Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0475/2007

Testi mressqa :

B6-0475/2007

Dibattiti :

PV 14/11/2007 - 8
CRE 14/11/2007 - 8

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2007 - 5.8
CRE 15/11/2007 - 5.8

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 91kDOC 55k
13 ta' Novembru 2007
PE396.141v01-00
 
B6‑0475/2007
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Frank Vanhecke, Philip Claeys u Koenraad Dillen
f'isem il-Grupp ITS
dwar il-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan 
B6‑0475/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-3 ta' Novembru 2007 l-mexxej militari tal-Pakistan, il-Ġeneral Pervez Musharraf, issospenda l-Kostituzzjoni tal-Pakistan u ddikjara l-istat ta' emerġenza bħala risposta għad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li jekk jerġa jiġi elett bħala President, ikun qed imur kontra l-kostituzzjoni għaliex huwa wkoll il-kmandant suprem ta' l-armata,

billi bosta mħallfin għolja tneħħew mill-kariga u tqiegħdu taħt arrest domiċiljari,

billi l-Ġeneral Pervez Musharraf ħatar imħallfin ġodda għall-Qorti Suprema biex japprovaw l-istat ta' emerġenza ddikjarat fl-Ordni Kostituzzjonali Proviżorja,

billi, bħala riżultat tad-dikjarazzjoni ta' l-istat ta' emerġenza, mijiet ta' avukati, imħallfin, ġurnalisti u oħrajn li jopponu lir-reġim diġà ġew arrestati,

billi bosta rapporti jindikaw li wħud minn dawn in-nies li ġew arrestati kienu u qed jiġu ttorturati mis-servizzi ta' sigurtà militari tal-Pakistan,

billi, minħabba d-dikjarazzjoni ta' l-istat ta' emerġenza, stazzjonijiet indipendenti tat-televiżjoni u tar-radju ma għadhomx jitħallew ixandru mit-territorju tal-Pakistan u billi ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida li tillimita l-libertà ta' l-istampa,

billi, sa mid-dikjarazzjoni ta' l-istat ta' emerġenza, mijiet ta' membri tal-Partit Liberali tal-Poplu tal-Pakistan (PPP) tal-ex Prim Ministru Benazir Bhutto ġew arrestati,

billi, bħala konsegwenza ta' l-użu tal-forza militari mill-Ġeneral Musharraf kontra min jopponi r-reġim militari, fundamentalisti Islamiċi armati qed jimlew aktar ma jmur il-vojt ta' poter li nħoloq f'bosta partijiet tal-pajjiż u jsaħħu l-qabda tagħhom fuq il-Lvant tal-Pakistan,

billi n-nuqqas totali ta' appoġġ pubbliku għar-reġim militari ta' Musharraf issa qed jibda jħalli riperkussjonijiet fuq l-armata nnifisha, li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed issir demoralizzata, u billi f'xi postijiet ħafna qed jitilqu l-armata biex jingħaqdu mal-fundamentalisti Islamiċi u għalhekk ma għadhomx fattur ta' min joqgħod fuqu fil-ġlieda kontra t-Taliban u l-fundamentalisti Islamiċi ġenerali,

1.  Jikkundanna d-dikjarazzjoni ta' l-istat ta' emerġenza, u jitlob li l-ordni kostituzzjonali jerġa' jiddaħħal u li l-libertajiet fundamentali bħal-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà ta' l-istampa u d-dritt għal ġuri ġust u imparzjali jerġgħu jiġu stabbiliti mingħajr ebda kundizzjoni;

2.  Jitlob biex il-persuni arrestati b'mod illegali jinħelsu;

3.  Jinnota li t-tneħħija ta' l-imħallfin mill-kariga u t-tqegħid tagħhom taħt arrest domiċiljari jmur kontra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura u jitlob li dawn jinħelsu immedjatament u jeġgħu jingħataw il-kariga tagħhom;

4.  Jistieden lill-Ġeneral Musharraf biex jirriżenja immedjatament bħala kmandant suprem ta' l-armata, u b'hekk jirrispetta l-Kostituzzjoni;

5.  Jistieden lill-Ġeneral Musharraf biex jorganizza elezzjonijiet f'Jannar 2008 u jiżgura li l-elezzjonijiet ikunu sigrieti, ħielsa u ġusti;

6.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-vojt ta' poter li nħoloq, dwar tkabbir tat-'Talibanizzazzjoni' fil-Lvant tal-Pakistan u żoni oħra u dwar l-affidabilità li qed tonqos malajr ta' l-armata tal-Pakistan fil-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu Islamiku;

7.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Pakistan.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Novembru 2007Avviż legali