Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0067/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0067/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

13.2.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Brian Crowley, Cristiana Muscardini, Roberta Angelilli, Adam Bielan, Konrad Szymański, Ryszard Czarnecki u Hanna Foltyn-Kubicka
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni f'Gaża

Proċedura : 2008/2518(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0067/2008
Testi mressqa :
B6-0067/2008
Testi adottati :

B6‑0067/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f'Gaża

Il-Parlament Ewropew,

–  - wara li kkunsidra r-riżoulzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ill-Lvant Nofsani, partikularment dawk ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol ta' l-UE, tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża, tal-21 ta' Ġunju dwar il-MEDA u l-appoġġ finanzjarju lill-Palestina - evalwazzjoni, implimentazzjoni u kontroll, tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani u tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 242 (1967) u 338 (1973),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tat-28 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  A.   billi, bħala riżultat ta' l-attitudni tal-Ħamas, li de facto jikkontrollow il-Medda ta' Gaża u jirrifjutaw li jidħlu fi kwalunkwe djalogu mal-partijiet opposti tagħhom, sar embargo fuq il-moviment tal-persuni u l-merkanzija, inċaħad parzjalment l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, għall-ikel u għad-dawl elettriku, u n-nuqqas ta' affarijiet u servizji essenzjali,is-sitwazzjoni umanitarja fil-Medda ta' Gaża ddeterjorat aktar,

B.  billi l-fruntieri 'l ġewwa u 'l barra minn Gaża ilhom magħluqa għal xhur; billi l-embargo fuq i-moviment tal-persuni u l-merkanzija kompla jiffriża l-ekonomija fil-Medda ta' Gaża,

C.  billli s-setturi prinċipali fis-servizzi pubbliċi, inklużi s-sistemi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni, qed jiffaċċjaw nuqqasijiet serji minħabba nuqqas ta' materjali bażiċi meħtieġa għall-funzjonament tagħhom,

D.  billi mijiet ta' eluf ta' Palestinjani qasmu l-fruntiera bejn il-Medda ta' Gaża u l-Eġittu f'dawn l-aħħar ġimgħat li għaddew, wara li ġġarraf il-ħajt tal-fruntiera, sabiex isibu affarijiet essenzjali għall-bżonnijiet basiċi tagħhom,

E.  billi s-sitwazzjoni u l-iżviluppi politiċi riċenti fil-Medda ta' Gaża, inkluż il-kontroll taż-żona mill-Ħamas u mill-istrateġija tagħhom, idgħajfu n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn il-gvern ta' l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana u l-isforzi biex jintlaħaq ftehim sa l-aħħar ta' l-2008, kif kienet l-intenzjoni dikjarata mill-partiti waqt il-Konferenza ta' Annapolis,

F.   billi l-isparar ta' ròkits minn Gaża għal ġot-territorju ta' l-Iżrael kompla, billi l-attakk terroristiku suwiċidjali f'Dimona ħalla mejtin u ġarrab membri tal-popolazzjoni ċivili u billi l-Ħamas ħadu r-responsabilità għaż-żewġ azzjonijet,

G.  billi l-Unjoni Ewropea provdiet appoġġ finanzjarju konsiderevoli lill-Palestinajni fis-snin riċenti, billi l-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju ta' l-UE u l-iffinanzjar tal-proġetti kellhom irwol importanti fl-evitar ta' katastrofi umanitarja fil-Medda ta' Gaza u fix-Xatt tal-Punent, u billi l-PEGASE se jikkostitwixxi mekkaniżmu finanzjarju ġdid għal assistenza ta' l-UE u assistenza internazzjonali oħra għat-Territorji Palestinjani,

H.  billi l-parteċipanti fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għall-Istat Palestinjan li saret f'Diċembru 2007 f'Pariġi, warrbet totat ta' 7.4 biljuni ta' Dollari Amerikani f'appoġġ lill-Palestina fil-bini ta' istituzzjonijiet u rkupru ekonomiku għat-tliet snin li ġejjin,

1.   Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħolqien ta' kriżi umanitarja fil-Medda ta' Gaża u l-possibilità ta' konsegwenzi aktar gravi; jikkunsidra li l-iżviluppi riċenti f'Rafah huma r-riżultat ta' kriżi umanitarja u politika fil-Medda ta' Gaża;

2.   Jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili affettwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-Nofsinhar ta' l-Iżrael; jikkundanna l-isparar ta' ròkits mill-Istrixxa ta' Gaża lejn it-territorju ta' l-Iżrael u kwalunkwe att terroristiku jew operazzjoni militari oħra li toqtol jew tpoġġi fil-periklu il-ħajja tal-popolazzjoni ċivili; itenni l-istedina għal waqfien immedjat ta' kull att ta' vjolenza;

3.   Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reazzjoni pożittiva ta' l-Eġittu għad-disturbi f'Rafah, li ippermettiet li ħafna familji Palestinjani jkollhom aċċess għall-prodotti essenzjali għall-bżonnijiet basiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern ta' l-Eġittu biex ikompli bl-irwol attiv tiegħu fl-għajnuna lill-Palestinjani biex iżommu l-paċi u l-istabilità fiż-żona;

4.   Jilqa' l-proposta ta' l-Awtorità Palestinjana li tieħu kontroll tal-fruntieri, li tkun ibbażata fuq ftehima li tinvolvi l-Eġittu, l-Iżrael u lill-Awtorità Palestinjana, u jappoġġja r-riżoluzjoni riċenti tal-Lega Arbija f'dan ir-rigward; madankollu, jistieden lill-Awtorità Palestinjana biex tagħmel pressjoni fuq il-Ħamas biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet neċessarji biex tinvolvi f'dan l-awtoritajiet ta' kontroll fil-Medda ta' Gaża;

5.   Jistieden lill-Iżrael biex ikompli jiggarantixxi li jkun hemm għajnuna umanitarja kontinwa u suffiċjenti, u merkanzija u servizzi essenzjali, inkluż il-fjuwil u l-provvista ta' l-elekttriku, fil-Medda ta' Gaża;

6.   Jistieden lill-Awtorita Palestinjana biex tagħmel pressjoni fuq il-Ħamas, li de facto qed tikkontrolla ż-żona tal-Medda ta' Gaża, biex tibda djalogu bil-għan li tiffaċilita t-tħaddim ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi li jipprovdu servizzi essenzjali u l-operazzjonijiet ta' l-uffiċċji umanitarji internazzjonali, agenziji u organizzazzjonijiet li jfittxu li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża; jenfasizza l-importanza kbira ta' konnessjoni ġeografika permanenti u r-rijunifikazzjoni paċifika fit-tul bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent;

7.   Ifakkar lill-partijiet fl-impenji tagħhom magħmula f'Annapolis biex isiru negozjati bona fede sabiex sa l-aħħar ta' l-2008 jiġi konkluż trattat ta' paċi li jsolvi l-kwistjonijiet pendenti, inklużi l-kwistjonijiet prinċipali kollha, mingħajr eċċezzjoni, kif speċifikat fi ftehimiet preċedenti; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex iwettqu l-obbligi tagħhom skond il-Pjan Direzzjonali;

8.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jiggarantixxu, flimkien mal-komunità internazzjonali, għajnuna umanitarja essenzjali għall-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża, b'attenzjoni speċjali lejn il-bżonnijiet ta' gruppi partikularment vulnerabbli; jenfasizza l-importanza tal-mekkaniżmu l-ġdid ta' ffinanzjar PEGASE;

9.  9.   Iqis li l-ħelsien ta' Gilad Shalit, is-suldat Iżraeljan li jinsab miżmum il-Ħamas, ikun interpretat bħala att ta' volontà tajba min- naħa tal-Ħamas u jista' jgħin biex jerġa jinfetaħ id-djalogu b'effetti pożittivi fiż-żona ta' Gaża;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kwartett Envoy għal-Lvant Nofsani, lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranea, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern ta' l-Iżrael, lill-Knesset, u lill-Gvern u Parlament Eġizzjan.