MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
11.12.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hanna Foltyn-Kubicka, Ryszard Czarnecki, Brian Crowley, Inese Vaidere, Ģirts Valdis Kristovskis, Roberts Zīle u Ewa Tomaszewska,
f'isem il-Grupp UEN
dwar id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina
B6‑0545/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
Il-Parlament Ewropew,
– - wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta ta' l-10 Sammit UE-Ċina li sar f'Beijing fit-28 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ pubbliku li saret fis-26 ta' Novembru 2007, mis-Sottokumitat tiegħu dwar 'Id-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina matul il-perjodu li jwassal għall-Olimpijadi',
– wara li kkunsidra r-rounds tad-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saru f'Beijing fis-17 ta' Ottubru 2007 u f'Berlin fil-15 u s-16 ta' Mejju 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tas-6 ta' Settembru 2007 dwar it-tħaddim tad-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u r-Rappreżentanti tad-Dalai Lama,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina;
– wara li kkunsidra t-Tregwa dwar l-Olimpijadi min-NU, kif għaddiet mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2007 (GA/10650), li stiednet lill-istati membri tan-NU biex iħarsu u jippromwovu l-paċi matul il-Logħob Olimpiku,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kwalunkwe deċiżjoni sabiex jinbeda djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem tittieħed fuq il-bażi ta’ ċerti kriterji adottati mill-Kunsill li, b'mod partikulari, iqisu t-tħassib ewlieni ta’ l-UE dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post fil-pajjiż konċernat, impenn ġenwin min-naħa ta’ l-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat, fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ djalogu, sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post, u l-impatt pożittiv li jista’ jkollu djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
B. billi l-Logħob Olimpiku f'Beijing ta' l-2008 għandu jikkostitwixxi opportunità storika għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina,
C. wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex il-logħob Olimpiku ta' l-2008 jsir f'Beijing u l-impenji internazzjonali tal-Gvern taċ-Ċina fid-dokument "Il-Wegħdi ta' Beijing", li jistipula l-modi ewlenien għat-titjib tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina permezz ta' l-espansjoni ta' l-ispazju ċivili indipendenti u ta' l-aċċess għall-informazzjoni, l-appoġġ tar-riformi u l-attivitajiet domestiċi, u filwaqt li jsir monitoraġġ tal-progress rigward id-drittijiet tal-bniedem,
D. jiddispjaċih li, minkejja li l-Gvern Ċiniż irrepeta dikjarazzjonijiet li għandu l-intenzjoni li jirratifika l-ICCPR, tali ratifika għadha pendenti,
E. billi l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u billi sħubija strateġika ġenwina għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni, iżda r-relazzjonijiet ta' kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u ċ-Ċina neħħew l-enfasi minn fuq il-kwistjoni ta' riformi demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
F. Billi, minbarra l-valuri demokratiċi, il-kredibilità, l-istabilità u r-responsabilità għandhom jikkostitwixxu l-bażi fundamentali għar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,
G. billi f'Marzu ta' l-2004 ċ-Ċina inkludiet dispożizzjoni fil-kostituzzjoni tagħha li permezz tagħha id-drittijiet tal-bniedem jiġu rrispettati u garantiti mill-Istat; billi ċ-Ċina ffirmat iżda ma rratifikatx il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-ICCPR),
H. billi l-wegħda ta' titjib tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari l-libertà tal-midja, fiċ-Ċina kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex il-logħob Olimpiku ta' l-2008 jsir f'Beijing,
I. billi hemm rapporti disturbanti u kontinwi ta' priġuneriji minħabba raġunijiet politiċi, b'mod partikulari ta' ġurnalisti, attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, membri ta' minoritajiet reliġjużi u etniċi, allegazzjonijiet ta' tortura, użu mifrux ta' xogħol sfurżat, użu frekwenti tal-piena tal-mewt u repressjoni sistematika tal-libertà tar-reliġjon, tal-libertà tal-kelma u tal-midja, inkluż l-Internet,
J. billi l-portali tal-'Google', tal-'Yahoo' u ta' numru dejjem ikbar ta' oħrajn ċedew għar-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi, u b'hekk ma jagħtux aċċess għall-websajts li jkun fihom elementi u kliem ta' kritika bħal 'Tajwan', 'indipendenza', 'Tibet' u 'Tiananmen',
K. billi bosta dissidenti taċ-ċibernetika, inklużi dawk nominati għall-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew, Zeng Jinyan u Hu Jia, fix-xhur reċenti ġew ikkundannati għal sentenzi ta' ħabs jew ta' 'arresti preventivi',
L. billi ċ-Ċina ġiet il-163 minn 168 pajjiz fil-ħames Indiċi dinji u annwali tal-Libertà ta' l-Istampa mħejji mill-'Korrispondenti Mingħajr Fruntieri', biex b'hekk waqgħu mill-159 post li kienu qed iżommu fl-2005; billi ċ-Ċina hija l-pajjiż li jitfa' l-ikbar numru ta' ġurnalisti l-ħabs fid-dinja għat-tmien sena konsekuttiva, b'31 ġurnalist mibgħuta l-ħabs fl-2006,
M. billi, minħabba kontrolli stretti magħmula mill-Gvern Ċiniż fuq l-informazzjoni dwar iż-żoni tat-Tibet taċ-Ċina u fuq l-aċċess għal dawn iż-żoni, huwa diffiċili ħafna li wieħed jiddetermina b'mod preċiż il-kobor ta' l-abbużi,
Is-Sammit UE-Ċina
1. Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' kienux aktar 'il fuq fl-aġenda tas-Sammit EU-Ċina, sabiex jingħata aktar piż politiku lit-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE ma ħaditx l-opportunità ta' l-Olimpijadi li ġejjin sabiex tindirizza t-tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;
2. Jitlob, fl-istess waqt, iżjed koereenza u konsistentanza dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u s-sigurtà; għalhekk, iħeġġeġ l-UE biex tiżgura li r-relazzjoni kummerċjali tagħha maċ-Ċina tkun kontinġenti fuq riformi dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jagħmel evalwazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jiffinalizza kwalunkwe Ftehima ta' Qafas ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida;
3. Jinsisti li l-embargo ta' l-armi min-naħa ta' l-UE kontra ċ-Ċina għandu jibqa' kif inhu sakemm isir progress ikbar fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-Istati Membri ta' l-UE li l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi jinkludi, bħala kriterju, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni aħħarija ta' dawn l-esportazzjonijiet;
Id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina matul il-perjodu li jwassal għal-Logħob Olimpiku ta' l-2008 f'Beijing
4. Jenfasizza li l-Gvern għandu jżomm il-wegħdi tiegħu dwar it-titjib tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina bħala kundizzjoni neċessarja għas-suċċess tal-Logħob Olimpiku - avveniment li jiċċelebra l-paċi, id-diversità kulturali, razzjali u reliġjuża u kif ukoll l-isport u sabiex jiġi garantit li l-Olimpijadi jistabbilixxu bażi fit-tul għal trasparenza akbar;
5. Iqis li għandu jkun hemm aktar attenzjoni partikulari fuq it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem matul it-tħejjijiet għal-Logħob Olimpiku f'Beijing; itenni l-ħtieġa ta' rispett tal-prinċipji etiċi fundamentali universali u l-promozzjoni ta' soċjetà paċifika li timpenja ruħha fil-preservazzjoni tad-dinjità tal-bniedem, kif imħaddna fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta Olimpika;
6. Jenfasizza r-responsabilità ta' l-UE biex taġixxi b'vuċi waħda u li taħdem mal-Kumitati Nazzjonali Olimpiċi tagħha u ma' l-isponsors Olimpiċi li huma bbażati fl-UE sabiex toħloq bażi għal imġiba responsabbli fit-tħejjija, matul u wara l-Olimpijadi;
7. Huwa mħasseb ħafna biż-żieda riċenti ta' persekuzzjonijiet politiċi, konnessi ma' l-Olimpijadi, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati, persuni li jressqu petizzjonijiet, attivisti tas-soċjetà ċivili u prattikanti tal-Falun Gong, li qegħdin jinżammu f'kampijiet jew fi sptarijiet mentali, jew jinsabu taħt arrest preventiv, u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwaqqfu dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jistieden liċ-Ċina biex tieħdu passi konkreti sabiex tagħti l-libertà ta' l-espressjoni, u biex tirrispetta l-libertà ta' l-istampa, kemm fir-rigward tal-ġurnalisti Ċiniżi u kif ukoll fir-rigward tal-ġurnalisti barranin; iqajjem tħassib partikulari dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-regolament il-ġdid rigward ġurnalisti internazzjonali li jaħdmu fiċ-Ċina, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex iwaqqfu immedjatament iċ-ċesnura u l-imblukkar ta' eluf ta' websajts ibbażati barra l-pajjiż; jitlob għall-ħelsien tal-ġurnalisti, ta' l-utenti ta' l-Internet u tad-dissidenti ċibernetiċi li jinsabu miżmuma fiċ-Ċina talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni;
9. Jistieden lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex jiżgura li ċ-Ċina żżomm il-wegħdi tagħha li tagħti l-libertà lill-istampa u biex joħroġ stqarrija politika kemm jista' jkun malajr dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina;
10. Jinsisti li ċ-Ċina trid tirrispetta l-impenji u l-obbligi tagħha bħala l-pajjiż ospitant ta' l-Olimpijadi, u li għandha tagħmel il-kuntratt tal-belt ospitanti disponibbli għall-pubbliku;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema li huma garantiti bil-liġi ta' madwar miljun ħaddiem migrant li qegħdin jaħdmu fuq il-proġetti ta' kostruzzjoni f'Beijing, li huma direttament jew indirettament konnessi mat-tħejjijiet għal-Logħob Olimpiku ta' l-2008;
12. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex ma jibqgħux jiksru d-dritt fundamentali għall-housing permezz tat-twaqqigħ ta' żoni residenzjali f'Beijing u taċ-ċaqliq furzat tar-residenti ta' dawn iż-żoni matul il-bini tal-postijiet u l-infrastruttura relatati mal-Logħob Olimpiku ta' l-2008;
13. Jikkundanna l-arrest ta' żewġ korrispondenti ta' l-"Agence France-Presse" fir-12 ta' Settembru, kif irrapportat mill-'Human Rights Watch', li juri li r-regoli anqas stretti għall-ġurnalisti barranin li ddaħħlu f'Jannar ta' l-2007 u li jiggarantixxu l-moviment ħieles u l-libertà li jieħdu intervisti, qed jiġu applikati b'mod erratiku; jinnota li Dan Griffiths, korrispondent tal-BBC World Service u seba' ġurnalisti barranien ma tħallewx jattendu ċerti postijiet u ġew irreġistrati f'għases tal-pulizija lokali,
14. Jesiġi li l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-ġurnalisti Ċiniżi dwar il-kisba ta' l-informazzjoni u biex jesprimu l-fehmiet tagħhom, jiġu applikati wkoll għall-kollegi barranin tagħhom;
15. Jikkundanna l-'blacklisting' ta' 42 kategorija ta' nies, bħad-Dalai Lama u l-assoċjati tiegħu, u l-ġurnalisti u l-attivitsi favur id-drittijiet tal-bniedem, azzjoni li ma tippermettix li huma jidħlu fiċ-Ċina matul l-Olimpijadi;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod speċifiku jqajmu l-każijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin: Hu Jia u Zeng Jinyan, nominati għall-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għall-2007 għall-Libertà tal-Ħsieb; Niu Jinping, Zhang Lianying, Cao Dong, Chen Guangcheng, Li Heping, Guo Feixiong, Lu Gengsong Yang Chunlin, Gao Zhisheng u Gong Haoming;
17. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tal-liberazzjoni tal-ħabsin li nżammu minħabba l-involviment tagħhom fil-manifestazzjonijiet fil-Pjazza Tiananmen u, bl-istess mod, jiddispjaċih li l-awtoritajiet Ċiniżi qed ikomplu jinjoraw is-sejħiet għal inkjesta sħiħa u imparzjali fl-avvenimenti ta' l-1989; jitlob li ssir evalwazzjoni mill-ġdid uffiċjali ta' l-inċidenti tal-Pjazza ta' Tiananmen mill-awtoritajiet;
18. Jistieden liċ-Ċina biex tipprovdi assigurazzjonijiet li t-tagħmir ta' sigurtà tagħha m'huwiex se jintuża kontra l-attivisti u l-membri tas-soċjetà ċivili;
19. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-komunità internazzjonali biex jagħtu attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jissorveljawha, fil-fażi ta' tħejjija, matul u wara l-Logħob Olimpiku;
20. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħmlu riforma tas-sistema ta' sigrieti statali li m'hijiex trasparenti, li tippermetti li jsir ksur tad-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni u ta' aċċess għall-informazzjoni, u li tipperikola l-bażi għal governanza tajba u għall-istat tad-dritt;
21. Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Konvenzjonijiet 29 u 105 ta' l-ILO dwar il-Qerda tax-Xogħol Sfurzat u Obbligatorju; jistieden liċ-Ċina biex tagħti impenn bil-miktub, fir-rigward ta' kwalunkwe prodott li jiġi esportat, li dan ma jkunx ġie prodott permezz ta' xogħol sfurzat f'kamp Laogai u, jekk ma tkunx tista' tingħata din l-assigurazzjoni, jinsisti li l-Kummissjoni tipprojbixxi l-importazzjoni ta' dan il-prodott fl-UE;
22. Jsprimi tħassib serju dwar l-applikazzjoni ta' miżuri ħafna aktar stretti fil-PRC dwar il-libertà ta' l-espressjoni u l-aċċess mingħajr ħlas għall-Internet; jirrepeti t-talbiet tiegħu lil Beijing biex jieqaf milli jintimida, jirristrinġi jew jitfa' l-ħabs lil dawk li jippromwovu l-libertà ta' l-espressjoni, kemm jekk ir-repressjoni tkun diretta lejn il-ġurnalisti jew attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u kif ukoll jekk tagħmilha impossibbli li tintuża informazzjoni billi timblokka l-websajts li ma jikkonformawx maċ-ċensura ta' l-istat; għalhekk, jikkundanna l-liġi dwar iċ-ċensura fuq l-Internet li għaddiet mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u l-eżistenza ta' sistemi ta' ċensura ta' l-Internet li b'mod kollettiv hija magħrufa bħala l-'Great Firewall of China';
23. Jistieden lill-kumpaniji l-kbar ta' l-Internet il-'Yahoo', l-'MSN' u l-'Google' li ċedew b'mod dirett jew indirett għat-talbiet ta' ċensura mill-Gvern Ċiniż, biex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq it-twassil ta' l-informazzjoni lejn iċ-Ċina;
24. Jistieden lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (l-IOC) biex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina minħabba li din kienet kwistjoni ewlenija fid-deċiżjoni ta' l-IOC li l-Logħob Olimpiku jsiru f'Beijing;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-pajjiżi ta' adeżjoni u lil dawk kandidati, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.