Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0429/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0429/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.10.2007

sussegwentement għall-Mistoqsijiet li jitolbu Tweġiba Orali B6‑0319/2007 u B6‑0320/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Karl von Wogau, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra u Stefano Zappalà, f’isem il-Grupp PPE-DE
Josep Borrell Fontelles, Ana Maria Gomes u Alain Hutchinson, f’isem il-Grupp PSEAnnemie Neyts-Uyttebroeck u Elizabeth Lynne, f’isem il-Grupp ALDERyszard Czarnecki, Adam Bielan u Ģirts Valdis Kristovskis, f’isem il-Grupp UENAngelika Beer, Frithjof Schmidt u Raül Romeva i Rueda, f’isem il-Grupp Verts/ALEAndré Brie, Tobias Pflüger, Gabriele Zimmer, Luisa Morgantini, Kyriacos Triantaphyllides, Esko Seppänen u Erik Meijer, f’isem il-Grupp GUE/NGL
dwar ‘Lejn trattat dinji għall-projbizzjoni tal-munizzjon kollu tat-tip cluster’

Proċedura : 2007/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0429/2007
Testi mressqa :
B6-0429/2007
Testi adottati :

B6‑0429/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ‘Lejn trattat dinji għall-projbizzjoni tal-munizzjon kollu tat-tip cluster’

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-effetti ta’ ħsara ta’ xi tipi ta’ armamenti konvenzjonali (mini ta’ l-art u munizzjon tat-tip cluster, munizzjon ta’ l-uranju b’inqas radjuattività, granati tal-fosfru, fdalijiet tal-gwerra li ma splodewx (ERW)) użati kemm mill-Istati u kif ukoll minn organizzazzjonijiet mhux marbuta ma’ l-Istat,

–  wara li kkunsidra b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006,[1] li titlob lill-UE sabiex tappoġġja l-inizjattiva biex titfassal konvenzjoni komprensiva u effettiva biex ikun ipprojbit il-munizzjon tat-tip cluster fid-dinja kollha,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll V tat-28 ta’ Novembru 2003, dwar Fdalijiet Splussivi tal-Gwerra għall-Konvenzjoni tan-NU dwar Ċerti Armamenti Konvenzjonali (CCW), u filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tiegħu fit-12 ta’ Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Oslo adottata fit-22-23 ta’ Frar 2007 minn grupp ta' Stati, Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, il-Koalizzjoni għall-Munizzjon tat-tip Cluster u organizzazzjonijiet umanitarji oħra, li ftiehmu li sa l-2008 jinħoloq strument internazzjonali li jorbot legalment li jipprojbixxi l-użu, il-manifattura, it-trasferiment u l-ħażna ta’ munizzjon tat-tip cluster li jikkawża ħsara inaċċettabbli lill-popolazzjoni ċivili,

–  wara li kkunsdra l-abbozz ta’ mandat għal negozjati CCW dwar il-munizzjon tat-tip cluster ippreżentat mill-Ġermanja f’isem l-Unjoni Ewropea lill-Grupp ta’ Esperti tal-Gvern tas-CCW,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/528/CFSP tat-23 ta’ Lulju 2007 b’appoġġ għall-konvenzjoni dwar il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti armamenti konvenzjonali li jistgħu jitqiesu li jikkawżaw wisq ħsara jew li għandhom effetti indiskriminatorji, fil-qafas ta' l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni ġdida tan-NU dwar il-munizzjon tat-tip cluster fil-laqgħa tal-Prinċipali tan-NU fis-17 ta' Settembru 2007, fejn in-NU stiednet lill-Istati Membri biex ‘jittrattaw minnufih l-effetti orribbli umanitarji, fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-iżvilupp tal-munizzjon tat-tip cluster billi jiżviluppaw strument li jorbot legalment tal-liġi umanitarja internazzjonali li: jipprojbixxi l-użu, l-iżvilupp, il-manifattura, il-ħażna u t-trasferiment ta’ munizzjon tat-tip cluster li jikkawża ħsara inaċċettabbli lill-popolazzjoni ċivili; li jirrikjedi l-qerda tal-ħażniet attwali ta’ dak il-munizzjon; u li jaħseb għat-tneħħija, l-edukazzjoni dwar ir-riskji u attivitajiet oħra ta’ mitigazzjoni tar-riskji, għall-għajnuna lill-vittmi, għall-għajnuna u l-koperazzjoni, u għal miżuri ta' trasparenza’ u iddikjarat li ‘sakemm ikun adottat trattat bħal dan, in-NU tistieden lill-Istati biex ifasslu miżuri nazzjonali biex jitwaqqfu minnufih l-użu u t-trasferiment tal-munizzjon kollu tat-tip cluster’;

–  wara li kkunsidra u filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-‘Koalizzjoni għall-Munizzjon tat-tip Cluster’ magħmula minn madwar 200 organizzazzjoni mhux governattiva speċjalizzata,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ‘fdalijiet splussivi tal-gwerra’ (ERW) tirreferi għal munizzjon li ma splodiex, li kien ikkargat, iffjusjat, armat jew b'xi mod ieħor imħejji għall-użu u użat f’kunflitti armati u li kellu jisplodi iżda ma splodiex,

B.  billi l-frażi ‘munizzjon tat-tip cluster’ tirreferi għal sistemi ta’ armamenti li jintefgħu mill-ajru u li jiġu sparati mill-art,

C.  billi l-munizzjon tat-tip cluster, anke l-iktar tip modern, għandu rata ta’ falliment għolja immens, għaliex spiss ma jisplodix ma’ l-impatt u għalhekk jibqa’ ta’ periklu għall-komunitajiet għal ħafna żmien wara li l-kunflitt ikun intemm; billi ħafna tipi ta' munizzjon tat-tip cluster huma mgħammra bi fjusijiet sensittivi li jieħdu ma’ l-anqas kuntatt fiżiku, ħafna anqas mill-mini splussivi maħsuba biex joqtlu persunal militari,

D.  billi l-munizzjon tat-tip cluster ħafna drabi m'huwiex preċiż, jintuża kwantità kbira minnu kemm f’zoni rurali kif ukoll f’zoni urbani u jkopri zona wiesgħa wara li jintefa’, u b'hekk jipproduċi ammonti kbar ta' ERW,

E.  billi l-munizzjon tat-tip cluster spiss ma jiddiskriminax għaliex min jużah ma jistax jiddistingwi bejn il-persunal militari u l-popolazzjoni ċivili; billi kien dokumentat li 98% mill-vittmi ta' dan il-munizzjon huma mill-popolazzjoni ċivili,

F.  billi l-munizzjon tat-tip cluster għandu konsegwenzi umanitarji serji, għall-komunitajiet vulnerabbli u għall-ħaddiema li jagħtu għajnuna umanitarja, u billi r-rata ta’ l-imwiet u tal-korrimenti, speċjalment fost it-tfal, li huma attratti mid-daqs żgħir u mill-kuluri ta’ dawn l-armamenti, hija għolja,

G.  billi t-tipi kollha ta’ tagħmir li ma jistax jiġi mmanipulat għandhom fil-mira tagħhom il-persunal responsabbli għal operazzjonijiet umanitarji tat-tnehhija tal-mini,

H.  billi l-munizzjon tat-tip cluster li ma jisplodix għandu effett detrimentali fuq l-iżvilupp u r-rikostruzzjoni, filwaqt li t-theddida ta’ munizzjon li ma splodiex ma tippermettix l-aċċess għat-toroq, għall-bini u għall-infrastruttura kritika kif ukoll l-użu ta’ art agrikola, u għaldaqstant ixxekkel in-negozju u l-komunikazzjonijiet lokali u taffettwa is-sigurtà tal-provvista ta’ l-ikel, u tista’ tostakola l-provvediment ta’ għajnuna umanitarja,

I.  billi l-pajjiżi magħrufa li kienu affettwati mill-munizzjon tat-tip cluster jinkludu whud mill-ifqar pajjiżi tad-dinja, u billi ta' spiss f'dawn il-pajjiżi l-ifqar nies ikunu l-vittmi ewlenin,

J.  billi hemm evidenza li l-munizzjon tat-tip cluster jinħażen f’aktar minn 15-il Stat Membru u huwa mmanifatturat f'talanqas 10 Stati Membru ta' l-UE,

K.  billi l-‘liġi Mahoux’ li tipprojbixxi l-iffinanzjar, il-manifattura, l-użu u l-ħażna ta’ munizzjon tat-tip cluster, kienet adottata mill-Belġju fis-26 ta’ April 2007,

1.  Jerġa’ jafferma l-ħtieġa li tissaħħaħ il-liġi umanitarja internazzjonali (IHL) billi tapplika għall-munizzjon tat-tip cluster, u li tiġi adottata malajr f'livell internazzjonali projbizzjoni komprensiva fuq l-użu, il-manifattura, it-trasferiment u l-ħażna ta' munizzjon tat-tip cluster, u għalhekk jappoġġja bil-qawwa il-Proċess ta' Oslo mniedi fi Frar 2007;

2.  Jitlob moratorju immedjat fuq l-użu, l-investiment, il-ħażna, il-manifattura, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ munizzjon tat-tip cluster, inklużi munizzjon tat-tip cluster li jintefa’ mill-ajru u bombi żgħar (submunition) sparati permezz ta’ missili, rokits, u projettili ta’ l-artillerija, sakemm jiġi nnegozjat trattat internazzjonali li jorbot biex ikunu pprojbiti l-manifattura, il-ħażna, l-esportazzjoni u l-użu ta’ dawn l-armamenti;

3.  Jistieden lill-Istati Membri kollha ta’ l-UE biex jadottaw miżuri nazzjonali li jipprojbixxu bis-sħiħ l-użu, il-manifattura, l-esportazzjoni u l-ħażna ta’ bombi tat-tip cluster;

4.  Jistieden lill-Istati kollha li użaw munizzjon tat-tip cluster u armamenti simili li jħallu fdalijiet splussivi tal-gwerra, sabiex jaċċettaw ir-responsabiltà għat-tneħħija ta’ dan il-munizzjon, u b’mod partikulari biex iżommu rekords eżatti ta’ fejn intuża munizzjon bħal dan, sabiex ikun jista’ jitneħħa wara l-kunflitti; iqis li rekords bħal dawn għandhom jintużaw biex jingħataw twissijiet ċari ta' zoni perikolużi lill-popolazzjonijiet lokali u lill-ħaddiema li jagħtu għajnuna umanitarja skond il-Protokoll V dwar l-ERW;

5.  Jinsisti li t-truppi ta’ l-UE fl-ebda ċirkustanza jew kundizzjoni m’għandhom jużaw xi tip ta’ munizzjon tat-tip cluster sakemm tkun innegozjata ftehima internazzjonali dwar ir-regolazzjoni, ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni ta’ dawn l-armamenti;

6.  Jenfasizza r-responsabiltà ta’ Stat li jikkontrolla territorju li jagħti twissijiet, u li jieħu miżuri għall-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili, anke permezz ta’ l-edukazzjoni, u li jagħti informazzjoni speċjali dwar l-għajnuna lill-vittmi ta’ l-ERW;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha li użaw il-munizzjon tat-tip cluster biex jipprovdu l-għajnuna lill-popolazzjonijiet affettwati;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid b'urġenza l-għajnuna finanzjarja lill-komunitajiet u lill-individwi affettwati minn munizzjon tat-tip cluser li ma splodiex, permezz ta’ l-istrumenti kollha disponibbli;

9.  Iħeġġeġ lill-istati kollha li m’humiex firmatarji għall-Protokoll V dwar l-ERW biex jiffirmawh u jirratifikawh, u biex jirrispettaw it-tifsira tiegħu waqt il-perjodu interim;

10.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Istati Membri biex jistabbilixxu mandat għan-negozjar ta' protokoll ġdid għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċerti Armamenti Konvenzjonali li jittratta l-problemi umanitarji kollha marbuta ma’ l-użu ta’ munizzjon tat-tip cluster, u jiddispjaċih li s’issa għadu ma sar l-ebda progress reali;

11.  Jitlob lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni biex l-Istati Membri kollha ta’ l-UE jimpenjaw ruħhom biex jinkiseb mandat b’saħħtu għal negozjati fis-CCW u biex jappoġġja b'mod attiv il-Proċess ta’ Oslo;

12.  Jiġbed l-attenzjoni li biex kwalunkwe strument internazzjonali jkun effettiv, dan irid jinkludi talanqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

  • (a)projbizzjoni fuq l-użu, il-manifattura, l-iffinanzjar, it-trasferiment u l-ħażna ta’ munizzjon tat-tip cluster;
  • (b)projbizzjoni fuq għajnuna lil kulmin juża, jimmanifattura, jittrasferixxi jew jaħżen munizzjon tat-tip cluster;
  • (c)obbligu li jinqerdu l-ħażniet ta’ munizzjon tat-tip cluster f’perjodu ta' żmien speċifikat, li għandu jkun qasir kemm jista' jkun;
  • (d)obbligu li jiġu mmarkati, imdawra u mnaddfa z-zoni kontaminati mill-aktar fis possibbli, iżda mhux    aktar tard minn skadenza speċifikata, u li tiġi stabbilita u tinżamm kapaċità effettiva biex jittieħdu dawn l-azzjonijiet; obbligu li tingħata l-għajnuna permezz ta' mmarkar u iżolament u twissijiet oħra, flimkien ma' edukazzjoni dwar ir-riskji u tindif taz-zoni affetwati; l-utenti ta' munizzjon tat-tip cluster għandu jkollhom obbligi speċjali biex jipprovdu għajnuna bħal din, inkluż il-provvediment ta’ informazzjoni f’waqtha u dettaljata dwar l-użu;
  • (e)obbligu li tingħata għajnuna lill-vittmi, pereżempju bl-implimentazzjoni tal-ġbir ta’ data, il-kura medika ta' emerġenza u kontinwa, ir-rijabilitazzjoni fiżika, l-appoġġ psikoloġiku, l-inklużjoni soċjali, l-inklużjoni u/jew ir-reintegrazzjoni ekonomika, l-appoġġ legali u liġijiet u politiki dwar id-diżabilitajiet;

13.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew ikun irrappreżentat fil-konferenzi li se jsiru dalwaqt fil-qafas tal-Proċess ta’ Oslo;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-‘Koalizzjoni għall-Munizzjon tat-tip Cluster’.