Proċedura : 2008/2536(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0148/2008

Testi mressqa :

B6-0148/2008

Dibattiti :

PV 23/04/2008 - 2
CRE 23/04/2008 - 2

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2008 - 7.4
CRE 24/04/2008 - 7.4

Testi adottati :

P6_TA(2008)0177

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 161kDOC 87k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0147/2008
16 t'April 2008
PE401.467v01-00
 
B6‑0148/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Martin Schulz, Pasqualina Napoletano, Marie-Arlette Carlotti, Gabriela Creţu, Manuel António dos Santos, Edite Estrela, Claudio Fava, Erika Mann, Raimon Obiols i Germà, Sérgio Sousa Pinto, Luis Yañez-Barnuevo García
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-Ħames Laqgħa Għolja UE-ALK ta’ Lima

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-V Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-ALK ta’ Lima 
B6‑0148/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' l-erba' Laqgħat Għolja tal-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern ta' l-Amerika Latina u tal-Karibew u ta' l-Unjoni Ewropea li saru s'issa f'Río de Janeiro (28 u 29 ta' Ġunju 1999), f'Madrid (17 u 18 ta' Mejju 2002), fi Guadalajara (28 u 29 ta' Mejju 2004) u fi Vjenna (12 u 13 ta' Mejju 2006),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-XIII-il Laqgħa Ministerjali bejn il-Grupp ta' Rio u l-Unjoni Ewropea, li saret f'Santo Domingo, fir-Repubblika Dominikana, fl-20 t'April 2007,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Laqgħa Ministerjali ta' Djalogu ta' San José bejn it-Trojka ta' l-Unjoni Ewropea u l-Ministri tal-pajjiżi ta' l-Amerika Ċentrali, li saret f'Santo Domingo, fir-Repubblika Dominikana, fid-19 ta' April 2007,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali tas-XVII-il Konferenza Interparlamentari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina li saret f'Lima bejn l-14 u s-16 ta' Ġunju 2005,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-15 ta' Novembru 2001 dwar Sħubija Globali u Strateġija Komuni għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina(1), u tas-27 t'April 2006 dwar Sħubija Msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi hemm il-ħtieġa, aktar minn qatt qabel, li tkompli tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika Bireġjonali proklamata fl-erba’ Laqgħat Għolja ta’ qabel,

B.  billi, għalkemm saru passi importanti, baqa’ ħafna xi jsir, kemm rigward l-aspetti politiċi u ta’ sigurtà, kemm dwar l-aspetti soċjali, kummerċjali u baġitarji tas-Sħubija,

C.  billi s-Sħubija Strateġika għandha tiffavorixxi relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn is-soċjetajiet tagħha, ittejjeb il-livelli ta' l-iżvilupp soċjali u tagħti kontribut deċiżiv favur tnaqqis kbir tal-faqar u tan-nuqqas ta' ugwaljanza soċjali fl-Amerika Latina, għanijiet li għandhom ikunu ffaċilitati mit-tkabbir ekonomiku li qed iseħħ fir-reġjun fl-aħħar snin, kif ukoll mill-iskambji u l-għajnuna ta' kull tip u l-qsim ta' l-esperjenzi fil-qasam tal-koeżjoni soċjali li tista' toffri l-UE,

1.  Itenni l-impenn tiegħu għall-appoġġ tal-ħidma ta' l-entitajiet distinti ta' l-integrazzjoni reġjonali fl-Ewropa u fl-Amerika Latina u sabiex jagħmel dak kollu li jista' biex jiżgura li l-Laqgħa Għolja ta' Lima tkun verament pass 'il quddiem għas-Sħubija Strateġika; japprezza l-isforzi deċiżi tal-Kopresidenza Peruvjana u Slovena tal-Laqgħa Għolja, tal-Presidenza Slovena ta’ l-Unjoni, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill ta’ l-Unjoni f’dan ir-rigward;

Prinċipji u prijoritajiet tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali

2.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur il-fokus bireġjonali u l-importanza tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali bħala l-aħjar mod biex jitħarsu l-prinċipji, il-valuri u l-interessi komuni ta’ l-imsieħba fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku;

3.  Itenni għaldaqstant li tibqa' valida l-istqarrija tal-Laqgħa Għolja ta' Madrid (2002) dwar il-valuri u l-pożizzjonijiet komuni għaż-żewġ reġjuni, kif ukoll l-impenn komuni għall-multilateraliżmu, l-integrazzjoni reġjonali u l-koeżjoni soċjali li ttieħed mill-ġdid fil-Laqgħat Għolja ta' Guadalajara (2004) u Vjenna (2006);

4.  Jipproponi viżjoni strateġika konġunta għas-Sħubija, li ma tkunx limitata għal proposti u azzjonijiet iżolati u li jkollha, bħala l-għan aħħari, il-ħolqien ta' Zona Ewro-Latinamerikana ta' Sħubija Globali Interreġjonali madwar is-sena 2012, li tinkludi Sħubija Strateġika reali fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, kif ukoll il-mira komuni ta' żvilupp sostenibbli;

5.  Jirrakkomanda li l-aspetti politiċi u ta' sigurtà ta’ l-Isħubija jkunu bbażati fuq djalogu politiku regolari, settorjali u effettiv, u fuq Karta Ewro-Latinamerikana għall-Paċi u s-Sigurtà li, fuq il-bażi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tippermetti t-tħejjija konġunta ta' proposti politiċi, strateġiċi u dwar is-sigurtà;

6.  Jenfasizza li sabiex ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn iż-żewġ imsieħba jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, jeħtieġ li:

   jagħtu kontribut għad-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-mekkaniżmi tal-produzzjoni nazzjonali ta’ l-Amerika Latina – li għadhom dipendenti ħafna fuq ftit prodotti ta’ l-esportazzjoni, li ħafna minnhom huma primarji jew semi-proċessati – b’alternattivi teknoloġiċi effikaċi u pożittivi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għal dħul ikbar għall-familji;
   jgħaddu mid-dimensjoni strettament kummerċjali għal dik ekonomika, filwaqt li jqisu l-assimetriji ta’ l-ekonomiji taż-żewġ reġjuni u l-enfasi neċessarju fuq l-aspetti soċjali u ambjentali, inklużi pjanijiet ta’ trasferiment u ta’ taħriġ f'teknoloġiji ekoloġikament nodfa, permezz ta’ investimenti mħallta bireġjonali u sistemi ta’ produzzjoni konġunti;
   jinsistu fuq l-importanza li jkun imħares il-prinċipju taċ-ċertezza legali u fuq il-ħtieġa li jinħoloq qafas xieraq u favorevoli għall-investimenti;
   iqisu d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp relattiv, kunsiderazzjoni li għandha tissarraf f'modalitajiet ta' trattament speċjali divrenzjat (SDT) min-naħa ta' l-Unjoni, b'mod partikulari mal-pajjiżi b'livell iktar baxx ta' żvilupp ekonomiku u soċjali;
   jinċentivaw l-integrazzjoni Latinamerikana;

7.  Jappoġġja l-Aġenda proposta għal-Laqgħa Għolja ta’ Lima u l-fatt li din tiffoka fuq żewġ oqsma tematiċi kbar: minn naħa, il-kwistjonijiet marbuta mal-faqar, nan-nuqqas ta' ugwaljanza u l-inklużjoni u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp sostenibbli u t-temi marbuta ma' l-ambjent, mal-bidla fil-klima u ma' l-enerġija;

8.  Ifakkar li t-twaqqif rapidu ta’ l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EuroLat) wara l-Laqgħa Għolja preċedenti ta’ Vjenna, bħala istituzzjoni parlamentari ta’ l-Isħubija Strateġika, jissoponi tisħiħ importanti tal-leġittimità demokratika tas-Sħubija u tal-qafas istituzzjonali tagħha, li fih jiġu integrati l-funzjonijiet ta’ dibattitu, kontroll u segwitu tal-kwistjonijiet relatati mas-Sħubija Strateġika li jikkorrispondu għall-Assemblea;

9.   Jirrakkomanda li l-Laqgħa Għolja ta' Lima ttenni l-adeżjoni ta’ l-UE u ta’ l-ALK għall-prinċipji u l-valuri tad-demokrazija pluralista u rappreżentattiva, il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-istampa, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċaħda ta’ kwalunkwe forma ta’ dittatura jew awtoritarjaniżmu;

Azzjonijiet konġunti għall-kisba ta’ multilateraliżmu effikaċi

10.  Jenfasizza l-vantaġġi li l-impenn komuni għall-multilateraliżmu jista’ jġib lill-imsieħba Ewro-Latinamerikani, li flimkien jgħoddu aktar minn elf miljun ruħ, u jirrapreżentaw terz ta’ l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti u aktar minn kwart tal-kummerċ dinji;

11.  Jipproponi li l-Isħubija tiġi msejsa fuq objettivi realistiċi u fuq programmi komuni mnebbħa mill-għażla komuni għall-multilateraliżmu (Protokoll ta’ Kyoto, Qorti Kriminali Internazzjonali, il-ġlieda kontra l-piena tal-mewt u kontra t-terroriżmu, l-irwol fundamentali tas-sistema tan-NU, eċċ.);

12.  Jirrakkomanda li jittieħdu azzjonijiet konġunti fl-oqsma u l-fora kollha fejn b’mod ċar jikkonverġu l-prinċipji, il-valuri u l-interessi tagħhom, inklużi l-paċi kollettiva u s-sistema ta’ politika tas-sigurtà organizzati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-politiki għall-ħarsien ta’ l-ambjent, l-iżvilupp, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ governanza globali u r-riforma tas-sistema finanzjarja internazzjonali u l-istituzzjonijiet internazzjonali (il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali);

13.  Jenfasizza li l-approċċ multilaterali hu l-aktar wieħed adegwat sabiex jiġu affrontati sfidi u theddidiet komuni li jaffettwaw lill-imsieħba Ewro-Latinamerikani, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, kontra t-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin — inkluża l-immigrazzjoni illegali — il-bidla fil-klima jew fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà ta' l-enerġija;

14.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha ssir bl-akbar rispett għad-drittjiet tal-bniedem, tal-libertajiet ċivili u ta’ l-istat tad-dritt; jitlob il-ħelsien bla ebda kundizzjoni u immedjat tal-persuni kollha maħtufa fil-Kolombja, l-ewwelnett il-morda; iqis li dan il-ħelsien jeħtieġ iseħħ b’deċiżjoni unilaterali tal-FARC jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra responsabbli mill-ħtif jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ skambju umanitarju urġenti;

15.  Jappoġġja r-riżoluzzjonijiet imtennija tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Laqgħa Għolja bejn EU-ALK u ta’ dan il-Parlament li jiċħdu l-miżuri ġegħiela, bħal dawk li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet extraterritorjali li, minħabba l-karattru unilaterali u extraterritorjali tagħhom, huma kontra l-liġi internazzjonali, jgħawġu l-kummerċ bejn l-imsieħba Ewro-Latinamerikani u jpoġġu fil-periklu l-impenn komuni favur il-multilateraliżmu;

Spinta deċiża għall-integrazzjoni reġjonali u l-Ftehimiet ta’ Sħubija

16.  Iqis li l-konklużjoni u l-implimentazzjoni effikaċi ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Latina li jkunu kompluti, ambizzjużi u bbilanċjati, li jikkontribwixxu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tal-popolazzjoni u għal żvilupp reċiproku sostenibbli, kif ukoll għat-tnaqqis tan-nuqqas ta' ugwaljanza soċjali, bħala element addizzjonali għall-multilateraliżmu ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jikkostitwixxu għan strateġiku f’kuntest internazzjonali dejjem iktar interdipendenti u kkaratterizzat mit-tkabbir ekonomiku, l-emerġenza ta’ potenzi ekonomiċi ġodda u ż-żieda fl-isfidi dinjija;

17.  Jipproponi, għaldaqstant, li fil-kuntest ekonomiku u kummerċjali, il-ħolqien taz-Zona Ewro-Latinamerikana ta' Sħubija Globali Interreġjonali tkun ibbażata fuq mudell li jkun kompatibbli mad-WTO u mar-reġjonaliżmu, u li għandu jiġi applikat f'żewġ fażijiet:

   a)fażi inizjali kkaratterizzata mill-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehima ta’ Sħubija Interreġjonali bejn l-UE u l-Mercosur, l-UE u l-Komunità Andina u l-UE u l-Amerika Ċentrali fl-iqsar żmien possibbli, kif ukoll mit-tisħiħ tal-Ftehimiet li diġà jeżistu bejn l-UE u l-Messiku u l-UE u ċ-Ċile;
   b)it-tieni fażi, li tilħaq il-qofol tagħha fl-2012, immirata lejn il-kisba ta’ Ftehima ta’ Sħubija Globali Interreġjonali li tagħti appoġġ legali u istituzzjonali u kopertura ġeografika sħiħa għall-aspetti differenti tas-Sħubija Strateġika, u li tqis il-moviment ħieles tal-persuni u l-iskambji kummerċjali bireġjonali permezz tat-tisħiħ, min-naħa, tal-ftehimiet ta’ integrazzjoni fl-Amerika Latina u, min-naħa l-oħra, tal-proċess ta’ sħubija ta’ l-Unjoni mal-pajjiżi kollha u mal-gruppi reġjonali;

18.  Jipproponi li l-Laqgħa Għolja ta' Lima tniedi studju ta' vijabilità dwar il-Ftehima ta' Sħubija Globali Interreġjonali, bil-għan li tinħoloq iz-Zona ta' Sħubija Globali proposta;

Dwar l-Aġenda ta’ Lima għall-qerda tal-faqar, tan-nuqqas ta' ugwaljanza u ta' l-esklużjoni

19.  Jitlob li fil-Laqgħa Għolja ta’ Lima l-Aġenda msemmija tinkludi l-adozzjoni ta’ sensiela limitata ta’ impenji ċari, konkreti u verifikabbli f’dawn it-temi kollha, li minnhom infushom huma kapaċi jagħtu spinta ġdida lis-Sħubija Strateġika u li jtejbu b’mod sostanzjali l-livell ta’ l-għajxien taċ-ċittadini tagħhom taż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikulari lit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi soċjali u lill-integrazzjoni tal-gruppi li bħalissa huma soċjalment emarġinati u mingħajr opportunitajiet, l-ewwelnett fost il-popolazzjoni indiġena;

20.  Iqis li hu fundamentali li ż-żewġ reġjuni jinkludu l-għan tal-koeżjoni soċjali b’mod permanenti, koerenti u prattiku fl-inizjattivi u fil-programmi konġunti kollha tagħhom; jafferma li l-imsieħba Ewro-Latinamerikani għandhom proġett solidari komuni fejn l-ekonomija tas-suq u l-koeżjoni soċjali m’għandhomx ikunu antagonisti iżda kumplimentari;

21.  Jirrakkomanda li l-Aġenda ta’ Lima għall-qerda tal-faqar, in-nuqqas ta' ugwaljanza u l-esklużjoni tinkludi miżuri konkreti bħal:

   azzjonijiet konġunti ffukati fuq l-għan komuni li jintlaħqu l-Objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp sas-sena 2015,
   użu ta’ l-Istrument ta’ Finanzjament tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp ta’ l-Unjoni li jkun adattat għall-ħtiġijiet reali fil-post, fil-miżura li dawn jaffettwaw fil-biċċa l-kbira lill-pajjiżi emerġenti u dawk ta' dħul medju, li għalihom il-koperazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġija, l-edukazzjoni għolja u l-innovazzjoni, kif ukoll il-koperazzjoni ekonomika, għandhom importanza partikulari;
   l-użu progressiv ta’ riżorsi mill-Istrument għall-Promozzjoni tad-Demokrazija u tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-Unjoni għal għajnuniet u programmi maħsuba biex itejbu l-governanza, il-karattru demokratiku ta' l-istituzzjonijiet u l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Amerika Latina;
   il-ftuħ tal-programmi ta' l-UE fl-oqsma tat-taħriġ, l-edukazzjoni, il-koperazzjoni xjentifika u teknika, il-kultura, is-saħħa u l-migrazzjoni, għall-pajjiżi Latinamerikani;
   l-appoġġ għal programmi ta' riformi istituzzjonali u fiskali;
   il-ħolqien ta’ Fond ta' Solidarjetà Bireġjonali,
   iż-żieda fir-riżorsi baġitarji allokati, b’tali mod li jkunu tal-livell ta' l-ambizzjonijiet kbar iddikjarati;

22.  Jitlob li l-imsieħba jadottaw politiki sodi u effiċjenti fl-oqsma tal-governanza demokratika, il-kwistjonijiet soċjali, il-finanzi pubbliċi u t-taxxi, bil-għan li tiżdied il-koeżjoni soċjali u li jonqsu l-faqar, l-inugwaljanzi u l-emarġinazzjoni;

23.  Iqis li l-edukazzjoni u l-investiment fil-kapital uman huma s-sisien tal-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u l-mobilità soċjali; itenni l-appoġġ deċiż tiegħu għall-ħolqien ta’ “spazju komuni ta’ edukazzjoni ogħla UE -ALK”; jenfasizza li kemm fl-Amerika Latina kif ukoll fl-Ewropa, l-Istat għandu jiggarantixxi l-aċċess għall-edukazzjoni, kif ukoll għal servizzi pubbliċi oħra (saħħa, ilma, sigurtà);

24.  Iqis li huwa indispensabbli li tingħata spinta ġdida lill-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp ta’ l-Unjoni lejn l-Amerika Latina li, filwaqt li żżomm il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali bħala element ewlieni, tadotta fokus divrenzjat li jqis id-diversi ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali u l-livell ta’ żvilupp tal-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina;

25.  Iqis li hu indispensabbli, għaldaqstant, li mmorru lil hinn mill-approċċ iffukat biss fuq l-għajnuna fil-koperazzjoni għall-iżvilupp ma’ l-Amerika Latina, bl-attenzjoni ffukata fil-koperazzjoni fl-oqsma tat-teknoloġija, l-edukazzjoni ogħla u l-innovazzjoni u fl-isfruttament tar-riżorsi ġġenerati f’dan il-qasam fil-qafas tas-Seba’ Programm ta’ Qafas;

L-iżvilupp ta’ strateġiji għall-koperazzjoni fil-qasam ta’ politiki dwar il-migrazzjoni

26.  Jipproponi li l-Laqgħa Għolja tniedi djalogu bireġjonali sistematiku dwar il-migrazzjoni li jiggarantixxi l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema migranti, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tagħhom, u li jiżviluppa u japprofondixxi l-koperazzjoni fil-qasam tal-moviment ħieles tal-persuni mal-pajjiżi Latinamerikani ta’ oriġini u ta’ tranżitu, bl-istess kriterju globali u bilanċjat li diġà qed ikun applikat għall-pajjiżi Afrikani, Mediterranji u pajjiżi ġirien ta’ l-Unjoni fil-Lvant u fix-Xlokk;

27.  Jitlob li f’dan id-djalogu tingħata prijorità lill-kwistjonijiet relatati ma’ l-immigrazzjoni illegali u l-possibilitajiet ta’ migrazzjoni legali, b’mod speċjali ma’ dawk il-pajjiżi ta’ oriġini u/jew tranżitu ta’ l-immigranti illegali;

28.  Jipproponi li sa l-2012 jiġu studjati dispożizzjonijiet u regoli komuni b'kamp ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa mhux biss tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital, iżda wkoll tal-persuni, filwaqt li b’mod progressiv tinħoloq l-aktar Sħubija wiesgħa possibbli b’benefiċċju reċiproku u ta’ l-approċċ globali rakkomandat min-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-migrazzjoni;

29.  Itenni l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż eċċessivi attwali tat-trasferimenti tal-flus li l-ħaddiema migranti jibagħtu lejn pajjiżhom, kif ukoll li jiġi appoġġjat ir-ritorn ta’ dawk li jkunu jixtiequ jmorru lura pajjiżhom permezz ta’ programmi li jħarsu d-drittijiet kollha tagħhom u d-dinjità u l-umanità tagħhom;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta Komunikazzjoni li testendi għall-pajjiżi ta' l-Amerika Latina u l-Karibew il-prijoritajiet, l-istrumenti u l-previżjonijiet ta' l-Approċċ Dinji tal-Migrazzjoni stabbilit fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005 u ssuplimentat b’dak ta’ Diċembru 2006;

Dwar l-Aġenda ta’ Lima fir-rigward ta’ l-iżvilupp sostenibbli, u b’mod partikulari l-ambjent, il-bidla tal-klima u l-enerġija

31.  Jirrakkomanda li l-aġenda politika bejn l-UE u l-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina tagħti prijorità lill-koperazzjoni fil-qasam tal-bidla fil-klima u l-politiki għall-prevenzjoni tat-tisħin dinji; ifakkar li l-ifqar persuni, u fuq kollox il-popolazzjonijiet indiġeni, huma l-ewwel vittmi tal-bidla fil-klima u ta’ ambjent degradat;

32.  Ifakkar li s-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina f’dan l-aspett hija ta' importanza ikbar, jekk wieħed iqis l-interess taż-żewġ partijiet fil-promozzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli u l-bilanċ ambjentali, u għalhekk huwa rrakkomandat appoġġ reċiproku għall-inizjattivi rispettivi rigward l-ambjent fil-livell internazzjonali;

33.  Jistieden lill-imsieħba Latinamerikani, fil-każijiet fejn hemm fehmiet differenti dwar id-dettalji tal-miżuri fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima (pereżempju, f'dak li għandu x'jaqsam mat-traffiku ta' l-ajru), biex juru attitudni kostruttiva u biex bl-ebda mod ma jimblukkaw kompletament l-inizjattivi;

34.  Jirrakkomanda lill-imsieħba Ewro-Latinamerikani biex jaħdmu flimkien favur l-adeżjoni mal-Protokoll ta’ Kyoto tal-pajjiżi li jipproduċu ħafna emissjonijiet u li għadhom ma jagħmlux parti mill-Protokoll imsemmi, biex isaħħu u jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fin-negozjati ta’ l-istrumenti internazzjonali dwar it-tisħin dinji, u biex jagħtu spinta kbira lill-kummerċ fl-emissjonijiet bejn iż-żewġ reġjuni;

35.  Iqis li huwa indispensabbli li l-iżvilupp ekonomiku jkun marbut ma’ l-iżvilupp sostenibbli; f’dan il-kuntest, jappoġġja lill-pajjiżi l-aktar żvantaġġati fl-isforz doppju tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu u jżidu l-progress u l-benessri soċjali tagħhom;

36.  Hu favur il-ħolqien ta’ mekkaniżmi komuni u għall-koperazzjoni fil-qasam ta’ l-entitajiet internazzjonali ta’ l-Amerika Latina u l-Karibew (bħall-Organizzazzjoni tat-Trattat ta’ Koperazzjoni ta’ l-Amazonja), bil-għan li jiġi deċiż u ffinanzjat il-ħarsien u l-iżvilupp sostenibbli tar-riżervi naturali l-kbar tal-pjaneta, bħar-reġjun ta’ l-Amazonja, li jinsab fit-territorju ta’ diversi Stati Latinamerikani;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkollabora fil-promozzjoni ta' politiki ambjentali fil-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina; iqis li għandhom jiġu msaħħa l-koperazzjoni u l-livell ta’ l-aħjar prattiki u li dan għandu jkun rifless ukoll fil-finanzjament li tagħti l-UE u fil-politika ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp;

38.  Jitlob li l-Laqgħa Għolja ta’ Lima sabiex issawwar inizjattivi konġunti f’oqsma bħall-bidla fil-klima, id-deżertifikazzjoni, l-enerġija (b’mod partikulari l-enerġija li tiġġedded u l-bijofjuwils), l-ilma, il-bijodiversità, l-imsaġar u l-ġestjoni tal-prodotti kimiċi, imsejsa fuq il-Ftehima ta' Bali;

Dwar it-tisħiħ tal-mekkaniżmi istituzzjonali ta’ promozzjoni u previżjoni

39.  Jirrakkomanda wkoll:

   a)il-ħolqien ta' Fundazzjoni Ewro-Latinamerikana għall-promozzjoni tad-djalogu bejn l-imsieħba, ta' natura pubblika-privata, fuq l-istess linji ta' dawk eżistenti għal zoni ġeografiċi oħra bħall-Asja jew il-Mediterran; jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal proposta konkreta f’dan ir-rigward;
   b)il-ħolqien ta' Ċentru Bireġjonali għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti ddedikat għas-sejbien bikri tal-kawżi ta' kunflitti potenzjali vjolenti u bl-armi, u għall-aħjar mod biex dawn ikunu evitati u biex jinżammu milli eventwalment jaggravaw,
   c)itenni l-proposta tiegħu għall-ħolqien ta’ Osservatorju tal-Migrazzjoni, inkarigat miss-segwitu permanenti u dettaljat tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-flussi migratorji fiz-zona Ewro-Latinamerikana;

40.  Iqis bħala indispensabbli li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija Strateġika, u li tkun żgurata l-inkorporazzjoni xierqa fl-Assemblea Ewro-Latinamerikana tal-Parlament tal-Mercosur li kien kostitwit reċentement;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Presidenza tal-V Laqgħa Għolja UE-ALK, lill-Kunsill ta' l-Unjoni u lill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll lill-Parlamenti ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi kollha ta’ l-Amerika Latina u l-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament Latinamerikan, lill-Parlament ta’ l-Amerika Ċentrali, lill-Parlament Andin u lill-Parlament tal-Mercosur.

(1) ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 569.

Aġġornata l-aħħar: 18 t'April 2008Avviż legali