imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Brian Crowley, Cristiana Muscardini, Adam Bielan, Guntars Krasts, Gintaras Didžiokas, Roberta Angelilli, Bernard Wojciechowski, Ryszard Czarnecki, Konrad Szymański, Mieczysław Edmund Janowski u Mario Borghezio
f'isem il-Grupp UEN
dwar l-Istrateġija Annwali ta' Politika tal-Kummissjoni għall-2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Annwali ta' Politika tal-Kummissjoni għall-2009
B6‑0174/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2004 dwar l-orjentamenti politiċi strateġiċi tal-Kummissjoni Barroso(1),
–
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Annwali ta' Politika għall-2009 (COM (2008)072 finali),
–
wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Qafas(2) dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2005 u d-‘djalogu strutturat’ stabbilit f’dan il-qafas,
–
wara li kkunsidra l-Artikoli 33 u 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi l-Unjoni Ewropea għandha tkun, l-ewwel nett, Komunità ta’ valuri maqsuma u għalhekk għandha taġġorna, terġa' tagħti l-ħajja u timmodernizza valuri li jintirtu bħal dawn,
B.
billi l-Istrateġija ta' Politika tal-Kummissjoni għall-2009 għandha tirrifletti l-kapaċità ta’ l-Unjoni Ewropea mkabbra biex tipproponi u ssib soluzzjonijiet maqsuma li jistgħu jindirizzaw sfidi maqsuma interni u mad-dinja kollha,
C.
billi l-politika pubblika Ewropea tista’ u trid ikollha influwenza reali fl-għajnuna għal ċittadini biex jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà li tinbidel malajr,
D.
billi l-Kummissjoni stabbiliet enfasi soda fuq il-fatt li r-rwol taċ-ċittadin ikun fiċ-Ċentru tal-Proġett Ewropew, fost l-oħrajn permezz tat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa, ir-riċerka għal impjieg u l-promozzjoni għal kundizzjonijiet tas-saħħa aħjar fil-pajjiżi tagħna,
E.
billi l-implimentazzjoni u t-tlestija ta’ suq uniku modern, bl-eliminazzjoni ta’ l-ostakoli li għadhom jeżistu għal moviment ħieles tal-persuni, servizzi u ħaddiema jikkostitwixxu għodda vitali importanti għall-kompetittività globali ta’ l-Ewropa,
F.
billi s-sigurtà, il-ġustizzja, is-sikurezza u l-protezzjoni taċ-ċittadini fl-Ewropa hija mira stabbilita mill-Unjoni Ewropea u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea fil-Programmi ta’ Ħidma tal-passat tagħha,
G.
billi t-tkabbir u l-impjiegi, u l-opportunità li dawn joħolqu, jridu jkunu fil-qalba ta’ l-aġenda tal-Kummissjoni għall-Ewropa għax huma kundizzjoni essenzjali għal prosperità ekonomika, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli u huma kriterju ewlieni li bih iċ-ċittadini se jiġġudikaw jekk l-Ewropa hix tipprovdi riżultati fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum,
H.
billi l-enerġija, u b’mod partikulari enerġiji li jerġgħu jiġġeddu, iridu jitqiesu bħala qasam strateġiku għall-futur ta’ l-Unjoni Ewropea biex timmaniġġja l-bidla fil-klima u tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista ta’ materjali primi,
billi l-Unjoni Ewropea għandha tassumi rwol maġġuri bħala protagonist ewlieni fl-affarijiet globali, b'mod speċjali f'oqsma ewlenin bħal-Lvant Nofsani u l-Balkani,
J.
billi waħda mill-isfidi maġġuri għall-Kummissjoni hija t-tagħmir ta’ l-Ewropa biex timmaniġġja l-globalizzazzjoni u tikkompeti f’ekonomija dinjija li nbidlet b’mod radikali f’dawn l-aħħar snin bi protagonisti ġodda u sinifikattivi,
K.
billi l-Unjoni Ewropea għandha tuża r-riżorsi finanzjarji disponibbli biex tilħaq prijoritajiet politiċi billi tiżgura kwalità u effettività ta’ l-ispejjeż fil-leġiżlazzjoni Ewropea,
L.
billi l-multilingwiżmu, u għalhekk il-promozzjoni tad-diveristà kulturali, għandhom ikunu wieħed mill-passi ewlenin tal-politika kulturali ta’ l-Unjoni Ewropea mkabbra,
M.
waqt li jitqies li xejn ma jissottovaluta l-appoġġ għall-Unjoni Ewropea mill-każi ta' mmaniġġjar żbaljat, nuqqas ta' kompetenza jew il-frodi,
1.
Jilqa’ l-orjentament ġenerali propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, li jsegwi l-orjentamenti preċedenti u jqis it-tħassib attwali u l-aspirazzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll ir-riżultat ta’ ġabra ta’ dibattiti mwettqa fil-kumitati tal-Parlament fi ħdan il-qafas tad-djalogu strutturat il-ġdid, u jenfasizza l-iffukar politiku tiegħu u r-relevanzza tal-prijoritajiet politiċi tiegħu;
Prijoritajiet għall-2009
Il-ħolqien ta’ Ewropa tal-valuri
2.
Iqis li bosta valuri - bħal fost l-oħrajn il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem - huma komuni għall-Istati Membri f’Unjoni li fiha jiddominaw il-pluraliżmu, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;
3.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tafferma b’mod kostanti u tippromwovi dawn il-valuri u konvinzjonijiet fl-istrateġija ta' politika tagħha u b'hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fid-djalogu tagħha ma' kulturi oħrajn u b'mod aktar ġenerali fir-rwol tagħha fid-dinja;
It-tkabbir u l-impjiegi
Riċerka u żvilupp
4.
Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-‘soċjetà tat-tagħrif hija pass ewlieni ta’ l-istrateġija tat-tkabbir u l-impjiegi’; iqis li l-kisba tal-miri ambizzjużi ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona jeħtieġu approċċ ġdid għal żvilupp u promozzjoni ta’ riċerka, b’mod partikulari f’oqsma ta’ teknoloġija għolja, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-innovazzjoni u t-taħriġ għal tul il-ħajja; jemmen li investiment xieraq fit-tagħrif jista' joħloq ekonomija aktar prospera li tista' tissielet problemi bħal faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad u li jista' jiżgura protezzjoni aħjar tal-ħaddiema;
5.
Jenfasizza d-diffikultajiet li jistgħu jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fir-rigward ta’ l-integrazzjoni ekonomika u soċjali meta jħallu l-edukazzjoni u jidħlu fis-suq tax-xogħol, u jqis li miżuri speċifiċi huma meħtieġa f’dan il-qasam, b’mod partikulari li jqisu n-neċessitajiet ta’ xi kategoriji li għadhom żvantaġġati bħal persuni b’diżabilità u n-nisa;
6.
Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tilħaq miri għar-rata ta’ xogħol stipulata fl-istrateġija ta’ Liżbona; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa approċċ komuni lejn modi ta’ ‘flexicurity’, li għandhom jippromwovu, min-naħa, aktar flessibilità fis-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, sigurtà għal ħaddiema li tista’ tkun meħtieġa biex jintlaħqu effetti ekonomiċi aħjar;
7.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċ komuni għal sfidi li jirriżultaw minn bidla demografika; jemmen li l-aqwa mod biex jintlaħqu dawn l-isfidi huwa bl-introduzzjoni ta’ politiki xierqa li jappoġġjaw familji kif ukoll b’miżuri li jirrikonċiljaw il-ħtiġijiet tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq qafas għal skambju ta’ l-aqwa prattiki f’dan il-qasam;
Is-suq intern
8.
Jenfasizza b’mod qawwi l-importanza li jkun sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku permezz tal-finalizzazzjoni ta’ l-Istrateġija tas-Suq Uniku għall-2007-2014; Iqis li sistemi kompetittivi tat-taxxa jistgħu jeżistu flimkien ġewwa s-suq uniku u li huma għodda valida biex ikunu promossi effetti ta’ benefiċċju għal konsumaturi u għal kumpaniji;
9.
Jappoġġja ż-żewġ prijoritajiet indikati mill-Kummissjoni f’dan il-qasam - sett ta’ regoli moderni u ħfief tal-liġi tal-kumpaniji li jnaqqsu l-burokrazija waqt li jiżguraw tmexxija korporattiva soda u riforma tar-regoli Ewropej tal-proprjetà intellettwali li jippromwovu innovazzjoni u jippremjaw lil dawk li juru innovazzjoni;
Agrikoltura
10.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tilħaq l-Istrateġija ta’ l-UE għall-Bijomassa u l-Bijofjuwils biex tiffaċilita l-użu ta’ enerġija li terġa' tiġġedded biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza fl-enerġija;
11.
Jenfasizza li politiki ta’ żvilupp rurali għandhom ikunu punt ewlieni fit-titjib tal-kompetittività u s-sostenibilità ambjentali tas-settur agrikolu u fi spinta qawwija ta’ l-impjiegi u t-tkabbir f’oqsma relatati ta’ l-ekonomija;
Ewropa sostenibbli
12.
Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni lejn trasport Ewropew sostenibbli f'termini ta' enerġija u ambjent billi tinkoraġġixxi politika favur l-ambjent fis-settur tat-trasport; jenfasizza li huwa meħtieġ li jingħaqdu firxa ta' politiki ta' appoġġ reċiprokament u korrettivi biex jinstab bilanċ ġust fost mobilità sostenibbli, importanza tas-settur tat-trasport f'termini ekonomiċi u f'aspetti ambjentali;
13.
Jenfasizza li rwol tat-trasport marittimu fis-sistema ekonomika Ewropea sħiħa għandu jkun aktar tisħiħ u għalhekk jilqa’ l-iżvilupp tal-Politika Marittima Integrata ġdida ta’ l-UE u jħares ‘il quddiem għal implimentazzjoni effettiva tagħha, kif ukoll aktar proposti, miżuri u politiki prattiċi b’mod ġenwin f’dan is-settur;
14.
Jenfasizza li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-passiġġier għandha tkun aktar ċentrali, b’mod speċjali protezzjoni tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw distanzi twal bix-xarabank u bil-kowċ, kif ukoll passiġġieri ferrovjarji u bil-baħar;
15.
15. Jenfasizza l-importanza ta’ żvilupp b’suċċess ta’ sistemi ta’ mmaniġġjar tat-traffiku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem lejn żvilupp ta’ Riċerka ta’ Mmaniġġjar tat-Traffiku ta’ l-Ajru tas-Sema Ewropea Unika (SESAR) u s-Sistema ta’ Mmaniġġjar tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew (ERTMS);
16.
Jenfasizza l-ħtieġa li tkun protetta l-bijodiversità fiha nnifisha minn pressjoni umana, mit-tniġġis, minn degradazzjoni tal-ħamrija u l-bidla fil-klima u jqis li huwa essenzjali li jintegra l-bijodiversità f’oqsma oħra tal-politika bħal agrikoltura, protezzjoni tal-ħamrija tal-bijofjuwils. Jitlob għat-twaqqif fil-livell Ewropew ta’ miri ċari li jitkejlu li jippermettu li s-sitwazzjoni tkun monitorjata u jistieden għal azzjoni urġenti u konkreta għal konformità ma' l-objettiv ta' l-UE li jitwaqqaf in-nuqqas tal-bijodiversità sa l-2010;
17.
Itenni mill-ġdid is-sinifikat strateġiku ta’ l-enerġija għall-futur ta’ l-UE; f'dan ir-rigward iqis li l-inizjattivi tal-Kummissjoni li jilliberalizzaw is-suq ta’ l-enerġija huma suġġett għall-ħolqien ta’ suq ta’ l-enerġija effettiv u kompetittiv; iqis ukoll li sseħħ distinzjoni bejn l-evoluzzjoni tas-suq ta' l-enerġija elettrika u s-suq tal-gass;
18.
Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li timmira li timplimenta l-użu ta’ enerġiji li jerġgħu jiġġeddu fl-Unjoni Ewropea; iżda huwa mgħaraf li s-suċċess ta' din l-istrateġija jiddependi b'mod prinċipali fuq il-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea li tikkonvinċi l-imsieħba fid-dinja, u b'mod partikulari l-protagonisti ewlenin, biex jaqblu ma' strateġija bħal din; u għalhekk jenfasizza li l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda, turi solidarjetà f'dan il-qasam;
19.
Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Pjan ta’ azzjoni adottat mill-Kummissjoni biex itejjeb is-suq ta' l-enerġija, biex jaċċellera l-użu tat-teknoloġiji ġodda, biex jiddiversifika u jiżgura provvisti, biex jikkontrolla t-talba u jippromwovi effiċjenza fl-enerġija, b’mod partikulari permezz ta’ koordinazzjoni aħjar ta’ politiki ta’ enerġija nazzjonali;
Approċċ integrat għal emigrazzjoni
20.
Iqis li l-emigrazzjoni u l-integrazzjoni soċjali huma żewġ naħat mill-istess munita u jirrappreżentaw sfidi ewlenin; f’dan ir-rigward jappoġġja l-iżvilupp ta' politika ta' emigrazzjoni komuni, inklużi politiki ta’ edukazzjoni u integrazzjoni biex jistabbilixxu qafas ċar u sikur għal emigranti ekonomiċi, b’mod partikulari ħaddiema tas-sengħa, li jiċċaraw l-obbligi u d-drittijiet tagħhom;
21.
Iqis li r-riżultat ta’ l-integrazzjoni jiddependi wkoll fuq azzjoni effettiva kontra emigrazzjoni illegali u traffikar ta’ persuni; f’dan ir-rispett jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha b'għodod komuni u jemmen li l-Aġenzija tal-Fruntieri Esterni jista' jkollha rwol maġġuri f'dan il-qasam permezz tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza ġdida;
22.
Jilqa’ l-ħsieb tat-tlestija tal-Politika Ewropea Komuni ta’ l-Ażil sa l-2010 u jqis li huwa meħtieġ li din tkun kumplimentata bid-Direttiva tal-KE dwar standards komuni u proċeduri fl-Istati Membri biex ikunu ritornati ċittadini ta’ pajjiż terz residenti illegalment, biex tiżgura mmaniġġjar aħjar ta’ flussi migratorji;
Iċ-ċittadin l-ewwel
Saħħa, ġlieda kontra diskriminazzjoni, aspetti soċjali, evoluzzjoni ta’ l-internet
23.
Jappoġġja l-inizjattivi ta’ valur għoli mwettqa mill-Kummissjoni biex tiggarantixxi dritt għal kura tas-saħħa għaċ-ċittadin Ewropew u biex tistabbilixxi standards ta’ kwalità għolja għal trattament tal-pazjent; jinsisti dwar l-importanza tal-proposta għal direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali u jistieden lill-Kummissjoni biex tevita aktar dewmien fil-preżentazzjoni tal-proposta; għalhekk, jilqa’ inizjattivi dwar donazzjoni ta’ organi u trapjanti kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni dwar Sikurezza tal-Pazjent;
24.
Jirrikonoxxi l-valur miżjud Ewropew fl-indirizzar fil-livell Komunitarju fatturi determinanti ta’ mard rari, qsim ta’ kompetenza u informazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ Politika Ewropea ta’ riċerka dwar mard rari;
25.
Jenfasizza r-rwol ewlieni ta’ l-Unjoni Ewropea fil-livell internazzjonali fil-promozzjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali, u jaqbel li għas-sena li jmiss għandhom ikunu diretti sforzi lejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-Bidla fil-Klima wkoll permezz ta' approvazzjoni rapida u li seħħ qbil dwarha tal-pakkett tal-Klima u l-Enerġija;
26.
Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni rigward id-drittijiet tat-tfal u għalhekk il-protezzjoni tagħhom, inklużi r-riskji magħquda ma' sħubija mhux korretta u mingħajr diskriminazzjoni ma' xi programmi fl-użu ta' l-internet, u jistieden lill-Kummissjoni biex tqishom fil-politika ta' strateġija tagħha;
27.
Jilqa’ l-Green Paper dwar trasport urban li jiġbor fil-qosor kemm jista’ jkun aspetti ta' mobilità urbana u jappoggja l-involviment komprensiv ta' dawk ikkoncernati fil-process ta' formazzjoni ta' opinjoni u t-tfassil ta' politiki ta' l-UE fil-futur ta’ trasport urban; jenfasizza li jeħtieġ li jinstabu aktar tweġibiet konkreti dwar liema rwol għandu jkollha l-UE fi kwistjonijiet ta’ trasport urban u kif hija għandha tipproċedi;
Edukazzjoni
28.
Iqis li l-Kummissjoni għandha tkompli tiffoka l-attenzjoni ta’ ċittadini fuq l-importanza ta’ diversità kulturali u għalhekk djalogu bejn kulturi f'Unjoni mkabbra; iqis li d-djalogu interkulturali għandu jkun imsaħħaħ ukoll barra l-fruntieri Ewropej u jsir pont li jiffavorixxi komprensjoni reċiproka u għalhekk jgħin il-prevenzjoni jew riżoluzzjoni ta' konflitti soċjali u umani;
Sigurtà ta’ ċittadini
29.
Jappoġġja l-ħsieb ta’ l-UE li tiġġieled il-kriminalità u l-vjolenza biex tipproteġi ċ-ċittadini, u li għal dan il-għan ikunu segwiti infurzar tal-liġi u investigazzjoni kriminali fi ħdan l-UE; f’dan ir-rigward, peress li s-sigurtà hija ċentrali għal benessri ta’ l-Ewropej, huwa jappoġġja wkoll il-miżuri li l-Kummissjoni trid timplimenta biex tiġġieled it-terroriżmu, il-propaganda terroristika u t-trażmissjoni ta’ kompetenza - bħal splussiv - għal skopijiet terroristiċi, ukoll bil-ġlieda kontra l-kriminalità cyber fil-forom kollha tagħha;
L-Ewropa bħala msieħba dinjija
30.
Jitlob li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ ir-rwol politiku tagħha fl-affarijiet tad-dinja biex hija tkun tista’ tagħti kontribuzzjoni maġġuri biex tiżgura paċi u stabilità madwar id-dinja kollha, b’mod partikulari f’xi oqsma ewlenin bħal-Lvant Nofsani, il-Kosovo u l-Afghanistan;
31.
Iqis li fi ħdan l-attività diplomatika tal-Kwartett l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar donatur ta’ assistenzza għal Palestinjani, jista' jkollha rwol maġġuri fil-Lvant Nofsani biex ittemm il-vjolenza, fil-promozzjoni tat-tkomplija mill-ġdid tal-proċess politiku li rriżulta mill-Konferenza ta’ Annapolis u fil-persważjoni tal-partijiet ikkonċernati biex jaqblu ma’ djalogu bażiku biex jonoraw l-obbligi tagħhom skond il-Pjan Direzzjonali;
32.
Iqis li l-Politika tal-Viċinanzi ta’ l-UE hija strateġija ewlenija għal relazzjonijiet mal-Ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar ta’ l-Unjoni u se tiffaċilita l-ħolqien u l-estensjoni ta’ zona komuni ta’ paċi, stabilità, sigurtà, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prosperità tista’ tkun maħluqa u estiża; jenfasizza l-importanza ta’ tisħiħ ta’ l-ENP u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti importanza kbira lill-valuri demokratiċi meta tirrevedi l-progress ta’ implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ l-ENP attwali u meta ġġedded dawn il-Pjanijiet u Ftehimiet ta’ Azzjoni li se jiskadu;
33.
Itenni t-talba tiegħu għal Ftehima Msaħħa ġdida u komprensiva ma’ l-Ukranja fl-2007, biex tiffunzjona bħala suċċessur tal-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni, u jenfasizza li l-Ftehima l-ġdida għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar valuri komuni, koperazzjoni msaħħa fil-ġustizzja, libertà u sigurtà, speċifikazzjonijiet estensivi fl-enerġija u koperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħat-trasport u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonkludi negozjati ma’ l-Ukranja fl-2009;
34.
jinnota li l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni KE-Russja attwali skada fl-2007 u jirrepeti s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi d-demokrazija, d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ l-espressjoni fil-qalba tal-PA UE-Russja ġdida;
35.
Jikkundanna bil-qawwi r-reġim tal-Belarus, li huwa l-aħħar dittatorjat fl-Ewropa għall-arresti arbitrarji tiegħu ta’ attivisti ta’ l-oppożizzjoni u s-sikkatura tiegħu fuq il-midja indipendenti, għall-attakki fuq attivisti ta’ minorità u tad-drittijiet tal-bniedem u kapijiet reliġjużi, it-trattament krudil ta’ priġunieri, sparizzjonijiet, il-persekuzzjoni politika motivata u għal atti oħra ta’ repressjoni li jiksru l-prinċipji bażiċi tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
36.
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex joħolqu programm ta’ boroż ta’ studju, żjarat u prijorità għal NGOs u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ minorità mill-Belarus; jenfasizza l-importanza li tkun offruta informazzjoni ta’ kwalità għolja u indipendenti lill-pubbliku tal-Belarus; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu assistenza finanzjarja lill-inizjattivi ta’ xandir tal-midja ħielsa bħal BELSAT TV li bħalissa huma finanzjati mill-Polonja biss; jistieden lill-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi politiċi fil-PE biex iżidu l-kuntatti tagħhom ma’ u l-appoġġ politiku għall-oppożizzjoni tal-Belarus;
37.
Jenfasizza li r-relazzjoni tranżatlantika jrid ikollha status ta’ prijorità li għandu jkun imsaħħaħ bi ftehima ta’ qafas f’saħħitha; itenni li l-UE u l-Istati Uniti, bħala qawwiet ta’ sinifikat globali, għandhom responsabilità li jikkoperaw biex jipprovdu gwida fid-dinja bil-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità, jirrispondu għal sfidi globali, jikkontribwixxu għall-espansjoni tal-kummerċ dinji u l-bini tad-demokrazija u l-iżvilupp madwar id-dinja;
38.
Jenfasizza l-ħtieġa għal Strateġija ta’ l-UE tal-Baħar Baltiku biex iżid il-koperazzjoni u l-integrazzjoni tal-pajjiżi f’din iz-zona;
Tkabbir
39.
Jenfasizza li l-politika ta’ tkabbir ta’ l-Unjoni għandha tkun immirata lejn l-estensjoni tal-paċi u l-istabilità, il-prosperità, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Ewropa; jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li konsolidament, kundizzjonalità u komunikazzjoni huma l-prinċipji ewlenin li jiggwidaw għall-Istrateġija ta' Tkabbir ta' l-UE;
40.
Jenfasizza li n-negozjati ta’ sħubija mal-Kroazja deħlin fi stadju deċiżiv; jispera li sforzi miżjuda ta’ negozjati mwettqa mill-Kroazja u appoġġ imsaħħaħ mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE jistgħu jwasslu għal deċiżjoni finali dwar is-sħubija fl-UE tal-Kroazja qabel l-elezzjoni Ewropea li jmiss fl-2009 ladarba jintlaħqu r-rekwiżiti kollha għal sħubija;
41.
Jistieden lill-Kummissjoni, biex permezz tal-mezz ta’ Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tappoġġja u żżomm il-pass lejn sħubija fl-UE fil-futur ta’ l-Istati tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Kosovo bħala Stat indipendenti, b’mod partikulari permezz ta’ l-iskjerament ta’ strumenti tal-Komunità u appoġġ għal proċess ta’ riforma tal-Kosovo;
Politika ta’ żvilupp
42.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw biex jilħqu l-Miri ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDG) biex, l-ewwel nett, inaqqsu l-faqar estrem, u biex jiġġieldu l-HIV/AIDS u l-malarja, inaqqsu l-mortalità fit-tfal u jiksbu edukazzjoni primarja universali;
43.
Jilqa’ l-Kunsens Ewropew dwar għajnuna umanitarja bħala espressjoni ta’ solidarjetà bejn il-ġnus u mezz fundamentali biex tipprovdi reazzjoni ta’ emerġenza biex tippreserva l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem;
Politika tal-kummerċ
44.
Jinnota b’interess qawwi ta’ l-aġenda dwar il-kompetittività tal-Kummissjoni għall-politika tal-kummerċ tal-futur ta’ l-UE bl-inizjattivi relatati; iqis, f’dan il-qafas, li strateġija komprensiva ġdida dwar iċ-Ċina, strateġija globali għal protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-tiġdid ta’ l-istrateġija ta’ l-aċċess tas-suq ta’ l-UE, miżuri stretti biex jiġġieldu l-piraterija u programm ta’ ftehimiet ġodda ta’ kummerċ bilaterali ħieles, li jidhru bħala għodda strateġika kumplimentari ta' l-approċċ multilaterali, se jirrappreżentaw sfidi serji ħafna fil-politika tal-kummerċ fl-2009;
45.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti l-konklużjonijiet tan-negozjati fis-seħħ differenti dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika biex tiffirmahom mal-gruppi reġjonali ta’ l-ACP; jikkonferma t-twemmin tiegħu li l-EPAs huma strument għal promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-avvanz ta' l-ekonomiji ta' l-ACP, appoġġjar ta' l-integrazzjoni reġjonali, tneħħija tal-faqar u integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi ta' l-ACP fl-ekonomija dinjija;
Kwistjonijiet orizzontali
Kwistjonijiet baġitarji
46.
Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq sforzi kontinwi biex tgħolli l-kwalità tal-programmi ġodda u proġetti li huma finanzjati mill-UE fil-kuntest tal-Perspettivi Finanzjarji ġodda u biex taħdem biex ittejjeb l-immaniġġjar sod tal-baġit u l-aqwa valur għal flus;
47.
Jinsisti dwar il-fatt li l-Kummissjoni għandha tqis b'kura partikulari l-użu tar-riżorsi finanzjarji, billi tiffoka aħjar fuq riżorsi baġitarji u umani u jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza u disponibilità ta’ riżorsi finanzjarji xierqa bejn prijoritajiet strateġiċi u deċiżjonijiet baġitarji;
48.
Iqis li regolamentazzjoni aħjar hija wkoll komponent ewlieni tar-reazzjoni għal globalizzazzjoni u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq diskussjonijiet ma’ msieħba ewlenin dwar koperazzjoni regolatorja, konverġenza u ekwivalenza ta’ regoli;
49.
Huwa konxju li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ l-UE jeħtieġu sħubija u impenji mill-Istati Membri għal programmi ta’ riforma tagħhom; iżda jqis li l-Kummissjoni għandha dover centrali li tghin lil Stati Membri biex jippromwovu u jiżviluppaw b’mod attiv politika maġġuri ta’ l-UE; iqis li l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda hija eżempju tar-rwol li jista' jkollha l-Kummissjoni;
It-tressiq taċ-ċittadini aktar fil-qrib ma’ l-Ewropa
50.
Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tikkomunika maċ-ċittadini Ewropej u biex tispjega l-proġett Ewropew, kif ukoll it-Trattat il-ġdid, biex iżżid il-viżibilità ta’ l-UE, inkluż il-Parlament Ewropew f’dan il-proċess;
51.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.