Proċedura : 2008/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0133/2008

Testi mressqa :

B6-0133/2008

Dibattiti :

PV 09/04/2008 - 13

Votazzjonijiet :

PV 10/04/2008 - 9.11
CRE 10/04/2008 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0119

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 106kDOC 59k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0133/2008
2 t'April 2008
PE401.158v01-00
 
B6‑0133/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Daniel Cohn-Bendit, Monica Frassoni, Hélène Flautre, Eva Lichtenberger, Milan Horáček, Raül Romeva i Rueda, Mikel Irujo Amezaga, Helga Trüpel, Bart Staes u Marie Anne Isler Béguin
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet  
B6‑0133/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, partikularment dik tal-15 ta' Frar 2007 dwar id-Djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar is-Samit UE-Ċina - Id-djalogu UE/Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006, dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar id-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi,

–  skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-Tibet, mill-10 ta' Marzu, id-49 anniversarju tar-rivolta Tibetana bla suċċess kontra l-amministrazzjoni Ċiniża, inbdew protesti fi tliet monasteri ta' reliġjużi Tibetani li għamlu dimostrazzjonijiet kontra l-okkupazzjoni Ċiniża, l-assimilazzjoni sfurzata u trażżin politiku, soċjali u kultrali b'mod brutali; billi l-Qdusija tiegħu d-Dalai Lama sejjaħ il-politika Ċiniża attwali 'ġenoċidju kulturali'; billi aktar minn 60 patri gew arrestati u l-bqija gew magħluqa fil-monasteri tagħhom,

B.  billi fl-14 ta' Marzu l-protesti fit-triq fid-distrett laħqu l-livell ta' rivolti fid-distrett l-antik ta' Lhasa li spiċċaw fi glied fit-toroq bejn it-Tibetani u l-Ċiniżi Han u ġew atakkati s-sidien tal-ħwienet u sar serq minn u nħarqu ħwienet żgħar,

C.  billi l-Qdusija tiegħu d-Dalai Lama ħeġġeġ lid-dimostraturi biex jipprotestaw b'mod paċifiku u mhux vjolenti u tenna l-istedina tiegħu biex jissokktaw in-negozjati ma' Beijing bil-għan li tintlaħaq awtonomija politika, kulturali u spiritwali sħiħa u ġenwina tat-Tibet fiċ-Ċina,

D.  billi fi żmien 24 siegħa l-uffiċjali tal-pulizija u l-forzi tas-sikurezza waqqfu lid-dimostraturi, billi bil-mod ħadu l-kontroll taż-żoni fejn kienu qed isiru r-rivolti u fil-jiem ta' wara bdew ifittxu fil-viċinat Tibetan, u arrestaw u ċaqilqu minn posthom lil dawk suspettati;

E.  billi, skond l-awtoritajiet Ċiniżi mietu 20 persuna, inkluż uffiċjal tal-pulizija; billi, skond għejun indipendenti, aktar minn 140 persuna tilfet ħajjitha fil-ġlied li wasal sar-reġjuni tal-fruntiera popolati mit-Tibetani u eluf ġew arrestati,

F.  billi l-Gvern Ċiniż iddikjara stat ta' emerġenza u ngħalqu l-ħwienet u t-tempji f'Lhasa kif ukoll fi bliet oħra b'eluf ta' pulizija paramilitari u truppi ta' l-armata li miċ-Ċina marru fit-Tibet,

G.  billi l-ġurnalisti barranin iċċaħdu l-aċċess lit-Tibet u nżammu milli jaslu fir-reġjuni viċin fejn jinstabu popolazzjonijiet Tibetani kbar; billi l-ġurnalisti barranin li rnexxielhom jidħlu fit-Tibet wara r-rivolti, ġew sfurzati li jitilqu u dan kontra t-talba tal-Gvern Ċiniż sabiex il-ġurnalisti barranin jingħataw il-libertà ta' moviment fiċ-Ċina kollha u aktar libertà ta' l-istampa fiż-żmien ta' qabel il-Logħob Olimpiku,

H.  billi l-Gvern Ċiniż jidher li qed jimblokka websajts barranin ġewwa ċ-Ċina u li qed jiċċensura xandiriet tat-televiżjoni barranija dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet; billi l-awtoritajiet Ċiniżi akkużaw lill-medja barranija li qed tipreżenta l-fatti b'mod sbaljat billi turi biss filmati ta' allegati attakki fuq Hans etniċi mit-Tibetani u li bdiet kampanja nazzjonali kontra t-Tibet,

I.  billi l-Buddiżmu tat-Tibet, kif ukoll reliġjonijiet oħra huma suġġetti għal restrizzjonijiet u kkontrollati mill-qrib mill-istat; billi l-awtoritajiet Ċiniżi għadhom qed ifixklu l-affarijiet interni tal-ġerarkija reliġjuża tat-Tibet, partikularment rigward is-sostituzzjoni tal-Panchen Lama,

J.  billi l-Kumitat Internazzjonali Olimpiku (IOC) stenna li jekk il-Logħob Olimpiku ta' l-2008 jittella' fiċ-Ċina dan iwassal għall-ftuħ tal-pajjiż u għat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina bdiet tinvestiga l-opinjoni politika ta' l-atleti Olimpiċi,

K.  billi għandu jsir kull sforz sabiex jinkiseb vantaġġ mill-Logħob Olimpiku f'Beijing u jintuża bħala opportunità tad-deheb sabiex isiru riformi demokratiċi fiċ-Ċina u jsir progress sinifikanti f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni tat-Tibet,

L.  billi l-IOC suppost huwa organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili b'responsabilitajiet ta' l-isport kif ukoll dawk soċjali; billi l-IOC ħa inizjattiva ta' min ifaħħarha fil-Logħob Olimpiku f'Sydney, fejn il-fjamma Olimpika waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ inxtegħlet minn Aboriginu, l-atleta Cathy Freeman;ħ,

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina ma wrietx sinjal ta' titjib, kif ġie ppruvat mill-kundanna għal ħames snin ħabs ta' Yang Chunlin, attivist għad-drittijiet tal-bniedem, fl-24 ta' Marzu, wara li kien mixli li pprova jwaqqa' l-awtorità ta' l-istat billi qassam ittra miftuħa bl-isem "Aħna rridu d-Drittijiet tal-Bniedem, mhux il-Logħob Olimpiku",

N.  billi d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fis-sena 2000, s'issa ma kiseb l-ebda riżultat konkret; billi n-nuqqas ta' riżultati huwa wkoll konsegwenza ta' politika komuni barranija ta' l-UE bla koordinazzjoni u ineffettiva, fir-rigward taċ-Ċina,

O.  billi s-27 Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE, waqt il-laqgħa informali tagħhom (Gymnich) fid-29 ta' Marzu f'Brdo, iddiskutew is-sitwazzjoni fit-Tibet mingħajr ma adottaw xi miżura sinifikanti jew sostanzjali f'dak li jirrigwarda r-repressjoni tal-popolazzjoni tat-Tibet min-naħa taċ-Ċina,

1.  Jikkundanna bis-saħħa l-atti vjolenti li seħħu fit-toroq ta' Lhasa u fit-Tibet u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.  Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni brutali min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Ċiniżi kontra d-dimostranti Tibetani u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-politika ta' assimilazzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fir-rigward tat-Tibet kif ukoll għal minoranzi oħra bħall-Uighur;

3.  Jistieden sabiex ikun hemm inkjesta internazzjonali indipendenti dwar il-fatti traġiċi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħtu aċċess sħiħ lill-ġurnalisti barranin fit-Tibet u fir-reġjuni kollha tal-fruntiera, billi jħalluhom jaqdu dmirijiethom b'mod ħieles;

4.  Jenfasizza t-tħassib serju tiegħu dwar l-ammont kbir ta' arresti li seħħu wara d-dimostrazzjonijiet, fejn 400 persuna nżammet taħt kustodja f'Lhasa, u jistieden sabiex dawk kollha li pprotestaw b'mod paċifiku biex jeżerċitaw id-dritt leġittimu tagħhom għal-libertà ta' l-espressjoni, jkunu meħlusa minnufih;

5.  Jiddispjaċih li s-sitt ċikli ta' taħdidiet bejn l-awtoritajiet ta' Beijing u r-rappreżentanti tad-Dalai Lama kienu inkonklużivi, u jappoġġja t-talba tad-Dalai Lama għall-issoktar tan-negozjati bejn iż-żewġ partijiet; jistenna li n-negozjati jerġgħu jinbdew qabel il-Logħob Olimpiku u jappella lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jistiednu lid-Dalai Lama għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob bħala sinjal ta' rieda tajba; jistieden lill-mexxejja ta' l-UE biex ma jattendux għal din iċ-ċerimonja fil-każ li ma jsir l-ebda progress fil-kwistjoni tat-Tibet;

6.  F'dan ir-rigward itenni l-istedina tiegħu sabiex il-Kunsill jaħtar mibgħuta speċjali għall-kwistjonijiet tat-Tibet sabiex jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-partijiet u jsegwu mill-qrib in-negozjati, meta jergħu jinbdew;

7.  Jistieden liċ-Ċina biex tirrispetta l-impenji tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u lejn l-istat tad-dritt; iħeġġeġ liċ-Ċina biex ma tabbużax mil-Logħob Olimpiku 2008 billi tarressta dissdenti, ġurnalisti u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem biex tevita rapporti u dimostrazzjonijiet ta' mistħija;

8.  Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina sabiex tippermetti li t-Tibetani mweġġgħa jirċievu attenzjoni medika xierqa u li t-Tibetani arrestati b'mod illegali jirċievu assistenza legali;

9.  Jistieden liċ-Ċina sabiex tippermetti li jkun hemm korp indipendenti biex ikun hemm aċċess għall-Gedhun Choekyi Nyima, il-Panchen Lama tat-Tibet, u l-ġenituri tiegħu, kif mitlub mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, u sabiex twaqqaf l-interferenzi fil-kwistjonijiet reliġjużi;

10.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-aspettativi ta' l-IOC u tal-komunità dinjija, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, madankollu, qed tkompli twettaq vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħmlu stedina permanenti lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-mekkaniżmi tan-NU biex iżuru t-Tibet; iħeġġeġ lill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Geneva (3 ta' Marzu - 28 ta' Marzu 2008) biex jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

12.  Jistieden lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex fil-qafas tad-djalogu tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' l-Unjoni Ewropea, tawtorizza lir-rappreżentati ta' l-UE għall-osservazzjoni li jidħlu fit-Tibet biex jieħdu stampa objettiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu inizjattiva f'dan ir-rigward;

13.  Iħeġġeġ lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tieqaf tagħmel skrutinju u tiġġudika lill-atleti Olimpiċi fuq il-bażi ta' l-opinjoni politika tagħhom u tikkunsidra li tipprojbilhom li jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku jekk ma jaqblux mal-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern Ċiniż;

14.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' politika koordinata u koerenti fir-rigward taċ-Ċina, u dwar il-fatt li s'issa l-politika ta' l-UE kienet karatteriżżata b'kompetizzjoni bla trażżin fost il-mexxejja ta' l-UE, fejn l-unika intenzjoni tagħhom kienet li jiffirmaw kuntratti favorevoli ma' l-awtoritajiet Ċiniżi, u dan b'dannu għad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mhux kriterju għall-eliġġibilità tal-post fejn isiru l-Logħob Olimpiċi;

15.  Għalhekk, jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw b'mod serju l-azzjonijiet komuni fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fil-każ li s-sitwazzjoni ma titjiebx, inkluż bojkott komplet tal-Logħob, u l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' partnership strateġiku maċ-Ċina;

16.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika, mingħajr aktar dewmien u f'kull każ qabel il-Logħob Olimpiku, il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-President u lill-Prim Ministru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.

Aġġornata l-aħħar: 4 t'April 2008Avviż legali