imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jean Lambert u Cem Özdemir
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Pakistan
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi fit-3 ta' Novembru 2007 l-President Pervez Musharraf, fil-kapaċità tiegħu tal-Kap ta' l-Istaff ta' l-Armata, iddikjara stat ta' emerġenza, issospenda l-kostituzzjoni u ppromulga Ordni Kostituzzjonali Proviżorja (PCO),
B.
billi din il-mossa saret ftit qabel is-sentenza mistennija mill-Qorti Suprema dwar il-legalità tat-tielet perjodu ta' presidenza l-ġdid tal-President li xorta baqa' l-kap tal-forzi armati, u billi bosta avukati u ċittadini mħassbin rreaġixxew billi ħarġu jipprotestaw fit-toroq, u eluf minnhom ġew imsawta b'mod brutali u arrestati,
C.
billi seba' membri tal-Qorti Suprema stqarrew li l-PCO tmur kontra l-kostituzzjoni; billi taħt din it-tmexxija ta' emerġenza, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini - bħad-dritt għas-sigurtà tal-persuna, id-dritt għal-libertà mill-arrest arbitrarju u d-detenzjoni, kif ukoll id-dritt tal-moviment, ta' l-assemblea, ta' l-assoċjazzjoni u tal-kelma - huma sospiżi,
D.
billi l-PCO tipprojbixxi lil kwalunkwe qorti li toħroġ xi ordni kontra l-President, il-Prim Ministru jew kwalunkwe persuna li teżerċita s-setgħa taħt l-awtorità tagħhom u tissospendi b'mod effettiv lill-membri tal-ġudikatura għolja sakemm dawn jieħdu ġurament ġdid li jiddefendu l-PCO; billi 55 mis-97 imħallef tal-Qorti Suprema u l-erba' qrati għoljin irrifjutaw li jieħdu dan il-ġurament,
E.
billi l-iżjed membri superjuri influwenti tal-ġudikatura tpoġġew taħt arrest domiċiljarju, notevolment il-Prim Imħallef Iftikar Chaudhry, il-President tal-Kamra ta' l-Avukati tal-Qorti Suprema Aitzaz Aksan, kif ukoll bosta attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, inkluż Asma Jahangir, ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libertà Reliġjuża u attivisti politiċi;
F.
billi fl-4 ta' Novembru 2007 sar rejd mill-pulizija fl-uffiċċju tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan u ġew arrestati iżjed minn 50 attivist favur id-drittijiet tal-bniedem;
G.
billi l-gvern ħareġ ukoll l-ordinanza dwar l-Awtorità Regolatorja tal-Midja Elettronika tal-Pakistan (PEMRA) li tipprojbixxi lill-ġurnalisti milli jikkritikaw lill-kap ta' l-istat, lill-militar u lill-ġudikatura u li tillimita d-drittijiet ta' l-istazzjonijiet tat-televiżjoni privati,
H.
billi Benazir Bhutto, l-iżjed mexxeja prominenti ta' l-oppożizzjoni, tpoġġiet taħt arrest domiċiljarju għal bosta sigħat, u billi r-ràli ta' protesta tal-partit tagħha ġiet ipprojbita,
I.
billi l-perjodi parlamentari ta' l-assemblei federali u provinċjali jiskadu fil-15 ta' Novembru 2007 u l-President Musharraf ħabbar it-twaqqif ta' gvern temporanju u reġa' kkonferma l-5 ta' Jannar 2008 bħala d-data ta' l-elezzjoni;
J.
billi l-eżenzjoni parlamentari speċjali għall-President Musharraf li tippermettilu li jżomm ir-rwol doppju tiegħu bħala president u kap ta' l-armata jiskadi wkoll fil-15 ta' Novembru 2007,
1.
Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-irġigħ lura serju ta' l-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Pakistan, li mhux biss ifixkel l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Pakistan għall-paċi u l-iżvilupp, iżda jipperikola wkoll is-sigurtà tal-ħażna ta' l-armi nukleari tiegħu u l-istabilità fir-reġjun kollu;
2.
Jiddispjaċih għall-fatt li l-President Musharraf qiegħed jirriskja li jikkomprometti l-progress ċar li għamel il-Pakistan f'dawn l-aħħar snin f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-indipendenza tal-ġudikatura u mal-libertà ta' l-istampa;
3.
Jistieden lill-President Musharraf biex:
*
itemm it-tmexxija ta' emerġenza u jirrevoka l-PCO immedjatament;
*
jikkonforma ma' l-iskadenza tal-15 ta' Diċembru għall-eżenzjoni parlamentari u jirriżenja minn kap ta' l-armata;
*
jerġa' jistabbilixxi l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Pakistan, inklużi l-ex imħallfin tagħha, b'mod notevoli l-Prim Imħallef Iftikar Chaudhry, u biex jirrispetta s-sentenza pendenti dwar il-legalità tal-presidenza tiegħu;
4.
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Pakistan biex iwaqqfu l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet u biex jiżguraw li ħadd ma jkun soġġett għat-tortura jew għal trattament jew kastigi degradanti jew inumani; jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta' dawk kollha li ġew arrestati sempliċiment għax eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà, ta' l-assoċjazzjoni u ta' l-assemblea;
5.
Jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira tal-President Musharraf li se jinħoloq gvern temporanju u l-konferma li d-data ffissata tal-5 ta' Jannar għall-elezzjonijiet parlamentari se tkun rispettata;
6.
Jinsisti li l-mexxejja tal-partiti għandhom jitħallew jikkontestaw għal dawn l-elezzjonijiet, inkluż l-ex Prim Ministru Nawaz Sharif;
7.
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimponu projbizzjonijiet fuq l-ivjaġġar għall-membru tal-gvern, ġenerali u uffiċjali għoljin sakemm titneħħa t-tmexxija ta' emerġenza;
8.
Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex iwaqqfu kompletament il-bejgħ ta' l-armi lill-Pakistan u l-koperazzjoni militari miegħu sakemm jiddaħħlu lura l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-pajjiż;
9.
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, biex hekk kif jiġu stabbiliti mill-ġdid l-istat tad-dritt u d-demokrazija, iżidu l-għajnuna lill-Pakistan u iċaqalquha mill-miżuri ta' kontra t-terroriżmu għall-edukazzjoni, is-saħħa, it-tisħiħ tas-setgħat tan-nisa u l-ħolqien ta' l-impjiegi;
10.
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern tal-Pakistan.