imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn André Brie u Jaromír Kohlíček
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar is-sitwazzjoni fil-Pakistan
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Pakistan
B6‑0474/2007
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp, li l-konklużjoni tagħha kienet approvata mill-Parlament fit-22 ta' April 2004,
–
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE/Pakistan tat-8 ta' Frar 2007 dwar il-Ftehima ta' Koperazzjoni ta' l-2004, ftehima li fiha ż-żewġ naħat jintrabtu li jiżviluppaw djalogu politiku wiesa' u formalizzat li jkopri, inter alia, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-Pakistan li jitolbu t-twaqqif ta' ordni demokratiku u garanziji tad-drittijiet tal-bniedem,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
jinsab allarmat sew dwar il-fatt li l-Ġeneral Pervez Musharraf tal-Pakistan issospenda l-Kostituzzjoni tal-Pakistan u l-libertajiet demokratiċi kollha permezz ta' Ordni Kostituzzjonali Proviżorja (PCO),
B.
huwa mħasseb ħafna li eżatt qabel ma kienet se tippronunzja ruħha dwar il-legalità ta' l-elezzjoni mill-ġdid f'Ottubru 2007 tal-Ġeneral Musharraf bħala President, il-Qorti Suprema ġiet de facto xolta,
C.
filwaqt li jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-protesti paċifiċi ta' eluf ta' avukati, attivisti tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem u mexxejja politiċi eminenti, u filwaqt li jikkundanna l-vjolenza mill-pulizija kontra d-dimostranti u l-arresti li seħħew fuq skala kbira mingħajr akkuża jew fuq akkużi ta' terroriżmu mingħajr ebda bażi fattwali;
D.
filwaqt li jikkundanna l-fatt li l-eks Prim Ministru, Nawaz Sharif, ġie eżiljat kontra r-rieda tiegħu u mwaqqaf milli jirritorna d-dar u jipparteċipa fil-proċess demokratiku, minkejja dikjarazzjoni mill-Qorti Suprema tal-Pakistan fit-23 ta' Awwissu 2007 li ċ-ċittadini kollha Pakistani għandhom 'dritt invjolabbli li jidħlu u li jibqgħu fil-pajjiż',
E.
huwa estremament imħasseb dwar id-detenzjoni u ż-żamma taħt arrest domiċiljarju ta' mħallfin, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, Asma Jahangir, u kif ukoll membri tal-Qorti Suprema; jinsab allarmat li għad hemm fis-seħħ ordni ta' detenzjoni kontra Hina Jilani, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
F.
filwaqt li jikkundanna r-restrizzjonijiet estensivi li tpoġġew fuq il-midja, b'mod partikolari s-sospensjoni tax-xandiriet ta' l-istazzjonijiet kollha internazzjonali u ta' dawk nazzjonali li huma tal-privat, kif ukoll l-attakki serji li saru kontra l-ġurnalisti minn membri tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà,
G.
huwa mħasseb li l-politika tal-President Musharraf twassal għal instabilità akbar fil-pajjiż u b'hekk tinkoraġġixxi l-vjolenza u l-estremiżmu, u jinsab preokkupat dwar theddid għall-paċi u għall-istabilità fil-viċinat tal-Pakistan u fir-reġjun kollu kemm hu,
H.
filwaqt li jikkritika l-mod kif il-President Musharraf irnexxielu jsib mod kif jerġa' jiġi elett bħala l-President meta l-oppożizzjoni kollha kienet assenti mill-Parlament Pakistani;
I.
filwaqt li jfakkar li l-President Musharraf għadu ma onorax il-wegħda tiegħu, li kienet saret lura fl-1999, li 'l-forzi armati m'għandhom l-ebda intenzjoni li jibqgħu fit-tmexxija aktar milli hu assolutament neċessarju biex titwitta t-triq sabiex il-vera demokrazija titkattar fil-Pakistan',
J.
filwaqt li jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-UE għalqet għajnejha quddiem ir-realtajiet politiċi fil-Pakistan; jinnota li din il-politika ta' pplakar u assistenza militari mill-Istati Uniti, l-UE u l-Istati Membri tagħha lill-gvern militari tal-Pakistan ikkontribwixxiet għall-kriżi politika serja fil-pajjiż, b'konsegwenzi estremament perikolużi għar-reġjun kollu kemm hu;
1.
Jistieden lill-Gvern Pakistani biex immedjatament itemm l-istat ta' emerġenza, jerġa' jdaħħal it-tmexxija kostituzzjonali, ineħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' l-opinjoni u ta' l-espressjoni, inkluża l-libertà ta' l-istampa, itemm it-trażżin tal-ġudikatura, l-avukati, il-midja, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-avversarji politiċi, jerġa' jagħti l-kariga li kellu lill-Prim Imħallef tal-Pakistan, Iftikhar Chaudhry, u lill-onorevoli mħallfin l-oħra, u jeħles immedjatament liċ-ċittadini kollha li espremew l-oppożizzjoni tagħhom kontra l-azzjonijiet tal-President Musharraf;
2.
Jistieden lill-UE, l-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali kollha biex tikkundanna immedjatament l-azzjonijiet tal-President Musharraf u jitlob li jerġgħu jiddaħħlu immedjatament id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Pakistan; jistieden lis-sħab militari, ekonomiċi u politiċi tal-Pakistan, b'mod partikolari l-Istati Uniti ta' l-Amerika, biex iwaqqfu immedjatament kull għajnuna militari u ekonomika lill-Pakistan sakemm il-President Musharraf jerġa' jdaħħal sistema politika li hi rappreżentattiva b'mod sħiħ u li taħdem b'mod demokratiku;
3.
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu sinjal ċar li l-bażi għat-tkomplija tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Pakistan hija d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; Huwa tal-fehma li sakemm id-demokrazija u l-istat tad-dritt jerġgħu jiddaħħlu, il-Ftehima ta' Koperazzjoni dwar l-Isħubija u l-Iżvilupp bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan għandha tiġi sospiża;
4.
Jistieden lill-President Musharraf, f'konformità max-xewqat tal-poplu tal-Pakistan u mal-wegħda tiegħu stess lill-ġudikatura u lill-poplu, biex jirriżenja immedjatament mill-kariga ta' kap ta' l-armata;
5.
Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-influwenza tal-militar fuq is-soċjetà Pakistana b'mod ġenerali; jitlob il-limitazzjoni ta' l-irwol u l-influwenza tal-militar u ta' gruppi armati oħra u jitlob it-twaqqif mill-ġdid ta' istituzzjonijiet demokratiċi; jenfasizza li t-tranżizzjoni għal tmexxija ċivili u istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom huma l-unika mod kif jiġu indirizzati l-isfidi li qed taffaċċja s-soċjetà Pakistana; jesprimi t-tħassib li fiċ-ċirkostanzi attwali l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti mingħajr interferenza mill-militar u minn barra mhumiex issodisfati;
6.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kungress Amerikan u lill-Amministrazzjoni u l-Gvern tal-Pakistan.