imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni ta' l-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Angelika Beer, Monica Frassoni, Hélène Flautre u Cem Özdemir
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar L-Iran
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar L-Iran
B6‑0049/2008
Il-Parlament Ewropew,
-
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1696 (2006) u 1747 (2007),
-
wara li kkunsidra r-Rapport tad-Direttur Ġenerali lill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-Aġenzija ta' l-Enerġija Atomika Internazzjonali (IAEA) tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji NPT u d-dispożizzjonijiet relattivi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1737 (2006) u 1747 (2007) fir-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran,
-
wara li kkunsidra n-National Intelligence Estimate dwar l-intenzjonijiert u l-kapaċitajiet nukleari ta' l-Iran, pubblikati mill-Kunsill tan-National Intelligence ta' Istati Uniti fit-3 ta' Diċembru 2007,
-
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Ottubru 2007 u tal-15 ta' Novembru 2006,
-wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/168 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika iżlamika ta' l-Iran, u r-Riżoluzzjoni 62/149 fl-istess ġurnata dwar moratorju għall-użu tal-piena tal-mewt,
-
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007,
-
wara li kkunsidra t-2 laqgħa interparlamentari PE-Iran f'Teheran mid-9 sat-12 ta' Diċembru 2007,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Dwar il-kwistjoni nukleari:
A.
billi fl-aħħar rapport tiegħu lill-Bord tal-Gvernaturi IAEA, id-Direttur Ġenerali Mohamed ElBaradei jiddikjara li l-Aġenzija setgħet tivverifika l-fatt li l-materjal nukleari ddikjarat fl-Iran ma jiġix imdawwar, iżda li mhijiex f'pożizzjoni tipprovdi assigurazzjonijiet kredibbli dwar l-assenza ta' materjal nukleari mhux dikjarat u attivitajiet fl-Iran mingħajr l-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokol Addizzjonali,
B.
billi fil-15 ta' Novembre 2007 l-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA approva "pjan ta' ħidma", li fih Teheran qabel li jsolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha dwar l-attivitajiet nukleari tiegħu fi żmien xahrejn,
C.
Billi d-Direttur Ġenerali ElBaradei laħaq ftehim mal-Gvern Iranjan fit-13 ta' Jannar 2008 li jissolvew il-kwistjonijiet nukleari li għadhom pendenti fi żmien xahar, qabel ir-rapport tiegħu lill-Bord tal-Gvernaturi f'Marzu 2008,
D.
billi n-National Intelligence Estimate ta' l-Istati Uniti dwar l-intenzjonijiet u l-kapaċitajiet nukleari ta' l-Iran jikkonkludi li l-Iran waqqaf il-programm ta' l-armi nukleari tiegħu fl-2003 u ma kienx reġa' bdieh sa nofs l-2007, billi l-aġenziji ta' l-intelligence jikkonkludu wkoll li 'd-deċiżjoni ta' Tehran li jwaqqaf il-programm nukleari tieghu tissuggerixxi li huwa inqas iddeterminat li jiżviluppa l-armi nukleari milli konna qed naħsbu li kien sa mill-2005',
E.
billi aktar kmieni, meta l-Kunsill tas-Sigurtà adotta Riżoluzzjoni 1696 fit-13 ta' Lulju 2006, ir-rappreżentant ta' l-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti qal li 'l-Iran sfida l-komunità internazzjonali billi kompla jinsisti fuq l-armi nuklari' u 'kien ta' theddida diretta għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali' li kienet teħtieġ 'riżoluzzjoni iebsa',
F.
billi l-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2007 jappella lill-Iran biex 'jipprovdi tweġibiet sħaħ, ċari u kredibbli lill-IAEA, sabiex jiġu riżolti l-kwistjonijiet kollha dwar l-attivitajiet nukleari ta' l-Iran, biex jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali u biex jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta' Salvagwardja inklużi l-arranġamenti sussidjarji tiegħu', billi l-konklużjonijiet jenfasizzaw ukoll li 't-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet u l-miżuri ta' trasparenza kif mitlub mill-IAEA jikkostitwixxu pass pożittiv lejn il-bini tal-fiduċja fir-rigward tal-programm nukleari ta' l-Iran',
G.
billi fis-6 ta' Ġunju 2006 r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni Ewropea Javier Solana ppreżenta lill-Iran f'isem iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti serje ta' proposti b'konsegwenzi importanti għal ftehim komprensiv, inkluż appoġġ attiv għall-bini ta' reatturi ta' l-ilma fl-Iran, parteċipazzjoni fil-faċilità ta' arrikkiment ta' l-uranju fir-Russja, assigurazzjonijiet li jorbtu legalment dwar il-provvista ta' materjal nukleari (mhux dipendenti fuq fornitur barrani wieħed), pakkett sostanzjali ta' kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp nukleari li huma anqas sensittivi għall-proliferazzjoni, inkluż ftehim ta' kummerċ u kooperazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea,
H.
wara li kkunsidra l-laqgħa tal-ministri ta' l-affarijiet barranin minn sitt nazzjonijiet dwar il-kwistjoni nukleari Iranjana li saret f'Berlin fit-22 ta' Jannar 2008,
I.
wara li kkunsidra l-ftehimiet reċenti dwar il-kooperazzjoni nukleari li Franza kkonkludiet ma' l-Emirati Għarab Magħquda, l-Alġerija u l-Libja,
Dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija:
J.
billi s-sitwazzjoni fl-Iran għal dak li jirrigwardja d-drittijiet ċivili u politiċi tkompli tiddeterjora mill-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2005
K.
billi l-Iran impenja ruħu biex jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skond strumenti internazzjonali varji,
L.
billi r-reġistrazzjoni għall-kandidati għall-elezzjonijiet parlamentari għall-Majlis f'Marzu 2008 għalqet fl-10 ta' Jannar 2008, billi l-Minsteru ta' l-intern se jħabbar id-deċiżjonijiet mit-22 ta' Jannar 2008, u billi l-Kunsill ta' Gwardja, li jissorvelja l-validità ta' l-elezzjonijiet skond il-Kostituzzjoni, għandu d-dritt li jiskwalifika kandidati,
M.
billi fl-2007 mill-inqas 312-il persuna, inklużi tfal delinkwenti, irċevew il-piena tal-mewt fl-Iran, filwaqt li l-figura reali tista' tkun ħafna ogħla,
N.
billi t-televiżjoni, l-istampa u l-internet kollha jsofru minn ċensura qawwija,
O.
billi mijiet ta' professuri tneħħew mill-pożizzjonijiet tagħhom ta' għalliema bl-akkuża li kienu wisq sekolari, u billi numru kbir ta' studenti ġew arrestati wara protesti, bħal dawk li pparteċipaw f'dimostrazzjonijiet fil-Jum Nazzjonali ta' l-Istudenti Universitarji fis-7 ta' Diċembru 2007,
P.
billi l-attivisti li jagħmlu kampanji favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jissograw persekuzzjoni bħall-attivisti ta' għaqdiet tal-ħaddiema jew membri tal-Kampanja għal Miljun Firma għad-Drittijiet tan-Nisa,
Q.
billi membri ta' minoritajiet etniċi u reliġjużi jkomplu jiffaċċjaw ripressjoni tad-drittijiet kulturali u ċivili tagħhom bħall-Ażeri, is-Sufi u s-Sunni; billi membri ta' ċerti minoritajiet bħall-Ahwasi, il-Kurdi, il-Baluchi jew il-Baha'i anki jiffaċċjaw tortura u esekuzzjoni,
Dwar il-kwistjoni nukleari:
1.
Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim bejn l-IAEA u l-Iran dwar 'pjan ta' ħidma' biex jikkjarifika l-kwistjonijiet pendenti kollha dwar il-programm nukleari ta' l-Iran bħala opportunità għat-tnaqqis ta' eskalazzjoni jekk l-impenn jiġi onorat;
2.
Iqis li l-konklużjonijiet tan-National Intelligence Estimates jeskludu xenarju ta' theddida militari immedjata/xenarju ta' użu tal-forza u jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE li għandhom siġġijiet fil-Kunsill ta' Sigurtà biex jirreferu lura l-kwistjoni ta' l-Iran għal negozjati fil-qafas ta' l-NPT;
3.
Jappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew li tikkonferma għal darb'oħra appoġġ sħiħ u mingħajr ekwivoki biex tinstab soluzzjoni negozjata fuq perjodu ta' żmien twil għall-kwistjoni nukleari Iranjana u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tad-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA Mohamed ElBaradei biex jissolvew kwistjonijiet pendenti ma' l-Iran sa Marzu 2008;
4.
Jitlob lill-Iran biex jonora l-impenn tiegħu li jipprovdi tweġibiet għall-kwistjonijiet pendenti kif stabbilit mill-IAEA qabel Marzu 2008;
5.
Jerġa' jafferma s-sejħa lill-Parlament u lill-Gvern Iranjan biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Protokoll Addizzjonali u biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim
6.
Jemmen li t-tħassib leġittimu dwar is-sigurtà ta' l-Iran jista' jingħata risposta f'taħditiet diretti bejn il-partijiet konċernati u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi diplomatiċi u ekonomiċi, reġjonali jew bilaterali għal dan il-għan;
7.
Jilob lill-Gvern Iranian biex jiddikjara pubblikament li l-Iran m'għandu l-ebda intenzjoni li jhedded l-integrità territorjali ta' l-ebda pajjiż, inkluż l-Iżrael
8.
Jitlob lill-Kunsill, rappreżentat mir-Rappreżentant Għoli ghall-Politika Komuni ta’ l-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà, Javier Solana, biex jissokta bin-negozjati ma' l-Iran u jqis li l-proposti mressqa minn Javier Solana fis-6 ta' Ġunju 2006 jistgħu jirrappreżentaw bażi vijabbli jekk jintużaw għal taħditiet li ma jkollhomx kundizzjonijiet marbuta magħhom minn qabel;
9.
Jerġa' jafferma l-oppożizzjoni ġenerali tiegħu għall-użu ta' l-enerġija nukleari minħabba r-riskji serji ħafna inerenti fiha, il-problema ta' l-iskart insolubbli, l-ispejjeż għoljin u r-rabta intrinsika ma' l-armi nukleari;
10.
Jesprimi l-fehma, meta jistqiesu l-alternattivi interenti ta' użu doppju tat-teknoloġija nukleari għal skopijiet militari u ċivili, it-tħassib serju tiegħu dwar il-politika reċenti ta' proliferazzjoni nukleari tal-President Sarkozy;
11.
Jitlob lill-Iran, u lil dawk il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani li qed jikkunsidraw li jinvestu fl-enerġija nukleari, biex ma jirrepetux l-iżball li għamlu bosta Stati Membri ta' l-UE li jiffavorixxu teknoloġija perikoluża u antikwata; minflok, jappella lil dawk il-pajjiżi biex jiżviluppaw l-alternattivi kollha li joffru t-teknoloġiji moderni ta' l-enerġija li tiġġedded, l-effikaċja ta' l-enerġija u l-metodi ta' konservazzjoni;
12.
Jirrijafferma s-sejħa tiegħu lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jieħdu passi 'l quddiem biex inaqqsu l-ammont ta' warheads nukleari, biex pass pass jispiċċa s-sehem ta' l-armi nukleari fil-politika ta' sigurtà u biex jappoġġjaw zona ħielsa mill-armi nuklari li tinkludi l-Ewropa u l-Lvant Nofsani;
13.
Jappoġġja, sakemm tiġi abbandunata kompletament it-teknoloġija nukleari, inizjattivi bħal dawk proposti mill-High-Level Panel on UN Reform fl-2005 u mill-mexxejja tal-G8 fis-summit annwali tagħhom f'Ġunju 2007, biex jinħoloq programm multilaterali biex jipprovdu fjuwil nukleari taħt il-kontroll tan-NU;
Dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem:
14.
Jirrijafferma t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u jitlob lill-Gvern Iranjan biex jirrispetta l-obbligi tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi:
-
it-tmiem ta' amputazzjonijiet, swat bil-frosta u forom oħra ta' tortura u kastigi inumani; l-abolizzjoni ta' esekuzzjonijiet pubbliċi;
-
l-abolizzjoni ta' tħaġġir bħala metodu ta' esekuzzjoni; l-abolizzjoni ta' esekuzzjonijiet ta' persuni li fil-mument ta' reat tagħhom kienu taħt it-tmintax-il sena;
-
l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
-
l-eleminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u kull ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fuq persuni li jappartjienu għal minoritajiet reliġjużi, etniċi, lingwistiċi u minoritajiet oħra;
-
it-tmiem tat-tfixkil, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni ta' avversarji politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u t-tmiem ta' l-impunità għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
15.
Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 62/149 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u jitlob lill-pajjiżi kollha, partikolarment lill-Iran, li għadhom jagħlu użu mill-piena kapitali biex jintroduċu moratorju ġenerali;
16.
Jitlob għall-ħelsien ta' persuni li ddaħħlu fil-ħabs arbitrarjament jew fuq il-bażi tal-fehmiet politiċi tagħhom u biex jiġi rispettat il-proċess tal-liġi kif inhu xieraq; jitlob, b'mod partikolari, għall-ħelsien immedjat ta' l-istudenti li pprotestaw, l-esponenti ta' l-għaqdiet tal-ħaddiema Mansour Osanloo u Muhemed Salihi u l-membri tal-Kampanja għal Miljun Firma;
17.
Jikkundanna bil-qawwa l-esekuzzjonijiet ta' attivisti politiċi Ahwasi, l-aktar reċenti Ahmad Marmazi, Abdolhussein Harrabii, Hussein Asakereh, u Mehdi Haidari, u jitlob lill-Gvern Iranjan biex iwaqqaf immedjatament aktar esekuzzjonijiet, inklużi dawk ta' Zamal Bawi, Faleh al-Mansouri, Said Saki u Rasoul Mazrea;
18.
Jiddeplora serjament l-arresti ta' mijiet ta' membri tal-minoritajiet Kurdi, Ahwasi u Baluchi; jitlob, b'mod partikolari għall-ħelsien tal-ġurnalisti Kurdi Abdolvahed 'Hiwa' Butimar u Adnan Hassanpour, li ġew ikkundannati għall-mewt;
19.
Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-proċedura ta' screening tal-kandidati elettorali mill-Kunsill ta' Gwardja, u jinsisti li d-drittijiet elettorali passivi u attivi jkunu ggarantiti għaċ-ċittadini aduti Iranjani kollha fl-elezzjonijiet nazzjonali li ġejjin;
Dwar ir-relazzjonijiet UE-Iran:
20.
Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti komunikazjoni dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiert UE-Iran u l-prospetti għalihom; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jerġgħu jagħtu ħajja lid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, indipendentement minn kull konsiderazzjoni oħra u biex jesploraw modi kif imexxu 'l quddiem negozjati għal ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni jekk, parallelament, jista' jsir progress fil-kwistjoni nukleari;
21.
Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi delegazzjoni fl-Iran sabiex iżżid l-isforzi b'mod partikolari għall-għajnuna lir-refuġjati, il-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga u l-promozzjoni tad-djalogu ma' l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili;
22.
Jinnota s-sentenza tal-qorti tal-Gran Bretannja li tistipula li l-organizzazzjoni Mujahedin-e-Khalq (MKO) għandha titneħħa mil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tar-Renju Unit; jenfasizza, indipendentement mill-fatt li l-vjolazzjonijiet interni tad-drittijiet tal-bniedem u n-natura awtoritarja ta' l-organizzazzjoni, li tixbaħ dik ta' setta, jeliminaw kull kuntatt uffiċjali bejn il-Parlament Ewropew u l-MKO;
23.
Jagħi istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-UNSC, lill-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Qorti Suprema Statali ta' l-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran.