Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0054/2008

Testi mressqa :

B6-0054/2008

Dibattiti :

PV 30/01/2008 - 16
CRE 30/01/2008 - 16

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2008 - 8.8
CRE 31/01/2008 - 8.8

Testi adottati :


PROPOSTA TA' RIŻOLUZZJONI
PDF 98kDOC 53k
23 ta' Jannar 2008
PE401.035v01-00
 
B6‑0054/2008
imressqa wara dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli għall-politika barranija u għas-sigurtà komuni u tal-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103 (2) tar-Regolament
minn Tobias Pflueger u Vittorio Agnoletto
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-Iran

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran 
B6‑0054/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċendenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet UE-Iran u dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Jenfasizza s-serjetà tad-dimensjoni militari u politika tal-konflitt attwali dwar il-kwistjoni nukleari Iranjana; iħossu allarmat dwar il-possibilità reali li gwerra oħra tista' teqred fi żmien qasir il-Lvant Qarib u Nofsani u tipperikola l-paċi u l-istabbiltà dinjija;

B.  Jilqa' l-isforzi ta' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) ta' Vjenna, u b'mod partikolari tas-Segretarju Ġenerali tagħha u r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, El-Baradei, sabiex tinstab soluzzjoni politika u neguzjata ta' dan il-konflitt fl-ambitu tat-trattati internazzjonali ezistenti li minn naħa jagħrfu d-dritt sovran ta' kull pajjiż li jiffinanzja l-enerġija nukleari għal skopijiet ċivili, waqt li min-naħa l-oħra jeżiġu kontrolli effikaċi mill-AIEA sabiex jimpedixxu kull użu għal skopijiet militari ta' l-uranju u/jew tal-plutonju arrikkit;

1.  Jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex tinstab soluzzjoni negozjata, generali u ġusta tal-kwistjoni nukleari Iranjana li tkun ibbażata fuq l-għarfien tad-dritt ta' l-Iran li jwettaq attivitajiet nukleari għal skopijiet paċifiċi u fuq l-assikurazzjoni mogħtija minn dan il-pajjiż rigward in-natura paċifika tal-programm nukleari tiegħu; Jistieden lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li qegħdin fil-Kunsill tas-Sigurtà sabiex jieħdu ħsieb li jittrasferixxu l-fajl tal-kwistjoni Iranjana lura lill-Kunsill tas-Sigurtà għal neguzjati fil-qafas ta' l-NPT;

2.  Huwa konvint bis-sħiħ li d-djalogu u d-diplomazija jistgħu joffru soluzzjonijiet konvinċenti f'perjodu ta' żmien fit-tul għall-kwistjoni ta' l-Iran, b'mod partikulari f'ambitu multilaterali mmexxi mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) ta' Vjenna;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-proposti li diġà saru bosta drabi mis-Segretarju Ġenerali ta' l-AIEA u r-rebbieħ tal-Premju għall-Paċi, El-Baradei, għan-normalizzazzjoni politika, ekonomika u kummerċjali tar-relazzjonijiet bejn l-Iran u l-komunità internazzjonali, inkluż ma' l-Istati Uniti, bħala skambju għal soluzzjoni għal perjodu ta' żmien fit-tul tal-kwistjoni nukleari Iranjana; jinsab imħasseb mill-fatt li s'issa Washington u Londra huma donnhom aktar imħeġġa mir-rieda li jagħmlu kunflitt militari inevitabbli milli mit-tfittxija ta' soluzzjoni politika għall-konflitt attwali;

4.  Jirrifjuta li jikkonsidra l-gwerra bħala mezz biex tinstab soluzzjoni tal-"kwistjoni nukleari Iranjana" u għalhekk jirrifjuta kull tentativ, b'mod partikulari mill-Amministrazzjoni ta' Bush, biex tinħoloq koalizzjoni internazzjonali, bħal fil-każ ta' l-Irak, li tkun lesta tintervjeni militarment fl-Iran;

5.  Jieħu nota tar-"rapport komuni" reċenti ta' l-aġenziji u s-servizzi kollha tas-sigurtà ta' l-Istati Uniti, inkluża s-CIA, li jistqarru mingħajr ebda dubju li l-awtoritajiet Iranjani waqqfu - u dan sa mill-2003 - kull programm militari nukleari, u li għalhekk l-Iran ma jirrapreżentax xi periklu ċar u immedjat li jiġġustifka intervent militari fl-Iran, kif isossni l-President Bush ta' l-Istati Uniti;

6.  Iħossu allarmat ħafna bir-reazzjonijiet tal-President Bush li jikkonsistu filli jiċħad il-kontenut ta' dan ir-rapport u jmorru kontra r-rakkamandazzjonijiet tiegħu bl-iskop waħdieni li jkun hemm soluzzjoni militari għall-kwistjoni Iranjana, b'mod partikulari fid-dawl ta' l-elezzjonijiet presidenzjali fi tmien l-2008 fl-Istati Uniti;

7.  Bil-kontra, huwa jqis li dan ir-rapport tas-17-il aġenzija Amerikana joffri opportunità ġdida - bla dubju unika u kredibbli għat-tip tagħha - li għal darb'oħra jqiegħed lura l-kwistjoni nukleari Iranjana fl-uniku kuntest politiku istituzzjonali possibbli, jiġifieru dak ta' l-AIEA u tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lir-Rappreżentat Għoli tiegħu għall-politika barranija, is-Sur Solana, sabiex flimkien mal-Lega Għarbija jieħu inizjattiva politika u diplomatika immedjata fi ħdan l-AIEA sabiex il-kwistjoni nukleari Iranjana terġa' tiġi diskussa fi Vjenna f'qafas multilaterali msaħħaħ mill-garanziji li joffru t-trattati internazzjonali attwali dwar il-kwistjoni;

8.  F'dan il-kuntest, jitlob lill-gvern ta' l-Iran sabiex jagħti b'urgenza prova kredibbli lill-komunità internazzjonali tar-rieda reali tiegħu li tinstab soluzzjoni politika għal perjodu ta' żmien fit-tul għall-"kwistjoni nukleari", b'mod partikolari billi jawtorizza immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet ir-ritorn ta' l-ispetturi ta' l-AIEA fit-territorju tiegħu skond il-prinċipju li kull pajjiż għandu d-dritt għall-enerġija nukleari għal skopijiet ċivili imma fi ħdan qafas ta' verifiki indipendenti rigward il-possibilità ta' użu ta' l-uranju u tal-plutonju arrikkit għal skopijiet militari;

9.  Jikkundanna kwalunkwe użu, b'mod partikulari mill-President Iranjan Ahmadinejad, tal-kwistjoni nukleari għal skopijiet ta' propoganda ideoloġika u bħala theddid għall-istabilità reġjunali, kif juru d-dikjarazzjonijiet inaċċettabbli tiegħu dwar l-eżistenza ta' l-istat ta' Iżrael jew dwar il-possibilità ta' attakk Iranjan kontra l-Afganistan u pajjiżi oħrajn fir-reġjun; jenfasizza illi, għal dik li hi opinjoni pubblika nazzjonali, il-manipulazzjoni mill-President ta' l-Iran tal-kwistjoni nukleari hija b'xi mod proporzjonali għall-iżolament politiku tiegħu li qed jikber, billi din il-manipulazzjoni taħbi l-inkapaċità tiegħu li jagħti direzzjoni għall-iżvilupp demokratiku u ekonomiku lill-poplu tiegħu;

10.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi politiċi demokratiċi kollha u dawk tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari ta' l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u ta' l-istudenti li, minkejja oppressjoni dejjem akbar, qed jiġġieldu fl-Iran favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; rigward dan ifakkar u jikkonferma n-numru kbir ta' riżoluzzjonijiet tiegħu;

11.  Jieħu nota tad-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Londra li jikkritikaw bil-qawwa l-mod kif "il-lista sewda ta' organizzazzjonijiet u personalitajiet terroristiċi" hija stabbilita mill-organi kompetenti ta' l-Unjoni Ewropea u li jitolbu, b'mod aktar speċifiku li jitneħħew minn din il-lista l-organizzazzjonijiet ta' oppożizzjoni Iranjani; ifakkar li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa esprimiet ruħha wkoll f'dan is-sens; jitlob lill-Kunsill biex jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rispettati dawn id-deċiżjonijiet li jixħtu dubju evidenti fuq il-bażi politika u legali soda tal-"lista sewda"; jitlob li din il-"lista sewda" tiġi abolita;

12.  Jiddeċiedi li El-Baradei jiġi mistieden biex jippreżenta lill-Parlament Ewropew il-proposta integrali tiegħu għal soluzzjoni durabbli tal-kwistjoni nukleari Iranjana; jistieden lill-Presidenza Slovena ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġjah formalment fl-isforz tiegħu li ma jħallix li mill-kliem ngħaddu għall-armi u għall-konfrontazzjoni, kif tipproponi l-Istati Uniti ta' l-Amerka;

13.  Itenni t-talba tiegħu għall-applikazzjoni stretta tat-trattat tan-non proliferazzjoni (NPT); jitlob lill-pajjiżi kollha biex jiffirmaw dan it-trattat u sabiex jiġi stabbilit limitu definittiv għat-tmiem ta' l-attivitajiet militari; ifakkar li hu favur l-idea tal-ħolqien ta' reġjun tal-Mediterran li jkun eskluż għal kollox minn armi nukleari li għandu jseħħ meta n-NPT jkun iffirmat mill-pajjiżi kollha tal-Lvant Qarib;

14.  Huwa konvint li mill-kwistjoni ta' l-immaniġġjar f'termini politiċi u mhux militari tal-kriżi Iranjana tiddependi l-kredibilità preżenti u futura ta' l-Unjoni Ewropea, kif kien il-każ fil-kwistjoni tal-gwerra Anglo-Amerikana kontra l-Iraq; jeżiġi għalhekk li r-Rappreżentant Għoli Javier Solana għandu jkun l-portavuċi ta' inizjattivi tabilħaqq Ewropej u mhux sottomessi għall-interessi strateġiċi ta' l-Istati Uniti, u li jagħtu konsiderazzjoni għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom, jekk iridu, il-mezzi ekonomiċi u kummerċjali biex isemmgħu vuċi Ewropea awtentika f'din il-kwistjoni;

15.  Jappella għall-kompetenzi u r-risponsabiltajiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE rigward politika barranija, difiża u politika għall-enerġija, u jitlobhom biex jesprimu lir-Rappreżentat Għoli ta' l-UE pożizzjoni komuni u koordinata dwar il-kwistjoni Iranjana;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parlament u l-gvern tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran, lis-Segretarji Ġenerali tan-NU, ta' l-IAEA kif ukoll tal-Lega Għarbija.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2008Avviż legali