Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0171/2008

Testi mressqa :

B6-0171/2008

Dibattiti :

PV 24/04/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2008 - 7.1
CRE 24/04/2008 - 7.1

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kDOC 77k
16 t'April 2008
PE401.471v01-00
 
B6‑0171/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Helmuth Markov u Esko Seppänen
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-Istrateġija Annwali ta' Politika tal-Kummissjoni għall-2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Annwali ta' Politika tal-Kummissjoni għall-2009 
B6‑0171/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2009 mhux se jkun hemm biss l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, imma wkoll Kummissjoni ġdida li se tibda l-ħidma tagħha, u li t-tnejn joffru l-opportunità għal bidla tassew fl-istrateġiji politiċi biex jinkisbu l-għanijiet ta' l-UE, bħat-tkabbir u impjiegi aħjar, l-isfidi tal-bidla fil-klima, kif ukoll l-iżvilupp paċifiku u soċjali sostenibbli fl-Ewropa u fid-dinja,

B.  billi s'issa l-UE ma kellhiex il-ħila li ssib tarf tal-problemi tal-qgħad, tal-faqar, tan-nuqqas ta' ugwaljanza u demokrazija, u billi r-reżistenza tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u ta' l-utenti tas-servizzi pubbliċi kontra riformi inġusti fis-sigurtà soċjali, it-tnaqqis fid-dħul, il-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali u r-rilokazzjonijiet ta' l-intrapriżi mħeġġa mill-politika attwali ta' l-UE qegħdin kull ma jmorru jissaħħu,

1.  Jinnota li l-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni huma t-tkabbir u l-impjiegi, il-bidla fil-klima u Ewropa sostenibbli; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li dawn il-prijoritajiet politiċi m'għandhomx l-appoġġ xieraq ta' strateġiji riveduti tal-politiki, u dan iwassal ukoll għal prijoritajiet baġitarji ġodda; hu tal-fehma li tinħtieġ bidla mill-qiegħ dwar il-politiki min-naħa tal-Kummissjoni u mill-UE kollha kemm hi sabiex is-slogan tagħhom stess "Iċ-ċittadin l-ewwel" ma jkunx kontradizzjoni;

2.  Jindika żewġ sfidi importanti għall-aġenda Ewropea: l-isfida soċjali, wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jilleġittimizzaw id-dumping tal-pagi u jillimitaw id-dritt tat-trejdunjons li jiġġieldu kontrih; l-isfida globali, minħabba l-kriżi finanzjarja u dik ta' l-ikel fid-dinja kollha; jitlob li jkun hemm tibdil strutturali fil-mudell ekonomiku u soċjali neoliberali stabbilit fit-Trattati Ewropej, fosthom l-abbozz tat-Trattat ta' Liżbona;

It-tkabbir, l-impjiegi u l-politika ta' koeżjoni

3.  Huwa mħasseb bil-kbir bl-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' liberalizzazzjoni u ta' tneħħija tar-regolamenti f'bosta setturi, u jħeġġeġ li jkun hemm moratorju dwaru, billi dan qiegħed ipoġġi fil-periklu l-impjiegi, il-kwalità tas-servizzi mogħtija u l-ġejjieni tas-servizzi pubbliċi;

4.  Jikkunsidra li hu ta' dispjaċir li l-Istrateġija Annwali ta' Politika tal-Kummissjoni għall-2009 ma toffrix stimolu b'saħħtu la biex titħeġġeġ il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u lanqas biex tinġieb 'il quddiem il-kwalità ta' l-impjiegi; jikkunsidra li l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi jeħtiġilha tpoġġi l-kunċett ta' "xogħol tajjeb" bħala l-punt ta' referenza ċentrali tagħha, u tiffoka b'saħħa fuq il-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol, it-titjib tas-sigurtà soċjali, it-tisħiħ tad-drittijiet attwali tal-ħaddiema u d-dħul ta' oħrajn ġodda, il-promozzjoni ta' kif jistgħu jkunu mmaniġġjati aħjar ir-riskji soċjali u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

5.  Jirrifjuta bil-qawwa t-tentattiv li l-kunċett il-ġdid tal-"flessigurtà" isir l-approċċ li jħaddan kollox għaċ-ċiklu li jmiss ta' tliet snin ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u għal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, billi s'issa għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim fil-Kunsill, biex tirtira l-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u biex tibda proċeduri ta' ksur tar-regoli kontra dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol attwali u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ħin on-call; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal reviżjoni ġdida bil-għan li l-opt-out tispiċċa ftit ftit u jkunu stabbiliti obbligi konkreti għal min iħaddem biex jimplimenta l-arranġamenti għall-ħinijiet tax-xogħol li jippromwovu bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja;

7.  Jagħti appoġġ qawwi lit-talba għal "Klawsola għall-Progress Soċjali" fit-Trattat ta' Riforma ta' l-UE li tistabbilixxi b'mod deċiż li l-libertajiet tas-suq intern għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, l-aktar id-dritt ta' l-istrajk u d-dritt tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom għal azzjoni kollettiva biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għajxien tagħhom 'il fuq mill-istandards minimi; għalhekk, jitlob biex il-proċess ta' ratifika tat-Trattat jiġi pospost;

8.  Jirrifjuta bil-qawwa t-tnaqqis lineari propost ta' EUR 50 miljun mill-kontribuzzjoni Komunitarja lill-aġenziji deċentralizzati sabiex jiżdied il-finanzjament tal-GALILEO; jikkunsidra li l-aġenziji, b'mod speċjali dawk fil-qasam ta' l-impjiegi u l-politika soċjali (id-Dublin Foundation, l-Aġenzija ta' l-OHS ta' Bilbao, is-CEDEFOP, l-ETF, eċċ), ingħatalhom aktar u aktar xogħol dawn l-aħħar snin u bla dubju jeħtieġu l-finanzjament xieraq biex iwettquh;

9.  Jiġbed l-attenzjoni li l-politiki ċċentrati biss fuq il-kompetittività se jkomplu jħarrxu d-differenzi reġjonali u soċjali; jafferma mill-ġdid it-talba tal-Parlament għal evalwazzjoni tas-sistema ta' l-allokazzjonijiet;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jdaħħlu miżuri finanzjarji fil-perspettivi finanzjarji għat-tul li jmiss għall-politiki reġjonali u l-fondi strutturali sabiex jippromwovu l-konverġenza tassew u jgħinu biex jonqsu d-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn ir-reġjuni;

Il-bidla fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli

11.  Jikkunsidra li l-monitoraġġ ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli jrid jittejjeb u jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal indikaturi għas-sostenibilità ta' l-istrutturi għal kull kwistjoni ewlenija marbuta ma' l-ambjent (il-klima/l-enerġija, l-ambjent/is-saħħa, il-mobilità sostenibbli, ir-riżorsi naturali) li għandhom jgħinu biex ikunu identifikati politiki meħtieġa b'urġenza u miżuri li jikkontribwixxu għall-adattament għall-bidla fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni biex iddaħħal l-adattament meta tfassal u timmodifika l-leġiżlazzjoni attwali u dik li għad trid tidħol sabiex jiġu limitati l-effetti tal-bidla fil-klima;

12.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li tkun konkluża ftehima komprensiva internazzjonali ġdida dwar il-bidla fil-klima bħala parti mill-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima sa mhux aktar tard mill-2009 u, f'dan il-kuntest, iqis li hu ta' importanza kbira li jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett enerġija/klima fit-terminu leġiżlattiv attwali; jiġbed l-attenzjoni li l-bidla fil-klima ma tistax tintuża bħala skuża biex jiżdiedu l-miżuri militari u ta' sigurtà;

13.  Jirrikonoxxi li sabiex tintlaqa' l-isfida ta' l-adattament u l-mitigazzjoni, il-ħtiġijiet ta' l-ifqar pajjiżi u ta' dawk l-aktar vulnerabbli huma tali li għandhom ikunu mobilizzati riżorsi sinifikanti minnufih; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-Istati Membri biex, fl-ewwel nofs ta' l-2008, jagħmlu pjan dettaljat għall-implimentazzjoni ta' l-inizjattiva ta' l-Alleanza Globali għall-Bidla fil-Klima, bla ħsara għall-appoġġ għal inizjattivi oħra;

14.  Jemmen li biex jintlaħqu l-miri għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima, għandha tinħoloq sistema ta' l-UE li biha l-impenji għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra jittieħdu fil-livell nazzjonali f'setturi li ma jidħlux fl-Iskema ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet (ETS) bħad-djar, it-trasport, l-agrikultura u l-immaniġġjar ta' l-iskart;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiffinalizza l-Pjanijiet ta' Azzjoni tagħha għall-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (SCP) u għall-Politika għall-Industrija Sostenibbli (SIP) u biex tippreżentahom malajr kemm jista' jkun; jistenna li l-Pjanijiet ta' Azzjoni jkollhom għanijiet u azzjonijiet konkreti kif ukoll jistabbilixxu miri ambizzjużi biex tittejjeb l-effiċjenza ta' l-enerġija u tar-riżorsi u biex jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv;

16.  Jikkunsidra li ftit li xejn sar progress fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Pjan Strateġiku għad-Diversità Bijoloġika u li hemm il-ħtieġa urġenti biex jitħeġġu relazzjonijiet pożittivi bejn l-attivitajiet agrikoli u l-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, kif ukoll biex tissaħħaħ il-bijodiversità tal-foresti permezz ta' l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-ekosistemi;

L-agrikultura

17.  Iqajjem dubji dwar l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-ftehima dwar il-"Health Check" tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) għaliex tissokta bil-metodu tas-"separazzjoni" tas-sussidji mill-produzzjoni, iżżomm id-distribuzzjoni inġusta tas-sussidji fost il-produtturi kif ukoll fost il-pajjiżi, u tippromwovi l-mudell ta' l-"agrikultura intensiva", b'effetti negattivi fuq il-kwalità ta' l-ikel; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni m'hijiex tressaq proposti dwar kif se ssib tarf tal-problemi tal-bdiewa żgħar u ta' daqs medju u li l-għajxien tagħhom jinsab fil-periklu bil-kundizzjonijiet tas-CAP l-ġdida;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terfa' r-responsabilitajiet tagħha dwar is-sikurezza ta' l-ikel billi tgħarraf liċ-ċittadini Ewropej bil-preżenza ta' l-organiżmi modifikati b'mod ġenetiku fil-prodotti għall-konsum; jitlob biex jiġu rtirati l-ispeċi tal-GMOs li diġà ddaħħlu minn xi Stati Membri; jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa ta' l-ikel li jkun fih il-GMOs u jitlob li ssir aktar riċerka dwar dawn ir-riskji; jitlob biex il-prinċipju prekawzjonarju jkun applikat dejjem għall-ikel li jkun fih il-GMOs;

19.  Jenfasizza li l-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa għall-bijokarburanti hija kwistjoni li trid tiġi ttrattata b'urġenza fi ħdan l-UE b'mod li l-miżuri ta' l-UE għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima ma jkollhomx konsegwenzi negattivi fuq il-pajjiżi li huma produtturi tal-bijomassa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun evitat, fl-Unjoni Ewropea u f'postijiet oħra, kull periklu ta' deforestazzjoni, ta' degradazzjoni tal-ħamrija u tar-riżorsi naturali, kif ukoll ta' skarsezza tal-provvisti adegwati ta' l-ikel għall-popolazzjonijiet kollha li jkunu effettwati;

Is-sajd

20.  Jinnota li s-sostenibilità tar-riżorsi tas-sajd hija fundamentali; jisħaq fuq in-nuqqas ta' bilanċ attwali bejn il-qagħda soċjoekonomika u s-sostenibilità ta' l-ambjent; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' l-attivitajiet tas-sajd u ta' industrija tas-sajd li tkun vijabbli; hu tal-fehma li hemm il-ħtieġa li jkun implimentat mekkaniżmu biex jiġu ssussidjati jew ikkumpensati s-sajjieda li jkunu effettwati bil-pjanijiet għall-irkupru tar-riżorsi tas-sajd jew b'miżuri oħra li jipprovdu aktar ħarsien għall-ekosistemi, l-aktar f'reġjuni li huma anqas ivvantaġġjati;

21.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li għandha tħares aktar fil-wisa' meta tieħu miżuri għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu u għat-tkabbir tar-riżorsi tas-sajd li jkunu naqsu, b'mod partikulari billi tikkunsidra u tistudja fatturi oħra li jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-ambjent marittimu u l-istat tar-riżorsi tas-sajd, bħat-tniġġis mal-kosta u 'l barra minnha, id-dranaġġ industrijali u agrikolu, it-tindif tal-ħama f'baħar fond u t-trasport marittimu, biex jikkomplementaw il-metodi attwali ta' l-immaniġġjar; jitlob lill-Kummissjoni għal inizjattiva Komunitarja f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq komunikazzjoni dwar il-linji gwida u proposta għar-reviżjoni ta' l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-prodotti tas-sajd;

Il-baġit

22.   Jiddispjaċih li l-marġnijiet disponibbli skond il-limiti massimi differenti ta' l-ispiża tal-qafas finanzjarju plurijennali ma tantx iħallu wisa' biex ikunu ffinanzjati prijoritajiet soċjali u ambjentali ġodda;

23.  Jikkunsidra li hija neċessità assoluta li ssir preżentazzjoni ċara u trasparenti tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea rigward il-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej dwar kif għandhom jintefqu l-flus ta' l-UE;

24.   Jopponi bil-qawwa talbiet tal-Kunsill għal finanzjament addizzjonali mill-baġit ta' l-UE għall-ispiża militari fil-qafas tal-Politika għas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea;

Il-ġustizzja u l-intern

25.  Iqajjem dubji serji dwar it-twaqqif tas-sistema Ewropea għas-sorveljanza tal-fruntieri "Eurosur" u l-ħtieġa għall-estensjoni ta' l-użu ta' identifikaturi bijometriċi biex ikun hemm kontroll aħjar fil-fruntieri esterni ta' l-UE permezz tas-"sistema dħul-ħruġ" (entry-exit system) li qiegħda tiġi proposta;

26.  Jiddispjaċih għaż-żieda fl-għoti ta' l-aċċess indirett lil awtoritajiet nominati mill-Istati Membri u l-Europol għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u jfakkar fil-ħtieġa urġenti biex tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni ta' qafas tat-tielet pilastru għall-protezzjoni tad-dejta;

27.  Jikkunsidra li m'huwiex xieraq li jingħaqdu f'abbozz wieħed ta' direttiva d-dispożizzjoni għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex ikunu residenti u jaħdmu, u sett komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti b'mod legali, billi dan jista' jimplika trattament differenti għal kategoriji differenti ta' emigranti; jagħti l-appoġġ tiegħu, f'direttiva speċifika li tistabbilixxi d-drittijiet għall-emigranti kollha, għall-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Emigranti Kollha u l-Membri tal-Familji Tagħhom, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1990;

28.  Jopponi l-idea ta' permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex ikunu residenti u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru, kif propost fl-abbozz tad-direttiva ta' l-2007, billi dan jagħti l-possibilità ta' dħul fl-UE lil dawk l-emigranti biss li diġà jkollhom kuntratt tax-xogħol; iqis li l-emigranti kollha għandu jkollhom l-opportunità li jfittxu x-xogħol u jitlob, għalhekk, li jsiru permessi ta' residenza speċifiċi biex iħaffu t-tfittxija għax-xogħol;

29.  Jopponi bil-qawwa li jkun hemm żieda fil-baġit ta' l-Aġenzija Frontex għall-2009; jikkunsidra li l-ebda żieda m'għandha tingħata lill-Aġenzija sakemm il-mandat tagħha ma jiġix irriformat biex jinkludi s-salvataġġ ta' emigranti li jkunu fuq il-baħar u li għandu jkun ipprojbit b'mod espliċitu r-refoulement fil-fruntieri;

30.  Jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-Ftehimiet ta' Riammissjoni huma prerekwiżit obbligatorju għall-konklużjoni tal-Ftehimiet dwar it-Tħaffif tal-Ħruġ tal-Viżi; hu tal-fehma li r-riżultat ta' l-irbit estensiv tal-politika ta' l-emigrazzjoni ta' l-UE ma' l-aġenda tagħha ta' l-affarijiet esteri u ma' dik ekonomika m'għandux ikun il-bini ta' strateġija ta' sigurtà, iżda ta' waħda orjentata fuq in-nies;

Il-bqija tad-dinja

31.  Jinnota li fil-programm tal-Kummissjoni hemm maħsuba l-aċċelerazzjoni tal-ħidma lejn is-sħubija ġejjiena tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skond il-proċess ta' l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni; ifakkar fl-impenji ta' l-UE biex tagħti appoġġ għall-istabilizzazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikulari d-deċiżjonijiet adottati fis-samit ta' Thessaloniki;

32.  Huwa mħasseb dwar il-Missjoni EULEX fil-Kosovo, li qiegħda sseħħ mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jitlob li l-azzjonijiet kollha ta' l-UE fil-Kosovo jkunu konformi bis-sħiħ mar-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tan-NU; jitlob lill-Kummissjoni biex f'dan il-kuntest tirrevedi l-finanzjament tal-Missjoni EULEX u jenfasizza li kull finanzjament ta' proġetti fil-Kosovo għandu jsir b'konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali u mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE;

33.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-qagħda fl-Iraq u fl-Afganistan; hu tal-fehma li l-istabilizzazzjoni tista' tinkiseb biss billi r-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali u l-assistenza għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom jitqiegħdu fil-qalba tal-politika ta' l-UE għal dawn il-pajjiżi;

34.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għall-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani; madankollu, hu mħasseb dwar iż-żieda fl-abitazzjonijiet fix-Xatt tal-Punent u t-tkomplija ta' l-estensjoni tal-ħajt, u jħeġġeġ lill-UE biex tkompli bis-sehem attiv tagħha fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tan-NU u biex isseħħ il-paċi fir-reġjun;

35.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' skrutinju parlamentari fl-oqsma tas-CFSP u l-ESDP, u jitlob li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' kontroll parlamentari għal kull xorta ta' nefqa fl-oqsma tas-CFSP u l-ESPD;

36.  Jiddeplora l-fatt li, fil-programm leġiżlattiv tagħha għall-2009, il-Kummissjoni m'hijiex tagħti attenzjoni biżżejjed għall-politika ta' l-iżvilupp; jiddispjaċih b'mod partikulari li l-kontribut ta' l-UE biex jinkisbu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti lanqas biss jissemma;

37.  Jinnota l-impenn tal-Kummissjoni biex timplimenta r-riżultati tar-Rawnd ta' l-Iżvilupp ta' Doha bħala prijorità u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex qabel tmiem l-2008 tikkonkludi ftehima orjentata fuq l-iżvilupp fin-negozjati li għadhom għaddejjin;

38.  Hu allarmat biż-żieda globali mgħaġġla fil-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel u bir-riskju serju sussegwenti għas-sikurezza ta' l-ikel; huwa mħasseb, madankollu, għax m'hu qiegħed jara l-ebda impenn min-naħa tal-Kummissjoni biex tirreaġixxi għat-taħwid li hawn fis-suq dinji, b'mod partikulari dak ikkawżat miż-żieda mħabbra fid-domanda ta' l-UE għall-bijokarburanti, sabiex il-kriżi tal-ġuħ ma tkomplix sejra għall-agħar għall-fqar;

39.  Jenfasizza li fl-2009 il-proċess ta' l-integrazzjoni reġjonali għar-reġjuni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPA) għandu jibqa' wieħed mill-prinċipji ewlenin ta' l-EPAs, u li dawn l-arranġamenti għandhom ikunu konsistenti mat-tisħiħ ta' l-inizjattivi ta' l-integrazzjoni reġjonali ta' l-ACP stess u jikkontribwixxu għalihom; jikkritika l-Kummissjoni li qiegħda thedded il-kisbiet fl-integrazzjoni reġjonali bil-mod kif qiegħda tmexxi n-negozjati ta' l-EPAs, u jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ amministrattiv, tekniku u finanzjarju għar-reġjuni fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2009;

40.  Jinnota d-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex tagħmel pjan ta' azzjoni bbażat fuq il-Konsensus għall-Assistenza Umanitarja u jemmen li l-UE għandha tiżviluppa inizjattivi biex il-kunċett ta' "responsabilità għall-ħarsien" jibda jaħdem, filwaqt li tingħata preċedenza lill-azzjoni preventiva ċivili u lill-appoġġ għall-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex iwettqu l-obbligi tagħhom għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet tagħhom;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 18 t'April 2008Avviż legali