armamenti nukleari;

21.  Jitlob lir-Russja sabiex ma tkomplix tittardja d-deċiżjoni dwar l-istatus finali tal-Kosovo aktar tard mill-10 ta' Diċembru; jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riperkussjonijiet li jista' jkollu dewmien ta' dan it-tip fuq l-istabilità tar-reġjun, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Moska biex jaġixxu b'mod kostruttiv;

22.  Huwa tal-fehma li involviment Ewropew aktar profond fil-kunflitti ffriżati huwa indispensabbli sabiex il-proċessi ta' paċi jimxu 'l quddiem; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iqajmu din il-kwistjoni b'mod sod ma' l-entità ekwivalenti Russa u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Russja sabiex ma jopponux il-preżenza ta' l-UE f'operazzjonijiet ċivili u ta' żamma tal-paċi;

23.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri, u lill-gvern u l-parlamenti tal-Federazzjoni Russa.